Language of document : ECLI:EU:T:2021:763

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

10 ta’ Novembru 2021 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Tiftix ġenerali u tiftix speċjalizzat ta’ prodotti fuq l-internet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Abbuż permezz tal-effett ta’ lieva – Kompetizzjoni abbażi tal-mertu jew prattika antikompetittiva – Kundizzjonijiet ta’ aċċess mill-kompetituri għal servizz ta’ impriża dominanti li l-użu tiegħu ma jistax effettivament jiġi ssostitwit – Dehra ffavorita mill-impriża dominanti tar-riżultati tas-servizz rispettiv tagħha ta’ tiftix speċjalizzat – Effetti – Neċessità li jiġi stabbilit xenarju kontrofattwali – Assenza – Ġustifikazzjonijiet oġġettivi – Assenza – Possibbiltà li tiġi imposta multa fid-dawl ta’ ċerti ċirkustanzi – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑612/17,

Google LLC, li kienet Google Inc., stabbilita f’Mountain View, California (l-Istati Uniti),

Alphabet, Inc., stabbilita f’Mountain View,

irrappreżentati minn T. Graf, R. Snelders, C. Thomas, K. Fountoukakos-Kyriakakos, avukati, R. O’Donoghue, M. Pickford, QC, u D. Piccinin, barrister,

rikorrenti,

sostnuti minn

Computer & Communications Industry Association, stabbilita f’Washington, DC (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. Killick u A. Komninos, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, N. Khan, A. Dawes, H. Leupold u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, S. Heimerl u S. Costanzo, bħala aġenti,

minn

L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn C. Zatschler u C. Simpson, bħala aġenti,

minn

Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn A. Fratini, avukat,

minn

Infederation Ltd, stabbilita f’Crowthorne (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Morfey, S. Gartagani, L. Hannah, A. D’heygere, K. Gwilliam, solicitors, u T. Vinje, avukat,

minn

Kelkoo, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J. Koponen u B. Meyring, avukati,

minn

Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Höppner, professur, P. Westerhoff u J. Weber, avukati,

minn

Visual Meta GmbH, stabbilita f’Berlin, irrappreżentata minn T. Höppner, professur, u P. Westerhoff, avukat,

minn

BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, li kienet Bundesverband Deutscher Zeitungsverleger  eV, stabbilita f’Berlin, irrappreżentata minn T. Höppner, professur, u P. Westerhoff, avukat,

u minn

Twenga, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn L. Godfroid, S. Hautbourg u S. Pelsy, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4444 finali tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Kawża AT.39740 – Google Search (Xiri), u, sussidjarjament, għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal‑multa li kienet imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise (Relatur), R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratiċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12, 13 u l-14 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Ilkuntest

1        Google LLC, li kienet Google Inc., hija kumpannija Amerikana speċjalizzata fil-prodotti u s-servizzi marbuta mal-użu tal-internet. Hija magħrufa prinċipalment għall-mutur ta’ tfittxija tagħha, li jippermetti lill-utenti tal-internet (iktar ’il quddiem imsejħa wkoll, skont il-kuntest, l-“utenti” jew il-“konsumaturi”) li jsibu u jaċċedu, bil-browser li jużaw u permezz ta’ hyperlinks, is-siti internet li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. B’effett mit‑2 ta’ Ottubru 2015, Google LLC hija sussidjarja 100 % ta’ Alphabet, Inc., il-kumpannija prinċipali aħħarija (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, “Google”).

2        Il-mutur ta’ tfittxija ta’ Google, aċċessibbli fl-indirizz www.google.com, jew f’indirizzi simili b’estensjoni nazzjonali, jippermetti li jinkisbu riżultati ta’ tiftix ippreżentati fuq paġni li jidhru fuq l-iskrin tal-utenti tal-internet. Dawn ir-riżultati huma jew magħżula mill-imsemmi mutur skont kriterji ġenerali u dan mingħajr ħlas lil Google mingħand is-siti llinkjati magħhom sabiex jidhru (iktar ’il quddiem ir-“riżultati ta’ tiftix ġenerali” jew ir-“riżultati ġeneriċi”), jew magħżula skont loġika speċjalizzata għat-tip ta’ tiftix li jsir (iktar ’il quddiem ir-“riżultati ta’ tiftix speċjalizzat”). Ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat jistgħu, jekk ikun il-każ, jidhru mingħajr xi intervent partikolari tal-utent tal-internet mar-riżultati ta’ tiftix ġenerali fuq l-istess paġna (iktar ’il quddiem il-“paġna[/i] tar-riżultati ġenerali)” jew inkella jidhru waħidhom wara mistoqsija tal-utent tal-internet magħmula minn paġna speċjalizzata tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google jew wara l-attivazzjoni ta’ links li jinsabu f’ċerti partijiet tal-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Google żviluppat diversi servizzi ta’ tiftix speċjalizzat, pereżempju għall-attwalità, għal informazzjoni u għal offerti kummerċjali lokali, għall-vjaġġi bl-ajru jew għax-xiri ta’ prodotti. Hija din l-aħħar kategorija li hija inkwistjoni f’din il-kawża.

3        Is-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat għax-xiri tal-prodotti (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ tqabbil tax-xiri” jew it-“tqabbil tax-xiri”) ma jbigħux prodotti huma stess, iżda jqabblu u jagħżlu offerti ta’ bejjiegħa fuq l-internet li joffru l-prodott imfittex. Dawn il-bejjiegħa jistgħu jkunu bejjiegħa diretti jew pjattaformi ta’ bejgħ li jiġbru flimkien l-offerti ta’ diversi bejjiegħa u li mingħandhom jista’ jiġi ordnat immedjatament il-prodott imfittex (li minnhom eBay, Amazon, PriceMinister jew il-Fnac huma fost l-iktar magħrufa).

4        Bħar-riżultati ta’ tiftix ġenerali, ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat jistgħu jkunu riżultati, xi drabi kkwalifikati bħal “naturali”, li ma humiex koperti bi ħlas mis-siti tal-internet illinkjati magħhom, anki jekk dawn huma siti ta’ bejgħ. L-ordni li fiha dawn ir-riżultati naturali huma murija fil-paġni tar-riżultati hija wkoll indipendenti minn ħlasijiet.

5        Fil-paġni tar-riżultati ta’ Google, bħal f’dawk ta’ muturi ta’ tfittxija oħra, jidhru wkoll riżultati li huma, għall-kuntrarju, marbuta ma’ ħlasijiet magħmula mis-siti internet illinkjati magħhom. Anki dawn ir-riżultati, magħrufa bħala “reklami” (“ads” fil-qosor bl-Ingliż) huma relatati mat-tiftix li sar mill-utent tal-internet u huma distinti mir-riżultati naturali ta’ tiftix ġenerali jew ta’ tiftix speċjalizzat, pereżempju bil-kliem “reklam” jew “sponsorizzat”. Huma jidhru kemm f’partijiet partikolari tal-paġni tar-riżultati, jew fost ir-riżultati l-oħra. Huma jistgħu jkunu riżultati ta’ tiftix speċjalizzat u, fil-fatt, uħud mis-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ta’ Google huma bbażati fuq sistema ta’ inklużjoni bi ħlas. Il-wiri tagħhom huwa marbut ma’ impenji ta’ ħlas minn persuni li jirreklamaw meħuda fil-kuntest ta’ rkanti. Jekk ikun il-każ, jiġu applikati kriterji ta’ selezzjoni addizzjonali. Il-persuni li jirreklamaw jirremuneraw lil Google meta utent tal-internet jagħfas fuq, u b’hekk jattiva, il-hyperlink li tinsab fir-reklam tagħhom, li tibagħtek għas-sit tal-internet rispettivi tagħhom.

6        Il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google jistgħu jinkludu jew inkludew it-tipi kollha ta’ riżultati msemmija fil-punti 2 sa 5 iktar ’il fuq. Kif spjegat ukoll fil-punt 2 iktar ’il fuq, ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat, kemm jekk huma naturali kif ukoll jekk huma reklami, jistgħu wkoll jidhru waħidhom fuq paġna tar-riżultati speċjalizzata fuq talba tal-utent tal-internet magħmula minn paġna ta’ tiftix speċjalizzat tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google jew wara l-attivazzjoni ta’ links li jinsabu f’ċerti partijiet tal-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha.

7        Muturi ta’ tfittxija oħra minbarra ta’ Google joffru jew offrew servizzi ta’ tiftix ġenerali u servizzi ta’ tiftix speċjalizzat, bħal Alta Vista, Yahoo, Bing jew Qwant. Barra minn hekk, jeżistu muturi ta’ tfittxija speċifiċi għat-tqabbil tax-xiri bħal Bestlist, Nextag, IdealPrice, Twenga, Kelkoo jew Prix.net.

8        Skont l-ispjegazzjonijiet mhux ikkontestati pprovduti minn Google, hija bdiet tipprovdi lill-utenti tal-internet servizz ta’ tqabbil tax-xiri fl-2002, wara jew fl-istess żmien bħal muturi ta’ tfittxija oħra bħal Alta Vista, Yahoo, AskJeeves jew America On Line (AOL). Dawn l-inizjattivi kienu b’risposta għall-fatt li l-proċessi użati sa dak iż-żmien mill-muturi ta’ tfittxija ma kinux neċessarjament jagħtu l-iktar riżultati rilevanti għal tiftix partikolari, bħal dawk li jirrigwardaw l-attwalità jew il-prodotti għax-xiri. Għalhekk Google bdiet tipprovdi riżultati ta’ tqabbil tax-xiri (iktar ’il quddiem ir-“riżultati għal prodotti”) mill-aħħar tal-2002 fl-Istati Uniti, imbagħad, madwar sentejn wara, b’mod gradwali f’ċerti pajjiżi fl-Ewropa. Dawn ir-riżultati ma kinux ir-riżultati tal-algoritmi normali ta’ tiftix ġenerali tagħha applikati għal informazzjoni ppreżentata fis-siti tal-internet, b’din l-informazzjoni l-ewwel tkun estratta permezz ta’ proċess imsejjaħ “crawling”, li jikkonsisti f’attività ta’ esplorazzjoni tal-kontenut tal-internet imwettqa minn Google għal finijiet ta’ indiċjar, imbagħad magħżula sabiex titqiegħed fil-“web index” ta’ Google u, finalment, imqassma skont ir-rilevanza tagħha sabiex tidher bħala risposta għat-talba tal-utent tal-internet, iżda r-riżultati ta’ algoritmi speċifiċi applikati għall-informazzjoni li kienet tinsab f’database ppopolata mill-bejjiegħa stess, imsejħa l-“product index”. Dawn ir-riżultati fil-bidu kienu pprovduti permezz ta’ paġna ta’ tiftix speċjalizzat, imsejħa Froogle, li kienet differenti mill-paġna ta’ tiftix ġenerali tal-mutur ta’ tfittxija, imbagħad, b’effett mill-2003 fl-Istati Uniti u mill-2005 f’ċerti pajjiżi fl-Ewropa, kienu disponibbli wkoll mill-paġna ta’ tiftix ġenerali tal-mutur ta’ tfittxija. F’dan l-aħħar każ, ir-riżultati għal prodotti kienu jidhru miġbura flimkien fil-paġni tar-riżultati ġenerali f’dak li kien imsejjaħ Product OneBox (iktar ’il quddiem il-“Product OneBox”), taħt jew b’mod parallel mar-reklamar li kien jidher in-naħa ta’ fuq jew tal-ġenb tal-paġna u fuq ir-riżultati ta’ tiftix ġenerali, kif turi l-istampa bin-noti miżjuda segwenti, ipprovduta minn Google:

Image not found

9        Fil-fatt, jekk l-utent tal-internet kien juża l-paġna ta’ tiftix ġenerali sabiex jistaqsi dwar prodott, ir-risposti mogħtija mill-mutur ta’ tfittxija kienu jinkludu kemm dawk li jirriżultaw mit-tiftix speċjalizzat kif ukoll dawk li jirriżultaw mit-tiftix ġenerali. Meta l-utent tal-internet kien jagħfas fuq il-link ta’ riżultat tal-Product OneBox, huwa kien jiġi mibgħut direttament lejn il-paġna rispettiva tas-sit tal-internet tal-bejjiegħ tal-prodott imfittex, minn fejn ikun jista’ jinxtara l-imsemmi prodott. Barra minn hekk, link partikolari fil-Product OneBox kienet tippermetti li l-utent jintbagħat lejn paġna tar-riżultati ta’ Froogle b’selezzjoni ikbar ta’ riżultati speċjalizzati għal prodotti. Google tispjega li, għall-kuntrarju, ir-riżultati ta’ Froogle qatt ma kienu jidhru fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali filwaqt li r-riżultati ta’ muturi ta’ tfittxija speċjalizzati oħra għat-tqabbil tax-xiri setgħu jidhru fosthom.

10      Google tispjega li, mill-2007, hija bidlet il-mod tal-elaborazzjoni tar-riżultati għal prodotti.

11      B’dawn il-bidliet, Google ma baqgħetx tuża l-isem Froogle u bdiet tuża Product Search għall-paġni ta’ tiftix u ta’ riżultati speċjalizzati ta’ tqabbil tax-xiri tagħha.

12      Fir-rigward tar-riżultati għal prodotti murija mill-paġna ta’ tiftix ġenerali fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali, minn naħa, Google arrikkiet il-kontenut tal-Product OneBox billi żiedet ritratti. F’dan ir-rigward, Google tipprovdi l-istampa segwenti tal-ewwel tip ta’ żieda ta’ ritratti:

Image not found

13      Google ddiversifikat ukoll ir-riżultati possibbli tal-azzjoni li tagħfas fuq link ta’ riżultat li jidher fihom: skont il-każ, l-utent tal-internet kien, bħal qabel, mibgħut direttament lejn il-paġna adattata tas-sit tal-internet tal-bejjiegħ tal-prodott imfittex, fejn ikun jista’ jinxtara, jew jintbagħat lejn il-paġna tar-riżultati speċjalizzata Product Search sabiex jara iktar offerti tal-istess prodott. Maż-żmien, il-Product Onebox beda jissejjaħ Product Universal (iktar ’il quddiem il-“Product Universal”) fil-pajjiżi differenti (pereżempju fl-2008 fir-Renju Unit u fil-Ġermanja), filwaqt li kien qed isir iktar attraenti. Google tipprovdi l-istampa segwenti, bin-noti miżjuda, ta’ żewġ varjanti tal-Product Universal :

Image not found

14      Min-naħa l-oħra, Google stabbilixxiet mekkaniżmu, imsejjaħ Universal Search, li kien jippermetti li, meta tiġi identifikata tfittxija għax-xiri ta’ prodott, issir klassifikazzjoni fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali, l-ewwel tal-prodotti koperti bil-Product Onebox, imbagħad bil-Product Universal, meta mqabbla mar-riżultati ta’ tiftix ġenerali.

15      Fir-rigward tar-riżultati għal prodotti marbuta ma’ ħlasijiet li jidhru fuq il-paġni tar-riżultati tagħha, minn Settembru 2010, Google daħħlet fl-Ewropa format arrikkit meta mqabbel ma’ reklami magħmula minn kliem biss (text ads bl-Ingliż, iktar ’il quddiem ir-“reklami bil-kliem”) li kienu jidhru sa dakinhar. Jekk il-persuna li tirreklama tkun tixtieq, meta jagħfas fuq it-test, l-utent tal-internet seta’ jara, f’format ikbar meta mqabbel mar-reklam bil-kliem inizjali, ritratti tal-prodotti mfittxija kif ukoll il-prezzijiet tagħhom kif proposti mill-persuna li tirreklama. Google tipprovdi stampa, bin-noti miżjuda, ta’ reklam bil-kliem kif żviluppat:

Image not found

16      Minn Novembru 2011, fl-Ewropa, Google kompliet tiżviluppa din il-faċilità ta’ tkabbir tar-reklami bil-kliem bil-preżentazzjoni diretta, fuq il-paġni tagħha ta’ riżultati ġenerali, ta’ gruppi ta’ reklami ta’ diversi persuni li jirreklamaw, flimkien ma’ ritratti u prezzijiet, li hija sejħet “listi ta’ reklami għal prodotti” jew “reklami għal prodotti” (iktar ’il quddiem ir-“reklami għal prodotti”), u li kienu jidhru jew fuq in-naħa tal-lemin jew fin-naħa ta’ fuq tal-paġna tar-riżultati. Billi jagħfas fuq reklam fil-grupp, l-utent tal-internet kien jintbagħat għas-sit tal-internet tal-persuna li tirreklama. Google tipprovdi l-istampa segwenti ta’ reklam għal prodotti:

Image not found

17      Sussegwentement, Google ma baqgħetx turi fl-istess ħin, fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, riżultati naturali għal prodotti ta’ tiftix speċjalizzat miġbura flimkien (Product Universal), reklami għal prodotti miġbura flimkien (product ads), reklami bil-kliem (text ads), eventwalment żviluppati, kif ukoll riżultati ta’ tiftix ġenerali, peress li qieset li ma kienx mixtieq li din is-sitwazzjoni tibqa’ tinżamm. Fl-2013, fl-Ewropa, Google waqqfet ukoll il-Product Universal u r-reklami bil-kliem żviluppati fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Għalhekk, sussegwentement, fuq dawn il-paġni kienu jiġu murija biss reklami għal prodotti miġbura, mogħtija l-isem ġdid “Shopping Commercial Units” jew “Shopping Units”, (iktar ’il quddiem ix-“Shopping Units”), reklami bil-kliem u riżultati ta’ tiftix ġenerali. Google tipprovdi l-istampa segwenti, bin-noti miżjuda, ta’ Shopping Unit, li kienet tidher qabel reklami bil-kliem u riżultat ta’ tiftix ġenerali:

Image not found

18      Għalhekk, l-utent tal-internet li jagħfas fuq reklam f’Shopping Unit kien dejjem mibgħut lejn is-sit tal-internet ta’ bejgħ tal-persuna li tirreklama. Mill-paġna tar-riżultati ġenerali huwa kien jaċċedi l-paġna ta’ tiftix u ta’ riżultati speċjalizzata ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, li kien ikollha iktar reklami, biss jekk jagħfas fuq link speċifika li kienet fil-parti ta’ fuq tax-Shopping Unit jew fuq il-link aċċessibbli mill-menu ta’ navigazzjoni ġenerali (“Shopping” tab).

19      Google tispjega li l-għażla tar-reklami għax-Shopping Unit kienet tinvolvi mhux biss il-mekkaniżmu ta’ rkant imsemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq, iżda wkoll kriterji simili għal dawk li hija kienet tapplika biex tipprovdi r-riżultati naturali tagħha għal prodotti, imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq. Mingħajr ma ġiet kontraddetta, hija tispjega li, l-għażla setgħet, jekk ikun il-każ, twassal sabiex tingħata preċedenza, fl-ordni ta’ preżentazzjoni fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali, lir-reklami bil-kliem meta mqabbla max-Shopping Unit, jew vice versa, jew twassal sabiex dan tal-aħħar ma jidher imkien jekk in-numru ta’ reklami ta’ kwalità jkun insuffiċjenti.

20      Fl-istess żmien li Google neħħiet il-Product Universal mill-paġna tagħha tar-riżultati ġenerali, hija lanqas ma baqgħet turi riżultati naturali għal prodotti fil-paġna tar-riżultati speċjalizzata tagħha Product Search, li żviluppat f’paġna li kienet tinkludi biss reklami, imsejħa Google Shopping. Google tipprovdi l-istampa segwenti ta’ paġna ta’ Google Shopping:

Image not found

B.      Ilproċedura amministrattiva

21      Din il-kawża rriżultat minn diversi lmenti mressqa lill-Kummissjoni Ewropea, minn Novembru 2009 ’il quddiem, minn impriżi, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi, kif ukoll minn każijiet mibgħuta lill-Kummissjoni minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (b’mod partikolari l-Bundeskartellamt, (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja)).

22      Fit-30 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bdiet proċedura kontra Google abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] u [102] TFUE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3 p. 81).

23      Fit-13 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat evalwazzjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), bil-ħsieb tal-eventwali aċċettazzjoni ta’ impenji ta’ Google li jindirizzaw it-tħassib tagħha. Fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li t-trattament preferenzjali, fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, ta’ links li jirreferu għas-servizzi tagħha ta’ tiftix speċjalizzat meta mqabbla mal-links li jirreferu għal servizzi ta’ tiftix speċjalizzat kompetituri, kien jikser l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

24      Filwaqt li indikat li ma kinitx taqbel mal-analiżi legali mogħtija fl-evalwazzjoni preliminari u filwaqt li kkontestat id-dikjarazzjoni li l-prattiki deskritti mill-Kummissjoni kisru l-Artikolu 102 TFUE, Google ssottomettiet tliet settijiet ta’ impenji, l-ewwel wieħed fit-3 ta’ April 2013, it-tieni, fil-21 ta’ Ottubru 2013 u, it-tielet, fil-31 ta’ Jannar 2014.

25      Bejn is‑27 ta’ Mejju 2014 u l‑11 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, bagħtet ittri lill-lanjanti qabel is‑27 ta’ Mejju 2014, u indikatilhom li kellha l-intenzjoni li tiċħad l-ilmenti tagħhom. L-ittri kienu jippreżentaw l-evalwazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni li kienet tgħid li t-tielet sett ta’ impenji sottomess minn Google seta’ jissodisfa t-tħassib ta’ kompetizzjoni espress fl-evalwazzjoni preliminari.

26      Bħala risposta għal dawn l-ittri, 19-il lanjant ippreżentaw kummenti. Wara analiżi ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni informat lil Google, fl‑4 ta’ Settembru 2014, li finalment ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji konformement mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

27      Fil-15 ta’ April 2015, il-Kummissjoni reġgħet lura għall-proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ ksur prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lil Google, li fiha hija waslet għall-konklużjoni provviżorja li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti u, għalhekk, jiksru l-Artikolu 102 TFUE.

28      Fis-27 ta’ April 2015, il-Kummissjoni tat aċċess għall-fajl lil Google.

29      Bejn Ġunju u Settembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 24 lanjant u lil 10 partijiet ikkonċernati. Total ta’ 20 lanjant u 7 partijiet ikkonċernati ppreżentaw kummenti.

30      Fis-27 ta’ Awwissu 2015, Google ppreżentat ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

31      Bejn Ottubru u Novembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 23 lanjant u lil 9 partijiet ikkonċernati. 14-il lanjant u 7 partijiet ikkonċernati ssottomettew kummenti.

32      Fl-14 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

33      Fis-27 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni tat lil Google aċċess mill-ġdid għall-fajl.

34      Bejn Settembru u Ottubru 2016, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali lil 20 lanjant u 6 partijiet ikkonċernati. 9 lanjanti u 3 partijiet ikkonċernati ppreżentaw kummenti fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

35      Fit-3 ta’ Novembru 2016, Google ppreżentat ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

36      Fit-28 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bagħtet lil Google “ittra dwar il-fatti” biex tiġbdilha l-attenzjoni dwar provi li ma kinux espressament imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, iżda li, wara analiżi tal-fajl, setgħu potenzjalment ikunu rilevanti sabiex isostnu l-konklużjoni preliminari bbażati fuq dawn l-atti.

37      Fl-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni tat aċċess ieħor għall-fajl lil Google.

38      Fit-18 ta’ April 2017, Google rrispondiet l-“ittra dwar il-fatti”.

39      Fis-27 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 4444 finali dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Kawża AT.39740 – Google Search (Xiri))(iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

C.      Iddeċiżjoni kkontestata

40      Fid-deċiżjoni kkontestata, wara li ppreżentat l-istadji tal-proċedura li wasslu għall-adozzjoni tagħha u rribattiet l-allegazzjonijiet ta’ Google dwar il-mod li bih saret din il-proċedura, il-Kummissjoni qabelxejn iddefinixxiet is-swieq rilevanti, fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni.

41      Il-Kummissjoni fakkret li, fil-kuntest tal-identifikazzjoni ta’ eventwali pożizzjoni dominanti ta’ impriża fis-suq, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, iżda wkoll l-istruttura tal-offerta u tad-domanda, sabiex tistabbilixxi s-suq jew is-swieq rilevanti. Hija enfasizzat li l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-kuntest, prodotti jew servizzi kinux distinti kellha tiġi evalwata mill-perspettiva tad-domanda tal-konsumatur.

42      Il-Kummissjoni qieset li s-swieq tal-prodotti kkonċernati kienu, minn naħa, is-suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet u, min-naħa l-oħra, is-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fuq l-internet.

43      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet, il-Kummissjoni indikat li l-attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ tali servizz kienet attività ekonomika, għaliex, minkejja li jużaw dan is-servizz mingħajr ħlas, l-utenti tal-internet jaċċettaw li l-operatur tal-mutur ta’ tfittxija jiġbor id-data li tikkonċernahom, li sussegwentement ikun jista’ jivvalorizza, b’mod partikolari mal-persuni li jirreklamaw li jixtiequ jkollhom reklami fuq il-paġni tar-riżultati. B’mod ġenerali, fil-pjattaformi “b’żewġ uċuħ”, naħa b’xejn għal tip wieħed ta’ utent (f’dan il-każ l-utent tal-internet) tippermetti, jekk taħdem tajjeb, li tissaħħaħ id-domanda għan-naħa l-oħra, li hija bi ħlas fid-dawl tat-tip ta’ utent tagħha (f’dan il-każ il-persuna li tirreklama li tixtieq tilħaq kemm jista’ jkun utenti tal-internet). F’dan ir-rigward, id-diversi servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet jikkompetu sabiex jattiraw, bil-kwalità tal-mutur ta’ tfittxija tagħhom, kemm lill-utenti tal-internet kif ukoll lil persuni li jirreklamaw.

44      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li, mill-perspettiva tad-domanda tal-utenti tal-internet, ftit kien hemm sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ tiftix ġenerali u servizzi oħra proposti fuq l-internet.

45      B’mod partikolari, is-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ftit li xejn huma sostitwibbli bis-servizzi ta’ tiftix ġenerali, peress li jkopru biss il-qasam speċjalizzat rispettiv tagħhom. Barra minn hekk, huma ġeneralment jidderieġu biss lejn offerti kummerċjali filwaqt li s-servizzi ta’ tiftix ġenerali jidderieġu lejn kull tip ta’ servizzi fuq l-internet. Anki l-mod ta’ kif jingħataw ir-risposti ta’ dawn id-diversi servizzi ta’ tfittxija huwa differenti, anki jekk sempliċement f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tad-databases tagħhom. Anki l-mudelli finanzjarji tagħhom huma differenti, inkwantu s-servizzi ta’ tiftix ġenerali huma ffinanzjati biss mill-ħlas għall-wiri ta’ reklami fuq il-paġni tar-riżultati u s-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat huma ffinanzjati wkoll minn ħlasijiet ta’ impriżi li s-siti tagħhom jissemmew fir-riżultati tat-tfittxija meta l-utenti tal-internet jieħdu xi azzjoni (ħlasijiet marbuta ma’ klikk jew mat-tranżazzjoni sussegwenti). L-eżempji konkreti, b’mod partikolari dak ta’ Google, jikkonfermaw dawn id-distinzjonijiet. Għalhekk, ħafna impriżi li joffru servizzi ta’ tiftix speċjalizzat, bħal Shopzilla (tqabbil tax-xiri) jew Kayak (tqabbil ta’ tariffi ta’ vjaġġi), ma jipproponux servizz ta’ tiftix ġenerali. Google stess tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ servizzi ta’ tfittxija u għandha sistematikament paġni ta’ tfittxija u paġni tar-riżultati speċifiċi għas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat tagħha. L-analisti tas-settur jiddistingwixxu wkoll bejn iż-żewġ tipi ta’ servizzi. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll differenzi oħra, li jikkonċernaw il-funzjonalitajiet jew l-użu taż-żewġ tipi ta’ servizzi, anki jekk xi drabi jistgħu jagħtu risposti għall-istess domanda.

46      Fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tal-offerta, il-Kummissjoni indikat ukoll li ftit kien hemm sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ tiftix ġenerali u servizzi oħra proposti fuq l-internet. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ tiftix ġenerali għall-operaturi ta’ servizzi oħra fuq l-internet sabiex turi li jkun diffiċli għalihom, għal żmien qasir u mingħajr ma jsostnu spejjeż u riskji sostanzjali, li jikkompetu ma’ fornituri eżistenti ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali.

47      Essenzjalment, skont il-Kummissjoni, fornitur ta’ servizz fuq l-internet li jixtieq jipproponi servizz ta’ tiftix ġenerali ġdid ikollu jwettaq investimenti sinjifikattivi ferm. Diversi impriżi kbar tal-internet enfasizzaw l-eżistenza f’dan ir-rigward ta’ barrieri serji għad-dħul. Sabiex servizz ta’ tiftix ġenerali jiffunzjona tajjeb u b’mod vijabbli, jeħtieġ li jirċievi volum sinjifikattiv ta’ talbiet ta’ tiftix. Peress li l-kwalità tar-risposti għat-talbiet tal-utenti tal-internet inbidlet ferm, bidla fil-pożizzjonijiet tas-suq, kif kienet osservata fil-passat meta Google ħadet is-sopravent fuq il-muturi ta’ tfittxija li qabel kienu fuq quddiem, Alta Vista u Lycos, ma għadhiex possibbli llum. L-iżvilupp tar-reklami fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali jiffavorixxi wkoll lil market leader li l-iktar jattira persuni li jirreklamaw fid-dawl tan-numru ta’ utenti li jużaw is-servizz ta’ tiftix ġenerali tiegħu. Dan jagħmilha ħafna iktar diffiċli għal operaturi ġodda biex jidħlu fis-suq u għall-kuntrarju ġie osservat, mill-2007, li numru ta’ operaturi abbandunaw l-attività jew illimitaw ruħhom għal suq nazzjonali jew għal żona lingwistika. Microsoft biss setgħet tkompli din l-attività b’mod sinjifikattiv bil-mutur ta’ tfittxija tagħha Bing, li madankollu ma taqbiżx, fl-ebda pajjiż taż-ŻEE, l-10 % tal-ishma tas-suq.

48      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li ma għandhiex issir distinzjoni skont jekk is-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet isirux minn utenti tal-internet permezz ta’ kompjuter jew minn apparat ieħor bħal tablets jew smartphones. Hija b’hekk ikkonkludiet li kien jeżisti suq ta’ prodotti għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet.

49      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fuq l-internet, il-Kummissjoni mmotivat l-eżistenza tiegħu bil-mod segwenti. Is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huma distinti mis-servizzi l-oħra ta’ tiftix speċjalizzat fuq l-internet. Mill-perspettiva tad-domanda, kull servizz ta’ tiftix speċjalizzat jirrispondi għal tiftix iffukat fuq tip partikolari ta’ suġġett u jagħti risposti f’dan ir-rigward biss, b’tali mod li d-diversi servizzi ta’ tiftix speċjalizzat ma humiex sostitwibbli bejniethom. Mill-perspettiva tal-offerta, il-kriterji sabiex jintgħażlu r-risposti, il-kontenut tad-databases, in-natura u l-portata tal-operaturi li joperaw is-siti internet li għalihom jista’ jsir riferiment minn servizz ta’ tiftix speċjalizzat u r-relazzjonijiet kuntrattwali magħhom huma daqstant differenti skont it-tip ta’ tiftix speċjalizzat li huwa diffiċli li fornitur ta’ servizz ta’ tiftix speċjalizzat jipproponi, għal perijodu qasir u mingħajr ma jinkorri spejjeż addizzjonali sinjifikattivi, tip differenti ta’ servizz ta’ tiftix speċjalizzat u għalhekk li jikkompeti f’dan ir-rigward. Għalhekk, is-sostitwibbiltà min-naħa tal-offerta lanqas ma teżisti bejn id-diversi tipi ta’ servizzi ta’ tiftix speċjalizzat.

50      Is-servizzi ta’ wiri ta’ reklami ġenerali fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali (pjattaformi ta’ reklamar fit-tiftix fuq l-internet fid-deċiżjoni kkontestata) ma humiex, għal raġunijiet diversi, wisq sostitwibbli għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni essenzjalment tipprovdi raġunijiet relatati mal-modalitajiet tal-iżvilupp u tal-funzjonament taż-żewġ tipi ta’ servizzi, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-utent tal-internet ma jfittixx neċessarjament ir-reklami, meta huwa intenzjonalment ifittex servizz ta’ tqabbil tax-xiri sabiex jikseb riżultati.

51      Hemm ukoll sostitwibbiltà limitata bejn is-servizzi ta’ bejjiegħa diretti fuq l-internet u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat, essenzjalment, li l-bejjiegħa diretti jiffukaw fuq il-prodotti jew is-servizzi li huma stess ibigħu u l-fatt li l-utent tal-internet jista’ jixtri mingħand tali bejjiegħa mingħajr ma jgħaddi mill-istadju ta’ tiftix permezz ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri ma kienx ifisser li kien hemm sostitwibbiltà bejn iż-żewġ tipi ta’ servizzi, li huma differenti ferm.

52      Is-servizzi ta’ pjattaformi ta’ bejgħ fuq l-internet, magħrufa bħala “pjattaformi merkantili”, ftit huma sostitwibbli mas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ppreżentat, b’mod partikolari meta rrispondiet għal diversi argumenti fis-sens kuntrarju mressqa minn Google, analiżi ddettaljata ta’ dak li hija qieset li jirrappreżentaw id-differenzi bejn iż-żewġ tipi ta’ servizzi, b’mod partikolari marbuta mal-fatt li dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi, fl-opinjoni tagħha, kienu jissodisfaw bżonnijiet differenti tal-utenti tal-internet u tal-bejjiegħa fuq l-internet, inkluż peress li, kuntrarjament għal dawn il-pjattaformi, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ma kinux ibigħu prodotti u għalhekk ma kinux jieħdu r-responsabbiltà għal diversi servizzi jew obbligi marbuta mal-bejgħ.

53      Fir-rigward tad-dimensjoni ġeografika tas-swieq inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li kemm is-swieq tat-tiftix ġenerali kif ukoll is-swieq tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri kienu ta’ dimensjoni nazzjonali. Minkejja l-fatt li huwa possibbli li sit tal-internet jiġi kkonsultat minn kwalunkwe post, fatturi marbuta mal-kompartimentalizzazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari ta’ natura lingwistika, u l-eżistenza ta’ muturi ta’ tfittxija “nazzjonali” waslu għal din il-konklużjoni, li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata minn Google.

54      Sussegwentement, il-Kummissjoni spjegat li Google, mill-2008, kellha pożizzjoni dominanti fis-suq tat-tiftix ġenerali f’kull pajjiż taż-ŻEE, ħlief fir-Repubblika Ċeka fejn kellha din il-pożizzjoni biss mill-2011. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi fatturi. Hija ġibdet l-attenzjoni għall-ishma tas-suq f’volumi għoljin ferm u stabbli ta’ Google, kif osservati f’diversi studji, kważi dejjem iktar minn 80 % sa mill-2008 ħlief fir-Repubblika Ċeka, fejn Google xorta saret il-market leader mhux ikkontestat minn Jannar 2011 b’sehem tas-suq li, dak iż-żmien, kien jaqbeż is-70 %. Il-Kummissjoni enfasizzat l-ishma tas-suq baxxi tal-kompetituri ta’ Google, bħal Bing jew Yahoo. Hija reġgħet semmiet kunsiderazzjonijiet dwar il-barrieri għad-dħul fis-suq bħal dawk li diġà ġew esposti fl-analiżi tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq u hija enfasizzat ukoll li ftit utenti tal-internet kienu jużaw diversi muturi ta’ tiftix ġenerali, li Google kellha reputazzjoni qawwija u li l-utenti tal-internet, peress li kienu indipendenti minn xulxin, ma kinux jikkostitwixxu setgħa tax-xerrej li sservi ta’ kontrapiż. Hija ċaħdet l-argumenti ta’ Google li l-fatt li s-servizz lill-utenti tal-internet kien b’xejn kien jibdel is-sitwazzjoni u indikat li l-pożizzjoni dominanti ta’ Google kienet teżisti wkoll fir-rigward tat-tiftix magħmul minn kompjuters fissi kif ukoll minn apparat mobbli.

55      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li Google kienet, b’effett minn żminijiet differenti, li jmorru lura sa Jannar 2008, abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fi tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali fi ħdan iż-ŻEE billi naqqset it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn it-tqabbil tax-xiri kompetituri u żiedet dan it-traffiku lejn it-tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, li seta’ jkollu, jew li probabbilment kellu, effetti antikompetittivi fuq it-tlettax-il suq nazzjonali korrispondenti għat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri, iżda wkoll għall-imsemmija swieq tat-tiftix ġenerali. Il-pajjiżi kkonċernati huma l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, l-Isvezja, ir-Renju Unit u n-Norveġja.

56      Il-Kummissjoni ddeskriviet hekk l-abbuż li dwaru ġiet ikkritikata Google. Fir-rigward tal-prinċipji, il-Kummissjoni esponiet li l-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 102 TFUE u fl-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE setgħu jirrigwardaw mhux biss it-tmexxija ta’ impriża li kellha l-intenzjoni ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq li fih hija kienet diġà dominanti, iżda wkoll l-imġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti f’suq partikolari li kellha t-tendenza li testendi l-pożizzjoni tagħha f’suq viċin billi toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni fakkret li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kien ipprojbit irrispettivament mill-mezzi jew proċessi użati għal dan il-għan u indipendentement minn xi nuqqas u li, madankollu, l-impriża kkonċernata setgħet tipprovdi ġustifikazzjoni billi turi li l-imġiba tagħha kienet oġġettivament neċessarja jew li l-effett ta’ esklużjoni ġġenerat seta’ jkun kontrobilanċjat permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ titjib fl-effikaċja li minnu kienu jibbenefikaw ukoll il-konsumaturi.

57      Fit-Taqsima 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-abbuż identifikat f’dan il-każ kien jikkonsisti fl-ippożizzjonar u d-dehra iktar favorevoli, fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, tas-servizz tat-tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha meta mqabbla ma’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri.

58      Sabiex turi għaliex dawn il-prattiki kienu abbużivi u ma kinux jaqgħu fil-kamp tal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeskriviet, fit-Taqsima 7.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, kif Google kienet tippożizzjona u turi s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha b’mod iktar favorevoli mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri. Qabelxejn, il-Kummissjoni eżaminat kif is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri kienu ppożizzjonati u murija, fost ir-riżultati ġeneriċi ta’ Google, qabel kompliet biex teżamina kif is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kien, min-naħa tiegħu, ippożizzjonat u muri fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha.

59      Fir-rigward, minn naħa, tal-pożizzjonament tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri, il-Kummissjoni osservat li dawn tal-aħħar kienu jidhru fir-riżultati ġeneriċi, taħt il-forma ta’ links li jirreferu għall-paġni tar-riżultati tagħhom li setgħu jirrispondu għat-tiftix, u fl-istess ħin kienu suġġetti għal relegazzjoni fil-klassifikazzjoni tar-riżultati ġeneriċi permezz tal-algoritmi msejħa ta’ “aġġustament” ta’ dawn ir-riżultati, b’mod partikolari dak imsejjaħ Panda, minħabba, b’mod partikolari, karatteristiċi ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ kontenut oriġinali tagħhom. B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat li, sa mit-tnedija tagħhom, l-algoritmi inkwistjoni kienu applikati għall-parti l-kbira tat-361 servizz ta’ tqabbil tax-xiri identifikati minn Google fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem it-“361 servizz kompetitur ta’ tqabbil tax-xiri identifikati minn Google”) u li, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fi Spanja, bejn it‑2 ta’ Awwissu 2010 u t‑2 ta’ Diċembru 2016, il-viżibbiltà tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, li kienet l-ogħla fi tmiem is-sena 2010 u fil-bidu tas-sena 2011, kienet sofriet tnaqqis f’daqqa wara t-tnedija tal-algoritmu Panda, u qatt ma rkuprat minn dakinhar.

60      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-dehra tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, il-Kummissjoni rrilevat li l-imsemmija servizzi ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jidhru biss bħala riżultati ġeneriċi fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, jiġifieri taħt il-forma ta’ links sempliċi blu u li ma setgħux, għalhekk, jiġu murija f’format arrikkit bi stampi u informazzjoni addizzjonali dwar il-prodotti, il-prezzijiet u l-bejjiegħ, minkejja li tali informazzjoni kienet iżżid ir-rata tal-click-through (rata ta’ attivazzjoni tal-link). Il-Kummissjoni semmiet ċertu numru ta’ elementi insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, b’mod partikolari xi studji u esperimenti.

61      Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat kif is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kien ippożizzjonat u muri fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali. Fir-rigward tal-pożizzjonament tiegħu, il-Kummissjoni identifikat żewġ differenzi fir-rigward tal-pożizzjonament ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, jiġifieri, minn naħa, li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ma kienx suġġett għall-istess mekkaniżmi ta’ klassifikazzjoni u, b’mod partikolari, għall-algoritmi ta’ aġġustament bħal Panda u, min-naħa l-oħra, li meta s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kien ippreżentat f’“kaxxa”, kien f’post viżibbli ferm. F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ aġġustament, il-Kummissjoni nnotat li l-imsemmija algoritmi ma kinux japplikaw għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google minkejja l-fatt li kellu diversi karatteristiċi komuni mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, karatteristiċi li setgħu jwassluh għall-istess relegazzjoni fir-riżultati ġeneriċi. F’dak li jirrigwarda l-viżibbiltà tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google fil-paġni tar-riżultati ġenerali, il-Kummissjoni indikat b’mod iktar partikolari li, mit-tnedija tal-Product Universal, Google kienet, fil-maġġoranza tal-każijiet, ippożizzjonat ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha jew ’il fuq mir-riżultati ġeneriċi kollha jew fil-livell tal-ewwel riżultati ġeneriċi, bil-għan, skont posta elettronika interna ta’ Google, li “jiżdied ħafna t-traffiku”. Wara li ddeskriviet l-iżvilupp tal-Product Universal bejn l-2007 u l-2012, il-Kummissjoni eżaminat il-pożizzjonament tax-Shopping Unit u indikat li din kienet dejjem ippożizzjonata ’il fuq mill-ewwel riżultati ġeneriċi ta’ Google. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat, meta rrispondiet l-argument ta’ Google li t-trigger rate (rata ta’ kemm tidher) tax-Shopping Unit kienet baxxa, li t-trigger rate ta’ din tal-aħħar kienet teċċedi fil-maġġoranza tal-każijiet it-trigger rate tat-361 servizz ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri identifikati minn Google, kemm fost l-ewwel erba’ riżultati ġeneriċi kif ukoll bħala l-ewwel riżultat ġeneriku. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni pprovdiet ċifri għat-tlettax-il suq ġeografiku inkwistjoni.

62      F’dak li jirrigwarda l-preżentazzjoni tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, il-Kummissjoni kkonstatat li d-differenza prinċipali tad-dehra meta mqabbla mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienet fil-fatt li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kien ippreżentat b’karatteristiċi grafiċi iktar iddettaljati, inkluż stampi u informazzjoni dinamika. Skont il-Kummissjoni, dawn il-karatteristiċi grafiċi arrikkiti wasslu għal rata ta’ click-through iktar sinjifikattiva għal Google u għalhekk għal żieda fid-dħul tagħha. Il-Kummissjoni elenkat diversi elementi f’dan is-sens, ibbażati fuq spjegazzjonijiet li tat Google stess u fuq kontribuzzjoni ta’ impriża oħra waqt il-proċedura amministrattiva.

63      Sussegwentement, il-Kummissjoni rrispondiet l-argumenti mressqa minn Google sabiex tikkontesta l-allegazzjoni ta’ imġiba preferenzjali li dwarha kienet ikkritikata. B’mod partikolari, hija esponiet diversi raġunijiet għalfejn id-dehra u l-użu ta’ Product Universals u tax-Shopping Units kienu jagħtu vantaġġ lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Hija kkunsidrat ukoll li l-argument li Google kienet tapplika l-istess kriterji ta’ rilevanza, minn naħa, għall-Product Universal u għar-riżultati ġeneriċi u, min-naħa l-oħra, għax-Shopping Unit u għar-reklami dwar prodotti l-oħra, ma kienx rilevanti.

64      Sabiex turi n-natura abbużiva tal-prattiki inkwistjoni, fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat, fit-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-volum tat-traffiku għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-volum tat-traffiku kien importanti, f’diversi aspetti, sabiex servizz ta’ tqabbil tax-xiri jkun jista’ jikkompeti. Wara li, dwar dan il-punt, ikkwotat lil proprjetarju ta’ diversi servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li ddikjara li t-traffiku huwa l-iktar element essenzjali ta’ mutur ta’ tfittxija speċjalizzat, għaliex, għal diversi raġunijiet, iktar ma jkun kbir dan it-traffiku, iktar tiżdied ir-rilevanza tas-servizzi ta’ tiftix, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, kkonfermat, billi bbażat ruħha fuq diversi dikjarazzjonijiet, li r-rilevanza ta’ servizz ta’ tiftix speċjalizzat kienet marbuta mal-portata u n-natura reċenti tal-informazzjoni pprovduta. Issa, traffiku sinjifikattiv jippermetti li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jikkonvinċu lill-bejjiegħa biex jagħtuhom iktar data dwar il-prodotti tagħhom u b’hekk ikabbru l-offerta tagħhom ta’ tqabbil tax-xiri fuq l-internet u, b’riżultat ta’ dan, id-dħul tagħhom. Il-Kummissjoni nnotat ukoll, billi ċċitat, f’dan ir-rigward, diversi dikjarazzjonijiet, li t-traffiku kien iwassal għal effetti ta’ machine learning, li jippermetti li titjieb ir-rilevanza tar-riżultati ta’ tiftix u, għalhekk, l-utilità tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri offrut lill-utenti tal-internet. Finalment, il-Kummissjoni spjegat li t-traffiku kien jippermetti li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jwettqu esperimenti bil-għan li jtejbu s-servizzi ta’ tiftix tagħhom u jissuġġerixxu tiftix addizzjonali għall-utenti tal-internet li jikkonsultawhom.

65      Sabiex turi n-natura abbużiva tal-prattiki inkwistjoni, fit-tielet lok, il-Kummissjoni esponiet, fit-Taqsima 7.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prattiki kienu jnaqqsu t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u jżidu t-traffiku minn dawn il-paġni lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Il-Kummissjoni sostniet din il-konklużjoni permezz ta’ tliet elementi. Qabelxejn, abbażi ta’ analiżi tal-imġiba tal-utenti tal-internet, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riżultati ġeneriċi kienu jiġġeneraw traffiku sinjifikattiv lejn sit tal-internet meta kienu kklassifikati bejn l-ewwel tliet sa ħames riżultati fuq l-ewwel paġna tar-riżultati ġenerali, peress li l-utenti tal-internet ma jagħtux jew ftit jagħtu attenzjoni għar-riżultati sussegwenti, li ħafna drabi ma jidhrux direttament fuq l-iskrin. Il-Kummissjoni żiedet li l-ewwel għaxar riżultati kienu jirċievu madwar 95 % tal-klikks tal-utenti tal-internet. Abbażi ta’ studji magħmula minn Microsoft, il-Kummissjoni speċifikat li l-pożizzjoni ta’ link partikolari fir-riżultati ġeneriċi kellha impatt qawwi fuq ir-rata tal-click-through lejn din il-link, irrispettivament mir-rilevanza tal-paġna tal-internet li għaliha jintbagħat l-utent, u li bidla fil-klassifikazzjoni ta’ riżultat ta’ tfittxija fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google kellha impatt qawwi fuq it-traffiku li jirriżulta mit-tiftix ġenerali. Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li l-prattiki inkwistjoni kienu wasslu għal tnaqqis tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn kważi s-servizzi kompetituri kollha ta’ tqabbil tax-xiri, fuq perijodu sinjifikattiv, f’kull wieħed mit-tlettax-il pajjiż taż-ŻEE li fihom kienu ġew implimentati. Finalment, il-Kummissjoni kkonstatat li l-prattiki inkwistjoni kienu wasslu għal żieda tat-traffiku ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi tagħha. Il-Kummissjoni invokat diversi provi insostenn ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. Hija rribattiet l-argumenti li Google kienet ressqet sabiex tikkontesta l-evoluzzjonijiet tat-traffiku identifikati jew ir-rabta kawżali bejn l-imġiba tagħha u dawn l-evoluzzjonijiet.

66      Sabiex turi n-natura abbużiva tal-prattiki inkwistjoni, fir-raba’ lok, il-Kummissjoni sostniet, fit-Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-traffiku ddevjat permezz ta’ dawn il-prattiki kien jammonta għal proporzjon għoli tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u li dan ma setax jiġi effettivament issostitwit mis-sorsi l-oħra ta’ traffiku attwalment disponibbli għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, jiġifieri r-reklami bil-kliem AdWords, l-applikazzjonijiet fuq it-telefown ċellulari, it-traffiku dirett, il-links ta’ siti tal-internet oħra msieħba, in-networks soċjali u l-muturi ta’ tfittxija ġenerali l-oħra.

67      Sabiex turi n-natura abbużiva tal-prattiki inkwistjoni, fil-ħames lok, il-Kummissjoni esponiet, fit-Taqsima 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prattiki kellhom effetti antikompetittivi potenzjali fuq it-tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri u fuq it-tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-ewwel, hija riedet turi li l-prattiki inkwistjoni setgħu jwasslu sabiex is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom, li dawn seta’ jkollhom impatt negattiv fuq l-innovazzjoni u li setgħu għalhekk inaqqsu l-possibbiltajiet tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għall-iktar servizzi effiċjenti. L-istruttura kompetittiva ta’ dawn is-swieq b’hekk hija affettwata. Fil-każ fejn il-pjattaformi merkantili kellhom jiġu inklużi f’dawn is-swieq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istess effetti kienu jinħassu mill-iktar kompetituri qrib ta’ Google, jiġifieri s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Fir-rigward tas-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, skont il-Kummissjoni, l-effetti antikompetittivi tal-prattiki inkwistjoni jirriżultaw mill-fatt li r-riżorsi addizzjonali ġġenerati mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ din tal-aħħar jippermettulha li ssaħħaħ is-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha.

68      Fil-qosor, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni riedet turi li Google kienet qiegħda tippożizzjona u tenfasizza s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha b’mod iktar favorevoli meta mqabbla mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata), li traffiku sinjifikattiv, fi kliem ieħor ħafna frekwentazzjoni, kien essenzjali għat-tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-imġiba ta’ Google kienet twassal għal żieda fit-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u għal tnaqqis fit-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata), li t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google kien jirrifletti proporzjon għoli tat-traffiku ta’ dawn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil u li dan ma setax jiġi effettivament issostitwit minn sorsi ta’ traffiku oħra (Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-imġiba inkwistjoni setgħet twassal sabiex il-pożizzjoni dominanti ta’ Google tiġi estiża fuq swieq oħra apparti dak li fuqu din il-pożizzjoni kienet diġà teżisti, jiġifieri dawk tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata), li, anki jekk kellhom jiġu inklużi s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fi swieq ikbar li jinkludu wkoll is-servizzi ta’ pjattaformi ta’ bejgħ fuq l-internet, l-istess effetti antikompetittivi kienu jinħassu fuq il-parti ta’ dawn is-swieq li tirrigwarda s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u li din l-imġiba kienet tipproteġi wkoll il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq tat-tiftix ġenerali (Taqsima 7.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija b’mod partikolari enfasizzat il-preġudizzji li jistgħu jirriżultaw mis-sitwazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni rribattiet l-argumenti mressqa minn Google kontra din l-analiżi, li jgħidu li l-kriterji ġuridiċi użati ma kinux korretti (Taqsima 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni rribattiet ukoll il-ġustifikazzjonijiet imressqa minn Google sabiex turi li l-imġiba tagħha ma kinitx abbużiva (Taqsima 7.5 tad-deċiżjoni kkontestata) ibbażati fuq il-fatt li din kienet oġġettivament neċessarja jew li l-eventwali restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minnha kienu kkumpensati b’titjib fl-effiċjenza għall-benefiċċju tal-konsumatur.

69      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 344 u 512 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imġiba speċifikament identifikata mill-Kummissjoni bħala sors tal-abbuż ta’ Google hija, essenzjalment, li din tal-aħħar uriet is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha b’mod prominenti u attraenti f’“kaxxi” apposta, mingħajr ma ġie suġġett għall-algoritmi ta’ aġġustament tagħha użati għat-tiftix ġenerali, minkejja li, fl-istess ħin, is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jidhru fuq dawn il-paġni biss fil-forma ta’ riżultati ta’ tiftix ġenerali (links blu) li kellhom tendenza li hemmhekk jingħataw klassifikazzjoni baxxa minħabba l-applikazzjoni ta’ dawn l-algoritmi ta’ aġġustament. Il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessi 440 u 537 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx ikkontestat, per se, il-kriterji ta’ selezzjoni differenti magħżula minn Google, deskritti bħala kriterji ta’ rilevanza, iżda l-fatt li l-istess kriterji ta’ pożizzjonament u ta’ dehra ma kinux applikati għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Bl-istess mod, fil-premessa 538 tad-deċiżjoni kkontestata hija spjegat li ma kinitx ikkontestat, bħala tali, il-promozzjoni ta’ riżultati speċjalizzati ta’ tqabbil tax-xiri li Google qieset rilevanti, iżda l-fatt li l-istess promozzjoni ma kinitx tapplika kemm għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

70      Wara din id-dimostrazzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li Google Inc. u Alphabet, minn meta ħadet il-kontroll ta’ Google Inc., kienu kisru l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE fit-tlettax‑il pajjiż imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, li kienu kemm Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll Stati oħra partijiet fil-Ftehim ŻEE, minn dati differenti skont l-introduzzjoni tar-riżultati speċjalizzati għall-prodotti jew ta’ reklami għal prodotti fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google.

71      Il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sitwazzjoni kienet timmerita li hija tordna lil Google ttemm l-imġiba investigata f’terminu ta’ 90 jum u li ma tadottax imġiba ekwivalenti li għandha l-istess għan jew l-istess effett. Hija enfasizzat li, għalkemm Google setgħet tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni b’diversi modi, kellhom jiġu osservati xi prinċipji, irrispettivament minn jekk Google tagħżilx jew le, li żżomm ix-Shopping Units jew gruppi oħra ta’ riżultati ta’ tiftix ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Fost dawn il-prinċipji hemm, essenzjalment, dak li jirrigwarda n-nondiskriminazzjoni bejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil. L-ordni sabiex tintemm l-imġiba investigata tinsab fl-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

72      Finalment, il-Kummissjoni qieset li kien iġġustifikat li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq Google. Hija fakkret li, skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat‑28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 305, p. 6), hija setgħet timponi tali sanzjoni fuq l-impriżi li, b’intenzjoni jew b’negliġenza, kisru l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 ŻEE. Hija fakkret ukoll il-parametri ġenerali li jistabbilixxu l-iffissar tas-sanzjonijiet pekunjarji li jinsabu fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri l-gravità u t-tul tal-ksur, kif ukoll il-mod li bih hija indikat li għandhom jiġu applikati dawn il-parametri fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”).

73      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li Google ma setgħetx ma kinitx taf dwar il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, u lanqas dwar in-natura abbużiva tal-imġiba tagħha, anki jekk ċerti aspetti tas-sitwazzjoni ma kinux ġew eżaminati f’kawżi preċedenti. Google għalhekk aġixxiet b’intenzjoni jew b’negliġenza. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li, fi stadju tal-proċedura, kien hemm diskussjonijiet sabiex il-problema ta’ kompetizzjoni identifikata tiġi ttrattata permezz ta’ impenji minn naħa ta’ Google ma kienx jipprekludi l-impożizzjoni ta’ multa.

74      Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li, fid-dawl tal-kontroll eżerċitat mit‑2 ta’ Ottubru 2015 fuq Google Inc. minn Alphabet, din hija responsabbli in solidum, għall-perijodu li jibda minn din id-data, għall-ħlas tal-multa imposta.

75      Sussegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet, bħala l-punt tat-tluq għall-kalkolu tas-sanzjoni pekunjarja, kif iddefinit fil-punti 12 sa 19 tal-Linji Gwida bħala “valur tal-bejgħ”, id-dħul iġġenerat fl-2016 fit-tlettax-il pajjiż li fihom hija kienet identifikata l-imġiba investigata, mir-reklami għal prodotti li jinsabu fix-Shopping Units jew fuq il-paġna speċjalizzata Google Shopping u mir-reklami bil-kliem li jinsabu wkoll fl-imsemmija paġna.

76      Il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-importanza ekonomika tat-tlettax-il suq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u tal-fatt li Google ma kinitx f’pożizzjoni dominanti biss fil-pajjiżi kkonċernati fis-suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, iżda kienet bil-ħafna qabel il-kompetituri tagħha f’termini ta’ ishma tas-suq, il-koeffiċjent ta’ gravità li għandu jintuża sabiex tiġi stabbilita s-sanzjoni pekunjarja, kif previst fil-punti 20 sa 23 tal-Linji Gwida, għandu jkun ta’ 10 % tal-ammont bażiku deskritt fil-punt 75 iktar ’il fuq. Sussegwentement, kif previst fil-punt 24 tal-Linji Gwida, għal kull wieħed mit-tlettax-il pajjiż ikkonċernat mill-konstatazzjoni ta’ ksur, il-Kummissjoni mmultiplikat dan l-ammont bin-numru ta’ snin tal-ksur li għaddew mit-tnedija tal-Product Universal jew, fin-nuqqas, tax-Shopping Unit. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat perijodi li jvarjaw minn 1 305 sa 3 435 jum skont il-pajjiżi.

77      Sabiex tiżgura, essenzjalment, li s-sanzjoni jkollha effett inkluż b’mod partikolari fuq l-impriżi tal-istess daqs u tal-istess kapaċità finanzjarja bħal Google – filwaqt li enfasizzat li d-dħul mill-bejgħ globali tagħha fl-2016 kien ta’ EUR 81 597 000 000 – , il-Kummissjoni żiedet ammont addizzjonali, kif previst fil-punt 25 tal-Linji Gwida, li jikkorrispondi għal 10 % tal-ammont bażiku msemmi fil-punt 75 iktar ’il fuq, u għas-somma milħuqa applikat fattur multiplikatur ta’ 1.3. Hija ma kkunsidratx li kien hemm ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li kienu jiġġustifikaw żieda jew tnaqqis tal-multa.

78      Huwa b’dan il-mod li, permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq Google Inc. sanzjoni pekunjarja li tammonta għal EUR 2 424 495 000, li minnha EUR 523 518 000 kienu dovuti in solidum ma’ Alphabet.

II.    Ilproċedura

79      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, Google ppreżentat dan ir-rikors fil‑11 ta’ Settembru 2017.

80      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2017, il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC) talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

81      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Diċembru 2017, Connexity Inc., Connexity UK Ltd, Connexity Europe GmbH u Pricegrabber.com talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

82      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Diċembru 2017, Infederation Ltd (iktar ’il quddiem “Foundem”) talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

83      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Diċembru 2017, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u Initiative for a Competitive Online Marketplace talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

84      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2017, Prestige Gifting Ltd talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Google.

85      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2017, Kelkoo talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

86      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Diċembru 2017, Computer & Communication Industry Association (iktar ’il quddiem is-“CCIA”) talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Google.

87      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Diċembru 2017, Consumer Watchdog, Yelp Inc., il-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV (iktar ’il quddiem il-“VDZ”), Visual Meta GmbH, il-BDZV Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, li kienet Bundesverband Deutscher Zeitungsverleger eV (iktar ’il quddiem il-“BDZV”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Open Internet Project (OIP) u Twenga talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

88      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2017, FairSearch talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

89      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fil‑31 ta’ Jannar 2018.

90      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Marzu 2018, StyleLounge GmbH talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

91      Google u l-Kummissjoni talbu, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Marzu 2018, konformement mal-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex, minħabba l-kunfidenzjalità tagħha, ċerti elementi tal-proċess ma jiġux ikkomunikati lill-partijiet intervenjenti. F’dan ir-rigward It Google u l-Kummissjoni fformulaw talbiet li, fil-kontenut, kienu identiċi fil-konfront tal-partijiet kollha li talbu li jintervjenu, inkluż l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA.

92      Google ppreżentat ir-replika fis‑7 ta’ Mejju 2018.

93      Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Mejju 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T-612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:292), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba ta’ StyleLounge sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tal-Kummissjoni minħabba tardività.

94      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fl‑20 ta’ Lulju 2018.

95      Wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali  intiża sabiex tnaqqas il-portata tat-talbiet ta’ trattament kunfidenzjali tal-elementi tal-proċess, Google u l-Kummissjoni ppreżentaw, fil-konfront ta’ dawk kollha li talbu li jintervjenu, talbiet riveduti għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-rikors u tar-risposta fit‑28 ta’ Settembru 2018, u mbagħad talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-replika u tal-kontroreplika fit‑12 ta’ Ottubru 2018. Anki dawn it-talbiet kienu identiċi fil-kontenut tagħhom fir-rigward ta’ dawk kollha li talbu li jintervjenu.

96      Permezz ta’ digrieti tas‑7 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:978), tas‑7 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:982), tas‑7 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:996), tas‑7 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1001), u tas‑7 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1002), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talbiet ta’ intervent ta’ Prestige Gifting, ta’ FairSearch, ta’ Consumer Watchdog, ta’ Yelp, ta’ Connexity, ta’ Connexity UK, ta’ Connexity Europe u Pricegrabber.com u ta’ Initiative for a Competitive Online Marketplace rispettivament minħabba li ma ġiex ippruvat interess fis-soluzzjoni tat-tilwima.

97      Permezz ta’ digrieti tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1007), tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1008), tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1009), tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1010), tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1011), tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1028), u tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1029), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-interventi tal-BEUC, ta’ Foundem, taċ-CCIA, tal-VDZ, tal-BDZV, ta’ Visual Meta, ta’ Twenga, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, ta’ Kelkoo u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja rispettivament. F’dawn id-digrieti, l-ispejjeż marbuta mal-interventi kienu rriżervati.

98      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:1005), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal intervent ta’ OIP minħabba li ma ġiex ippruvat interess fis-soluzzjoni tat-tilwima.

99      Fid-digrieti li laqgħu t-talbiet għal intervent, id-deċiżjoni dwar il-mertu tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali ġiet irriżervata u verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti tal-proċedura ġew ikkomunikati lill-BEUC, lil Foundem, liċ-CCIA, lill-VDZ, lill-BDZV, lil Visual Meta, lil Twenga, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, lil Kelkoo u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sakemm jiġu ppreżentati eventwali sottomissjonijiet min-naħa tagħhom fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

100    Fil‑15 ta’ Jannar 2019, Foundem ikkontestat parzjalment it-talbiet għal trattament kunfidenzjali ta’ Google.

101    Fil‑15 ta’ Jannar 2019, u mbagħad fil‑25 ta’ Jannar, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA indikat li, sa fejn jirrigwarda lilha, it-talbiet għal trattament kunfidenzjali tal-Kummissjoni u dawk ta’ Google kienu, kompletament jew parzjalment, mingħajr skop jew infondati. Madankollu, hija speċifikat li hija ma kinitx qiegħda titlob li tingħata l-verżjonijiet kunfidenzjali tal-annessi tal-proċess.

102    Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ April 2019, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:250), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’, minn naħa, uħud mit-talbiet għal trattament kunfidenzjali rriveduti fir-rigward ta’ informazzjoni li tinsab fir-rikors u fir-risposta u, min-naħa l-oħra, uħud mit-talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ informazzjoni li tinsab fir-replika u fil-kontroreplika. Il-kumplament tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali ġew miċħuda. Għalhekk, Google u l-Kummissjoni ngħataw terminu sabiex jikkomunikaw verżjonijiet ġodda mhux kunfidenzjali ta’ ċerti annessi tal-proċess u Foundem ngħatat terminu sabiex tkun tista’ tikkompleta n-nota ta’ intervent tagħha fid-dawl tal-elementi li fir-rigward tagħhom kienet tneħħiet il-kunfidenzjalità tagħhom. Bħala risposta għas-sottomissjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA li kienet invokat il-pożizzjoni partikolari tagħha fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi li jwasslu għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonstataw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali indika li, fil-qafas tal-proċedura ġudizzjarja applikabbli quddiem il-Qorti Ġenerali, din l-awtorità kienet suġġetta għall-istess rekwiżiti bħall-intervenjenti l-oħra u li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma setax jingħata segwitu għas-sottomissjonijiet tagħha.

103    Il-BEUC, Foundem, iċ-CCIA, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kollha ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fil‑15 ta’ Marzu 2019 u Foundem ippreżentat nota ta’ intervent addizzjonali fil‑11 ta’ Ġunju 2019. Il-Kummissjoni ppreżentat sottomissjonijiet fuq in-nota ta’ intervent taċ-CCIA fl‑20 ta’ Mejju 2019 u Google ppreżentat sottomissjonijiet fuq in-noti ta’ intervent tal-BEUC, taċ-CCIA, tal-VDZ, tal-BDZV, ta’ Visual Meta, ta’ Twenga, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, ta’ Kelkoo u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bl-eċċezzjoni ta’ Foundem, fil‑21 ta’ Ġunju 2019 u, fir-rigward, b’mod speċifiku dik ta’ Foundem, fl‑1 ta’ Lulju 2019.

104    Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl‑10 ta’ Lulju 2019, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

105    Permezz ta’ ittri tad-9 u tat-23 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni u Google talbu rispettivament li, minħabba l-kunfidenzjalità tagħhom, xi elementi tas-sottomissjonijiet ta’ Google fuq diversi noti ta’ intervent ma jintbagħtux lill-BEUC, lil Foundem, liċ-CCIA, lill-VDZ, lill-BDZV, lil Visual Meta, lil Twenga, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, lil Kelkoo u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

106    Fil-5 u fl‑10 ta’ Settembru 2019, il-BEUC u Kelkoo kkontestaw rispettivament uħud mit-talbiet għal kunfidenzjalità ta’ Google dwar is-sottomissjonijiet ta’ din tal-aħħar fuq in-noti ta’ intervent tagħhom.

107    Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Ottubru 2019, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T-612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:770), il-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali qies li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal kunfidenzjalità mhux ikkontestati msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq u, fir-rigward ta’ dawk li kienu kkontestati, laqa’ wħud minnhom fir-rigward tal-BEUC, taċ-CCIA, tal-VDZ, tal-BDZV, ta’ Visual Meta, ta’ Twenga, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, ta’ Kelkoo u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, laqa’ oħrajn ħlief fir-rigward ta’ Kelkoo, u ċaħad oħrajn.

108    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u skont l-Artikolu 89(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet prinċipali jagħtu tweġiba għal diversi mistoqsijiet, kemm bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta.

109    Fil‑21 u t‑22 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni u Google wieġbu rispettivament il-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali li kienu jitolbu risposta bil-miktub. Google talbet li, minħabba l-kunfidenzjalità tagħhom, ċertu elementi mir-risposta tagħha ma jiġux ikkomunikati lill-BEUC, lil Foundem, liċ-CCIA, lill-VDZ, lill-BDZV, lil Visual Meta, lil Twenga, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, lil Kelkoo u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

110    Fil‑5 ta’ Frar 2020, il-BDZV ikkontestat uħud mit-talbiet għal kunfidenzjalità ta’ Google dwar it-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, iżda anki dwar l-annessi tar-risposta u tar-replika.

111    Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Frar 2020, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑612/17, mhux ippubblikat, EU:T:2020:69), il-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ċaħad bħala inammissibli t-talbiet għat-tneħħija tal-kunfidenzjalità mressqa mill-BDZV dwar annessi tar-risposta u tar-replika, qies li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal kunfidenzjalità mhux ikkontestati msemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq u, fir-rigward ta’ dawk li ġew ikkontestati, laqagħhom.

112    Is-seduta nżammet mit‑12 sal‑14 ta’ Frar 2020, wara li, sussegwentement għal laqgħa preparatorja tal-President tal-Awla u tal-Imħallef Relatur mal-partijiet prinċipali fil‑15 ta’ Jannar 2020 abbażi tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, dawn tal-aħħar aċċettaw li jneħħu l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-BEUC, ta’ Foundem, taċ-CCIA, tal-VDZ, tal-BDZV, ta’ Visual Meta, ta’ Twenga, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, ta’ Kelkoo, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-pubbliku fir-rigward ta’ ċerti elementi tal-proċess.

III. Ittalbiet talpartijiet

113    Google titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna li l-BEUC, Foundem, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jbatu l-ispejjeż marbuta mal-interventi tagħhom.

114    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Google għall-ispejjeż;

–        tikkundanna liċ-CCIA għall-ispejjeż li hija sostniet minħabba l-intervent tagħha.

115    Iċ-CCIA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

116    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

117    Il-BEUC jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lil Google għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tiegħu.

118    Foundem, Kelkoo, il-VDZ, Visual Meta, il-BDZV u Twenga jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Google għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

119    Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li Google ma tikkontestax li qiegħda f’pożizzjoni dominanti fuq it-tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali li jikkorrispondu mal-pajjiżi li fihom il-Kummissjoni qieset li kienet abbużat minn tali pożizzjoni. Din l-informazzjoni hija premessa li fuqha huma bbażati l-analiżi kollha li ġejjin.

1.      Fuq lordni tależami talmotivi u largumenti f’din ilkawża

120    Google tqajjem sitt motivi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tippreżenta bil-mod segwenti:

“L-ewwel u t-tieni motivi juru li d-deċiżjoni tikkonkludi, b’mod żbaljat, li Google tagħti preferenza lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha bil-mod ta’ kif turi l-Product Universals u x-Shopping Units. It-tielet motiv jispjega li d-deċiżjoni hija żbaljata inkwantu tikkunsidra li l-pożizzjonament u d-dehra tal-Product Universals u tax-Shopping Units iddevjaw t-traffiku ta’ tiftix ta’ Google. Permezz tar-raba’ motiv, ser jintwera li l-ispekulazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-effetti antikompetittivi hija infondata. Il-ħames motiv juri li d-deċiżjoni tikklassifika, b’mod żbaljat, bħala prattiki abbużivi titjib kwalitattiv li jirrappreżenta kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Is-sitt motiv juri li r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni imponiet multa huma infondati.”

121    Il-Qorti Ġenerali tosserva li l-argument ta’ Google fih numru ta’ punti fattwali u tekniċi kif ukoll kritika ta’ natura ġuridika li huma repetuti insostenn ta’ motivi differenti. Il-Qorti Ġenerali ser tittratta l-motivi u l-argumenti ta’ Google bil-mod segwenti.

122    Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ewwel nett taħt it-Titolu B ta’ din il-parti, li tirrigwarda t-talbiet imressqa prinċipalment, fil-punt 1, l-argumenti ta’ Google li l-prattiki kkontestati mill-Kummissjoni jikkostitwixxu, fir-realtà, titjib kwalitattiv tas-servizz ta’ tiftix fuq l-internet tagħha (il-ħames motiv), li minnu jirriżulta, minn naħa, li Google ma setgħetx twettaq l-ebda abbuż, peress li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika elementi, f’dan it-titjib, li juru li ma kienx hemm kompetizzjoni abbażi tal-mertu, u, min-naħa l-oħra, peress li ma setgħetx tiżola dawn l-elementi, il-Kummissjoni, fir-realtà, imponiet fuq Google obbligu ta’ provvista, mingħajr ma ssodisfatt il-kundizzjonijiet stretti mitluba mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, (C‑7/97, EU:C:1998:569). F’dan ir-rigward, b’mod iktar preċiż, skont Google, il-Kummissjoni imponitilha li tagħti lill-kompetituri tagħha aċċess għas-servizzi tagħha bħallikieku kienu jikkostitwixxu “faċilità essenzjali” li hija indispensabbli għalihom, mingħajr ma wriet li l-kundizzjonijiet rikjesti għal dan il-għan mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu ssodisfatti. Dejjem fil-qafas tal-argument ta’ Google dwar il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, ser jiġi eżaminat l-argument li jgħidu li, essenzjalment, hija ma kellha l-ebda għan antikompetittiv meta implimentat ir-riżultati speċjalizzati inkwistjoni f’din il-kawża, peress li dawn kienu jikkostitwixxu titjib kwalitattiv tas-servizz ta’ tiftix tagħha. Dan l-argument, imqajjem fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, ser ikun eżaminat ukoll taħt il-punt 1 tat-Titolu B.

123    B’hekk, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, taħt il-punt 1 tat-Titolu B, il-legalità tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ trattament preferenzjali użata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 102 TFUE u l-kwistjoni dwar jekk tali kunċett ta’ abbuż, li permezz tiegħu impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi, essenzjalment, ikkritikata li tagħti trattament preferenzjali lis-servizz tagħha stess għad-detriment ta’ dak tal-kompetituri tagħha, setax jiġi, ġustament, applikat mill-Kummissjoni.

124    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, taħt il-punt 2 tat-Titolu B, ta’ din il-parti, il-materjalità tad-differenza fit-trattament abbażi ta’ din il-klassifikazzjoni, jiġifieri jekk Google wettqitx diskriminazzjoni jew le għall-benefiċċju tas-servizz ta’ tiftix speċjalizzat rispettiv tagħha, u dan għall-perijodu li jikkorrispondi għall-implimentazzjoni tal-Product Universal (l-ewwel motiv) u għall-perijodu li jikkorrispondi għall-implimentazzjoni tax-Shopping Unit (it-tieni motiv), rispettivament.

125    Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, taħt il-punt 3 tat-Titolu B, ta’ din il-parti, it-tielet u r-raba’ motiv ppreżentati minn Google, li jgħidu li l-imġiba inkwistjoni ma għandhiex effetti antikompetittivi.

126    Finalment, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, taħt il-punt 4 tat-Titolu B, ta’ din il-parti, it-tielet partijiet tal-ewwel u tat-tieni motiv ippreżentati minn Google, li l-imġiba inkwistjoni kienet oġġettivament iġġustifikata u, konsegwentement, ma kinitx kuntrarja għall-Artikolu 102 TFUE.

127    Wara tislet konklużjoni dwar il-mertu fil-punt 5 tat-Titolu B, ta’ din il-parti, il-Qorti Ġenerali ser teżamina taħt it-Titolu C ta’ din is-sentenza s-sitt motiv ippreżentat minn Google, li jgħid li s-sanzjoni pekunjarja ma hijiex fi kwalunkwe każ iġġustifikata u, minn tal-inqas, għolja wisq.

2.      Fuq ilportata talistħarriġ talQorti Ġenerali f’din ilkawża

128    Il-Qorti Ġenerali tfakkar, preliminarjament, il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE adottati mill-Kummissjoni.

129    L-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali jikkonsisti fl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 263 TFUE, u jekk ikun il-każ issupplimentat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 261 TFUE, mill-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 71).

130    Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-istħarriġ ta’ legalità prevista fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar, kemm jekk dawn ikunu ġew prodotti qabel u kemm jekk wara d-deċiżjoni meħuda, kemm jekk ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew jekk għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors li l-Qorti Ġenerali tkun adita bih, sa fejn dawn il-provi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 48).

131    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39; tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54). Meta, sabiex tikklassifika prassi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE, il-Kummissjoni tagħti importanza reali għal analiżi ekonomika, il-qorti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina l-argumenti kollha tal-impriża ssanzjonata fir-rigward ta’ din l-analiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 141 sa 144).

132    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tmur favur l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 71 u 72, u tas‑16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni, C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, punti 17 u 18).

133    Minkejja li hija l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ dan, hija l-impriża li tinvoka eċċezzjoni kontra l-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli li għandha tipproduċi l-prova li din l-eċċezzjoni għandha tintlaqa’, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha tirrikorri għalhekk għal provi oħrajn li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, anki jekk l-oneru tal-prova jaqa’, skont dawn il-prinċipji, jew fuq il-Kummissjoni jew fuq l-impriża kkonċernata, il-punti ta’ fatt invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ tali natura li jobbligaw lill-parti l-oħra biex tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permissibbli li jiġi konkluż li r-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova jkunu ġew ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    B’hekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza tal-ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi. Għall-kuntrarju, ħlief fil-każ li tali prova ma tkunx tista’ tiġi prodotta mill-impriża kkonċernata, minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 76).

135    Finalment, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-fatti għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni, C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 38; tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89, u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 73). Peress li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda l-motivi li jinsabu f’din id-deċiżjoni, il-qorti ma tistax, la ex officio u lanqas fuq talba tal-amministrazzjoni, iżżid motivi għal dawk li ġew użati fl-imsemmija deċiżjoni.

B.      Fuq ittalbiet, ippreżentati prinċipalment, għallannullament taddeċiżjoni kkontestata

1.      Fuq ilħames motiv u lewwel parti talewwel motiv, ibbażati fuq ilkonformità talprattiki inkwistjoni malkompetizzjoni abbażi talmertu

136    Kif ġie indikat fil-punti 122 u 123 iktar ’il fuq, qabelxejn, Google tiddikjara, fl-ewwel parti tal-ħames motiv, li d-deċiżjoni kkontestata ma tidentifikax, fl-imġiba tagħha li kienet tikkonsisti fl-implimentazzjoni ta’ titjib kwalitattiv tas-servizz ta’ tiftix fuq l-internet tagħha, elementi li jmorru kontra l-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

137    Sussegwentement, Google tallega, fit-tieni parti tal-ħames motiv, li l-imġiba inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, fir-realtà, rifjut ta’ provvista, peress li l-Kummissjoni tikkritikaha li ma tatx aċċess għat-“teknoloġiji u disinni” tagħha u, b’mod partikolari, għall-“kaxxi” li jinsabu fin-naħa ta’ fuq tal-paġni tar-riżultati ġenerali, lir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Sabiex tistabbilixxi li tali mġiba kienet kuntrarja għall-Artikolu 102 TFUE, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), kienu ssodisfatti, ħaġa li hija ma għamlitx. B’hekk, billi ddeskriviet l-imġiba bħala trattament preferenzjali, il-Kummissjoni ppruvat tevita l-kundizzjonijiet applikabbli għar-rifjut ta’ provvista u b’hekk ivvizzjat id-deċiżjoni tagħha bi żball ta’ liġi.

138    Finalment, Google ssostni, fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, li d-deċiżjoni kkontestata tiżnatura r-raġunijiet li għalihom ġew introdotti r-riżultati speċjalizzati għal prodotti. Fil-fatt, Google ma introduċietx l-gruppi ta’ riżultati għal prodotti sabiex tidderiġi t-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tagħha, kif ġie allegat mill-Kummissjoni, iżda sabiex ittejjeb il-kwalità tar-riżultati tagħha u d-dehra tagħhom għall-utenti.

a)      Fuq lewwel parti talħames motiv, li tgħid li lprattiki inkwistjoni huma titjib kwalitattiv li jifforma parti minn kompetizzjoni abbażi talmertu u ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala abbużivi

1)      Largumenti talpartijiet

139    Google ssostni, fl-ewwel parti tal-ħames motiv tagħha, li l-prattiki investigati huma titjib kwalitattiv li jifforma parti minn kompetizzjoni abbażi tal-mertu u ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala abbużivi.

140    Fuq l-ewwel aspett, Google  tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 91), tat‑3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni (C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 70), u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 177), sabiex turi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni, f’dak li jirrigwarda l-impriżi dominanti, bejn il-prattiki abbużivi antikompetittivi u l-imġiba favur il-kompetizzjoni li tifforma parti minn kompetizzjoni “normali” jew “abbażi tal-mertu”.

141    B’hekk, l-element ċentrali tal-kawżi kollha li wasslu għas-sentenzi ċċitati fil-punt 140 iktar ’il fuq huwa li l-impriżi għandhom id-dritt li jużaw il-mezzi kollha “normali” sabiex jikkompetu u jirbħu ishma tas-suq. Dan jinkludi d-dritt ta’ Google li “tikkompeti aħjar” billi ttejjeb il-kwalità tat-teknoloġiji tagħha u tas-servizzi tagħha ta’ tiftix speċjalizzat għar-riżultati naturali għal prodotti u r-reklami għal prodotti disponibbli mill-paġna ta’ tiftix ġenerali tagħha. F’dan ir-rigward, iċ-CCIA tenfasizza li l-iżvilupp u t-titjib tad-“disinn” tas-sit internet jagħmlu parti mill-proċess kompetittiv. Fil-fatt, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu ma’ dak li huwa mistenni kemm mill-konsumaturi kif ukoll mill-persuni li jirreklamaw. Il-kwalità ta’ sit internet hija parametru ewlieni tal-kompetizzjoni fis-swieq diġitali. Iċ-CCIA żżid li, fl-ekonomija attwali, l-integrazzjoni vertikali hija omnipreżenti u, b’mod ġenerali, hija pożittiva minn perspettiva ekonomika.

142    Skont Google, it-teorija mressqa fid-deċiżjoni kkontestata ma tidentifika xejn li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-prattiki tagħha u kompetizzjoni abbażi tal-mertu. L-allegazzjoni li Google implimentat prattiki ta’ trattament preferenzjali u l-preżunzjoni ta’ effetti potenzjali ma jibdlux il-fatt li r-riżultati u r-reklami għax-xiri miġbura fi gruppi tejbu l-kwalità tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha. Billi uriet tali “disinni” fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha u żviluppat it-teknoloġiji innovattivi li fuqhom kienu bbażati, Google kkompettiet abbażi tal-mertu fis-suq tat-tiftix ġenerali.

143    Il-Kummissjoni ppruvat tevita dawn il-fatti billi tallega, fil-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“prattika ta’ kumpannija f’pożizzjoni dominanti f’suq partikolari” tista’ tkun abbużiva jekk “għandha l-probabbiltà li testendi din il-pożizzjoni għal suq differenti iżda viċin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 652 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għat-titjib tal-prodotti u servizzi hija konformi mal-ġurisprudenza eżistenti. B’hekk, għal Google, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tqis li l-imġiba tagħha kienet intiża, permezz tal-“effett ta’ lieva”, sabiex testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fuq swieq viċin għal dawk li fihom kellha din il-pożizzjoni, mingħajr ma qieset li din l-imġiba kienet tikkostitwixxi titjib tas-servizzi tagħha u li ma ddevjatx minn kompetizzjoni “normali” jew “abbażi tal-mertu”.

144    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li mhux kull effett ta’ esklużjoni huwa neċessarjament detrimentali għall-kompetizzjoni, peress li kompetizzjoni abbażi tal-mertu tista’ twassal għall-għajbien jew il-marġinalizzazzjoni ta’ kompetituri inqas effiċjenti. F’dan ir-rigward Google tirreferi għas-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 22), u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C-413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134). Din id-dikjarazzjoni hija valida mhux biss meta tali effett jidher fis-suq li fih tinżamm il-pożizzjoni dominanti, iżda wkoll meta jidher f’suq ieħor. Huwa veru li, titjib ta’ servizz ma “iservix bħala immunità” kontra klassifikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, iżda, f’dan il-każ, peress li ma identifikatx xi element antikompetittiv addizzjonali għal dan l-“effett ta’ lieva” fl-imġiba ta’ Google, il-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika din l-imġiba bħala abbużiva.

145    Google, sostnuta miċ-CCIA, tiddikjara li, f’dan ir-rigward, l-espressjoni “abbuż permezz tal-effett ta’ lieva” hija terminu “umbrella” ġeneriku li jiġbor fih diversi tipi ta’ abbuż. Għal kull tip individwali “ta’ abbuż permezz tal-effett ta’ lieva”, il-ġurisprudenza tidentifika elementi speċifiċi li jiddistingwixxu l-aġir inkwistjoni mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u li jagħmlu din l-imġiba abbużiva, bħal tnaqqis tal-kwalità, kompressjoni fuq il-marġni ta’ prezzijiet u rifjut ta’ forniment ta’ input indispensabbli. B’hekk, waħidha, prattika ta’ prezzijiet baxxi użati minn impriża dominanti ma tistax tiġi meqjusa bħala abbużiva. Huwa biss jekk jiġi identifikat element addizzjonali li jiddevja mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu li tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika ta’ prezzijiet predatorji. B’hekk, skont iċ-CCIA, in-nuqqas ta’ bażi teoretika għall-abbuż ta’ trattament preferenzjali identifikat mill-Kummissjoni ma jippermettix li jinftehmu l-fatturi ġuridiċi addizzjonali jew prinċipji li jikklassifikaw lil dan it-trattament preferenzjali, mill-bqija perfettament naturali, bħala ksur tal-Artikolu 102 TFUE, fatt li joħloq problema ta’ ċertezza legali għas-settur tal-internet kollu kemm huwa.

146    Il-Kummissjoni, sostnuta f’dan ir-rigward mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tesponi li t-titjib ta’ servizz ma jeskludix li dan jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari jekk iwassal sabiex impriża dominanti tagħti preferenza lis-servizz rispettivi tagħha bl-użu ta’ mezzi oħra li ma humiex il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u jekk dan jista’ jwassal għal effetti antikompetittivi.

147    Il-Kummissjoni tispeċifika li barra minn hekk hija tikkontesta t-titjib tas-servizz ta’ tiftix ġenerali ta’ Google. Għalkemm huwa effettivament possibbli li Google ttejjeb is-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha billi tippreżenta “ċerti” riżultati miġbura fi gruppi fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, hija ma setgħetx ittejjeb is-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha billi tippreżenta “biss” riżultati miġbura fi gruppi li ġejjin mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li, fl-opinjoni tagħha, l-imġiba ta’ Google ma tista’ tkun iġġustifikata bl-ebda raġuni oġġettiva marbuta mat-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha.

148    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddikjara li l-imġiba inkwistjoni ta’ Google ma tifformax parti minn kompetizzjoni abbażi tal-mertu, sa fejn tipprekludi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni fuq il-kwalità tal-algoritmu użat sabiex jitwettaq tiftix speċjalizzat ta’ prodotti. Il-kwalità tal-algoritmu ta’ tiftix speċjalizzat huwa l-parametru li fuqu l-impriżi kkonċernati jikkompetu. Bl-imġiba inkwistjoni, Google tinkoraġġixxi lill-utenti sabiex ma jagħfsux fuq ir-riżultati li huma l-iktar rilevanti, iżda fuq ir-riżultati l-iktar viżibbli, jiġifieri dawk tagħha, irrispettivament mir-rilevanza reali tagħhom għall-utent.

149    Il-VDZ tiddikjara li l-kwistjoni dwar jekk Google tejbitx is-servizz tagħha ma hijiex rilevanti. Il-kwistjoni hija dwar jekk Google użatx il-karatteristiċi ġodda tas-servizzi tagħha (Product Universals, Shopping Units, algoritmi ta’ aġġustament) bħala strument sabiex tippromwovi s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha għad-detriment tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. It-titjib tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google jista’, l-iktar l-iktar, jiġi evalwat mill-perspettiva tat-titjib fl-effiċjenza. Madankollu, Google ma tipproduċix il-prova ta’ tali titjib fl-effiċjenza, kif titlob il-ġurisprudenza. Il-VDZ iżżid li l-kawża inkwistjoni hija każ tipiku ta’ abbuż permezz tal-effett ta’ lieva. Essenzjalment, il-prattiki ddevjaw mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, għaliex l-uniku għan ekonomiku tal-imġiba ta’ Google fis-suq ewlieni ma setax ikun ħlief dak li tiġi limitata l-kompetizzjoni fis-suq sekondarju. Fil-fatt, l-imġiba ta’ Google intiża li tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha b’detriment għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil twassal sabiex jiġu esklużi riżultati ta’ tiftix speċjalizzat iktar rilevanti ta’ kompetituri, li ma jagħmilx sens ekonomiku.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

150    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija l-impriża f’pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 102 TFUE jkopri, b’mod partikolari, l-aġir ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandu bħala effett, għad-dannu tal-konsumaturi, li jipprekludi, permezz tal-użu ta’ miżuri differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali abbażi ta’ prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, li jinżamm livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    B’hekk, l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timplimenta prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni billi tapplika miżuri li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 136).

153    L-Artikolu 102 TFUE ma jkoprix biss il-prattiki li jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 171).

154    Il-lista ta’ prattiki abbużivi li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE ma hijiex eżawrjenti, fis-sens li l-lista ta’ prattiki abbużivi mogħtija f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-metodi kollha ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 26; tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 26, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 174).

155    L-abbuż jista’ jieħu l-forma ta’ differenza fit-trattament mhux iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, GT-Link, C‑242/95, EU:C:1997:376, punt 41; tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 114, u tas‑7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il‑Kummissjoni, T‑228/97, EU:T:1999:246, punt 140). F’dan ir-rigward, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Madankollu l-għan tal-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma huwa li jimpedixxi lil impriża milli tikseb, fuq mertu tagħha stess, pożizzjoni dominanti f’suq (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Għalhekk, mhux kull effett ta’ esklużjoni neċessarjament jippreġudika l-kompetizzjoni. Mid-definizzjoni tagħha stess, il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu tista’ twassal sabiex kompetituri inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni jgħibu mis-suq jew isiru marġinali u għalhekk (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Essenzjalment, Google ssostni li l-prattiki inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma parti minn titjib kwalitattiv tas-servizzi ta’ tiftix tagħha u, għalhekk, jaqgħu fil-qafas tal-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu. F’dan ir-rigward, Google tosserva li l-Kummissjoni ma tidentifika l-ebda element fil-prattiki li dwarhom ġiet ikkritikata li jiddevja mill-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu. Il-qorti tal-Unjoni qatt ma qieset li titjib kwalitattiv ta’ prodott jew ta’ servizz jammonta għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

159    F’dak li jirrigwarda l-allegata assenza ta’ identifikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ elementi li jiddistingwixxu l-prattiki inkwistjoni minn kompetizzjoni normali, li allegatament ġiet ristretta, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni dominanti ta’ impriża waħidha, anki fuq skala bħal dik ta’ Google fis-servizz ta’ tiftix ġenerali, ma tistax tiġi kkundannata bis-saħħa tal-Artikolu 102 TFUE.

160    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma timplikax, waħedha, akkuża fir-rigward tal-impriża kkonċernata (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa l-“użu abbużiv” ta’ pożizzjoni dominanti li huwa pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE.

161    F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni, li sabiex tikkaratterizza tali “użu abbużiv”, għandha tidentifika kif, billi użat l-pożizzjoni dominanti tagħha, impriża użat metodi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali (ara l-punt 151 iktar ’il fuq).

162    F’dan ir-rigward, is-sempliċi estensjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ impriża, fuq suq viċin, ma tistax tkun, fiha nnifisha, il-prova ta’ mġiba li tiddevja minn kompetizzjoni normali, anki jekk tali estensjoni twassal għall-għajbien jew għall-marġinalizzazzjoni ta’ kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 22, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134).

163    Barra minn hekk, kif jirriżulta essenzjalment mis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni (T‑5/02, EU:T:2002:264, punti 156, 158 u 217), l-effett ta’ lieva huwa terminu ġeneriku relatat mal-effetti li prattika kkonstatata f’suq jista’ jkollha f’suq ieħor. Dan it-terminu jista’ jkopri diversi prattiki differenti li jistgħu jkunu abbużivi, bħal, b’mod partikolari, bejgħ abbinat bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni ta’ prezzijiet bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (T‑336/07, EU:T:2012:172), jew ta’ tnaqqis għall-fedeltà fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250).

164    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-effetti ta’ lieva użati minn impriża dominanti ma humiex ipprojbiti bħala tali mill-Artikolu 102 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu huwa applikabbli għal tali prattiki. Għalhekk, għalkemm, f’dan l-istadju, ma hemmx il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-projbizzjoni tagħhom, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif ġie indikat fil-punt 163 iktar ’il fuq, li diversi tipi ta’ effetti ta’ lieva diġà ġew kkunsidrati kuntrarji għall-Artikolu 102 TFUE. B’mod partikolari, fis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 1344), il-Qorti Ġenerali qieset li l-prattiki inkwistjoni, jiġifieri l-bejgħ abbinat u r-rifjut li tingħata informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, kienu jiffurmaw parti minn ksur li kien jikkonsisti fl-applikazzjoni, minn Microsoft, ta’ strateġija ta’ effett ta’ lieva, jiġifieri l-użu tal-pożizzjoni dominanti li hija kellha fis-suq tas-sistemi operattivi għall-kompjuters personali (PC) tal-klijenti sabiex testendiha f’żewġt iswieq oħra viċini.

165    Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-responsabbiltà speċjali imposta fuq impriża dominanti għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, li juru sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mdgħajfa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u kif fakkret b’mod rilevanti l-Kummissjoni waqt is-seduta, hija ma għamlitx sempliċement referenza għal prattiki ta’ lieva sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

167    Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li, permezz ta’ effett ta’ lieva, Google kienet tistrieħ fuq il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tat-tiftix ġenerali sabiex tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi tagħha fis-suq tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri, billi tippromwovi l-pożizzjonament u d-dehra ta’ dan is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri u tar-riżultati tiegħu fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, meta mqabbla ma’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil, li r-riżultat tagħhom kellhom, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, tendenza li jiġu rrelegati fl-imsemmija paġni, permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament.

168    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata, li, filwaqt li r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jidhru biss bħala riżultati ġeneriċi, jiġifieri sempliċi links blu li, barra minn hekk, kellhom tendenza li jiġu rrelegati permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament, ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kienu, min-naħa tagħhom, ippożizzjonati b’mod prominenti fin-naħa ta’ fuq tal-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, ippreżentati f’format arrikkit u ma setgħux jiġu rrelegati minn dawn l-algoritmi, u dan wassal għal differenza fit-trattament fil-forma ta’ trattament preferenzjali minn Google tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha.

169    B’mod partikolari, il-Kummissjoni spjegat li, minħabba li kienu preżenti tliet ċirkustanzi speċifiċi, jiġifieri, l-ewwel, l-importanza tat-traffiku ġġenerat mill-mutur ta’ tiftix ġenerali ta’ Google għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, l-imġiba tal-utenti meta jwettqu tiftix fuq l-internet (Taqsima 7.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tielet, il-fatt li t-traffiku ddevjat li jirriżulta mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google huwa proporzjon kbir tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u ma jistax effettivament jiġi ssostitwit minn sorsi oħra (Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata), dan it-trattament preferenzjali kien ta’ natura li jwassal sabiex tiddgħajjef il-kompetizzjoni fis-suq.

170    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-importanza tat-traffiku ġġenerat mill-mutur ta’ tiftix ġenerali ta’ Google, fit-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 444 sa 450), il-Kummissjoni enfasizzat li dan kien, skont id-dikjarazzjoni ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri kompetitur riprodotta fil-premessa 444 tad-deċiżjoni kkontestata, l-“iktar vantaġġ sinjifikattiv ta’ mutur ta’ tiftix speċjalizzat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni għalhekk spjegat li dan it-traffiku kien iżid ir-rilevanza tar-riżultati ta’ tiftix speċjalizzati u b’mod partikolari il-freskezza u l-portata tal-offerta tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri billi tiżdied il-kapaċità tagħhom sabiex jikkonvinċu lin-negozjanti jipprovdulhom data dwar il-prodotti tagħhom (premessa 445), li dan kien jiġġenera dħul kemm minn kummissjonijiet imħallsa min-negozjanti, kif ukoll mir-reklamar fuq l-internet (premessa 446) u li kien jagħti informazzjoni dwar l-imġiba tal-utenti, li kien jippermetti li jkun hemm titjib fir-rilevanza u fl-utilità tar-riżultati permezz, b’mod partikolari, tal-effetti ta’ machine learning (premessa 447), esperimenti (premessa 448) jew is-suġġeriment ta’ termini oħra ta’ tiftix li setgħu jkunu ta’ interess għall-utenti (premessa 449).

171    Il-Kummissjoni b’hekk esponiet, essenzjalment, fit-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi traffiku kien jippermetti l-benefiċċju ta’ effetti ta’ network, sa fejn iktar ma jkun hemm żjarat mill-utenti tal-internet għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri, iktar kienet tikber ir-rilevanza u l-utilità tas-servizzi tiegħu u iktar negozjanti kienu inklinati li jużawh, u li dan it-traffiku kien jippermetti li jiġi ġġenerat dħul minn kummissjonijiet jew minn reklamar, fejn dan id-dħul seta’ jintuża, jekk ikun il-każ, sabiex titjib l-utilità tas-servizzi mogħtija u b’hekk dan is-servizz ikun differenti minn dak tal-kompetituri. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni esponiet li meta jiġi ġġenerat it-traffiku jkun hemm ċirku virtuż, jiġifieri titjib fir-rilevanza tar-riżultati u b’hekk jiġu attirati iktar utenti u finalment ikun hemm iktar dħul, minn imsieħba tar-reklamar jew bejjiegħa bl-internet li jpoġġu l-prodotti tagħhom fuq is-sit tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri, li jfisser, b’mod korrispondenti, li l-impriża kkonċernata setgħet tagħmel iktar investimenti sabiex ittejjeb jew, tal-inqas iżomm il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, f’settur, dak diġitali, fejn l-innovazzjoni hija ċ-ċavetta għas-suċċess kummerċjali. Min-naħa l-oħra, it-telf ta’ traffiku jista’ jwassal għal ċirku vizzjuż u, eventwalment, għal ħruġ mis-suq, minħabba l-inabbiltà li jkun hemm kompetittività fuq elementi essenzjali bħar-rilevanza tar-riżultati u l-innovazzjoni, li huma relatati, peress li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri iwettqu innovazzjoni sabiex itejbu r-rilevanza tar-riżultati tagħhom u b’hekk jiġbdu iktar traffiku u għalhekk iktar dħul.

172    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-imġiba tal-utenti, il-Kummissjoni indikat li t-trattament preferenzjali implimentat minn Google li kien jikkonsisti fl-ippreżentar b’mod iktar viżibbli r-riżultati rispettivi tagħha u b’mod inqas viżibbli r-riżultati tal-kompetituri setgħet tinfluwenza l-imġiba tal-utenti tal-internet meta jkunu jixtiequ jikkonsultaw siti tal-internet ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.3.1 u l-premessi 454 sa 461 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 455 sa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utenti kienu jikkonċentraw ruħhom, ġeneralment, fuq l-ewwel tlieta sa ħames riżultati ta’ tiftix u ftit li xejn kienu jagħtu attenzjoni għar-riżultati li jiġu wara, u b’mod partikolari, għar-riżultati taħt il-parti immedjatament viżibbli tal-iskrin (fold). Għalhekk, fil-premessa 535 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni argumentat li l-utenti kellhom inklinazzjoni li jassumu li r-riżultati l-iktar viżibbli kienu l-iktar rilevanti, u dan irrispettivament mir-rilevanza effettiva tagħhom.

173    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-impatt tat-traffiku ddevjat, il-Kummissjoni enfasizzat li dan kien jirrappreżenta proporzjon qawwi tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u ma setax effettivament jiġi ssostitwit minn sorsi oħra, inkluż ir-reklami bil-kliem, l-applikazzjonijiet fuq il-telefown ċellulari, it-traffiku dirett, ir-riferimenti lejn is-siti msieħba, in-networks soċjali jew il-muturi ta’ tfittxija oħra (Taqsima 7.2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

174    Il-Kummissjoni, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, qieset li, fid-dawl tal-isfond imfakkar fil-punti 168 sa 173 iktar ’il fuq, importanza tat-traffiku ta’ Google li jirriżulta mill-paġni ta’ tiftix ġenerali tagħha u n-natura mhux sostitwibbli tiegħu huma ċirkustanzi rilevanti li jistgħu jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ prattiki li jifformawx parti minn kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu.

175    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tikkonstata l-eżistenza ta’ effett ta’ lieva u li, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza, ikklassifikat fid-dritt il-prattiki ta’ Google li jakkumpanjaw dan l-effett, billi bbażat ruħha fuq kriterji rilevanti. B’hekk, jekk jitqies li t-trattament preferenzjali u l-effetti tiegħu, identifikati fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-swieq ikkonċernati, ġew validament ipprovati mill-Kummissjoni, li ser jiġi vverifikat fid-dawl tal-motivi u tal-argumenti kollha, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li dan it-trattament preferenzjali ma kien jifforma parti minn kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu.

176    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrimarkat li, fid-dawl tal-vokazzjoni universali tal-mutur ta’ tfittxija ġenerali ta’ Google, li, kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kkonċepit sabiex jindiċja riżultati li jinkludu l-kontenut kollu possibbli, il-promozzjoni, fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, ta’ tip ta’ riżultati speċjalizzati, jiġifieri dawk tagħha, meta mqabbla mar-riżultati speċjalizzati kompetituri, ma hijiex, f’xi forma, normali.

177    Fil-fatt, l-infrastruttura inkwistjoni, jiġifieri l-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google li jiġġeneraw traffiku lejn is-siti l-oħra tal-internet, b’mod partikolari dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, hija infrastruttura, bħala regola, miftuħa, li hija differenti minn infrastrutturi oħra msemmija fil-ġurisprudenza u li hija magħmula minn assi tanġibbli (sistemi ta’ distribuzzjoni tal-istampa) jew intanġibbli (drittijiet ta’ proprjetà intellettwali) li l-valur tagħhom jiddependi mill-abbiltà tal-proprjetarju tagħhom li jżomm l-użu esklużiv tagħhom.

178    B’kuntrast mal-infrastrutturi msemmija l-aħħar, l-għan prinċipali u l-valur ta’ mutur ta’ tfittxija ġenerali qiegħed fl-abbiltà tiegħu li jkun miftuħ għal riżultati li ġejjin minn barra, jiġifieri minn sorsi terzi, u li jippreżenta dawn il-pluralità ta’ sorsi differenti fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tiegħu, sorsi li jarrikkixxu u jagħmlu iktar kredibbli lil dan il-mutur ta’ tfittxija fir-rigward tal-pubbliku ġenerali u li jippermettilu jibbenefika minn effetti ta’ network u ta’ ekonomiji ta’ skala essenzjali għall-iżvilupp u għall-manteniment tiegħu, f’suq fejn, min-natura tagħhom, ftit infrastrutturi ta’ dan it-tip jistgħu jkomplu joperaw, minħabba l-imsemmija effetti ta’ network. Fil-fatt, huwa meħtieġ numru kbir ħafna ta’ utenti sabiex jintlaħaq id-daqs kritiku li jista’ jikkumpensa għan-natura bla ħlas tas-servizz fuq naħa waħda tas-suq u l-ġenerazzjoni tad-dħul mir-reklamar, fuq in-naħa l-oħra tiegħu, b’tali mod li, għal mutur ta’ tfittxija, il-fatt li r-riżultati tiegħu jiġu limitati għal dawk tiegħu jippreżenta element ta’ riskju u ma huwiex neċessarjament razzjonali, ħlief f’sitwazzjoni, bħal f’dan il-każ, fejn id-dominanza u l-barrieri għad-dħul huma tali li ebda dħul fis-suq f’terminu suffiċjentement qasir ma huwa possibbli bħala risposta għal dik il-limitazzjoni tal-għażla tal-utenti tal-internet.

179    Għalhekk, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li Google tagħti trattament preferenzjali lir-riżultati speċjalizzati rispettivi tagħha, meta mqabbla mar-riżultati ta’ terzi, li jidher li huwa l-oppost tal-mudell ekonomiku li kien il-bażi tas-suċċess inizjali tal-mutur ta’ tfittxija tagħha, ma jistax ma jkunx, f’xi forma, anormali. Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 133 iktar ’il fuq, huwa l-awtur ta’ din id-differenza fit-trattament li għandu jiġġustifikaha fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T-691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1377 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat, għal finijiet ta’ kompletezza, li, għalkemm f’sitwazzjoni differenti minn dik f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ fornituri ta’ aċċess għall-internet, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015, li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1), ried jimponi fuq dawn il-fornituri obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza tat-traffiku, li ma tista’ fl-ebda każ issir deroga minnu permezz ta’ prattiki kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punt 47). L-eżistenza ta’ tali għażla tal-leġiżlatur u l-obbligu legali ta’ trattament nondiskriminatorju li jirriżulta minnha għall-fornituri ta’ aċċess għall-internet fis-suq upstream ma jistgħux jiġu injorati fl-analiżi tal-prattiki ta’ operatur bħal Google fis-suq downstream, fid-dawl tal-pożizzjoni ultra-dominanti, mhux ikkontestata, ta’ Google fis-suq tat-tiftix ġenerali u tar-responsabbiltà speċjali tagħha li bl-imġiba tagħha ma tippreġudikax il-kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq intern. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti jekk test leġiżlattiv jimponix, jew le, b’mod ġenerali, tali aċċess nondiskriminatorju għar-riżultati ta’ tiftix fuq l-internet, sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġi żgurat li d-diversi operaturi ekonomiċi jkollhom opportunitajiet indaqs (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C-280/08 P, EU:C:2010:603, punt 230 u l-ġurisprudenza ċċitata), li huwa konsistenti mal-possibbiltà, meta jkun hemm involuti prattiki ta’ trattament preferenzjali implimentati minn operaturi f’pożizzjoni dominanti fis-settur tal-internet, li ċerti differenzi ta’ trattament jiġu kkunsidrati bħala li jmorru kontra l-Artikolu 102 TFUE.

181    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-VDZ, id-devjazzjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu tal-imġiba inkwistjoni, jekk jitqies li hija stabbilita, tkun iktar ċara peress li sseħħ wara bidla fl-imġiba tal-operatur dominanti. Fil-fatt, Google biddlet l-imġiba tagħha fis-suq tat-tiftix ġenerali.

182    Mill-proċess jirriżulta li Google, storikament, l-ewwel kienet tipprovdi servizzi ta’ tiftix ġenerali u kisbet pożizzjoni “superdominanti” f’dan is-suq ikkaratterizzat minn barrieri qawwija ferm għad-dħul. F’dan is-suq, Google kienet tippreżenta riżultati li kienu jidderiġu lill-utenti lejn servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Barra minn hekk, Google kienet tippreżenta r-riżultati tas-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat kollha bl-istess mod u skont l-istess kriterji. L-għan stess ta’ servizz ta’ tiftix ġenerali huwa, wara kollox, dak li jfittex u jagħmel indiċi tal-ikbar numru possibbli ta’ paġni tal-internet sabiex jippreżenta r-riżultati kollha li jikkorrispondu ma’ tfittxija.

183    Iktar tard, Google bdiet topera fis-suq tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri. Fiż-żmien meta Google bdiet l-attivitajiet tagħha fis-suq tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri, kienu diġà jeżistu diversi fornituri ta’ tali servizzi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-pożizzjoni “superdominanti” tagħha, tar-rwol tagħha bħala bieb ta’ aċċess għall-internet u tal-barrieri qawwija ferm għad-dħul fis-suq tat-tiftix ġenerali, kellha obbligu msaħħaħ li ma tippreġudikax , permezz tal-imġiba tagħha, kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq marbut tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri.

184    Skont il-Kummissjoni, wara li daħlet fis-suq tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri u wara li esperjenzat falliment tal-paġna internet tagħha ddedikata għal dan is-servizz (Froogle), Google biddlet il-prattiki tagħha fis-suq iddominat tat-tiftix ġenerali, u dan kellu l-effett li żdiedet il-viżibbiltà tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fuq il-paġni tar-riżultati tat-tiftix ġenerali. Fil-fatt, b’effett mit-tnedija tar-riżultati għal prodotti miġbura fi grupp, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kollha ma baqgħux iktar jiġu ttrattati bl-istess mod. Google poġġiet fuq quddiem ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat rispettivi tagħha (pożizzjonament u dehra) u rrelegat ir-riżultati tal-kompetituri tagħha li, barra minn hekk, lanqas ma kienu jibbenefikaw mill-istess tip ta’ dehra (sempliċi “links blu” mingħajr stampa jew test arrikkit). Il-bidla fl-imġiba ta’ Google kellha l-konsegwenza li tnaqqas il-viżibbiltà tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u, fl-istess ħin, li żżid il-viżibbiltà tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. B’hekk, l-implimentazzjoni tal-prattiki inkwistjoni ppermettiet li Google tenfasizza s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fuq il-paġni tar-riżultati ta’ tiftix ġenerali tagħha filwaqt li għamlet kważi inviżibbli fuq dawn il-paġni s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, li, bħala regola, ma jikkorrispondix mal-għan mistenni minn servizz ta’ tiftix ġenerali.

185    B’hekk, bla ħsara għal kwistjoni ta’ jekk it-trattament preferenzjali u l-effetti tiegħu identifikati fi tmiem l-analiżi miġbura fil-qosor fil-punti 170 sa 173 iktar ’il fuq ġewx stabbiliti b’mod validu, l-imġiba ta’ Google ma tistax, bħala tali, tifforma parti minn kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu.

186    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument ta’ Google li d-dehra tal-Product Universals u tax-Shopping Units ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala abbużiva, sa fejn dawn ir-riżultati u dawn ir-reklami kienu jikkostitwixxu titjib kwalitattiv tas-servizzi tagħha li jifforma parti minn kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu.

187    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-argument ta’ Google huwa msejjes fuq il-premessa żbaljata li l-imġiba inkwistjoni tikkonsisti biss fil-preżentazzjoni u fil-pożizzjonament partikolari tal-Product Universals u tax-Shopping Units, filwaqt li din l-imġiba tikkonsisti f’żewġ prattiki meħuda flimkien, jiġifieri, il-promozzjoni tar-riżultati speċjalizzati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u r-relegazzjoni fl-istess ħin tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Google ma tikklassifikax ir-relegazzjoni tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, iżda mhux tagħha, bħala “titjib kwalitattiv”, li jista’ jikkaratterizza kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu.

188    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi Google, mill-ebda waħda mis-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni fil-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jirriżulta li mġiba li twassal għal titjib tal-prodott jew tas-servizz ma tistax tikkostitwixxi, fiha nnifisha, forma awtonoma ta’ abbuż meta l-imsemmi titjib iwassal li impriża f’pożizzjoni dominanti tagħti trattament preferenzjali lill-prodott jew lis-servizz rispettivi tagħha bl-użu ta’ mezzi li huma differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu u li din l-imġiba jista’ jkollha effetti antikompetittivi. F’dan ir-rigward, kif tenfasizza korrettament il-VDZ, it-titjib ta’ prodott jew ta’ servizz ta’ natura teknika jew kummerċjali ma jista’ jiġi kkunsidrat biss fl-istadju tal-eżami tal-eventwali ġustifikazzjonijiet oġġettivi u tal-eventwali titjib fl-effiċjenza miksub permezz ta’ dan it-titjib.

189    Din il-konklużjoni li l-imġiba ta’ Google, jekk jiġi stabbilit li tista’ tiġi kklassifikata bħala li tagħti trattament preferenzjali, tista’ ma tkunx kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu ma hijiex invalidata mill-argumenti taċ-CCIA li l-assenza ta’ test legali ċar fid-deċiżjoni kkontestata jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

190    Qabelxejn, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument billi ssostni li huwa inammissibbli, għaliex, essenzjalment, huwa ġdid meta mqabbel mal-argumenti ta’ Google.

191    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, it-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. B’hekk, parti li ġiet aċċettata li tintervjeni f’kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tibdel is-suġġett tal-kawża kif deskritt mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet fil-kawża prinċipali. Minn dan isegwi li huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li jidħlu fil-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u minn dawn il-motivi li huma ammissibbli (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C-654/17 P, EU:C:2019:634, punt 50). Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

192    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li intervenjent jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li hija ssostni, għax inkella l-intervent tiegħu jkun limitat għal repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rikors, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettulu jimmodifika jew ibiddel il-kuntest tal-kawża ddefinit mir-rikors billi jitqajmu motivi ġodda (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, T-155/04, EU:T:2006:387, punt 42).

193    Madankollu, f’dan il-każ, l-argument inkwistjoni huwa mqajjem insostenn tal-argument ta’ Google li, b’mod oppost għall-ġurisprudenza dwar abbuż permezz tal-effett ta’ lieva, il-Kummissjoni, f’dan il-każ partikolari, ma identifikat l-ebda element speċifiku li jiddistingwixxi l-imġiba inkwistjoni minn dik li tifforma parti minn kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu, u dan filwaqt li tislet konklużjoni konkreta għall-membri taċ-CCIA, jiġifieri ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument huwa ammissibbli.

194    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-mertu ta’ dan l-argument, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali tirrikjedi li istituzzjonijiet jevitaw, bħala prinċipju, l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw fl-implementazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2016, L‑Irlanda u Aughinish Alumina vs Il‑Kummissjoni, T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV‑II, EU:T:2016:227, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    F’dan il-każ, ċertament, il-premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi r-raġunijiet li għalihom il-prattiki inkwistjoni ma jifformawx parti minn kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu billi tindika, essenzjalment, li, minn naħa, dawn il-prattiki ddevjaw it-traffiku u, min-naħa l-oħra, li dawn jista’ jkollhom effetti antikompettitivi. B’hekk, permezz ta’ din il-premessa, moqrija waħidha, mill-eżistenza ta’ effetti ta’ esklużjoni li jirriżultaw minn dawn il-prattiki, il-Kummissjoni donnha ddeduċiet li dawn jiddevjaw minn kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Tali deskrizzjoni bbażata biss fuq l-effetti ta’ esklużjoni tal-prattiki tista’ tagħti lok għal mistoqsijiet dwar jekk it-test użat mill-Kummissjoni sabiex tikkaratterizza l-ksur tal-Artikolu 102 TFUE huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 157 iktar ’il fuq jirriżulta li kwalunkwe prattika, irrispettivament minn jekk hijiex tariffarja jew le, li għandha effetti ta’ esklużjoni ma tistax tiġi kkunsidrata, minħabba dan il-fatt biss, bħala antikompetittiva.

196    Madankollu, il-premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara flimkien mal-premessa 342 tal-imsemmija deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni tesponi, “sabiex turi għaliex l-imġiba hija abbużiva u ma taqax fil-kamp tal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkonsistu fil-fatt li Google tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi tagħha għad-detriment tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil u li dan it-trattament preferenzjali sseħħ f’kuntest partikolari. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni telenka, f’din il-premessa, id-diversi elementi li ħadet inkunsiderazzjoni sabiex turi għaliex il-prattika hija abbużiva u ma tifformax parti minn kompetizzjoni abbażi tal-mertu u, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 170 sa 173 iktar ’il fuq, it-tliet kriterji dwar l-importanza tat-traffiku ġġenerat mill-mutur ta’ tfittxija ġenerali ta’ Google għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata), l-imġiba tal-utenti waqt li jwettqu tiftix fuq l-internet (Taqsima 7.2.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u n-natura mhux effettivament sostitwibbli tat-traffiku ddevjat (Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

197    Għalhekk, l-analiżi tal-Kummissjoni li twassal għal konstatazzjoni ta’ abbuż ma hija bl-ebda mod “inkoerenti”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 194 iktar ’il fuq, mal-ġurisprudenza fuq l-abbuż permezz tal-effett ta’ lieva ċċitata fil-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tippermetti li jiġi konkluż li hemm ksur billi tibbaża ruħha, minn naħa, fuq elementi suspettużi fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni (b’mod partikolari differenza fit-trattament mhux iġġustifikata) li huma assenti fil-każ ta’ rifjut ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, fuq ċirkustanzi speċifiċi, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq u relatati man-natura tal-infrastruttura li minnha oriġinat din id-differenza fit-trattament (f’dan il-każ, b’mod partikolari, l-importanza u l-fatt li ma hijiex effettivament sostitwibbli).

198    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti talħames motiv, li tgħid li lKummissjoni tirrikjedi li Google tipprovdi lisservizzi kompetituri ta’ tqabbil taxxiri aċċess għasservizzi mtejba tagħha mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet identifikati fil-ġurisprudenza

1)      Largumenti talpartijiet

199    It-tieni parti tal-ħames motiv ta’ annullament huwa intiż sabiex jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrikjedi li Google tagħti lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri l-aċċess għas-servizzi li jirriżultaw mit-titjib tagħha fir-rigward tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet identifikati fil-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, dawk applikabbli għall-infrastrutturi kklassifikati bħala faċilitajiet essenzjali.

200    Fl-ewwel lok, Google tenfasizza li din hija tabilħaqq il-portata tad-deċiżjoni kkontestata, li timponilha l-obbligu li tipprovdi, anki jekk l-imġiba inkwistjoni hija deskritta sempliċement bħala trattament preferenzjali, fis-sens li Google tagħti preferenza lir-riżultati ta’ tiftix tagħha meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri. F’dan ir-rigward, Google tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-premessi 538 u 662 tad-deċiżjoni kkontestata, b’din tal-aħħar tindika li “[l-]abbuż stabbilit f’din id-deċiżjoni jinstab biss fil-fatt li Google ma tippożizzjonax u ma tippreżentax bl-istess mod ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi tagħha u dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Google tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata ma tidentifika l-ebda kriterju u lanqas prinċipju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn dan il-ksur inkwistjoni u kawża li tirrigwarda obbligu ta’ provvista. Ma huwiex rilevanti wisq li d-deċiżjoni użat formulazzjoni oħra sabiex tissanzjona rifjut ta’ provvista. Il-ħtieġa li jiġu applikati l-kriterji marbuta ma’ obbligu ta’ provvista tiddependi mill-mertu u min-natura ta’ dan l-obbligu u mhux mill-mod ta’ kif huwa miktub.

201    L-allegazzjoni ta’ trattament preferenzjali fid-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, fir-realtà, l-aċċess tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għat-“teknoloġiji u disinni” ta’ Google, inkwantu l-Kummissjoni ma tippruvax tipprekludi lil Google milli tippreżenta l-Product Universals u x-Shopping Units (premessi 656 u 662 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda tikkritikaha talli ma ppożizzjonatx u ma urietx is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri bl-istess mod, li jkun jimplika li dawn kellhom aċċess għall-imsemmija “teknoloġiji u disinni”. L-istess argument bħal dak imqajjem mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonstata prattika ta’ trattament preferenzjali seta’ jitqajjem fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), peress li l-editur tal-istampa kkonċernat, Mediaprint, kien jinkludi l-gazzetti tiegħu fin-network ta’ distribuzzjoni tiegħu u mhux dawk tal-kompetitur tiegħu. Bl-istess mod, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, EU:C:1985:394), seta’ jiġi sostnut li l-istazzjon tat-televiżjoni inkwistjoni kien jagħti trattament preferenzjali lis-servizzi ta’ telemarketing tiegħu billi jawtorizza biss ir-reklami li kellhom in-numru tat-telefon rispettiv tiegħu. B’hekk, skont Google, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata, kull obbligu ta’ provvista jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala att ta’ trattament preferenzjali mingħajr il-ħtieġa li tiġi osservata l-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà rikjesta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. Is-sentenzi kollha li fihom hija eżiġiet li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta jiġu mminati. Kif enfasizzat il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), meta adita minn ilmenti relatati mal-istess fatti ta’ trattament preferenzjali, l-impriżi ma għandhomx jagħtu sussidju lill-kompetituri tagħhom.

202    Barra minn hekk, Google ma għandhiex tiġi kkritikata li ħolqot barrieri għad-dħul jew restrizzjonijiet li jipprekludu lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri milli jattiraw it-traffiku minn sorsi terzi. Peress li l-allegati effetti antikompetittivi rriżultaw minn nuqqas ta’ aċċess għat-traffiku ta’ Google, kienet il-Kummissjoni li kellha tipprova, konformement mas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), li dan l-aċċess kien “indispensabbli” għall-kompetizzjoni u li n-nuqqas ta’ aċċess kien jirriskja li tiġi eliminata l-kompetizzjoni.

203    Fit-tieni lok, Google tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata ma ġiex muri li l-aċċess għas-servizzi tagħha kien indispensabbli għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u li, mingħajr tali aċċess, il-kompetizzjoni reali setgħet tkun eliminata, kundizzjonijiet li, skont il-ġurisprudenza, huma neċessarji sabiex impriża dominanti tiġi suġġetta għal obbligu ta’ provvista. Id-deċiżjoni kkontestata b’hekk tindika biss li t-traffiku ta’ tfittxija ta’ Google huwa “importanti għall-kapaċità li servizz ta’ tqabbil tax-xiri jkun kompetittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 444) mingħajr qatt ma wriet li dan it-traffiku huwa “indispensabbli”, u sempliċement tiddikjara li s-sorsi l-oħra ta’ traffiku huma inqas vantaġġużi għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (premessa 542).

204    Fit-tielet lok, Google żżid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod żbaljat titbiegħed mill-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ provvista billi tinvoka żewġ motivi żbaljati. Qabelxejn, fil-premessa 650 tad-deċiżjoni kkontestata, hija esponiet li l-imġiba ta’ Google ma kinitx tikkonsisti f’sempliċi rifjut passiv ta’ aċċess għall-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, iżda kienet imġiba attiva li kienet tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha permezz ta’ pożizzjonament u dehra b’mod iktar favorevoli fuq dawn il-paġni. Skont Google, pereżempju fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, EU:C:1985:394, punt 5), minkejja li l-imġiba inkwistjoni kienet ukoll attiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura indispensabbli tas-servizz irrifjutat u r-riskju li tiġi eliminata kull kompetizzjoni sabiex jiġi kkunsidrat li impriża dominanti ma setgħetx tirriżerva dan is-servizz għaliha biss.

205    Sussegwentement, fil-premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kriterju ta’ indispensabbiltà ma kienx japplika, għaliex id-deċiżjoni kienet tirrikjedi biss li “Google twaqqaf il-prattiki” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u mhux li Google tittrasferixxi assi jew tikkonkludi ftehim ġodda. Madankollu, anki jekk Google setgħet effettivament, minflok tagħti aċċess għas-servizzi inkwistjoni billi tikkonkludi ftehim mal-persuni kkonċernati, tirrinunzja milli tużahom għall-benefiċċju tagħha, l-istess għażla kienet ukoll disponibbli għall-impriżi li fuqhom kien ġie impost obbligu ta’ provvista sabiex jintemm abbuż minn pożizzjoni dominanti.

206    Fil-qosor, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkontesta kemm t-titjib li jirrigwarda r-riżultati ta’ tiftix u r-reklami marbuta mal-prodotti kif ukoll it-teknoloġiji li fuqhom kien ibbażat minħabba li Google ma kinitx tat aċċess għalihom lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit abbuż abbażi ta’ dan ir-raġunament, il-Kummissjoni kellha turi li dan l-aċċess kien indispensabbli u li l-assenza tiegħu kienet toħloq ir-riskju li tiġi eliminata l-kompetizzjoni.

207    Iċ-CCIA  tqis b’mod iktar ġenerali li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-mutur ta’ tfittxija ta’ Google huwa gateway għall-internet. Illum, iktar minn qatt qabel, hemm diversi punti ta’ dħul għall-kompetizzjoni fuq l-internet u l-ebda sit ma huwa gateway għall-internet.

208    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li l-kriterji stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma humiex applikabbli f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, hija terġa’ tagħmel l-argumenti li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punti 204 u 205 iktar ’il fuq, u tispeċifika li ħalliet lil Google tagħżel il-mezzi kif tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, u dan kien ikopri kemm il-possibbiltà li tkompli tippreżenta x-Shopping Units fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha billi tintegra, fil-kuntest ta’ kuntratti, riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, kif ukoll il-possibbiltà li tirrinunzja li turi x-Shopping Units fuq din il-paġna.

209    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta’ Google li jista’ jkun hemm konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ rifjut ta’ provvista ta’ “faċilità essenzjali”, filwaqt li mġiba oħra antikompetittiva li għandha l-effett li testendi jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti fis-suq tista’ teżisti. Sa fejn il-Kummissjoni turi li l-kompetizzjoni tista’ tkun ristretta permezz tal-imġiba antikompetittiva ta’ impriża dominanti, hija ma tkunx obbligata turi li kien hemm rifjut min-naħa ta’ din l-impriża li tagħti prodott jew servizz indispensabbli lill-kompetituri tagħha. Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni (T-65/98, EU:T:2003:281, punti 159 u 161).

210    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, insostenn tal-Kummissjoni, li, kuntrarjament għall-każ li kien is-suġġett tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), l-aċċess għal “faċilità essenzjali” ma huwiex inkwistjoni f’dan il-każ. Fl-opinjoni tagħha, Google “kienet tipprovdi” diġà lill-kompetituri tagħha billi tagħtihom aċċess għas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha. F’dan il-każ, bħas-sitwazzjoni li wasslet għall-imsemmija sentenza, ma hemmx esklużjoni tal-kompetituri. Għall-kuntrarju, l-ilment tal-Kummissjoni kontra Google jirrigwarda l-preżentazzjoni b’mod inqas favorevoli tas-servizzi tal-kompetituri meta mqabbla mas-servizz rispettivi tagħha, peress li r-riżultati tal-kompetituri kienu ppreżentati bħala inqas rilevanti minn dawk ta’ Google.

211    Il-VDZ tiddikjara li l-imġiba inkwistjoni tikkostitwixxi każ tipiku ta’ abbuż permezz ta’ effett ta’ lieva simili għal prattiki diġà kkundannati bħall-akkoppjament tas-swieq u l-bejgħ abbinat, il-kompressjoni tal-marġni u xi tipi partikolari ta’ rifjut ta’ provvista u li din l-imġiba kienet ittrattata bħala tali.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

212    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma kinux applikabbli għall-fatti tal-każ inkwistjoni minħabba, b’mod partikolari, tliet raġunijiet. Il-Kummissjoni kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-abbużi permezz tal-effett ta’ lieva kienu jikkostitwixxu forom ta’ abbuż stabbiliti sewwa u awtonomi li ma jifformawx parti mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu (premessa 649), fit-tieni lok, li l-prattiki inkwistjoni ma kinux jikkonċernaw rifjut ta’ aċċess passiv minn Google għall-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, iżda imġiba attiva ta’ trattament preferenzjali permezz ta’ promozzjoni tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha meta mqabbel mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil (premessa 650) u, fit-tielet lok, li, f’dan il-każ, ma kienx meħtieġ li l-impriża inkwistjoni, sabiex ittemm l-abbuż, tittrasferixxi xi assi minn tagħha jew tikkonkludi kuntratti ma’ persuni li ma tkunx għażlet. Il-Kummissjoni ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikabbiltà tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), abbażi ta’ din l-aħħar raġuni billi ċċitat is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni (T‑65/98, EU:T:2003:281, punt 161) (premessa 651).

213    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sabiex rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti l-aċċess għal servizz ikun jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa neċessarju li dan ir-rifjut ikun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa ta’ dak li qiegħed jitlob is-servizz, li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u li s-servizz stess ikun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dak li jitolbu fis-sens li fir-rigward tiegħu ma kienet teżisti ebda sostituzzjoni reali jew potenzjali (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41; ara, wkoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il‑Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Essenzjalment, fil-qafas tat-tieni parti tal-ħames motiv, Google tikkritika lill-Kummissjoni li ttrattat il-prattiki inkwistjoni bħala “rifjut ta’ provvista” mingħajr ma vverifikat, b’mod partikolari, in-natura “indispensabbli” tal-aċċess għall-elementi kkonċernati, jiġifieri l-paġni tar-riżultati ġenerali u r-riżultati speċjalizzati rispettivi tagħha (Product Universals u Shopping Units), u li kien hemm ir-riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni, kif kellha tagħmel fid-dawl tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Il‑Kummissjoni għalhekk issanzjonat rifjut ta’ provvista filwaqt li eżentat lilha nnifisha mill-kundizzjonijiet u mill-oneru tal-prova relatati mal-istabbiliment ta’ dan il-ksur.

215    Il-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), japplikaw, bħala prinċipju, għal infrastrutturi jew għal servizzi li ħafna drabi huma kklassifikati bħala “faċilità essenzjali” fis-sens li huma indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività f’suq, sa fejn ma teżisti ebda sostituzzjoni reali jew potenzjali għalihom (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, EU:T:1998:198, punti 208 u 212 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il‑Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li r-rifjut tal-aċċess għalihom jista’ jwassal għall-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni. Il-ġurisprudenza relatata mal-faċilitajiet essenzjali hija b’mod partikolari marbuta mas-sitwazzjonijiet fejn l-eżerċizzju liberu ta’ dritt esklużiv, li jissanzjona r-realizzazzjoni ta’ investiment jew ħolqien, jista’ jiġi limitat fl-interess ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 679 u tat‑18 ta’ Novembru 2020, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni, T‑814/17, taħt appell, EU:T:2020:545, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216    F’diversi okkażjonijiet (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punt 25; tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, EU:C:1985:394, punt 26; tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 56; tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41; tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health, C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 52; tat‑12 ta’ Ġunju 1997, Tiercé Ladbroke vs Il‑Kummissjoni, T‑504/93, EU:T:1997:84, punt 132, u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 332), il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li ispirat ruħha mid-duttrina tal-faċilitajiet essenzjali, użat il-kriterju tal-indispensabbiltà kif ukoll dak relatat mar-riskju li tiġi eliminata kull kompetizzjoni sabiex jikkaratterizzaw jew jeskludu l-eżistenza ta’ abbuż f’kawżi li kienu jirrigwardaw il-possibbiltà li impriża f’pożizzjoni dominanti tirriżerva għaliha nnifisha attività f’suq viċin.

217    Kif essenzjalment jispjega l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:264, punti 56, 57 u 62), l-għażla tal-kriterju tal-indispensabbiltà, kif ukoll ta’ dak relatat mar-riskju li tiġi eliminata kull kompetizzjoni, tikkorrispondi mal-volontà, minn perspettiva legali, li jiġi protett id-dritt ta’ impriża li tagħżel l-imsieħba kuntrattwali tagħha u li tiddisponi b’mod liberu mill-proprjetà tagħha, prinċipji universalment stabbiliti fis-sistemi legali tal-Istati Membri, u li xi drabi għandhom status kostituzzjonali, u minn perspettiva ekonomika, li tippromwovi, fuq perijodu twil ta’ żmien, il-kompetizzjoni, fl-interess tal-konsumaturi, billi tippermetti li kumpannija żżomm għall-użu rispettiv tagħha installazzjonijiet li tkun żviluppat. L-għan tat-tliet kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), u mfakkra fil-punt 213 iktar ’il fuq, huwa għalhekk li jiġi żgurat li l-obbligu impost fuq impriża f’sitwazzjoni dominanti li tipprovdi aċċess għall-infrastruttura tagħha ma jostakolax, b’mod definittiv, il-kompetizzjoni billi tnaqqas, għal din l-impriża, l-inċentiv inizjali sabiex tibni tali infrastruttura. Fil-fatt, impriża dominanti tkun inqas inkoraġġuta tinvesti f’infrastrutturi jekk il-kompetituri tagħha jkunu jistgħu, fuq talba, jikkondividu l-benefiċċji tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni, T‑814/17, taħt appell, EU:T:2020:545, punt 90).

218    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma minn Google li jgħidu li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 102 TFUE meta ssanzjonat il-prattiki inkwistjoni mingħajr ma stabbilixxiet li l-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), u b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà, kienu ssodisfatti.

219    Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, f’din il-kawża hemm involuti l-kundizzjonijiet tal-provvista minn Google tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha permezz tal-aċċess għall-paġni tar-riżultati ġenerali mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, peress li tali aċċess huwa, kif jirriżulta mit-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, ippreżentat bħala “importanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex jiġġenera t-traffiku fuq is-sit internet tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u għalhekk, finalment, għad-dħul u, kif jirriżulta mit-Taqsima 7.2.4.2, “mhux effettivament sostitwibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

220    B’hekk, kif jirriżulta mill-premessa 662 tad-deċiżjoni kkontestata, Google hija akkużata li ma ħallietx lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jibbenefikaw minn pożizzjonament u minn dehra simili għal dawk li minnhom kien jibbenefika s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u għalhekk li ma żguratx ugwaljanza fit-trattament bejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil.

221    F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tesponi, fil-premessa 699, li kull “miżura” ta’ eżekuzzjoni għandha tiżgura li Google ma tittrattax is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri “b’mod inqas favorevoli” mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha u fil-premessa 700(c), li kull miżura ta’ eżekuzzjoni għandha tissuġġetta s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google għall-“istess proċessi u metodi” ta’ pożizzjonament u ta’ dehra bħal dawk użati għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kkonċernati.

222    Id-deċiżjoni kkontestata b’hekk tikkontempla aċċess ugwali tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għall-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, irrispettivament mit-tipi ta’ riżultati inkwistjoni (riżultati ġeneriċi, Product Universals jew Shopping Units) u għalhekk tfittex li tagħti l-aċċess lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għall-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google f’pożizzjonament u b’dehra viżibbli daqs dawk tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, anki jekk ma teskludix li, sabiex teżegwixxi l-miżuri korrettivi mitluba mill-Kummissjoni, Google tirrinunzja milli turi u tippożizzjona s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha b’mod iktar favorevoli mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha.

223    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, affaċċjata minn din il-kwistjoni ta’ aċċess, kif jirriżulta mill-premessi 649 sa 652 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment, minn tal-inqas b’mod espress, għall-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), sabiex tikkunsidra li l-abbuż kien stabbilit. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessi 334 u 649 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza applikabbli għall-abbużi permezz tal-effett ta’ lieva sabiex tikkunsidra li l-prattiki antikompetittivi inkwistjoni kienu stabbiliti. Il-Kummissjoni kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li Google kienet tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tat-tiftix ġenerali bħala lieva sabiex tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fis-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, b’din l-imġiba preferenzjali twassal għal esklużjoni potenzjali jew reali tal-kompetizzjoni fis-suq downstream (premessi 341 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google tippreżenta karatteristiċi li jagħmluha simili għal faċilità essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, EU:T:1998:198, punti 208 u 212 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il‑Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata), fis-sens li attwalment ma jeżisti ebda sostitut reali jew potenzjali disponibbli li jippermetti li tiġi ssostitwita b’mod ekonomikament vijabbli fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 208, 388, 390, 421 u 436).

225    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat, kif jirriżulta mill-punti 170 sa 173 iktar ’il fuq, li, fit-Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li t-traffiku ta’ tiftix ġenerali mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google kien jirrappreżenta proporzjon qawwi tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u li dan it-traffiku ma setax effettivament jiġi ssostitwit b’sorsi oħra ta’ traffiku attwalment disponibbli għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, elementi li huma ppreżentati bħala aspetti essenzjali fl-analiżi tal-imġiba abbużiva.

226    Il-Kummissjoni għalhekk speċifikat, fit-Taqsima 7.2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li attwalment ma jeżistux alternattiva vijabbli għal traffiku li jirrappreżenta parti kbira mill-attività tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Fil-premessa 588 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li “it-traffiku mill-muturi ta’ tfittxija ġenerali l-oħra (bħal Bing jew Yahoo) kien negliġibbli u x’aktarx ma kienx ser jiżdied minħabba barrieri għad-dħul fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessi 285 sa 305 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-barrieri għad-dħul fis-swieq tat-tiftix ġenerali. Hija kkunsidrat li dawn il-barrieri kienu ġejjin minn investimenti sinjifikattivi kif ukoll minn effetti ta’ skala u ta’ network. Hija spjegat kif l-istorja tas-swieq tat-tiftix ġenerali kienet tikkorrobora l-eżistenza ta’ dawn il-barrieri għad-dħul, bi dħul sinjifikattiv wieħed biss fis-suq mill-2009 (dak ta’ Microsoft b’Bing) u pożizzjoni kważi monopolistika ta’ Google (fuq skala kważi mondjali). Fil-premessa 544 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ukoll li investiment ikbar fir-reklami bil-kliem sabiex jikkumpensa għat-telf ta’ traffiku li ġej mill-mutur ta’ tfittxija ta’ Google ma kienx jikkostitwixxi soluzzjoni “ekonomikament vijabbli”, u dan jgħodd ukoll għas-sorsi l-oħra tat-traffiku bħall-applikazzjonijiet għat-telefown ċellulari jew it-traffiku dirett (premessi 568 u 580).

227    Għalhekk, billi kkonstatat li t-traffiku ġġenerat mill-paġni ta’ tiftix ġenerali ta’ Google ma kinux “effetivament sostitwibbli” u li s-sorsi l-oħra ta’ traffiku ma kinux “ekonomikament vijabbli”, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-traffiku ta’ Google kien indispensabbli għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija għal dak li jirrigwarda sistema operattiva għall-kompjuter b’karatteristiċi simili, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 208, 388, 390, 421 u 436).

228    Finalment, fit-Taqsima 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prattiki inkwistjoni setgħu jwasslu għall-eliminazzjoni potenzjali ta’ kull kompetizzjoni. Il-Kummissjoni b’hekk indikat, fil-premessa 594 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prattiki “setgħu jwasslu sabiex is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma jibqgħux jipprovdu s-servizzi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

229    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-prattiki inkwistjoni, kif issostni Google, ma humiex estranei għall-kwistjoni ta’ aċċess, dawn madankollu huma, fl-elementi kostituttivi tagħhom, differenti mir-rifjut ta’ provvista inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), u dan jiġġustifika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidrahom mill-perspettiva ta’ kriterji oħra differenti minn dawk rispettivi għal din il-kawża.

230    Fil-fatt, mhux kull kwistjoni totali jew parzjali ta’ aċċess, bħal dik f’dan il-każ, timplika, neċessarjament, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) relatati mar-rifjut ta’ provvista.

231    Dan jgħodd, b’mod partikolari, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessa 649 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 212 iktar ’il fuq), meta l-prattika inkwistjoni tikkonsisti f’imġiba awtonoma li hija differenti, fl-elementi kostituttivi tagħha, minn rifjut ta’ provvista, anki jekk jista’ jkollha l-istess effetti ta’ esklużjoni.

232    Fil-fatt, “rifjut” ta’ provvista li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), jimplika, minn naħa, natura espressa, jiġifieri l-eżistenza ta’ “talba” jew fi kwalunkwe każ ta’ xewqa li jingħata aċċess u ta’ “rifjut” korrispondenti u, min-naħa l-oħra, li l-avveniment li jagħti lok għall-effett ta’ esklużjoni, jiġifieri l-imġiba inkwistjoni, jinsab prinċipalment fir-rifjut bħala tali u mhux fi prattika estrinsika bħal, b’mod partikolari, forma oħra ta’ abbuż permezz ta’ effett ta’ lieva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punti 24 u 25; tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, EU:C:1985:394, punti 26 u 27; tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punti 9, 11, 54 u 55; tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punti 8, 11 u 47; tat‑12 ta’ Ġunju 1997, Tiercé Ladbroke vs Il‑Kummissjoni, T‑504/93, EU:T:1997:84, punti 5, 7, 110, 131 u 132, u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 2 u 7).

233    Għall-kuntrarju, l-assenza ta’ tali rifjut espress ta’ provvista teskludi li jiġu kklassifikati bħala rifjut ta’ provvista u analizzati mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet stretti stipulati għal tali rifjut, prattiki li, għalkemm il-konsegwenza tagħhom tista’ tkun, in fine, rifjut impliċitu ta’ aċċess, jikkostitwixxu, fid-dawl tal-elementi kostituttivi tagħhom li, minħabba n-natura tagħhom stess, ma jifformawx parti mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, ksur awtonomu tal-Artikolu 102 TFUE.

234    Kif iddikjara, qabelxejn, l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni u Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni (C-152/19 P u C-165/19 P, EU:C:2020:678, punti 85 sa 89), il-prattiki kollha jew, minn tal-inqas, il-maġġoranza tal-prattiki li jistgħu jillimitaw jew jeliminaw il-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“prattiki ta’ esklużjoni”) jistgħu jikkostitwixxu rifjuti impliċiti ta’ provvista, peress li jistgħu jagħmlu l-aċċess għal suq iktar diffiċli. Madankollu, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma tistax tiġi applikata għal dawn il-prattiki kollha mingħajr ma jiġu miksura l-kliem u l-ispirtu tal-Artikolu 102 TFUE, li l-portata tiegħu ma tistax tiġi limitata għall-prattiki abbużivi li jirrigwardaw prodotti jew servizzi “indispensabbli” fis-sens ta’ din is-sentenza.

235    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’diversi kawżi li, bħal f’dan il-każ, kienu jqajmu kwistjonijiet ta’ aċċess għal servizz, ma ġietx mitluba l-produzzjoni tal-prova li l-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà ġiet issodisfatta. Dan kien il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattiki ta’ kompressjoni ta’ marġni (sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 55 sa 58, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 75) u ta’ bejgħ abbinat (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 961).

236    F’dan ir-rigward, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-punti 48 u 49 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut abbużiv ta’ provvista għandhom neċessarjament japplikaw fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ imġiba li tikkonsisti fil-fatt li l-provvista ta’ servizzi jew il-bejgħ ta’ prodotti jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet żvantaġġużi jew għal kundizzjonijiet li taħthom ix-xerrej jista’ ma jkunx interessat, peress li tali mġiba, fiha nnifisha, tista’ tikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż differenti mir-rifjut ta’ provvista (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 55 u 56; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punti 75 u 96).

237    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mit-Taqsima 7.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki inkwistjoni huma bbażati, skont il-Kummissjoni, fuq diskriminazzjoni interna bejn is-servizz rispettivi ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, permezz ta’ effett ta’ lieva minn suq iddominat, ikkaratterizzat minn barrieri qawwija għad-dħul, jiġifieri s-suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

238    Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Artikolu 1 tagħha, dan il-każ ma jikkonċernax sempliċi rifjut unilaterali minn naħa ta’ Google li tipprovdi lill-impriżi kompetituri servizz neċessarju sabiex teżerċita kompetizzjoni f’suq viċin, li huwa kuntrarju għall-Artikolu 102 TFUE u li għalhekk jiġġustifika l-applikazzjoni tat-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2011, Altstoff Recycling Austria vs Il‑Kummissjoni, T‑419/03, EU:T:2011:102, punt 109), iżda differenza fit-trattament kuntrarja għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.

239    L-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għamlu b’mod kostanti distinzjoni bejn il-kawżi ta’ differenza fit-trattament u l-każijiet ta’ rifjut ta’ aċċess billi eskludew l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li ħarġu mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569). Tali esklużjoni ssemmiet mill-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bronner (C-7/97, EU:C:1998:264, punt 54), mill-Avukat Ġenerali Mazák, li espressament eskluda l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni mill-impriża dominanti “bejn il-kompetituri u l-operazzjonijiet downstream tagħha skont l-Artikolu 102(ċ) TFUE” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża TeliaSonera Sverige, C-52/09, EU:C:2010:483, punt 32), u ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il‑Kummissjoni (T-228/97, EU:T:1999:246, punti 166 u 167).

240    Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569), kienu ssodisfatti, sabiex tasal għal konstatazzjoni ta’ ksur abbażi tal-prattiki kkonstatati, sa fejn, kif tiddikjara l-Kummissjoni fil-premessa 649 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prattiki inkwistjoni huma forma awtonoma ta’ abbuż permezz ta’ effett ta’ lieva li jinvolvu, kif tindika wkoll il-Kummissjoni fil-premessa 650 tal-imsemmija deċiżjoni, imġiba “attiva” fil-forma ta’ atti pożittivi ta’ diskriminazzjoni fit-trattament tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google li huma promossi fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha u r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li għandhom tendenza li jiġu rrelegati. Għalhekk tista’ ssir distinzjoni bejnhom u l-imġiba inkwistjoni fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569), li kienet tikkonsisti f’sempliċi rifjut ta’ aċċess, kif enfasizzat wara kollox il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C-152/19 P, EU:C:2021:238, punt 45), mogħtija wara s-seduta f’din il-kawża.

241    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, kuntrarjament għal dak li tiddikjara Google (ara l-punt 204 iktar ’il fuq), li, fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, EU:C:1985:394), il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kundizzjonijiet relatati mal-faċilitajiet essenzjali għal prattika ta’ esklużjoni “attiva” bħal dik inkwistjoni. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija, permezz ta’ domanda preliminari, dwar “rifjut ta’ provvista” u għalhekk illimitat ruħha sabiex tieħu pożizzjoni fuq il-kundizzjonijiet applikabbli għal din il-prattika kif deskritta mid-domanda preliminari (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, EU:C:1985:394, punti 19 u 26). Minn dan ma jistax jiġi dedott li t-test fil-qasam tar-rifjut ta’ provvista u l-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà li tirriżulta minnu japplikaw għall-prattiki ta’ esklużjoni kollha koperti bl-Artikolu 102 TFUE, inkluża l-prattika ta’ trattament preferenzjali involuta f’dan il-każ, fatt li barra minn hekk ikun imur kontra l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C-52/09, EU:C:2011:83, punti 55 u 56).

242    Barra minn hekk, Google ssostni li, għalkemm, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali diġà warrbet l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569), b’mod partikolari, minħabba li ma kienx neċessarju li l-impriża inkwistjoni tittrasferixxi assi jew li tikkonkludi kuntratti ma’ persuni li hija ma tkunx għażlet sabiex teżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T-65/98, EU:T:2003:281, punt 161), il-proprjetarju ta’ ass indispensabbli jista’ dejjem itemm ir-rifjut ta’ provvista billi jneħħi l-ass inkwistjoni, b’tali mod li dan il-kriterju ma jkunx effettiv, peress li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata timponilu, essenzjalment, li jittrasferixxi ass ta’ valur, jiġifieri, l-ispazju allokat għar-riżultati ta’ tiftix. Minn dan ikun isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T-65/98, EU:T:2003:281), sabiex twarrab l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569).

243    Ċertament, kif jirriżulta mill-punti 219 sa°222 iktar ’il fuq, il-kwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda, anki jekk b’mod indirett, il-kundizzjonijiet tal-provvista minn Google tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha permezz tal-aċċess għall-paġni tar-riżultati ġenerali mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

244    Madankollu, l-obbligu għal impriża li qiegħda tabbuża minn pożizzjoni dominanti sabiex tittrasferixxi assi, li tikkonkludi kuntratti jew li tagħti aċċess għas-servizz tagħha f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji mhux neċessarjament jimplika l-applikazzjoni ta’ kriterji stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Fil-fatt, ma jistax ikun hemm rabta awtomatika bejn il-kriterji ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-abbuż u l-miżuri korrettivi li jippermettu li dan jiġi rrimedjat. B’hekk, li kieku, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), l-impriża li kellha s-sistema ta’ konsenja ta’ gazzetti fid-djar mhux biss talli kienet irrifjutat li tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha, iżda talli kienet ukoll implimentat prattiki attivi ta’ esklużjoni li kienu jostakolaw l-iżvilupp ta’ sistema kompetitur ta’ konsenja fid-djar jew li kienu jipprekludu l-użu ta’ metodi ta’ distribuzzjoni alternattivi, il-kriterji sabiex jiġi identifikat l-abbuż kienu jkunu differenti. Issa, f’dan il-każ, kien ikun eventwalment possibbli li l-impriża ssanzjonata ttemm l-abbuż billi tagħti aċċess għas-sistema rispettiva tagħha ta’ konsenja fid-djar b’kundizzjonijiet raġonevoli u nondiskriminatorji. Madankollu, dan ma kienx ikun ifisser li l-abbuż identifikat kien ikun biss rifjut ta’ aċċess għas-sistema tagħha ta’ konsenja fid-djar.

245    Fi kliem ieħor, ma huwiex għaliex wieħed mill-modi ta’ kif jintemm l-abbuż huwa li l-kompetituri jitħallew jidhru fil-“kaxxi” li jinsabu fil-parti ta’ fuq tal-paġna tar-riżultati ta’ Google li l-prattiki abbużivi għandhom ikunu limitati għad-dehra tal-imsemmija “kaxxi” u li l-kundizzjonijiet ta’ identifikazzjoni tal-abbuż għandhom ikunu ddefiniti fid-dawl ta’ dan l-aspett biss. F’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prattiki inkwistjoni jinkludu wkoll ir-relegazzjoni tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament, relegazzjoni li, flimkien mal-promozzjoni minn Google tar-riżultati rispettivi tagħha, hija element kostituttiv ta’ dawn il-prattiki, li, barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, għandha rwol maġġuri fl-effett ta’ esklużjoni kkonstatat u ma hijiex direttament marbuta mal-aċċess għall-“kaxxi” ta’ Google fil-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha.

246    Barra minn hekk, l-applikabbiltà tal-kriterji tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma tistax tiddependi fuq miżuri li l-Kummissjoni tordna sabiex jintemm il-ksur. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ ksur iseħħ, min-natura tiegħu stess, qabel ma jiġu stabbiliti l-miżuri sabiex jintemm. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza tal-ksur u l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma jistgħux jiddependu fuq miżuri li għandhom jittieħdu sussegwentement mill-impriża sabiex ittemm il-ksur.

247    Minn dan isegwi li l-kriterju bbażat fuq il-ħtieġa li tittrasferixxi assi jew li tikkonkludi kuntratti sabiex ittemm il-ksur ma huwiex effettiv fil-kuntest ta’ ksur attiv li, bħal f’dan il-każ, huwa differenti minn sempliċi rifjut ta’ provvista.

248    Finalment, id-dikjarazzjoni ta’ Google li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) b’mod konsistenti rrifjutat ilmenti fejn jiġi sostnut li kumpannija dominanti twettaq abbuż meta tagħti lilha nnifisha trattament preferenzjali meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-impriżi ma humiex obbligati jissussidjaw lill-kompetituri tagħhom, hija infondata. Fil-fatt, kif indikat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fin-nota ta’ intervent tagħha, dan ir-riferiment għal “isussidjar” tal-kompetizzjoni minn impriża dominanti sar biss f’kuntest partikolari ferm, dak ta’ flussi finanzjarji intra-grupp ikkaratterizzati mill-iffissar ta’ prezzijiet tax-xiri vantaġġużi ferm minn kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-kunċett ta’ trattament preferenzjali ma kienx irrikonoxxut mill-qrati Ġermaniżi, dan ma jeskludix ir-rilevanza tiegħu sabiex fuqu l-Kummissjoni tibbaża l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni ma humiex marbuta bil-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, anki jekk huma qrati supremi jew kostituzzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Acino vs Il‑Kummissjoni, C‑269/13 P, EU:C:2014:255, punt 114), anki jekk ma hemm xejn li jipprekludihom milli jieħdu ispirazzjoni minnha jew li jikkunsidrawha fl-analiżi tagħhom. Bil-kontra ta’ dan, huma l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom japplikaw l-Artikolu 102 TFUE b’mod uniformi u konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, peress li diverġenzi bejn il-qrati u l-awtoritajiet ta’ Stati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha jistgħu jikkompromettu l-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jikkawżaw preġudizzju għaċ-ċertezza legali.

249    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ħames motiv u l-ħames motiv kollu kemm huwa għandhom jiġu miċħuda.

c)      Fuq lewwel parti talewwel motiv, li fiha jiġi sostnut li lfatti ġew ippreżentati b’mod żbaljat, għaliex Google introduċiet ilgruppi ta’ riżultati għal prodotti sabiex ittejjeb ilkwalità tasservizz tagħha u mhux sabiex tidderiġi ttraffiku lejn isservizz ta’ tqabbil taxxiri tagħha

1)      Largumenti talpartijiet

250    Google  ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ppreżentat il-fatti b’mod żbaljat. Fil-fatt, minn naħa, Google introduċiet riżultati għal prodotti miġbura fi gruppi sabiex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali tagħha u mhux biex tiddiriġi t-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha. Għalhekk Google tispjega li hija ma kienet qiegħda tipprova tilħaq l-ebda għan antikompettitiv meta introduċiet riżultati għal prodotti, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-preżentazzjoni tal-fatti mogħtija fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata.

251    Min-naħa l-oħra, Google tiddikjara li l-Product Universals ma ppreġudikawx lill-utenti, iżda tejbu l-kwalità u r-rilevanza tar-riżultati tagħha, kuntrarjament għal dak li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 598 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li Google mhux dejjem uriet lill-utenti r-riżultati l-iktar rilevanti. Fi ftit kliem, id-deċiżjoni kkontestata tinjora l-provi li juru l-għan favur il-kompetizzjoni li Google riedet tilħaq bl-iżvilupp tar-riżultati għal prodotti miġbura fi grupp, is-soluzzjonijiet tekniċi li tejbu l-kwalità tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha kif ukoll l-iżvilupp tat-traffiku reali. Il-fatti kienu juru li Google kellha għan favur il-kompetizzjoni meta uriet il-Product Universals, li tejbu l-kwalità tas-servizz ta’ tiftix ġenerali għall-benefiċċju tal-utenti. Google argumentat li hija tejbet it-teknoloġiji tagħha sabiex tkun iktar kompetittiva fir-rigward tal-parametri li fuqhom il-muturi ta’ tfittxija ġenerali jikkompetu. Il-fatt li Google kkonċentrat fuq ir-rilevanza huwa kkorroborat mit-tnedija b’kawtela tal-Product Universals, mill-provi dokumentarji u mid-data tat-traffiku.

252    Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma tikkontestax l-għan favur il-kompetizzjoni tal-iżvilupp tal-Product Universals bħala tali. Il-Kummissjoni tfakkar li hija tikkritika lil Google li ppreżentat b’mod attraenti l-Product Universals filwaqt li, b’mod parallel, ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jidhru biss permezz tar-riżultati ġeneriċi, mingħajr funzjonalità ta’ dehra arrikkita, u li l-algoritmi kellhom it-tendenza li jirrelegawhom fi ħdan dawn ir-riżultati (premessi 344 u 512 tad-deċiżjoni kkontestata).

253    Il-BEUC jenfasizza li l-motivazzjoni reali ta’ Google kienet li tipproteġi u timmassimizza d-dħul tagħha billi b’mod sistematiku tirriżerva l-iktar parti tal-iskrin li tiġġenera profitti għar-riżultati rispettivi tagħha, ippreżentati b’karatteristiċi grafiċi attraenti anki jekk dawn ir-riżultati ma kinux neċessarjament l-iktar rilevanti għal tiftixa partikolari. Kelkoo ssostni, min-naħa tagħha, li Google adottat imġiba antikompetittiva sabiex teskludi lill-kompetituri tagħha u tippromwovi s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. B’hekk Google implimentat strateġija ta’ esklużjoni intenzjonali intiża, minn naħa, sabiex tirrelega lill-kompetituri tagħha permezz tal-algoritmi ta’ aġġustament tagħha u, min-naħa l-oħra, li tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi tagħha permezz ta’ preżentazzjoni u pożizzjonament preferenzjali. Finalment, Visual Meta tindika li l-allegata raġuni favur il-kompetizzjoni li wasslet għall-introduzzjoni minn Google tal-Product Universals, hija, skont il-ġurisprudenza, irrilevanti u li, fi kwalunkwe każ, peress li l-allegat titjib minn Google permezz tal-Product Universals ma kienx ta’ benefiċċju għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kollha, ma setax itejjeb ir-rilevanza tar-riżultati tagħha fl-intier tagħhom.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

254    Għandu jiġi osservat li, meta l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-imġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, peress li dan l-eżami huwa indispensabbli għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ abbuż minn tali pożizzjoni, hija għandha tevalwa l-istrateġija kummerċjali tal-imsemmija impriża. F’dan il-kuntest, jidher li huwa normali li l-Kummissjoni tevalwa fatturi ta’ natura suġġettiva, jiġifieri l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C-549/10 P, EU:C:2012:221, punt 19).

255    Madankollu, l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ intenzjoni antikompetittiva tikkostitwixxi biss waħda min-numru ta’ ċirkustanzi fattwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 20).

256    Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali intenzjoni min-naħa tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE anki jekk il-prova ta’ tali intenzjoni, għalkemm ma hijiex suffiċjenti waħedha, tikkostitwixxi ċirkustanza fattwali li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

257    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ intenzjoni ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu, anki jekk tiġi stabbilita, ma tistax tipprova l-assenza ta’ abbuż (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 22).

258    F’dan il-każ, Google ssostni li fi kwalunkwe każ hija ma xtaqitx tiddevja mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u tenfasizza, essenzjalment, li l-Kummissjoni tiżnatura l-fatti billi tissuġġerixxi, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm tali intenzjoni antikompetittiva li fuqha kienu bbażati l-prattiki inkwistjoni.

259    Madankollu, mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati minn Google (b’mod partikolari l-premessi 386, 490 sa 492 u 598 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jirriżultax li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, tal-inqas bħala tali, sabiex tikkaratterizza l-eżistenza tal-abbuż ikkonċernat, eventwali “għan antikompetittiv” ta’ Google li minnu oriġina “l-iżvilupp” tat-teknoloġiji li wassal għall-implimentazzjoni tal-Product Universals.

260    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kliem tat-Taqsima 7.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-imġiba abbużiva kienet magħmula minn elementi oġġettivi, jiġifieri, “il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni b’mod iktar favorevoli, fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali ta’ Google, tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, meta mqabbla mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil” [traduzzjoni mhux uffiċjali], imġiba li, skont it-Taqsima 7.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, bl-użu tal-algoritmi ta’ aġġustament ta’ tiftix ġenerali applikati għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, “tnaqqas it-traffiku tar-riżultati ta’ tiftix ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u żżid [l-imsemmi] traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi ta’ Google” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni saret meta t-traffiku kien, skont it-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, “sinjifikattiv” għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u li, skont it-Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, it-traffiku ddevjat, li kien jifforma parti sinjifikattiva tat-traffiku tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, ma setax jiġi ssostitwit minn sorsi oħra.

261    B’hekk, kif irrepetiet diversi drabi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-imġiba li dwarha ġiet ikkritikata Google kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-applikazzjoni konġunta ta’ żewġ prattiki oġġettivi, jiġifieri, minn naħa, il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni b’mod iktar favorevoli tar-riżultati speċjalizzati rispettivi tagħha fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha meta mqabbla ma’ dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u, min-naħa l-oħra, ir-relegazzjoni fl-istess ħin, permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament, tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Sabiex tistabbilixxi l-ksur, il-Kummissjoni qabblet bir-reqqa, fl-ewwel lok, il-mod li bih ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil kienu ppożizzjonati u murija (Taqsima 7.2.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fit-tieni lok, il-mod li bih ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kienu ppożizzjonati u murija (Taqsima 7.2.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel ma eżaminat, fit-tielet lok, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-prattiki inkwistjoni, jiġifieri l-importanza tat-traffiku u l-fatt li ma setax jiġi effettivament issostitwit u l-imġiba tal-utenti tal-internet.

262    B’dan il-mod, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tqabbel il-mod li bih Google ppożizzjonat u uriet ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil meta mqabbla mar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil rispettivi tagħha u ddeskriviet il-kuntest ekonomiku li fih kienu jikkompetu s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Għalhekk, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ksur, il-Kummissjoni la ħadet inkunsiderazzjoni l-istrateġija u lanqas l-għanijiet antikompetittivi allegatament segwiti minn Google, u dan ikkonfermatu espressament waqt is-seduta fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

263    Huwa veru li, kif jirriżulta mir-risposta tal-Qorti Ġenerali għall-ewwel parti tal-ħames motiv (ara l-punt 175 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonstatat li l-prattiki inkwistjoni ma kinux jifformaw parti minn kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma għandhiex tkun invalidata mill-intenzjoni li allegatament kellha Google li teżerċita kompetizzjoni abbażi tal-mertu billi ttejjeb il-kwalità tas-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha u r-rilevanza tar-riżultati speċjalizzati tagħha, għaliex, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 257 iktar ’il fuq, is-sempliċi intenzjoni li tikkompeti abbażi tal-mertu, anki jekk titqies stabbilita, ma tistax turi l-assenza ta’ abbuż.

264    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti ipprojbit mill-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv (sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 91). Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-Artikolu 101(1) TFUE, l-Artikolu 102 TFUE ma fih l-ebda riferiment għall-għan tal-prattika (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 237), anki jekk jirreferi, b’mod indirett, għal għan antikompetittiv.

265    Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni setgħet tikkummenta dwar l-istrateġija kummerċjali segwita minn Google fil-kuntest tat-tnedija ta’ Product Universals u ssemmi, f’dan ir-rigward, fatturi suġġettivi, bħat-tħassib sabiex titjieb il-prestazzjoni ħażina ta’ Froogle, l-argumenti bbażati fuq żnaturament tal-fatti li jirrigwardaw ir-raġunijiet tal-implimentazzjoni ta’ Product Universals minn Google, sa fejn jirrigwardaw raġunijiet li ma humiex użati mill-Kummissjoni bħala elementi kostituttivi tal-ksur (dawn l-aħħar elementi huma miġbura fil-qosor fil-punt 260 iktar ’il fuq), għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi fil-kuntest tal-analiżi sabiex jiġi stabbilit il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata).

266    Barra minn hekk, sa fejn Google tiddikjara li l-Product Universals ma ppreġudikawx lill-utenti, iżda li tejbu l-kwalità u r-rilevanza tar-riżultati tagħha, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-eventwali titjib fl-effiċjenza li rriżulta mill-prattiki inkwistjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala eventwali ġustifikazzjoni oġġettiva, b’tali mod li ma jistax iservi ta’ sostenn għall-ewwel parti tal-ewwel motiv, li hija bbażata, essenzjalment, fuq żnaturament tal-fatti min-naħa tal-Kummissjoni. Dawn l-argumenti bbażati fuq it-titjib tal-kwalità u tar-rilevanza tar-riżultati ser jiġu għalhekk eżaminati fi stadju ulterjuri tal-analiżi, taħt il-punt 4 tat-Titolu B.

267    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-ħames motiv kollu kemm huwa għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq lelementi talewwel u tattieni motiv bbażati fuq innatura nondiskriminatorja talprattiki inkwistjoni

a)      Fuq lelementi talewwel motiv ibbażati fuq ilfatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li Google tat trattament preferenzjali lisservizz ta’ tqabbil taxxiri rispettiv tagħha bilwiri talProduct Universals

268    Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, Google tiżviluppa tliet partijiet. Kif indikat preċedentement, Google ssostni, fl-ewwel parti, li l-fatti huma ppreżentati b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex hija introduċiet ir-riżultati għal prodotti miġbura fi gruppi sabiex ittejjeb il-kwalità tas-servizz tagħha u mhux biex tidderiġi t-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. Fit-tieni parti, Google ssostni li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li t-trattament differenti tal-Product Universals u tar-riżultati ġeneriċi kienu taw lok għal att ta’ trattament preferenzjali, filwaqt li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni. Issa, fl-assenza ta’ diskriminazzjoni, ma jistax ikun hemm abbuż. Google ssostni, fit-tielet parti, li l-Kummissjoni kisret ir-regoli tad-dritt applikabbli għall-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi li f’ċerti każijiet jippermettu li mġiba antikompetittiva tiġi ġġustifikata a priori, fir-rigward tal-wiri tal-Product Universals. Il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-provi prodotti minn Google dwar il-benefiċċji għall-utenti tal-Product Universals kinux jikkontrobilanċjaw l-effetti restrittivi allegati.

269    Il-Qorti Ġenerali tqis li din it-tielet parti tal-ewwel motiv, relatata mal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi, għandha tiġi ttrattata b’mod separat, wara l-eżami tat-tielet u tar-raba’ motiv dwar l-effetti antikompetittivi, kif indikat fil-punt 126 iktar ’il fuq.

270    Barra minn hekk, huwa mfakkar li, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, li tgħid li Google introduċiet ir-riżultati għal prodotti miġbura fi gruppi sabiex ittejjeb il-kwalità tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, ġiet ittrattata fil-punti 250 sa 267 iktar ’il fuq. B’hekk, hija biss it-tieni parti ta’ dan il-motiv li għandha tiġi eżaminata f’din il-parti.

1)      Largumenti talpartijiet

271    Google ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fid-dritt inkwantu fiha ġie deċiż li hija tat trattament preferenzjali lil Product Universals, peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tistabbilixxi diskriminazzjoni.

272    Fl-ewwel lok, Google tindika li l-mekkaniżmi tagħha sabiex tiġġenera r-riżultati għal prodotti u r-riżultati ġeneriċi kienu jittrattaw sitwazzjonijiet differenti b’mod differenti, u dan għal raġunijiet leġittimi. Google ma tikkontestax li applikat mekkaniżmi differenti sabiex tiġġenera r-riżultati tax-xiri u r-riżultati ġeneriċi. Fil-fatt, minn naħa, għar-riżultati ġeneriċi, Google kienet ibbażat ruħha fuq id-data miksuba permezz ta’ proċess imsejjaħ “crawling” u fuq sinjali ta’ rilevanza ġeneriċi li jirriżultaw minn din id-data. Min-naħa l-oħra, għar-riżultati tax-xiri, Google kienet ibbażat ruħha fuq fluss ta’ data pprovduta direttament min-negozjanti u sinjali ta’ riferiment speċifiċi għall-prodotti. Billi applikat teknoloġiji differenti għar-riżultati ġeneriċi u għar-riżultati tax-xiri, Google ma ttrattatx sitwazzjonijiet simili b’mod differenti. Hija ttrattat sitwazzjonijiet differenti b’mod differenti, u dan għal raġuni leġittima, sabiex ittejjeb il-kwalità tar-riżultati tagħha.

273    Fit-tieni lok, Google tiddikjara li sussegwentement hija applikat, sabiex tikklassifika dawn ir-riżultati fil-paġni ta’ tiftix ġenerali tagħha, l-istess standard ta’ rilevanza għar-riżultati speċjalizzati u għar-riżultati ġeneriċi, u dan b’mod koerenti. F’dan ir-rigward, Google ssostni li anki l-indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-Product Universals ibbenefikaw minn pożizzjonament u wiri b’mod iktar favorevoli meta mqabbel mar-riżultati ġeneriċi hija żbaljata, għaliex id-differenza fit-trattament ma tatx lil Product Universals pożizzjonament mhux mistħoqq fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax il-funzjonament ta’ Universal Search, li ħolqot sistema koerenti ta’ klassifikazzjoni għall-kategoriji kollha ta’ riżultati ta’ Google. B’hekk, il-Product Universals kienu “iggwadanjaw” il-pożizzjonament tagħhom fuq paġna ta’ riżultati abbażi tal-istess standard ta’ rilevanza li Google kienet tapplika għar-riżultati ġeneriċi. F’dan ir-rigward, Google tindika li, bis-saħħa ta’ Universal Search u tal-komponenti tagħha, hija kienet tqabbel b’mod dirett ir-rilevanza tar-riżultati għal prodotti mar-riżultati ġeneriċi, u dan kienet tagħmlu abbażi tal-istess standard ta’ rilevanza. B’hekk, meta Product Universal kien muri f’pożizzjoni tajba fuq il-paġna ta’ tiftix ġenerali, dan kien jirriżulta mill-fatt li kien iktar rilevanti mir-riżultati ġeneriċi kklassifikati taħt u mhux minħabba trattament favorevoli.

274    Ir-risposta mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata għal dawn l-argumenti hija żbaljata. Fl-ewwel lok, huwa żbaljat li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 440 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt dwar jekk Google applikatx l-istess standard ta’ rilevanza għall-Product Universals u għar-riżultati ġeneriċi ma huwiex importanti. Fil-fatt, Google uriet il-Product Universals biss meta kienu iktar rilevanti mir-riżultati ġeneriċi kklassifikati taħthom u dawn ma setgħux ingħataw trattament preferenzjali. Il-pożizzjonament miksub fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali kien mistħoqq. Il-fatt li riżultati jiġu kklassifikati skont ir-rilevanza tagħhom huwa l-kontra tal-għoti ta’ trattament preferenzjali.

275    Fit-tieni lok, huwa żbaljat li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata, li Google ma wrietx li kienet applikat l-istess standards ta’ rilevanza għall-Product Universals u għar-riżultati ġeneriċi. Dan ir-raġunament jista’ jwassal sabiex jinqaleb l-oneru tal-prova. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li Google ma applikatx standards ta’ rilevanza koerenti meta uriet il-Product Universals. Fin-nuqqas ta’ dan, hija ma tistax tistabbilixxi eżistenza ta’ trattament preferenzjali.

276    Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, Google wriet li kienet applikat standards ta’ rilevanza koerenti għall-Product Universals. F’dan ir-rigward, fil-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tallega b’mod żbaljat li Google tibbaża ruħha unikament fuq żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni komparattivi sabiex tipprova dan. Google tat lill-Kummissjoni diversi dokumenti dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tagħha u tal-istandards ta’ rilevanza li kienet tapplika. Il-kritika magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kontra dawn iż-żewġ rapporti hija infondata. Huwa wkoll żbaljat li l-Kummissjoni allegat, fil-premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bejn l-2009 u Settembru 2010, hija segwit regola interna li tippermetti li jiġi żgurat li l-Product Universals “kienu dejjem pożizzjonati ’l fuq” kull darba li riżultat ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri kompetitur kien ikklassifikat fl-ewwel tliet riżultati ġeneriċi. Din kienet proposta li qatt ma ġiet implimentata. L-allegazzjoni tal-Kummissjoni hija kontraddetta mid-data dwar il-pożizzjonament tal-Product Universals meta servizz ta’ tqabbil tax-xiri kien jidher fl-ewwel tliet riżultati bejn Diċembru 2009 u Settembru 2010, perijodu li matulu l-Kummissjoni tallega li r-regola interna inkwistjoni kienet fis-seħħ.

277    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Kelkoo  b’mod partikolari ssostni li l-algoritmi ta’ aġġustament ma kinux japplikaw għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma kellhomx formati ta’ preżentazzjoni applikabbli għall-imsemmi servizz ta’ tqabbil. Il-BEUC jesponi li r-riżultati ta’ tiftix tax-xiri ta’ Google ma kinux stabbiliti unikament skont ir-rilevanza tagħhom għall-konsumatur, peress li l-ipproċessar tagħhom kien ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali. Dan imur kontra l-aspettattiva leġittima, min-naħa tal-konsumaturi, ta’ newtralità ta’ Google fit-trattament tar-riżultati. Il-BEUC jallega li din tal-aħħar immanipulat ir-riżultati ta’ tiftix billi għamlet inviżibbli r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

278    Essenzjalment, Google tikkontesta li l-prattiki inkwistjoni setgħu jwasslu għal diskriminazzjoni sa fejn, minn naħa, hija kienet tapplika mekkaniżmi differenti, jiġifieri l-mekkaniżmi ta’ tiftix ġeneriċi permezz tal-proċess imsejjaħ “crawling u mekkaniżmi ta’ tiftix speċjalizzat permezz tat-trattament ta’ fluss ta’ data mibgħut min-negozjanti msieħba, għal sitwazzjonijiet differenti, jiġifieri riżultati ġeneriċi u riżultati speċjalizzati, u, min-naħa l-oħra, hija applikat għar-riżultati kollha l-istess kriterji ta’ rilevanza, bis-saħħa tat-teknoloġija tagħha Universal Search u l-algoritmu tagħha Superroot. B’hekk, skont Google, ma setax kien hemm diskriminazzjoni inkwantu hija kienet turi l-Product Universals biss meta dawn kienu iktar rilevanti, fid-dawl ta’ dawn it-teknoloġiji, mir-riżultati ġeneriċi, b’tali mod li l-Product Universals kisbu l-pożizzjonament tagħhom bil-mertu tagħhom.

279    Preliminarjament, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi korrettament li kien hemm diskriminazzjoni, għandha tiġi eżaminata d-differenza fit-trattament li hija kkunsidrat bħala kuntrarja għall-Artikolu 102 TFUE fir-rigward b’mod partikolari tal-pożizzjonament u tad-dehra tal-Product Universals.

280    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkonkludiet fit-Taqsima 7.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata li l-imġiba abbużiva kienet tikkonsisti fil-“pożizzjonament” u fid-“dehra” tar-riżultati tas-servizz rispettiv ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google (inkluż Product Universals) fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha li kienu iktar favorevoli minn dawk tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Kif jirriżulta mill-imsemmija parti, mill-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, il-Kummissjoni tikkritika għalhekk lil Google talli ppożizzjonat u ppreżentat, fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha b’mod “iktar favorevoli” mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

281    Sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Kummissjoni qabblet il-mod kif ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienu “ippożizzjonati” u “ippreżentati” fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google (Taqsima 7.2.1.1) u l-mod kif ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, f’dan il-każ, il-Product Universals, kienu “ippożizzjonati” u “ippreżentati” fuq l-imsemmija paġni (Taqsima 7.2.1.2).

282    Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jidhru biss taħt il-forma ta’ riżultati ġeneriċi, jiġifieri l-forma ta’ sempliċi links blu mingħajr stampi jew informazzjoni addizzjonali fuq il-prodotti u l-prezzijiet tagħhom (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata), u kienu suġġetti, b’kuntrast mar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, għall-fatt li l-klassifikazzjoni tagħhom fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google tkun irrelegata għan-naħa ta’ isfel tal-ewwel paġna jew fil-paġni segwenti permezz ta’ ċerti algoritmi ta’ aġġustament (premessi 352 sa 355), kif kien il-każ, barra minn hekk, wara l-introduzzjoni tal-algoritmu Panda (premessa 361), ir-riżultati speċjalizzati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u, għall-perijodu inkwistjoni, il-Product Universals, kienu, min-naħa tagħhom, ippożizzjonati b’mod prominenti fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali ta’ Google (premessi 379 u 385), ippreżentati f’format arrikit bi stampi u b’informazzjoni dwar il-prodotti (premessa 397) u ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ relegazzjoni permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament (premessa 512).

283    B’hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li dan it-trattament iddifferenzjat tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil meta mqabbel mar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google (il-Product Universals) kien jiffavorixxi lil dan l-aħħar servizz ta’ tqabbil tax-xiri meta mqabbel mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, wara li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, l-importanza tat-traffiku ġġenerat mill-mutur ta’ tfittxija ġenerali ta’ Google għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata), l-imġiba tal-utenti tal-internet li l-attenzjoni tagħhom ġeneralment kienet tmur lejn ir-riżultati l-iktar viżibbli fuq il-paġna tar-riżultati ta’ tiftix ġenerali, jiġifieri r-riżultati li kienu ppożizzjonati l-aħjar (Taqsima 7.2.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata), u n-natura “mhux effettivament sostitwibbli” tat-traffiku ddevjat mill-prattiki minn sorsi oħra (Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

284    Fl-ewwel lok, minn dan isegwi li t-trattament iddifferenzjat ikkritikat mill-Kummissjoni ma jikkonsistix, kif tissuġġerixxi Google, fl-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ selezzjoni ta’ riżultati ta’ tiftix differenti għall-ipproċessar tar-riżultati tat-tiftix tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u tar-riżultati ta’ tiftix tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, jiġifieri mekkaniżmi ta’ selezzjoni ta’ riżultati ġeneriċi għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil u ta’ mekkaniżmi ta’ selezzjoni ta’ riżultati ta’ tiftix speċjalizzat għas-servizz ta’ tqabbil rispettiv tagħha, iżda fi trattament preferenzjali f’termini ta’ pożizzjonament u dehra tar-riżultati speċjalizzati rispettivi tagħha meta mqabbla mar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li jidhru fir-riżultati ġeneriċi.

285    B’hekk, filwaqt li Google tiddikjara li t-trattament iddifferenzjat bejn ir-riżultati ta’ tiftix tagħha kien skont in-natura tar-riżultati prodotti mill-mutur ta’ tfittxija ġenerali, jiġifieri skont jekk kinux riżultati speċjalizzati jew riżultati ġeneriċi, dan it-trattament iddifferenzjat isir, fir-realtà, skont l-oriġini tar-riżultati, jiġifieri skont kinux ġejjin minn servizzi kompetituri ta’ tqabbil jew mis-servizz ta’ tqabbil rispettiv tagħha. Fir-realtà, Google tagħti trattament preferenzjali lil dan tal-aħħar meta mqabbel ma’ tal-ewwel, iktar milli tip ta’ riżultat meta mqabbel ma’ ieħor.

286    Fil-fatt, kienu biss ir-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat ta’ Google, jiġifieri l-Product Universals, li setgħu jidhru fil-“kaxxi” fuq il-paġna ta’ tiftix ġenerali ta’ Google, bi preżentazzjoni arrikkita, u li ma kinux suġġetti għar-relegazzjoni mwettqa permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament.

287    Għall-kuntrarju, ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil, anki jekk ikunu partikolarment rilevanti għall-utent tal-internet, qatt ma jistgħu jibbenefikaw minn trattament simili għal dak tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil ta’ Google, kemm fil-livell tal-pożizzjonament tagħhom, inkwantu, sa fejn, minħabba l-karatteristiċi rispettivi tagħhom, hemm it-tendenza li dawn jiġu rrelegati permezz tal-algoritmi ta’ aġġustament u sa fejn il-“kaxxi” huma rriżervati għar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil ta’ Google, kif ukoll fir-rigward tad-dehra tagħhom, peress li l-karattri arrikkiti u l-istampi huma wkoll irriżervati għas-servizz ta’ tqabbil ta’ Google. B’hekk, anki fil-każ fejn, minkejja l-effett tal-algoritmi ta’ relegazzjoni, ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil jidhru, minħabba r-rilevanza tagħhom, fuq l-ewwel paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google, qatt ma jistgħu jidhru b’mod tant viżibbli u attraenti daqs ir-riżultati murija fil-Product Universals.

288    Tali differenza fit-trattament, mhux biss talli ma hijiex ir-riżultat ta’ differenza oġġettiva bejn żewġ tipi ta’ riżultati fuq l-internet, iżda talli tirriżulta minn għażla ta’ Google li tittratta r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil b’mod inqas favorevoli mir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil rispettiv tagħha, billi tagħtihom preżentazzjoni u pożizzjonament inqas viżibbli.

289    Fit-tieni lok, mid-deskrizzjoni tal-prattiki kkonstatati mill-Kummissjoni fil-punti 280 sa 283 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument ta’ Google li jgħid li hija applikat l-“istess standard ta’ rilevanza” għar-riżultati għal prodotti miġbura flimkien u għar-riżultati ġeneriċi u li, essenzjalment, hija kienet turi l-Product Universals biss meta dawn kienu iktar rilevanti mir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri bis-saħħa tat-teknoloġija tagħha Universal Search u tal-algoritmu Superroot, b’tali mod li ma setax ikun hemm diskriminazzjoni, għandu jiġi miċħud.

290    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 440 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tikkritikax lil Google talli tapplika jew ma tapplikax l-istess standard ta’ rilevanza għaż-żewġ tipi ta’ riżultati, jiġifieri r-riżultati speċjalizzati għal prodotti u r-riżultati ġeneriċi, iżda tikkritikaha talli ma applikatx l-istess standards ta’ preżentazzjoni u ta’ pożizzjonament għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, peress li tal-ewwel kienu inqas ppreferuti meta mqabbla ma’ tal-aħħar.

291    Kif jirriżulta mill-punt 287 iktar ’il fuq, ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil, irrispettivament mir-rilevanza tagħhom, qatt ma jistgħu jibbenefikaw minn trattament simili għal dak tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil ta’ Google, kemm f’termini tal-pożizzjonament jew tal-preżentazzjoni tagħhom, b’tali mod li huma neċessarjament żvantaġġati meta jikkompetu magħhom.

292    Fil-fatt, anki jekk ir-riżultat ta’ servizz ta’ tqabbil kompetitur ikun inqas rilevanti, fid-dawl tal-kriterji ta’ rilevanza stabbiliti mill-algoritmi ta’ Google, minn riżultat tas-servizz ta’ tqabbil ta’ Google, ir-relegazzjoni tiegħu fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament u l-preżentazzjoni limitata tiegħu għal sempliċi link ġenerika blu, jekk ikun il-każ, taħt il-“kaxxa” irriżervata għar-riżultat tas-servizz ta’ tqabbil ta’ Google ppreżentat b’mod arrikkit, ma hijiex neċessarjament proporzjonali għall-grad inqas ta’ rilevanza allegat fir-rigward tal-imsemmija kriterji. Barra minn hekk, anki fil-każijiet fejn ir-riżultati ta’ servizz ta’ tqabbil kompetitur huma iktar rilevanti, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, huma qatt ma jistgħu, kif tfakkar fil-punti 286 u 287 iktar ’il fuq, jibbenefikaw mill-istess preżentazzjoni jew mill-istess trattament fir-rigward tal-pożizzjonament tagħhom, b’tali mod li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni anki qabel mal-utent jagħmel talba għal tiftix ta’ prodotti.

293    Minn dan isegwi li l-argument ta’ Google bbażat fuq l-eżistenza ta’ standard ta’ rilevanza komuni għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

294    F’dan ir-rigward, l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-esperimenti l-oħra msemmija minn Google, anki jekk jitqies li juru rilevanza ikbar tal-Product Universals meta mqabbla mar-riżultati ġeneriċi li jirrappreżentaw riżultati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil,  ma jindirizzawx it-tħassib ta’ kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni fit-Taqsima 7.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata u miġbur fil-qosor fil-premessa 440 tal-imsemmija deċiżjoni, li Google tittratta r-riżultati speċjalizzati rispettivi tagħha u r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil skont mekkaniżmi differenti f’dak li jirrigwarda preżentazzjoni u pożizzjonament, li neċessarjament għandha l-effett li tkun ta’ żvantaġġ għar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil meta mqabbla mar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil ta’ Google.

295    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-evalwaturi ppreferew li l-Product Universals u mhux l-ewwel riżultati ġeneriċi jidhru fuq l-ewwel paġna tar-riżultati ġenerali, fatt li qabelxejn ma jirriżultax b’mod ċar mill-esperimenti inkwistjoni peress li jindikaw li l-opinjoni tal-evalwaturi dwar l-utilità tar-riżultati ta’ tiftix speċjalizzati u tar-riżultati ġeneriċi għal prodotti hija simili, dan ma jfissirx li huma ppreferew li l-Product Universals ikunu magħmula esklużivament mir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Dan lanqas ma jfisser li huma ppreferew li r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jkunu murija b’mod inqas viżibbli u jkunu rrelegati fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google.

296    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat, sussidjarjament, li l-argument ta’ Google bbażat fuq standard komuni ta’ rilevanza, iktar milli ineffettiv, jidher li huwa infondat, kif jirriżulta, barra minn hekk, fis-sottomissjonijiet bil-miktub rispettivi tagħha. Fil-fatt, kif tiddikjara Google stess, fit-tielet parti tal-ewwel motiv tagħha, hija ma setgħetx tqabbel direttament, skont parametri applikabbli għat-tiftix speċjalizzat bħall-prezz, il-ħażniet jew ir-reputazzjoni tal-bejjiegħ, ir-riżultati speċjalizzati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha mar-riżultati speċjalizzati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, peress li ma kinitx taf kif kienu joperaw l-algoritmi ta’ tiftix ta’ dawn tal-aħħar u ma kellhiex aċċess għall-flussi mibgħuta mill-bejjiegħa bl-imnut imsieħba fis-siti tagħha, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ prezz.

297    Fil-fatt, skont l-ispjegazzjonijiet stess ta’ Google, minn naħa, hija ma kienet taf xejn dwar kif is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienu jikklassifikaw u jiddokumentaw ir-riżultati tagħhom għal tiftix li jirrigwarda prodotti u, min-naħa l-oħra, hija kisbet data fuq il-prodotti elenkati fis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha minn flussi pprovduti direttament min-negozjanti u mhux mill-proċess imsejjaħ “crawling” tas-siti internet, bħal fil-każ tar-riċerki ġeneriċi. Google ma kellhiex informazzjoni komparabbli fuq ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, is-siti tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li kellhom il-flus rispettiv tagħhom u l-mod tagħhom stess li jikklassifikaw il-prodotti.

298    Ċertament, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 440 tad-deċiżjoni kkontestata, bis-saħħa ta’ Universal Search, Google kienet tapplika “ċerti standards ta’ rilevanza” sabiex tqabbel ir-riżultati speċjalizzati rispettivi tagħha mar-riżultati ġeneriċi tagħha li kienu jinkludu paġni tar-riżultati tal-kompetituri tagħha. Madankollu, skont l-ispjegazzjonijiet ta’ Google fir-rapport tagħha dwar it-teknoloġiji anness mar-rikors, Universal Search topera abbażi ta’ kriterji ta’ statistika bbażati fuq sondaġġi tal-utenti. Issa, la huwa stabbilit u lanqas ma huwa allegat, fid-dawl tad-diffikultajiet esposti minn Google stess fit-tqabbil tat-tipi differenti ta’ riżultati (ara l-punt 297 iktar ’il fuq), li din l-għodda tista’, mingħajr preġudizzju għall-kwalità tagħha, tagħti riżultati tant affidabbli f’termini ta’ selezzjoni ta’ riżultati rilevanti daqs paragun magħmul minn Google abbażi tal-kriterji rispettivi tagħha applikabbli għat-tiftix speċjalizzat għax-xiri, jiġifieri, b’mod partikolari, il-prezz, il-livell tal-istokk, il-popolarità tal-prodott u r-reputazzjoni tal-bejjiegħ.

299    B’hekk, dawn is-sondaġġi, irrispettivament minn kemm huma affidabbli, jikkostitwixxu biss, kif iddikjarat Foundem waqt is-seduta, approssimazzjoni ta’ statistika ta’ dak li seta’ jkun l-iktar riżultat rilevanti. F’dan ir-rigward, minn dokument intern ta’ Google msemmi fir-rapport tagħha dwar it-teknoloġiji, jirriżulta li “waħda mill-ikbar diffikultajiet fl-evalwazzjoni umana hija li l-evalwaturi għandhom jinterpretaw it-tiftix tal-utent; minkejja li l-bnedmin jistgħu jkunu iktar preċiżi fl-interpretazzjoni ta’ tiftix minn magna, huwa impossibbli li tkun taf eżattament l-intenzjoni tal-utent […], din l-evalwazzjoni tirrapreżenta unikament l-opinjoni kollettiva tal-evalwaturi tagħna, li probabbilment hija differenti mill-utenti b’mod ġenerali”.

300    Finalment, il-fatt allegat minn Google li l-Product Universals kienu mnedija biss bħala risposta biss għal 23 % tat-“tiftix ta’ prodotti” u li hija ppreżentat lil Product Universals fin-naħa ta’ fuq tal-paġni tar-riżultati ġenerali biss bħala rispons għal 4 % biss ta’ talbiet għal prodotti ma hijiex suffiċjenti sabiex titfa’ dubji dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament. Fil-fatt, tali trigger rate, fiha nnifisha, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala fattur li jippermetti li titwarrab l-eżistenza ta’ prattika ta’ trattament preferenzjali inkwantu din ir-rata għandha titqabbel mat-trigger rate f’pożizzjonament komparabbli (peress li huwa mifhum li dehra komparabbli kienet eskluża) ta’ mijiet ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, kienu intrinsikament inklinati li jiġu rrelegati għan-naħa ta’ isfel tal-paġna permezz tal-algoritmi ta’ aġġustament ta’ Google.

301    Għar-raġunijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

b)      Fuq lelementi tattieni motiv ibbażati fuq ilfatt li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li Google tat trattament preferenzjali lisservizz ta’ tqabbil taxxiri rispettiv tagħha bilwiri taxShopping Units

302    Insostenn tat-tieni motiv, Google tiżviluppa tliet argumenti. L-ewwel, il-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-fatt li r-reklami għal prodotti miġbura fi gruppi jiġu ttrattati b’mod differenti mir-riżultati ġeneriċi jikkostitwixxi trattament preferenzjali, minkejja li dan ma jinvolvi l-ebda diskriminazzjoni.

303    It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi, b’mod żbaljat, li r-reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units jagħtu trattament preferenzjali lil servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google.

304    It-tielet, il-Kummissjoni tikser ir-regoli tad-dritt applikabbli għall-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi dwar il-wiri tax-Shopping Units. F’din l-aħħar parti, Google inċidentalment titfa’ dubji dwar l-eżistenza ta’ trattament preferenzjali fir-rigward tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, inkwantu hija tindika li x-Shopping Units kienu diġà jinkludu r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Barra minn hekk, għandu jiġi rrimarkat li Google invokat dan l-argument sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ trattament preferenzjali fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, hemm lok li dawn l-elementi tat-tielet parti jiġu ttrattati wara t-tieni parti. Madankollu, l-elementi ta’ din il-parti li huma relatati mal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi ser jiġu ttrattati ma’ dawk relatati mal-Product Universals, wara li jiġu eżaminati, taħt il-punt 3 tat-Titolu B, il-motivi relatati mal-effetti tal-prattiki inkwistjoni.

1)      Fuq lewwel parti tattieni motiv, li jgħid li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li ttrattament differenti tarreklami għal prodotti u tarriżultati ġeneriċi kien jikkostitwixxi trattament preferenzjali, minkejja li ma kien jinvolvi l-ebda diskriminazzjoni

i)      Largumenti talpartijiet

305    Fl-ewwel lok, Google,  sostnuta miċ-CCIA, issostni li l-Kummissjoni tqabbel, b’mod żbaljat, it-trattament tar-reklami għal prodotti, jiġifieri Shopping Units, u dak tar-riżultati ġeneriċi mingħajr ħlas, li huma żewġ affarijiet differenti, b’tali mod li ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, Google tiddikjara li r-reklami bi ħlas, inkluż ir-reklami għal prodotti, iservu sabiex jiffinanzjaw is-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha. Għalhekk, Google neċessarjament turihom b’mod differenti mir-riżultati ġeneriċi mingħajr ħlas, li hija konsegwenza normali tal-mudell ekonomiku tagħha b’żewġ naħat li huwa bbażat fuq il-finanzjament permezz ta’ reklami. F’dan ir-rigward, Google tenfasizza li hija tidentifika fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali x-Shopping Units bħala li kienu “sponsorizzati” sabiex turi li huma bi ħlas. L-allegazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “sponsorizzat” “[setgħet] tinftiehem biss mill-utenti l-iktar avżati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 536, 599 u 663 tad-deċiżjoni kkontestata) ma hija sostnuta minn l-ebda prova. Minkejja li l-Kummissjoni telenka, fid-deċiżjoni kkontestata, tnax-il differenza bejn ir-reklami għal prodotti li jinsabu fix-Shopping Units u r-reklami bil-kliem (premessi 426 sa 438 tad-deċiżjoni kkontestata), sabiex tistabbilixxi li r-reklami għal prodotti ma jikkostitwixxux titjib tar-reklami bil-kliem, l-ebda waħda minn dawn id-differenzi ma turi li r-reklami għal prodotti huma komparabbli mar-riżultati ġeneriċi mingħajr ħlas u għandhom jiġu ppożizzjonati u murija bl-istess mod.

306    Fit-tieni lok, Google ssostni li hija turi x-Shopping Units, għaliex fihom reklami aħjar għal talba għal prodotti mir-reklami bil-kliem u mhux għax tippreferi lil tal-ewwel. Il-Kummissjoni ma wrietx li x-Shopping Units ma kienx jistħoqqilhom l-ispazju li ngħata lilhom fil-paġni tar-riżultati ġenerali. Reklami ta’ kwalità għolja huma iktar utli għall-utenti u iktar effiċjenti għal persuni li jirreklamaw u jżidu l-valur tas-servizz ta’ tiftix għaż-żewġ kategoriji. Google turi x-Shopping Units biss meta r-reklami għal prodotti tagħha jipproponu risposti aħjar għal talba mir-reklami bil-kliem. B’hekk, ix-Shopping Units jidhru biss bħala rispons għal madwar 25 % tat-talbiet għal prodotti, u dan jikkontradixxi l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li Google tpoġġi “dejjem” ix-Shopping Units fin-naħa ta’ fuq tal-paġna (premessa 395 tad-deċiżjoni kkontestata). L-allegazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li Google ma urietx li hija kienet “applikat għax-Shopping Units l-istess standards ta’ rilevanza bħal dawk applikati għar-reklami [bil-kliem]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata) hija kontradetta mill-fatt li Google implimentat proċess li fil-qafas tiegħu hija tqabbel direttament ir-reklami għal prodotti mar-reklami bil-kliem. Ir-reklami għal prodotti u r-reklami bil-kliem jikkompetu abbażi tal-istess standards ta’ rilevanza u ta’ valur. Barra minn hekk, id-data empirika turi li r-reklami għal prodotti fix-Shopping Units huma aħjar għall-utenti u għal persuni li jirreklamaw mir-reklami bil-kliem.

307    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

308    Il-BEUC isostni l-istess argumenti bħal dawk imressqa fil-qafas tat-tieni parti tal-ewwel motiv (ara l-punt 277 iktar ’il fuq). Foundem issostni li x-Shopping Units jenfasizzaw in-natura antikompetittiva tal-imġiba ta’ Google inkwantu Google ssostitwixxiet riżultati bbażati fuq ir-rilevanza permezz ta’ reklamar bi ħlas li l-wiri tiegħu huwa ddeterminat mill-profitt li hija tista’ tikseb minnu. Visual Meta tispjega li l-argument ta’ Google li hija turi ix-Shopping Units biss meta jkunu iktar rilevanti mir-reklami bil-kliem jew mir-riżultati ġeneriċi għandu jiġi miċħud, peress li huwa preċiżament għaliex ir-reklami tagħha b’formati arrikkiti huma iktar viżibbli għall-konsumaturi mis-sempliċi “links blu” li Google ma tistax tirriżervahom għas-servizzi rispettivi tagħha mingħajr ma ċċaħħad lill-konsumaturi minn riżultati iktar rilevanti li jirriżultaw minn servizzi oħra ta’ tqabbil tax-xiri. Huwa proprju l-fatt li r-reklami għal prodotti, minħabba l-format arrikkit tagħhom, huma aħjar għall-utenti u għal persuni li jirreklamaw li jobbliga lil Google tippreżenta r-riżultati ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri oħra fl-istess formati.

ii)    Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

309    Essenzjalment, Google tirrepeti l-argument imqajjem fil-qafas tat-tieni parti tal-ewwel motiv. Hija ssostni li d-diskriminazzjoni kkonstatata mill-Kummissjoni ma ġietx stabbilita għaliex, minn naħa, hija tillimita ruħha li tittratta b’mod differenti riżultati li, min-natura tagħhom, huma differenti, jiġifieri r-riżultati ġeneriċi mingħajr ħlas li jirriproduċu r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u r-“reklami għal prodotti” bi ħlas ta’ natura pubbliċitarja tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha (ix-Shopping Units), u, min-naħa l-oħra, hija turi biss ix-Shopping Units meta dawn ir-reklami għal prodotti jipproponu risposti għal talba li jkunu aħjar mir-reklami pubbliċitarji bi kliem, jiġifieri r-reklami li juru link lejn is-sit internet ta’ dak li jirreklama u estratt ta’ test qasir (mingħajr stampi jew informazzjoni dinamika).

310    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fil-konstatazzjoni tagħha ta’ trattament preferenzjali mwettaq minn Google għar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, qabblet il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tax-Shopping Units mal-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tar-riżultati ġeneriċi tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Il-Kummissjoni kkonstatat, bħal fil-każ tal-Product Universals (ara l-punti 280 sa 283 iktar ’il fuq), li dawn ir-riżultati ngħataw trattament preferenzjali minħabba l-pożizzjonament prominenti tagħhom fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google (Taqsima 7.2.1.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata), sa fejn ix-Shopping Units kienu dejjem ippożizzjonati l-fuq mill-ewwel riżultati ta’ tiftix ġenerali ta’ Google (premessa 395 tad-deċiżjoni kkontestata), u l-preżentazzjoni arrikkita tagħhom fil-“kaxxi” li kienu jinsabu fin-naħa ta’ fuq tal-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google (Taqsima 7.2.1.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ix-Shopping Units ma jistgħux ikunu suġġetti għal relegazzjoni mill-algoritmi ta’ aġġustament kompetituri. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil setgħu jidhru fix-Shopping Units u, għalhekk, ikunu s-suġġett tal-istess pożizzjonament u tal-istess preżentazzjoni bħar-riżultati speċjalizzati ta’ Google biss jekk, dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, jibdlu l-mudell ekonomiku billi jsiru siti tan-negozju li joffru reklami sabiex ikunu jistgħu jidhru fix-Shopping Units u b’hekk ibigħu prodotti huma stess.

311    Fl-ewwel lok, għandha tingħata risposta għall-argument ta’ Google li r-reklami għal prodotti tagħha li jinsabu fix-Shopping Units huma, minħabba n-natura pubbliċitarja tagħhom, differenti minħabba n-natura tagħhom mir-riżultati mingħajr ħlas tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil, fatt li jeskludi kull diskriminazzjoni.

312    Għandu jiġi nnotat li x-Shopping Units jippreżentaw riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u jikkompetu mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. F’dan ir-rigward, huwa immaterjali li, sabiex ipoġġu prodotti fix-Shopping Units, il-bejjiegħa għandhom iħallsu tariffa pubbliċitarja, inkwantu, għall-utenti tal-internet, is-servizz ta’ tiftix speċjalizzat ta’ Google joffri l-istess servizz mingħajr ħlas ta’ tqabbil tax-xiri bħal dak tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil, kif jirriżulta mill-parti 5.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk Google ma turix kif is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri offrut mix-Shopping Units lill-utenti tal-internet huwa differenti, fin-natura tiegħu stess, minn dak offrut mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri l-oħra. Għall-kuntrarju, jidher li ż-żewġ servizzi għandhom l-għan li jqabblu prodotti fuq l-internet u, għalhekk, huma sostitwibbli mill-perspettiva tal-utenti tal-internet.

313    Huwa veru li x-Shopping Units għandhom il-kelma “sponsorizzat”, li għandha l-għan li tindika n-natura pubbliċitarja tagħhom lill-utenti tal-internet. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi 536, 599 u 663 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kelma “sponsorizzat” ma hijiex faċilment mifhuma mill-maġġoranza tal-utenti tal-internet bħala li tfisser li r-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri huma kklassifikati skont mekkaniżmi differenti u li, għalhekk, dawn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jistgħu jiġu rrelegati u murija b’mod inqas viżibbli fil-paġni tar-riżultati ġenerali, mhux minħabba li r-riżultati tagħhom huma inqas rilevanti meta mqabbla mar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, iżda sempliċement għaliex ma kinux ir-riżultati rispettivi ta’ Google. Dan huwa hekk b’mod partikolari meta l-klassifikazzjoni iktar baxxa tagħhom fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google hija r-riżultat ta’ algoritmi ta’ aġġustament u mhux għaliex il-kontenut tagħhom huwa inqas rilevanti meta mqabbla mat-talba mressqa mill-utent tal-internet, peress li dan il-mekkaniżmu ma huwiex magħruf mal-utenti tal-internet.

314    Kuntrarjament għal dak li ssostni Google, id-deċiżjoni kkontestata, billi tikkritika l-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tax-Shopping Units, ma tikkontestax il-mudell ekonomiku tagħha b’żewġ naħat li huwa l-bażi tal-finanzjament tas-servizzi mingħajr ħlas permezz tar-reklamar. Fil-fatt, għalkemm il-mod ta’ finanzjament ta’ impriża jwassalha, bħal f’dan il-każ, sabiex tipparteċipa f’abbuż minn pożizzjoni dominanti, ma hemm xejn li jipprekludi li l-imsemmi metodu ta’ finanzjament jiġi eskluż mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 102 TFUE. Huwa, barra minn hekk, karatteristika ta’ ħafna każijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li l-għan ikun li jtejbu s-sorsi ta’ finanzjament ta’ impriża.

315    Barra minn hekk, Google hija żbaljata meta tiddikjara, bħala estensjoni, li l-Kummissjoni tikkontesta l-legalità tar-reklami bil-kliem tagħha, li huma l-bażi tal-mudell ekonomiku tagħha u tas-suċċess kummerċjali tagħha u li dwarhom il-Kummissjoni qatt ma kellha problemi. Fil-fatt, b’differenza mix-Shopping Units, ir-reklami bil-kliem ma humiex parti mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u ma humiex ikkontestati talli kkawżaw danni lill-kompetituri fil-qafas ta’ prattika ta’ trattament preferenzjali.

316    Fit-tieni lok, sa fejn Google tikkontesta l-eżistenza tat-trattament preferenzjali kkonstatat mill-Kummissjoni inkwantu hija turi x-Shopping Units biss meta r-reklami għal prodotti tagħha jipproponu risposti għal talba li jkunu aħjar mir-reklami bil-kliem imsemmija fil-punt 309 iktar ’il fuq, b’tali mod li ma hemm l-ebda diskriminazzjoni, hemm lok li jitfakkar li d-differenza fit-trattament ikkonstatata mill-Kummissjoni teżisti, kif jirriżulta mill-punt 310 iktar ’il fuq, bejn ir-riżultati ġeneriċi li jirriproduċu riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil u r-riżultati speċjalizzati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google li jidhru fix-Shopping Units. B’hekk, il-paragun rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm diskriminazzjoni ma huwiex dak bejn ix-Shopping Units u r-reklami bil-kliem, imma dak bejn ix-Shopping Units u r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li jistgħu jiġu riprodotti fir-riżultati ġeneriċi.

317    Huwa minnu li l-Kummissjoni, bħala risposta għal argument ta’ Google spjegat fil-qosor fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika, fil-premessa 440 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-fatt li jsir magħruf jekk Google kinitx tapplika standard ta’ rilevanza komuni għax-Shopping Units u għar-reklami l-oħra li jirrigwardaw prodotti ma huwiex rilevanti, qabel ma żiedet, fil-premessa 441, li, fi kwalunkwe każ, Google ma kinitx tapplika tali standard komuni ta’ rilevanza għal dawn it-tipi differenti ta’ reklami.

318    Madankollu, din l-evalwazzjoni ma tikkontestax il-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 310 u 316 iktar ’il fuq, id-differenza fit-trattament inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax ir-reklami dwar prodotti murija minn Google, prodotti differenti minn dawk li jidhru fix-Shopping Units, iżda r-riżultati ġeneriċi li jirriproduċu riżultati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Kif jirriżulta mill-premessa 440 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-Kummissjoni […] toġġezzjona […] għall-fatt li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv ta’ Google ma huwiex suġġett għall-istess kriterji bħas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

319    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata li tiġi qabel il-premessa 440 tal-imsemmija deċiżjoni u mill-punt 310 iktar ’il fuq, is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jistgħu jibbenefikaw mill-istess kriterji ta’ wiri bħas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, anki bi ħlas, sabiex jidhru fix-Shopping Units, biss jekk jibdlu l-mudell ekonomiku tagħhom, kif spjegat fil-punti 346 et seq. iktar ’il quddiem.

320    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq ittieni parti tattieni motiv, li tgħid li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li rreklami għal prodotti li jidhru fixShopping Units kienu ta’ benefiċċju għasservizz ta’ tqabbil taxxiri ta’ Google

i)      Largumenti talpartijiet

321    Google ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li r-reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units “kienu ta’ benefiċċju” għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Fil-fatt, il-links tagħhom ma kinux iwasslu lejn dan is-servizz u ma kienu jiġġeneraw ebda dħul għal dan is-servizz. Id-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet dan espressament.

322    F’dan ir-rigward, Google tesponi li l-Kummissjoni telenka, fid-deċiżjoni kkontestata, tmien raġunijiet sabiex allegatament tispjega kif id-dehra tax-Shopping Units hija mezz sabiex tagħti trattament preferenzjali lis-“sit” Google Shopping (premessi 414 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, seba’ minnhom ma jidentifikaw l-ebda benefiċċju li s-sit Google Shopping jislet mir-reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units, u wisq inqas benefiċċju li jista’ jiġġustifika li l-klikks fuq ir-reklami għal prodotti jiġu magħduda bħala traffiku lejn is-sit Google Shopping. Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi, b’mod partikolari, il-links ta’ tab tal-menu u links “view all” tax-Shopping Units li effettivament iwasslu lejn is-sit Google Shopping (premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, dan la jiġġustifika l-ilmenti kontra reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units, u lanqas li l-klikks fuq ir-reklami għal prodotti jingħaddu bħala traffiku lejn is-sit Google Shopping. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-klikks fuq ir-reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units u fuq il-paġna Google Shopping jistgħu jwasslu għas-siti tal-istess bejjiegħa (premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan jispjega l-benefiċċju li r-reklami għal prodotti – irrispettivament mis-sors tagħhom – joħolqu għall-bejjiegħa, iżda mhux kif is-sit Google Shopping jibbenefika mill-klikks fuq ir-reklami għal prodotti fix-Shopping Unit. Il-motivi l-oħra fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 414 sa 417 u 420) lanqas huma ta’ natura li juru li s-sit Google Shopping ibbenefika mill-klikks fuq ir-reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units.

323    L-unika raġuni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata għalfejn il-klikks fuq ir-reklami għal prodotti fix-Shopping Units jingħaddu bħala traffiku lejn is-sit Google Shopping hija li dawn il-klikks jagħtu lok għal ħlas lil Google (premessi 421 u 630 tad-deċiżjoni kkontestata).  Madankollu, din id-dikjarazzjoni hija skorretta, għaliex id-dħul iġġenerat mir-reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units ma jmurx għas-sit Google Shopping. Google talloka d-dħul mir-reklami għal prodotti fix-Shopping Units lis-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan fil-premessa 642 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha tosserva li l-wiri tax-Shopping Units minn Google “iservi sabiex tiffinanzja s-servizz ta’ tiftix ġenerali tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

324    L-allegazzjoni li d-dħul mill-klikks fuq ir-reklami għal prodotti fix-Shopping Units kien ta’ benefiċċju għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google hija għalhekk fattwalment skorretta. Ir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata huwa wkoll żbaljat fil-liġi, għaliex, essenzjalment, huwa bbażat fuq ilment ta’ ssussidjar reċiproku minħabba li Google tissussidja s-sit Google Shopping bi dħul mir-reklami għal prodotti fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali. Issa, anki jekk id-dħul mix-Shopping Units kien imur għal Google Shopping, li ma huwiex il-każ, dan ma jippermettix li jiġi stabbilit abbuż.

325    Il-Kummissjoni ssostni li x-Shopping Units jagħmlu parti mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, li l-fatt li x-Shopping Units jintwerew b’mod viżibbli huwa mezz għal Google biex tagħtihom trattament preferenzjali, li kull klikk fuq ix-Shopping Units huwa ta’ benefiċċju għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, minkejja l-fatt li dawn il-klikks jidderiġu lill-utent tal-internet lejn is-siti tal-bejjiegħa u mhux lejn il-paġna speċjalizzata awtonoma Google Shopping, u li, anki jekk id-dħul iġġenerat mir-reklami għal prodotti fix-Shopping Units ma jgħaddix għas-sit Google Shopping, Google tippreżenta x-Shopping Units u l-paġna awtonoma Google Shopping bħala servizz wieħed jew esperjenza waħda lill-bejjiegħa u lill-utenti. Għall-bejjiegħa u għall-utenti, l-allokazzjoni tad-dħul ta’ Google hija irrilevanti (premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata). Google tipprova torbot l-identifikazzjoni ta’ vantaġġi għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha mal-mod li bih id-dħul iġġenerat mill-klikks fuq ix-Shopping Units huwa allokat, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni diversi vantaġġi li hija tislet mill-klikks fuq ix-Shopping Units, identifikati fil-premessi 445, 447 u 450 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni żżid li l-premessi 414 sa 420 tad-deċiżjoni kkontestata fihom seba’ raġunijiet li jimmotivaw il-konstatazzjoni li l-klikks fuq ix-Shopping Units jiffavorixxu s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google.

326    Fuq dawn l-aspetti, Visual Meta tenfasizza, b’mod partikolari, li l-allokazzjoni interna tad-dħul ta’ Google ma tistax tippermettilha li tevadi l-konstatazzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Visual Meta taqbel ukoll mal-analiżi tal-Kummissjoni fil-premessa 630 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google jibbenefika “ekonomikament” mill-klikks fuq il-links tax-Shopping Units, bl-istess mod bħallikieku l-utent ikun għamel il-pass intermedjarju li l-ewwel imur fis-sit awtonomu Google Shopping u jagħfas fuq il-prodott tan-negozjant imsieħeb. Hija tindika li, kif jirriżulta mill-premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, il-links fix-Shopping Units u fil-Google Shopping jaqdu l-istess funzjoni ekonomika. Foundem u Twenga essenzjalment jiżviluppaw l-istess argumenti.

ii)    Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

327    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Google huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni tikkritikaha li tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, mifhum li huwa s-sit internet awtonomu li jikkorrispondi mal-paġna speċjalizzata Google Shopping, permezz ta’ preżentazzjoni u ta’ pożizzjonament iktar favorevoli tax-Shopping Units.

328    Issa, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huma ddefiniti fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata bħala servizzi ta’ tiftix speċjalizzat li, minn naħa, jippermettu li l-utenti tal-internet ifittxu prodotti u jqabblu l-prezzijiet tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom fost l-offerti ta’ diversi bejjiegħa online u ta’ pjattaformi merkantili u, min-naħa l-oħra, jipprovdu links li jwasslu (direttament jew permezz ta’ paġna waħda jew iktar intermedjarji suċċessivi) għas-siti ta’ dawn il-bejjiegħa jew ta’ dawn il-pjattaformi. Din id-definizzjoni ma hijiex ikkontestata minn Google.

329    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-premessi 26 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google huwa ppreżentat taħt diversi forom, jiġifieri paġna speċjalizzata, reċentement imsejħa Google Shopping, ir-riżultati għal prodotti miġbura fi gruppi, li żviluppaw fil-Product Universals, u r-reklami għal prodotti, li żviluppaw fix-Shopping Units.

330    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm il-paġni speċjalizzati Froogle, Google Product Search u Google Shopping kif ukoll ir-riżultati għal prodotti miġbura fi gruppi, b’mod partikolari l-Product Universals, u r-reklami għal prodotti, b’mod partikolari x-Shopping Units, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri, li Google pproponiet lill-utenti tal-internet.

331    Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi Google, l-imġiba kkontestata f’din il-kawża ma hijiex limitata għal trattament preferenzjali tal-paġna speċjalizzata Google Shopping permezz ta’ pożizzjonament u dehra favorevoli tax-Shopping Units, u lanqas ma tirrigwarda prattika ta’ “sussidjar reċiproku”. Hawnhekk huwa inkwistjoni trattament iktar favorevoli lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ikkunsidrat globalment, li jinkludi x-Shopping Units.

332    Kif korrettament tirrimarka l-Kummissjoni fil-premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, “dak li [hija] issostni […] huwa li l-pożizzjonament u d-dehra tax-Shopping Units joffru lil Google mezz li bih tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

333    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet iddettaljati tal-Kummissjoni, li Google ma kkonfutatx, ix-Shopping Units huma marbuta mill-qrib ferm ma’ Google Shopping f’dak li jirrigwarda l-bażi ta’ prodotti tagħhom (premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata), il-mekkaniżmu tagħhom ta’ selezzjoni tar-riżultati (premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata) u r-riżultati fihom innifishom, peress li jwasslu għall-istess paġna ta’ destinazzjoni tas-siti kummerċjali (premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ix-Shopping Units u Google Shopping huma, kif jirriżulta wkoll mill-elementi materjali prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-imsemmija konstatazzjonijiet, ippreżentati lill-utenti tal-internet u lin-negozjanti bħala servizz wieħed u esperjenza waħda (premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata).

334    B’hekk, il-bejjiegħa ma jafux jekk iħallsux għal klikk fuq l-offerta ta’ prodotti tagħhom fix-Shopping Units jew fuq is-sit internet awtonomu Google Shopping (premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li l-utenti tal-internet huma mistiedna jmorru lejn Google Shopping permezz ta’ header link u link “view all” waqt li jinnavigaw fix-Shopping Units (premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li, kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-utenti tal-internet, ix-Shopping Units u Google Shopping jikkostitwixxu l-istess servizz ta’ tqabbil tax-xiri uniku.

335    B’mod iktar preċiż, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-riżultati kollha ppreżentati fl-istrutturi differenti msemmija fil-punt 329 iktar ’il fuq kienu riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Kuntrarjament għal dak li targumenta Google, servizz ta’ tqabbil tax-xiri ma jistħoqqlux din il-klassifikazzjoni unikament jekk jista’ jilħaq livell ta’ preċiżjoni li tippermetti li jingħataw offerti differenti għall-istess prodott jew mudell uniku, kif għamlet il-paġna speċjalizzata ta’ Google. Tali servizz ta’ tqabbil tax-xiri jista’ jipprovdi wkoll offerti ta’ diversi prodotti li jistgħu jissodisfaw it-talba tal-utent tal-internet, kif għamlu l-Product Universals u x-Shopping Units. Kollox jiddependi kemm mill-parametri tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri kif ukoll mill-preċiżjoni tat-talba inizjali ta’ tiftix tal-utent tal-internet. Google ma tistax timponi definizzjoni ġenerali ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri skont il-mod li bih hija tikkonfigura l-paġna speċjalizzata, il-Product Universals jew ix-Shopping Units.

336    F’dan il-każ, għandha tingħażel id-definizzjoni ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri mogħtija fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 328 iktar ’il fuq, li barra minn hekk ma ġietx ikkontestata minn Google. F’dan ir-rigward, fil-glossarju ta’ termini tekniċi anness mar-rikors Google nnifisha tindika li aggregatur huwa “sit internet li jelenka prodotti u offerti ta’ prodotti ta’ negozjanti differenti u li jippermetti lill-utenti jfittxuhom u jqabbluhom bejniethom” u hija tispjega li “id-deċiżjoni” issejjaħ dawn is-siti “servizzi ta’ tqabbil tax-xiri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

337    Abbażi ta’ dan, kemm il-paġni speċjalizzati Froogle, Google Product Search u Google Shopping kif ukoll ir-riżultati għal prodotti miġbura fi gruppi, b’mod partikolari l-Product Universals, u r-reklami għal prodotti, b’mod partikolari x-Shopping Units, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri, li Google pproponiet lill-utenti tal-internet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fir-rigward b’mod iktar partikolari tax-Shopping Units, fil-premessi 414 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata fost l-oħrajn enfasizzat li d-database tax-Shopping Units u dik tal-paġna speċjalizzata kienet l-istess, li l-infrastruttura teknika tagħhom u dik tar-relazzjoni mal-bejjiegħa kienet fil-parti l-kbira l-istess, li l-bejjiegħa kellhom jaċċettaw li l-offerti tagħhom ikunu ppreżentati fiż-żewġ strutturi, li huma ma kinux informati mil-liema struttura kienu ġejjin il-klikks li kienu fatturati għalihom, li s-sistema ta’ ħlas mill-bejjiegħa kienet l-istess u li l-links internet taż-żewġ strutturi kienu jirreferu għall-istess paġni internet tas-siti bejjiegħa. Konsegwentement, klikk f’Shopping Unit għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestazzjoni ta’ użu tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google mill-paġna tar-riżultati ġenerali, jiġifieri bħala traffiku għall-benefiċċju tal-imsemmi servizz ta’ tqabbil tax-xiri minn din il-paġna.

338    Hemm lok li jiġi ppreċiżat li ċerti formulazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, bħal dawk li jinsabu fil-premessi 408 u 423, jistgħu, meħuda waħidhom u prima facie, jidhru ambigwi. Madankollu, dawn il-formulazzjonijiet ma jikkontestawx l-analiżi ġenerali segwita mill-Kummissjoni li tgħid li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kien propost taħt forom differenti. B’mod partikolari, il-premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara bħala li tkompli fuq il-premessi 414 sa 421, li huma intiżi sabiex juru li x-Shopping Units u Google Shopping huma l-komponenti ta’ ħaġa waħda. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 422 tindika li, f’sitt pajjiżi taż-ŻEE, matul ċertu perijodu, “Google Shopping kienet teżisti biss fil-forma ta’ Shopping Unit mingħajr sit internet awtonomu assoċjat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

339    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, korrettament, tikkonstata li x-Shopping Units kienu jagħtu trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk, barra minn hekk, kinux jagħtu trattament preferenzjali jew le b’mod dirett lis-sit internet awtonomu Google Shopping billi jipprovdulu dħul.

340    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv, li tgħid li r-reklami għal prodotti li jidhru fix-Shopping Units ma kinux ta’ benefiċċju għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq lelementi tattielet parti tattieni motiv li skonthom Google diġà tinkludi sservizzi kompetituri ta’ tqabbil taxxiri fixShopping Units, b’tali mod li ma jistax ikun hemm trattament preferenzjali

1)      Largumenti talpartijiet

341    Google ssostni li hija diġà tinkludi r-reklami għal prodotti li ġejjin mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units b’tali mod li ma tistax tiġi kkritikata li tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. Hija tindika, b’hekk, li torganizza r-reklami għal prodotti proposti mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri bis-sistemi ta’ katalogar u indiċjar tagħha u li teżegwixxi l-istess kontrolli ta’ kwalità bħal dawk li tapplika għar-reklami ta’ persuni oħra li jirreklamaw.

342    Diversi servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fl-Ewropa – inkluż Idealo, Twenga, Ceneo, Check24, Heureka u Kelkoo – jużaw b’suċċess dawn il-possibbiltajiet, billi jpoġġu miljuni ta’ reklami għal prodotti fuq Google. F’dan ir-rigward, Google tikkontesta d-dikjarazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata esposta fil-premessi 344 u 371 li s-“servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jistgħu jidhru biss bħala riżultati ta’ tiftix ġeneriku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-realtà, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jistgħu jipparteċipaw fix-Shopping Units.

343    Għall-kuntrarju, fl-ittra tal-espożizzjoni tal-fatti tagħha, il-Kummissjoni identifikat il-mod li bih il-mutur ta’ tfittxija ġenerali Bing, ta’ Microsoft, kien juri r-reklami għal prodotti u l-proposta ta’ miżuri korrettivi ta’ Kelkoo bħala mezzi sabiex jintemm l-allegat ksur. Madankollu, dawn iż-żewġ approċċi jikkorrispondu għal dak li Google kienet diġà tagħmel.

344    Il-Kummissjoni tilmenta li l-aċċess għal Shopping Unit jirrikjedi li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jibdlu l-mudell ekonomiku tagħhom billi jżidu funzjonalità ta’ xiri jew li jaġixxu “bħala intermedjarji” (premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni la tispjega u lanqas ma ssostni dan l-ilment fid-deċiżjoni kkontestata. Hija ma tidentifikax l-preokkupazzjonijiet partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri għandhom jissodisfaw sabiex jipparteċipaw fix-Shopping Units u ma tispjegax kif dawn il-kundizzjonijiet huma inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni.

345    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Il-BDZV tindika li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma jistgħux jidhru fix-Shopping Units, għaliex għal dan jeħtieġ li jinħoloq kont “Google Merchant Center”, li jimplika li tkun negozjant, jiġifieri, skont il-Linji Gwida ta’ Google, li tkun tippermetti x-xiri direttament fuq is-sit internet. Issa, il-BDZV tfakkar li s-servizzi ta’ tqabbil jidderiġu lill-utenti tal-internet lejn is-siti tal-bejjiegħa. Fir-rigward taż-żewġ għażliet mogħtija lis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri sabiex jidhru fix-Shopping Units (iżżid buttuna tax-xiri jew issir intermedjarju tal-bejjiegħa), il-BDZV tispeċifika li dawn jibdlu b’mod fundamentali l-mudell ekonomiku tagħhom u li dawn ma humiex interessanti sabiex jikkonvinċux lill-bejjiegħa sabiex jafdaw il-bejgħ tagħhom lis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, sa fejn il-bejjiegħa jixtiequ, bħala prinċipju, iżommu l-kontroll fuq ir-relazzjoni mal-klijenti. Din hija r-raġuni għalfejn kien biss numru żgħir ħafna ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li setgħa juża x-Shopping Units.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

346    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 439, li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienu eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’Google Shopping biss jekk jibdlu l-mudell ekonomiku tagħhom, jew billi iżidu buttuna “xiri”, jew billi jaġixxu bħala intermedjarju sabiex ipoġġu r-riżultati għal prodotti bi ħlas tal-bejjiegħa fix-Shopping Units.

347    Għalhekk, mill-punt 2 tal-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Google indikat lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri Pollakk Ceneo li seta’ jipparteċipa f’Google Shopping, u għalhekk jidher fix-Shopping Units, biss jekk jirriproduċi l-karatteristiċi ta’ bejjiegħa online jew ta’ pjattaformi merkantili (il-klijenti prinċipali ta’ Google Shopping), kemm jekk billi jintroduċi funzjonalità ta’ xiri dirett u billi “jagħmel [is-sit tiegħu] jixbah lil ħanut” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jew billi “jissottometti prodotti lil Google għan-nom ta’ bejjiegħa individwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex jintwerew fix-Shopping Unit u bil-kundizzjoni li l-paġna ta’ referenza “ma tagħtix l-impressjoni li hija sit ta’ tqabbil [ta’ prodotti]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

348    Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessi 439 u 220 tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punti 346 u 347 iktar ’il fuq, is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma kinux, bħala tali, eliġibbli sabiex jidhru fix-Shopping Units. Kif tikkonferma Google fir-rikors tagħha, huma setgħu jiġi inklużi fihom biss jekk jibdlu l-mudell ekonomiku tagħhom biż-żieda ta’ buttuna ta’ xiri jew billi jaġixxu bħala intermedjarji u jissottomettu prodotti lil Google għan-nom ta’ bejjiegħa fuq l-internet. Kif jirriżulta mir-rikors u mir-replika, Google ma tikkontestax dan.

349    Kif tenfasizza l-BDZV, tali għażliet jibdlu, b’mod fundamentali, il-mudell ekonomiku ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri. B’hekk mill-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li funzjonalità ta’ xiri dirett tagħmel tiddistingwi l-pjattaformi merkantili mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, kemm mill-perspettiva tal-utenti kif ukoll minn dik tal-bejjiegħa.

350    Fil-fatt, kif spjegat fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żieda ta’ tali funzjonalità tista’ twassal sabiex is-servizz ma jibqax jiġi kkunsidrat bħala servizz ta’ tqabbil tax-xiri mill-utenti tal-internet. Tali żieda tista’ twassal ukoll sabiex jinbidel il-kuntest legali tas-servizzi offruti u, fuq kollox, sabiex tinbidel ir-relazzjoni tas-sit ta’ tqabbil tax-xiri mal-klijenti tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti l-kbira tal-bejjiegħa l-kbar ma humiex favur iż-żieda, fis-siti ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, ta’ buttuna “xiri”, għaliex dawn il-bejjiegħa jixtiequ “jżommu kontroll totali fuq l-attivitajiet tagħhom ta’ bejgħ bl-imnut (inkluż l-istrateġija ta’ merchandising, ir-relazzjonijiet mal-klijenti u l-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, din iż-żamma tal-awtonomija tal-bejjiegħa fir-relazzjoni tagħhom ta’ bejgħ max-xerrejja tal-prodotti tagħhom li kkonsultaw servizzi ta’ tqabbil tax-xiri tagħmel is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri uniċi meta mqabbla ma’ pjattaformi, bħal Amazon, li jwettqu huma stess il-funzjoni ta’ bejgħ għall-bejjiegħa li jingħaqdu magħhom, u li l-bejjiegħa li jpoġġu l-prodotti tagħhom fuq servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jqisu bħala kompetituri. Barra minn hekk, din hija r-raġuni għalfejn, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata u kif tenfasizza l-BDZV, huwa biss numru żgħir ħafna ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li introduċew din il-funzjonalità (7 mit-361 servizz ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri identifikati minn Google) u, minn dan in-numru żgħir ħafna ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, il-funzjonalità inkwistjoni ġiet introdotta biss għal numru żgħir ta’ bejjiegħa u ta’ offerti. F’dan ir-rigward, mill-imsemmija premessa jirriżulta li Idealo li huwa l-ikbar servizz ta’ tqabbil tax-xiri wara Google Shopping fil-Ġermanja fl-2015 kien irnexxielu jikkonvinċi biss inqas minn 5 % tal-bejjiegħa tiegħu sabiex iżidu l-buttuna “xiri”.

351    Barra minn hekk, anki l-alternattiva offruta lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri sabiex ikunu jistgħu jkunu preżenti fix-Shopping Units, jiġifieri li jaġixxu bħala intermedjarji, tobbligahom ibiddlu l-mudell ekonomiku tagħhom, inkwantu r-rwol tagħhom jikkonsisti għalhekk li jpoġġu prodotti fuq is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kif jagħmel bejjiegħ u mhux iktar li jqabblu l-prodotti. B’hekk, sabiex ikollhom aċċess għax-Shopping Units, is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jkollhom isiru klijenti tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u jirrinunzjaw milli jkunu kompetituri diretti tiegħu.

352    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata bl-argumenti ta’ Google li hija kienet diġà tapplika l-metodu pprattikat minn Bing sabiex turi r-reklami għal prodotti u l-proposta ta’ miżuri korrettivi ta’ Kelkoo sabiex jintemm il-ksur. F’dan ir-rigward, Google tiddikjara li, l-istess bħar-reklami għal prodotti rispettivi tagħha, jiġifieri x-Shopping Units, ir-reklami għal prodotti murija minn Bing għandhom iwasslu lejn il-paġni fejn l-utenti jistgħu jixtru l-offerta kkonċernata u li, kif Kelkoo tipproponi, hija tirċievi d-data tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri terzi fi flussi u sussegwentement torganizza dawn il-flussi bl-għajnuna tal-algoritmi rispettivi tagħha.

353    Madankollu, minn naħa, Google ma turix, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li kienet applikat il-metodu sostnut minn Kelkoo. Barra minn hekk, din tal-aħħar tikkontesta dan u annettiet mal-proċess dokument li juri kif ir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil kellhom jiġu ttrattati sabiex tkun żgurata ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, Kelkoo tindika li, fid-dikjarazzjoni ċċitata minn Google fir-rikors li tgħid li hija aċċettat li Google kienet diġà applikat il-miżuri korrettivi mitluba, mhux biss talli ma rrikonoxxiet li l-preokkupazzjonijiet ta’ kompetizzjoni mqajma mill-Kummissjoni kienu solvuti, iżda talli tikkritika d-dikjarazzjoni ta’ Google li tgħid li din ma setgħetx tapplika l-istess proċessi u metodi għar-riżultati tagħha u għar-riżultati kompetituri. Għalkemm Google effettivament tippermetti, kif ġie ssuġġerita minn Kelkoo fil-kummentarji tagħha dwar ir-risposta ta’ Google għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li n-negozjanti jibgħatulha flussi li jkun fihom inventarju tal-prodotti tagħhom, sabiex jibbenefikaw minn tali possibbiltà, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri għandhom, kif ġie spjegat fil-punt 348 iktar ’il fuq, jibdlu l-mudell ekonomiku, li bl-ebda mod ma jindirizza l-preokkupazzjoni ta’ Kelkoo.

354    Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li, kif Google tindika fir-rikors tagħha, “ir-reklami għall-prodotti ta’ Bing għandhom jwasslu lejn paġni li fuqhom l-utenti jistgħu jixtru prodotti”, dan ma jindirizzax il-preokkupazzjoni ta’ kompetizzjoni identifikata. Fil-fatt, f’dan il-każ, ma hijiex inkwistjoni l-imġiba ta’ Microsoft permezz tal-mutur ta’ tfittxija tagħha Bing, li, fuq kollox, ma għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tat-tiftix ġenerali, iżda l-imġiba ta’ Google. Il-fatt li r-reklami ta’ Bing jieħdu wkoll lill-utenti tal-internet lejn in-negozjanti ma jipprekludix li l-imġiba ta’ Google tkun ta’ natura antikompetittiva.

355    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Google, invokati fit-tielet parti tat-tieni motiv, li jgħidu li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienu diġà inklużi fix-Shopping Units, b’tali mod li ma setax ikun hemm trattament preferenzjali, għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq ittielet u rraba’ motivi, ibbażati fuq ilfatt li lprattiki inkwistjoni ma kellhomx effetti antikompetittivi

356    It-tielet u r-raba’ motiv jirrigwardaw it-tnejn li huma l-effetti tal-prattiki inkwistjoni. It-tielet motiv huwa intiż sabiex jikkontesta l-konsegwenzi materjali tagħhom, kif ippreżentati mill-Kummissjoni, fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn id-diversi servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Ir-raba’ motiv huwa intiż sabiex jikkontesta li dawn il-prattiki kellhom impatt antikompetittiv fid-diversi swieq identifikati. Dawn l-aspetti huma marbuta. Fil-fatt, kif huwa indikat fil-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq, essenzjalment, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki inkwistjoni bidlu dan it-traffiku, li kien ikkawża effetti antikompetittivi ta’ natura differenti fuq is-swieq ikkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ prova ta’ konsegwenzi materjali fuq dan it-traffiku neċessarjament ifisser li l-premessi tal-konstatazzjoni ta’ effetti antikompetittivi fis-swieq ikkonċernati huma neqsin. Bl-istess mod, il-grad ta’ importanza tal-konsegwenzi materjali fuq dan it-traffiku li huma allegatament ipprovati għandu impatt fuq l-istabbiliment, u mhux, fuq l-effetti antikompetittivi fuq is-swieq.

357    Għalhekk hemm lok li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-konstatazzjonijiet ta’ Google dwar il-konsegwenzi materjali tal-prattiki inkwistjoni fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, inklużi tagħha, qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tagħha dwar l-assenza ta’ effetti antikompetittivi ta’ dawn il-prattiki.

a)      Fuq lewwel parti tattielet motiv, li tgħid li lKummissjoni ma stabbilixxietx li lprattiki inkwistjoni kienu wasslu għal tnaqqis tattraffiku millpaġni tarriżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil taxxiri

1)      Largumenti talpartijiet

358    Fl-ewwel parti tat-tielet motiv, Google ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat, fit-Taqsima 7.2.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki inkwistjoni kienu “wasslu għal tnaqqis tat-traffiku tar-riċerka ġenerika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lejn kważi s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kollha “fuq bażi fit-tul” (premessa 462) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minkejja li hemmhekk il-Kummissjoni tippreżenta diversi graffs li juru l-iżvilupp tat-traffiku ta’ tiftix ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, hija ma tistabbilixxi l-ebda rabta kawżali bejn dan l-iżvilupp u l-prattiki inkwistjoni. Iċ-CCIA tallega wkoll l-assenza ta’ tali prova. Issa, il-Kummissjoni kellha tipprova li t-tnaqqis li hija kkonstatat kien imputabbli għall-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tal-Product Universals u tax-Shopping Units. Il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tillimita ruħha li tippreżumi kawżalità, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C-457/10 P, EU:C:2012:770, punt 199).

359    Skont Google, sostnuta f’dan ir-rigward miċ-CCIA, il-Kummissjoni kellha twettaq analiżi kontrofattwali u teżamina kif it-traffiku ta’ tiftix tagħha kien jiżviluppa li kieku ma kinux ġew adottati l-prattiki inkwistjoni li jikkonċernaw il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tal-Product Universals u tax-Shopping Units. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timputa t-tnaqqis tat-traffiku ta’ tiftix mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għal prattiki oħra, li hija qieset li huma legali, jiġifieri l-bidliet magħmula permezz tal-implimentazzjoni ta’ algoritmi ta’ aġġustament li jirrelegaw ċerti tipi ta’ siti internet fil-klassifikazzjoni tar-riżultati ġeneriċi. Kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni fir-risposta, l-analiżi kontrofattwali ma għandhiex tibda mill-ipoteżi li Google ma tużax iktar algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi li jistgħu jirrelegaw is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, peress li dawn l-algoritmi ma humiex ikkontestati, fatt li Google tirrepeti fl-osservazzjonijiet tagħha fuq diversi noti ta’ intervent, pereżempju dik ta’ Kelkoo, li tikkritika dawn l-algoritmi. Fil-fatt, l-alternattiva offruta lil Google sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kkontestata, esposta fir-risposta tal-Kummissjoni, jiġifieri jew li ma tkomplix bix-Shopping Units, jew li tinkludi fihom is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, fl-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet ma tinvolvi li dawn l-algoritmi ma jibqgħux jintużaw. F’dan ir-rigward, iċ-CCIA tenfasizza li x-xenarju kontrofattwali adegwat huwa sempliċement dak li jikkorrispondi ma’ sitwazzjoni mingħajr l-abbuż allegat, fi kliem ieħor għandu jkun ibbażat fuq is-sitwazzjoni li fiha l-Product Universals u x-Shopping Units ikunu rtirati, iżda mhux il-bidliet magħmula għall-klassifikazzjoni tar-riżultati ġeneriċi. Bħala risposta għall-argument imressaq minn Foundem fin-nota ta’ intervent tagħha li jgħid li jkun assurd għal Google li tirrinunzja għar-riżultati għal prodotti jew għar-reklami għal prodotti mingħajr ma tirrinunzja wkoll għall-algoritmi ta’ aġġustament tagħha li jistgħu jirrelegaw lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fi ħdan ir-riżultati ġeneriċi, Google tesponi li dan huwa dak li tagħmel f’numru ta’ pajjiżi, inkluż fl-Ewropa, li juri li l-analiżi kontrofattwali li hija tipproponi ma hijiex ipotetika u li l-imsemmija algoritmi huma spjegabbli biss minħabba tħassib dwar il-kwalità tar-riżultati.

360    Skont Google, żewġ settijiet ta’ fatti invokati mill-Kummissjoni għandhom iwasslu sabiex it-tnaqqis tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jiġi ġustament attribwit għall-bidliet magħmula fil-klassifikazzjoni ġenerika permezz tal-algoritmi ta’ aġġustament u mhux permezz tal-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tal-Product Universals u tax-Shopping Units. B’hekk, mill-premessi 464 sa 474 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ebda wieħed mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li huma msemmija fihom ma jallega li d-dehra tal-Product Universals u tax-Shopping Units kienet il-kawża tat-telf ta’ traffiku. Bil-kontra ta’ dan, uħud minnhom espressament ċaħdu din ir-rabta. Bl-istess mod, it-tieni sett ta’ fatti użati mill-Kummissjoni fil-premessi 475 sa 477 tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-bidla tal-viżibbiltà tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fir-riżultati ġeneriċi “wara l-introduzzjoni jew l-implimentazzjoni tal-algoritmu Panda” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi wkoll, fi premessi oħra, evalwazzjoni li jgħidu li l-viżibbiltà ta’ dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri naqset “wara t-tnedija tal-algoritmu Panda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew evalwazzjonijiet simili (premessi 361, 367, 513 u 514), filwaqt li l-klassifikazzjoni tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil imwettqa minn Google fir-riżultati ġeneriċi, inkluż bl-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament bħal Panda, ma tagħmilx parti mill-prattiki kkunsidrati abbużivi.

361    F’dan ir-rigward, il-premessa 661 tad-deċiżjoni kkontestata tistipula li l-prattiki inkwistjoni jikkonsistu biss fil-fatt li Google “ma applikatx” l-algoritmi ta’ aġġustament tagħha previsti għar-riżultati ġeneriċi (b’mod iktar partikolari Panda) għall-Product Universals u għax-Shopping Units. Dan jirriżulta b’mod ċar mid-delimitazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata tal-portata ġeografika u tat-tul tal-imġiba allegatament abbużiva, li tkopri biss il-pajjiżi jew il-perijodi kkonċernati mill-użu tal-Product Universals jew tax-Shopping Units. Huwa għalhekk li llum, skont Google, peress li l-Product Universals ma għadhomx jintużaw, is-sempliċi tneħħija tax-Shopping Units ittemm il-ksur identifikat mill-Kummissjoni.

362    Analiżi kontrofattwali xierqa kienet tikkonferma li l-prattiki kkontestati mill-Kummissjoni fihom infushom ma kellhom l-ebda effett fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

363    B’hekk, l-ewwel, dan it-traffiku żviluppa b’mod simili fil-pajjiżi li fihom kienu ġew introdotti l-Product Universals u x-Shopping Units u f’dawk fejn ma kinux. F’dan ir-rigward, Google tipproduċi analiżi msejħa “differenzi fid-differenzi”, li tinvolvi xenarju kontrofattwali ta’ pajjiżi fejn il-Product Universals u x-Shopping Units ma ġewx introdotti jew inkella ġew introdotti tard. B’hekk Google tqabbel is-sitwazzjoni mill-2004 sal-2014 fir-Renju Unit u fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, fi Franza u fil-Belġju kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju, kull darba għal xi għaxar servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ dak ta’ Google, attivi fiż-żewġ pajjiżi li fir-rigward tagħhom kien qiegħed isir il-paragun. Il-paragun jintwera fil-forma ta’ dijagrammi li juru l-linji ta’ andament tat-traffiku għal kull servizz ta’ tqabbil tax-xiri fiż-żewġ pajjiżi mqabbla. Pereżempju, l-evoluzzjoni tat-traffiku, mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri Twenga fi Franza, fejn il-Product Universals u x-Shopping Units ġew introdotti, hija mqabbla mal-evoluzzjoni ta’ dan it-traffiku fil-Belġju fejn ma ġewx introdotti. Issa, anki jekk il-volumi ta’ traffiku jistgħu jkunu differenti, f’kull pajjiż imqabbel ma’ ieħor, l-evoluzzjoni tat-traffiku fuq perijodu ta’ żmien tidher li hija simili ħafna. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar din l-analiżi hija żbaljata għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, hija tindika b’mod żbaljat, fil-premessa 520, li l-analiżi ma tiħux inkunsiderazzjoni l-effett tal-algoritmi ta’ aġġustament tat-tiftix ġenerali, b’mod partikolari ta’ Panda. Fit-tieni lok, hija tindika b’mod żbaljat, fil-premessa 521, li t-traffiku ma kienx jevolvi bl-istess mod fil-pajjiżi mqabbla qabel it-tnedija tal-Product Universals u tax-Shopping Units f’wieħed minn dawn il-pajjiżi.

364    It-tieni, it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma jinbidilx meta l-Product Universals u x-Shopping Units jitneħħew. Fil-fatt, fl-2011, il-Kummissjoni talbet lil Microsoft twettaq esperiment (il-“Bing Answers Experiment”) li jinvolvi t-tneħħija tar-riżultati ta’ tiftix tat-tip Product Universals fuq Bing, il-mutur ta’ tfittxija tagħha, għal grupp ta’ utenti u qabblet is-sitwazzjoni ma’ dik ta’ grupp ieħor ta’ utenti li żammew dawn ir-riżultati speċjalizzati. Issa, id-data li rriżultat minn dan l-esperiment turi li t-turija, jew n-nuqqas ta’ turija, tar-riżultati tat-tip Product Universals kellha effett insinjifikattiv fuq it-traffiku lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Google nnifisha wettqet esperiment simili, imsejjaħ “esperiment ablattiv”, dwar ix-Shopping Units, li wassal għal riżultati simili. Id-differenza bejn it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ġġenerat mill-grupp ta’ utenti li ma jarawx ix-Shopping Units u dak iġġenerat mill-grupp tal-kontroll kien perċentwali żgħir tat-traffiku totali ta’ dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, ħafna inqas mil-livell li l-Kummissjoni identifikat bħala li ma għandux effett fuq il-kompetizzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fil-punt 446, u fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 571 u 581, anki meta tirreferi għal parti ta’ kważi 20 % tat-traffiku rċevut mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta tallega, fil-premessa 523 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-esperiment ablattiv lanqas ma jieħu inkunsiderazzjoni l-effett tal-algoritmi tat-tiftix ġenerali, b’mod partikolari Panda.

365    Fir-rigward taż-żewġ kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni billi reġgħet użat data li ħarġet mill-esperiment ablattiv, sabiex, skontha, tikkoreġi dan l-esperiment, imsemmija fil-premessi 524 sa 535 tad-deċiżjoni kkontestata, Google tiddikjara li dawn huma żbaljati. Fil-fatt, għall-ewwel kalkolu, muri fit-tabella 22 tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemm l-ebda bażi sabiex jiġi preżunt xenarju li fih servizz ta’ tqabbil tax-xiri jidher dejjem fl-ewwel erba’ riżultati ġeneriċi, kif għamlet il-Kummissjoni. Barra minn hekk, Google ma ngħatatx il-possibbiltà li tikkummenta dwar dan il-kalkolu matul il-proċedura amministrattiva, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Għat-tieni kalkolu, muri fit-tabella 23 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq xenarju ta’ tiftix li jirrigwarda biss il-prodotti, li l-Kummissjoni assimilata għat-tiftix li normalment iwassal għax-Shopping Units, il-Kummissjoni injorat li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kienu jirċievu wkoll traffiku ġeneriku li jirriżulta minn diversi talbiet għal prodotti li għalihom ix-Shopping Units ma kinux jidhru. Il-Kummissjoni injorat ukoll il-fatt li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kienu jirċievu madwar 50 % tat-traffiku tagħhom minn sorsi oħra differenti mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google, kif jirriżulta mit-tabella 24 li tidher fid-deċiżjoni kkontestata. Dan it-traffiku għandu jiġi kkunsidrat waqt l-evalwazzjoni dwar l-effett tal-preżenza tax-Shopping Units fuq it-traffiku. Fil-fatt, jekk jirriżulta li t-tnaqqis tat-traffiku ta’ tiftix li ġej minn Google kien żgħir meta mqabbel mat-traffiku totali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, dan it-tnaqqis ma setax kellu effett fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tiddikjara, fil-premessa 539 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-traffiku allegatament iddevjat kien jirrappreżenta “parti sinjifikattiva tat-traffiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, mingħajr qatt ma ntwera dan.

366    It-tielet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kkunsidrat l-evoluzzjoni globali tas-settur, u lanqas il-bidla ta’ preferenza tal-utenti, murija bil-popolarità dejjem tikber tal-pjattaformi merkantili, bħal Amazon, li jikkostitwixxu alternattivi sabiex isir tiftix ta’ tqabbil tax-xiri. Peress li l-pjattaformi merkantili kisbu popolarità, il-klassifikazzjoni tagħhom fir-riżultati ġeneriċi ta’ Google tjiebet meta mqabbla ma’ dik ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, irrispettivament minn jekk kinux attivi fl-istess suq. Il-paragun bejn l-evoluzzjoni tat-traffiku li kien ġej mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google, minn naħa, lejn il-pjattaformi merkantili u, min-naħa l-oħra, lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jikkonferma din l-analiżi. Mill-2008, it-traffiku lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kien staġna filwaqt li dak lejn il-pjattaformi kien kompla jiżdied. Minkejja li, skont id-dokumenti interni ta’ Google, Amazon stabbilixxiet ruħha bħala r-“riferiment għar-riżultati, ir-rapidità u l-kwalità” tat-tiftix għal prodotti, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ma tejbux is-servizzi tagħhom, kif ikkonfermat minn evalwazzjonijiet li jinsabu fil-proċess.

367    Il-Kummissjoni, il-BEUC, Foundem, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti ta’ Google.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

368    Essenzjalment, Google ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-prattiki inkwistjoni kienu wasslu għal tnaqqis tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Fil-fatt, skont Google, dan it-tnaqqis ta’ traffiku, li hija ma tikkontestax, kien attribwibbli biss għall-operazzjoni ta’ algoritmi ta’ aġġustament, b’mod partikolari Panda, li l-Kummissjoni ma kkontestatx. Ma hemmx rabta kawżali bejn il-promozzjoni minn Google tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, li dwaru l-Kummissjoni tikkritikaha, u l-effett identifikat minn din tal-aħħar, jiġifieri l-esklużjoni tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil minħabba t-tnaqqis tat-traffiku li ġej mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha.

369    Madankollu, qabelxejn għandu jiġi enfasizzat, kif tenfasizza l-Kummissjoni u kif huwa espost fil-punt 69 iktar ’il fuq, li l-imġiba ta’ Google kkontestata fid-deċiżjoni kkontestata tinvolvi żewġ prattiki meħuda flimkien, jiġifieri, minn naħa, il-wiri minn-naħa tagħha tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha b’mod prominenti u attraenti f’“kaxxi” apposta, mingħajr ma dan kien suġġett għall-algoritmi ta’ aġġustament użati għat-tiftix ġenerali, u, min-naħa l-oħra, fl-istess ħin, li wriet is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fuq dawn il-paġni biss fil-forma ta’ riżultati ta’ tiftix ġenerali (links blu) li normalment jingħataw klassifikazzjoni baxxa minħabba l-applikazzjoni ta’ dawn l-algoritmi ta’ aġġustament. Hemm lok li jitfakkar ukoll li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, bħas-servizzi l-oħra ta’ Google, qatt ma jidher taħt il-forma ta’ riżultati ta’ tiftix ġenerali.

370    Fil-premessi 440 u 537 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li hija ma kinitx qed tikkontesta, fihom infushom, il-kriterji ta’ selezzjoni magħżula minn Google, deskritti bħala kriterji ta’ rilevanza, iżda l-fatt li r-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil ma humiex ittrattati bl-istess mod f’termini ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni.

371    Bl-istess mod, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 538 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx qed tikkontesta, bħala tali, il-promozzjoni tar-riżultati speċjalizzati ta’ tqabbil tax-xiri li Google qieset li huma rilevanti, iżda l-fatt li l-istess promozzjoni ma kinitx applikabbli kemm għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha kif ukoll għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

372    Essenzjalment, dak li kkontestat il-Kummissjoni, huma prattiki meħuda flimkien li, minn naħa, kienu jippromwovu s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u, min-naħa l-oħra, kienu jirrelegaw lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google. Minn dan jirriżulta li l-analiżi tal-effetti ta’ dawn il-prattiki meħuda flimkien ma għandhiex issir billi l-effetti ta’ aspett wieħed minn dawn il-prattiki jiġu iżolati minn dawk tal-aspett l-ieħor ta’ dawn il-prattiki.

373    Kif tenfasizza Google, waħdu u meħud b’mod separat, l-ebda wieħed minn dawn l-aspetti tal-prattiki ma qajjem oġġezzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Madankollu, kull wieħed minn dawn l-aspetti ġie implimentat mal-ieħor għall-perijodi u għat-territorji li għalihom il-Kummissjoni qieset li kien hemm ksur tal-Artikolu 102 TFUE u kienet l-implimentazzjoni konġunta tagħhom, li fl-opinjoni tagħha waslet għal effetti magħquda, li kienet ikkunsidrata minnha bħala antikompetittiva.

374    Konsegwentement, l-analiżi tal-effetti għandha tikkunsidra kemm l-effetti tal-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi, b’mod partikolari ta’ Panda, u l-effetti tal-promozzjoni tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google permezz tal-Product Universals u tax-Shopping Units. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li essenzjalment targumenta Google, l-analiżi tal-effetti tal-prattiki inkwistjoni fuq is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma għandhomx ikunu limitati għall-impatt li seta’ jkollu fuqha l-wiri tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google fil-Product Universals u fix-Shopping Units, li jikkorrispondi biss għal wieħed miż-żewġ aspetti ta’ dawn il-prattiki, iżda għandha tikkunsidra wkoll l-impatt tal-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi. Kif issostni l-Kummissjoni, it-twettiq ta’ paraguni ta’ xenarji fil-kuntest ta’ analiżi kontrofattwali, kif tagħmel Google, li fihom ivarja biss il-komponent tal-prattiki relatat mad-dehra tal-Product Universals jew tax-Shopping Units, iwassal sabiex jiġi newtralizzat l-effett tal-algoritmi ta’ aġġustament, għaliex dan tal-aħħar jibqa’ l-istess fiż-żewġ xenarji ta’ kull wieħed minn dawn il-paraguni.

375    Minn dan jirriżulta li l-kritiki ta’ Google fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, sabiex tkejjel l-effetti tal-prattiki inkwistjoni fuq is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, l-impatt tal-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi fuq it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li ġejjin minn paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google għandhom jiġu miċħuda u li l-istudji li Google pproduċiet, li huma intiżi sabiex ikejlu l-impatt proprju tad-dehra tal-Product Universals u tax-Shopping Units fuq dan it-traffiku, bħall-analiżi “tad-differenzi fid-differenzi” jew l-esperiment ablattiv, ma humiex suffiċjenti sabiex jirriflettu l-impatt tal-prattiki inkwistjoni fuq is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

376    B’hekk, peress li s-sitwazzjoni kkunsidrata antikompetittiva f’dan il-każ tikkorrispondi ma’ prattiki meħuda flimkien, l-uniku xenarju kontrofattwali li Google setgħet tinvoka b’mod validu kellu jkun dak li fih l-ebda komponent ta’ dawn il-prattiki ma ġie implimentat, għaliex inkella l-effetti magħquda ta’ dawn il-prattiki konġunti kienu jiġu mifhuma biss parzjalment.

377    Mill-bqija, l-identifikazzjoni ta’ xenarju kontrofattwali affidabbli sabiex jiġu analizzati l-effetti ta’ prattiki allegatament antikompetittivi fuq suq, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ avvenimenti li kienu jseħħu fl-assenza tal-prattiki eżaminati u l-identifikazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta minn dan, tista’ tkun, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, eżerċizzju arbitrarju, jekk mhux impossibbli, jekk dan ix-xenarju kontrofattwali ma jeżistix fir-realtà għal suq li oriġinarjament kellu karatteristiċi simili għas-suq jew swieq li fihom dawn il-prattiki ġew implimentati. Fil-fatt, bħala prinċipju, meta inkwistjoni jkun hemm relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti u mhux biss kompetizzjoni eventwali jew potenzjali, xenarju kontrofattwali affidabbli għandu jikkorrispondi għal sitwazzjoni reali, oriġinarjament simili, iżda li l-evoluzzjoni tiegħu ma hijiex affettwata mill-prattiki kollha inkwistjoni. Bit-tqabbil ta’ tali xenarju kontrofattwali mas-sitwazzjoni osservata fis-suq li huwa s-suġġett tal-prattiki, normalment jistgħu jiġu stabbiliti, billi jiġu iżolati minn bidliet minħabba raġunijiet oħra, l-effetti reali ta’ dawn il-prattiki. F’dan ir-rigward, l-analiżi kontrofattwali, li f’tali sitwazzjoni tqabbel żewġ evoluzzjonijiet reali, hija differenti mill-evalwazzjoni tal-effetti potenzjali li, għalkemm għandha tkun realistika, effettivament tiddeskrivi sitwazzjoni probabbli.

378    Għalhekk, fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-oneru tal-prova mfakkra fil-punti 132 sa 134 iktar ’il fuq, sabiex turi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ prattiki fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tkun obbligata, spontanjament jew sabiex tirrispondi għal analiżi kontrofattwali mressqa mill-impriża kkontestata, tistabbilixxi sistematikament xenarju kontrofattwali, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li targumenta Google. Barra minn hekk, dan ikun jobligaha turi li l-imġiba inkwistjoni kellha effetti reali, li, kif imfakkar f’iktar dettall fil-punti 441 u 442 iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tar-raba’ motiv ta’ Google, ma huwiex meħtieġ fil-każ ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, fejn huwa suffiċjenti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti potenzjali.

379    Sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-effetti potenzjali ta’ prattika fuq is-suq, jew tal-effetti reali tagħha jekk dawn jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni, l-impriża inkwistjoni tista’ ċertament tipproponi analiżi kontrofattwali. Madankollu, din tal-aħħar għandha mbagħad tippermetti li jiġu stabbiliti l-effetti tal-prattika inkwistjoni kollha kemm hi, u mhux l-effetti parzjali.

380    F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni nnifisha ppreparat it-tabella 23 tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ data tal-esperiment ablattiv ta’ Google, bħala risposta għal din tal-aħħar li ressqet l-imsemmi esperiment, hija ma allegatx li dan kien xenarju kontrofattwali. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni tesponi fil-premessi 523 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, din it-tabella tieħu inkunsiderazzjoni biss wieħed miż-żewġ aspetti tal-prattiki inkwistjoni, jiġifieri, t-tkejjel tal-impatt stess tad-dehra tax-Shopping Units fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 378 iktar ’il fuq, Google ma tistax utilment tikkritika lill-Kummissjoni talli ma stabbilixxietx xenarju kontrofattwali.

381    Inċidentalment, għandu jiġi speċifikat li l-argument ta’ Google, imsemmi fil-punt 365 iktar ’il fuq, li jgħid li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tikkummenta dwar il-kalkolu li wassal għat-tabella 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li kkawża preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża tagħha, huwa ineffettiv. Fil-fatt, dan il-kalkolu intermedju, li mbagħad ippermetta lill-Kummissjoni tipprepara t-tabella 23 imsemmija fil-punt 380 iktar ’il fuq kien intiż biss sabiex jirrispondi fid-dettall għall-analiżi kontrofattwali ta’ Google li kien diġà tressaq waqt il-proċedura amministrattiva, iżda li ma kinitx korretta, kif jirriżulta mill-punt 375 iktar ’il fuq, u ma kienx parti mid-dimostrazzjoni, kif ser jitfakkar iktar ’il quddiem, tal-effetti tal-prattiki kollha inkwistjoni fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

382    Barra minn hekk, sabiex tistabbilixxi effetti reali jew potenzjali tal-prattiki li hija teżamina, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq elementi oħra misluta mill-osservazzjoni tal-evoluzzjoni reali tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati mill-prattiki. Jekk tkun osservata korrelazzjoni bejn dawn il-prattiki u l-bidla tas-sitwazzjoni kompetittiva f’dawn is-swieq, elementi addizzjonali, li jistgħu pereżempju jinkludu evalwazzjonijiet tal-atturi tas-suq, tal-fornituri tagħhom, tal-klijenti tagħhom, tal-assoċjazzjonijiet professjonali jew tal-konsumaturi, jistgħu juru r-rabta kawżali bejn dawn il-prattiki u l-evoluzzjoni tas-suq. Jekk ikun il-każ, hija l-impriża inkwistjoni li għandha tressaq, min-naħa tagħha, elementi rilevanti li jistgħu jitfgħu dubju dwar din il-kawżalità.

383    F’dan il-każ, fit-Taqsima 7.2.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, speċifikament iddedikata għall-impatt tal-prattiki inkwistjoni fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, il-Kummissjoni qabelxejn tirreferi, fil-premessi 464 sa 474, għad-dikjarazzjonijiet ta’ disa’ gruppi li joperaw servizzi ta’ tqabbil tax-xiri f’diversi pajjiżi kkonċernati, bħal eBay, Nextag, Twenga jew Axel Springer, billi tindika li dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kellhom tnaqqis sinjifikattiv ta’ traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google b’effett minn dati differenti min-nofs is-sena 2007, anki jekk xi drabi kien hemm xi żidiet temporanji. Pereżempju, fil-premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata huwa indikat li s-sussidjarji ta’ eBay li joperaw servizzi ta’ tqabbil tax-xiri bejn Settembru 2009 u Settembru 2010 kienu tilfu madwar 30 % ta’ dan it-traffiku fir-Renju Unit, 40 % fi Franza u 55 % fil-Ġermanja qabel ma ġie osservat tnaqqis ieħor ta’ traffiku lejn xi wieħed mis-siti ta’ tqabbil tax-xiri tagħhom. Essenzjalment, skont dak li tirraporta d-deċiżjoni kkontestata, dawn il-gruppi jattribwixxu dan it-tnaqqis għall-evoluzzjonijiet tal-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi ta’ Google, b’mod partikolari Panda, li ntwera permezz ta’ tnaqqis tal-indiċi ta’ viżibbiltà Sistrix tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kkonċernati. L-indiċi ta’ viżibbiltà Sistrix hija, kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 398 tad-deċiżjoni kkontestata, data ppubblikata darba fil-ġimgħa mill-kumpannija bl-istess isem, li tieħu inkunsiderazzjoni kemm ir-rata ta’ kemm sit ta’ internet jidher (trigger rate) fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali kif ukoll il-klassifikazzjoni tiegħu f’dawn ir-riżultati.

384    F’dan ir-rigward, fil-premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni turi, permezz ta’ disa’ graffs, l-evoluzzjoni tal-indiċi ta’ viżibbiltà Sistrix u dik tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google (imkejla bin-numru ta’ “klikks” fuq il-links ġeneriċi) lejn it-tliet servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri bejn l-2010 u l-2014 fir-Renju Unit, bejn l-2008 u l-2014 fil-Ġermanja u bejn l-2010 u l-2014 fi Franza. Tista’ tiġi kkonstatata korrelazzjoni pjuttost mill-qrib bejn iż-żewġ evoluzzjonijiet – ħlief għal idealo.de fil-Ġermanja fl-2014, sena li fiha ż-żewġ linji ta’ andament jiddevjaw – u, globalment fuq il-perijodu, tnaqqis taż-żewġ linji ta’ andament – ħlief, għal darba oħra, għal idealo.de, u dan, skont dak indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 575 tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ kjarifika magħmula minn Google, huwa spjegat mill-fatt li l-algoritmu Panda qatt ma ġie applikat għal idealo.de. Jekk ma jiġux ikkunsidrati l-valuri ta’ tmiem il-perijodu qrib ferm iż-żero, it-tnaqqis bejn il-bidu u t-tmiem ta’ dan il-perijodu, indipendentement mill-varjazzjonijiet intermedjarji, ivarja minn 2 sa 1, jiġifieri 50 % (guenstiger.de u touslesprix.com), għal minn 15 sa 1, jiġifieri 93 % (dealtime.co.uk).

385    Fil-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li l-analiżi “tad-differenzi fid-differenzi” magħmula minn Google, li turi b’mod partikolari l-evoluzzjoni tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn disa’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-2004 sal-2014, tippermetti wkoll li jiġi kkonstatat it-tnaqqis ta’ dan it-traffiku lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kkonċernati, b’mod partikolari wara l-introduzzjoni tal-algoritmu Panda, iżda anki fuq perijodu twil. Għalkemm l-aspett differenzjali ta’ din l-analiżi proposti minn Google ma huwiex adattat, għaliex huwa bbażat fuq xenarju kontrofattwali insuffiċjenti, kif ġie espost fil-punt 375 iktar ’il fuq, id-data mhux ipproċessata ta’ din l-analiżi, prodotta fl-Anness A90 tar-rikors, tippermetti effettivament li tiġi stmata l-evoluzzjoni ta’ dan it-traffiku għall-perijodi ta’ ksur identifikati mill-Kummissjoni għal kull pajjiż, jiġifieri mill-mument li fih il-Product Universals ġew introdotti f’dawn il-pajjiżi. Jista’ jiġi kkonstatat tnaqqis fuq it-tul totali ta’ dawn il-perijodi, l-iktar sinjifikattivi b’effett mill-2011, għall-maġġoranza l-kbira tal-40 servizz ta’ tqabbil tax-xiri li kienu s-suġġett tal-analiżi “tad-differenzi fid-differenzi”, anki jekk qabilhom seta’ kien hemm żidiet jew interruzzjonijiet ta’ żidiet u jekk ma humiex ivverifikati għas-servizzi kollha ta’ tqabbil tax-xiri fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

386    Fil-premessa 481 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreżenta, fil-forma ta’ graffs magħmula abbażi ta’ data pprovduta minn Google, għar-Renju Unit, għal Franza, għall-Ġermanja, għal Spanja, għall-Pajjiżi l-Baxxi, għall-Italja, għad-Danimarka u għall-Polonja, l-evoluzzjoni aggregata minn Jannar 2004 sa Diċembru 2016 tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn it-361 servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri identifikati minn Google (graffs 27 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dawn jirriżulta li, fir-Renju Unit, minkejja żidiet intermedji, kien hemm tnaqqis sinjifikattiv ta’ dan it-traffiku b’effett minn Settembru 2010 (minn iktar minn 30 miljun klikk għal inqas minn 5 miljuni). Fi Franza, hija osservata l-istess sitwazzjoni b’effett minn Settembru 2010 (tnaqqis minn iktar minn 60 miljun klikk għal inqas minn 10 miljuni). Fil-Ġermanja, tista’ ssir l-istess konstatazzjoni b’effett minn Settembru 2010 (tnaqqis minn iktar minn 80 miljun klikk għal inqas minn 40 miljun). L-istess japplika għal Spanja b’effett minn Jannar 2011 (tnaqqis minn iktar minn 20 miljun klikk għal inqas minn 5 miljuni). Min-naħa l-oħra, fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-tnaqqis beda jidher biss b’effett minn Jannar 2015 (minn 18-il miljun klikk għal madwar 10 miljuni). Bl-istess mod, fl-Italja, minn massimu ta’ kważi 35 miljun klikk f’Settembru 2010, il-linja ta’ andament hija irregolari u tispiċċa bi ftit iktar minn 20 miljun klikk, livell milħuq għall-ewwel darba fl-2008. Għal dawn l-aħħar żewġ pajjiżi, il-Kummissjoni tammetti li t-traffiku inkwistjoni baqa’ globalment stabbli. Fir-rigward tad-Danimarka, it-traffiku pjuttost jidher li qed jiżdied, ħlief jekk, kif għamlet il-Kummissjoni, is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri PriceRunner jitneħħa mill-istatistika, f’liema każ it-traffiku kellu tendenza li jonqos b’effett minn Settembru 2010 (minn iktar minn 2 miljuni klikks għal madwar 500 000). L-istess sitwazzjoni hija osservata fil-Polonja, bis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri Ceneo b’tendenza ta’ żieda. Jekk jitneħħa mill-istatistika, kif għamlet il-Kummissjoni, it-traffiku jidher li għandu tendenza ta’ tnaqqis b’effett minn Mejju 2013 (minn 18-il miljun klikks għal 8 miljuni).

387    Fil-premessi 482 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li, barra minn hekk, hija stabbilixxiet kampjuni ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ dak ta’ Google f’erba’ pajjiżi li fihom seta’ jintwera tajjeb l-impatt fuq perijodu twil tat-trattament irriżervat minn Google għal dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, għaliex it-trigger rate tax-Shopping Units kienet partikolarment għolja fihom. Dawn il-pajjiżi huma r-Renju Unit, li għalih il-Kummissjoni stabbilixxiet kampjun ta’ tnax-il servizz ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri, il-Ġermanja, li għaliha stabbilixxiet kampjun ta’ disa’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, il-Pajjiżi l-Baxxi, li għalihom stabbilixxiet kampjun ta’ sitt servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, u Franza, li għaliha stabbilixxiet kampjun ta’ tmien servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Kif juru l-graffs 53 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jiffurmaw parti minn dawn il-kampjuni effettivament naqas mill-2011 sal-2016 fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fi Franza u, wara li żdied fil-Pajjiżi l-Baxxi sal-2014, minn dakinhar naqas. Studju ta’ dawn il-graffs juri b’mod iktar eżatt tnaqqis ta’ iktar minn nofs fir-Renju Unit u fi Franza, tnaqqis żgħir b’effett mill-2014 fil-Ġermanja u tnaqqis ta’ madwar terz b’effett mill-2014 fil-Pajjiżi l-Baxxi.

388    Barra minn hekk, għalkemm jinsabu fit-Taqsima 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, speċifikament iddedikata għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi tal-prattiki inkwistjoni fil-każ fejn is-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jinkludi wkoll il-pjattaformi merkantili, ir-riżultati tat-tieni studju (“the Second Analysis”) li l-Kummissjoni tressaq għal dan il-għan, li l-parametri u r-riżultati prinċipali tiegħu huma spjegati fil-premessi 612 et seq. u li r-riżultati ddettaljati tiegħu jikkostitwixxu l-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, huma sinjifikattivi. Huma juru, għal kull wieħed mit-tlettax-il pajjiż li fih il-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Google, tnaqqis minn naħa tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fit-traffiku li ġej mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google meta mqabbla mas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u mal-pjattaformi merkantili, anki jekk, għal ċerti pajjiżi, dan it-traffiku lejn servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jiżdied f’termini assoluti. Pereżempju, dan l-istudju jindika, għar-Repubblika Ċeka bejn l-2011 u l-2016, tnaqqis minn naħa tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri minn 73 għal 47 % (żieda f’termini assoluti tan-numru annwali ta’ klikks minn 62.1 miljuni għal 179.6 miljuni). Għall-Awstrija, għall-istess perijodu, l-istudju jindika tnaqqis mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri minn 48 għal 16 % jew minn 39 għal 15 %, skont l-aġġustamenti magħmula (tnaqqis f’termini assoluti tan-numru annwali ta’ klikks minn 68.6 miljuni għal 60.9 miljuni).

389    Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li Google, l-istess bħaċ-Cċ-CCIA, fin-noti tagħhom, ma jressqu l-ebda element sabiex jikkontestaw, fit-tlettax-il pajjiż li fih il-Kummissjoni identifikat ksur, l-eżistenza ta’ tnaqqis globali ta’ traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. L-ewwel, huma effettivament ma jikkontestawx li r-rabta kawżali bejn il-prattiki kkritikati ta’ Google u dan it-tnaqqis. Diversi frażijiet, li jidhru rispettivament fil-punt 253 tar-rikors u fil-punt 147 tar-replika, juru pereżempju din l-assenza ta’ kontestazzjoni. B’hekk, Google ssostni li, “[s]a fejn il-klassifikazzjoni tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fir-riżultati ġeneriċi ta’ Google u t-traffiku ta’ tiftix assoċjat naqsu, dan irrifletta l-preferenzi tal-utenti lejn il-pjattaformi merkantili” u li “[t]-tnaqqis tat-traffiku kkawżat bl-applikazzjoni ta’ [ċerti algoritmi] […] seħħ indipendentement mill-imġiba abbużiva allegata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni studju ppreżentat fil-premessi 612 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu jikkonċerna t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, Google tikkontesta biss l-utilità ta’ dan l-istudju sabiex jiġi evalwat jekk l-imġiba tagħha setax kellha effett antikompetittiv, minħabba li dan l-istudju ma jieħux inkunsiderazzjoni sorsi ta’ frekwentazzjoni alternattivi għall-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Kif jirriżulta mill-premessa 626 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 351 u 352 tar-rikors, Google ma tikkontestax l-evalwazzjoni ta’ dan it-traffiku fiha nnifisha.

390    Barra minn hekk, Google targumenta, sabiex tikkontesta r-rabta kawżali bejn il-prattiki inkwistjoni u t-tnaqqis tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx sorsi ta’ traffiku tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri oħra minbarra r-riżultati ġeneriċi tagħha. Madankollu, dan l-argument huwa ineffettiv insostenn tal-kontestazzjoni tar-rabta kawżali bejn l-imġiba meqjusa antikompetittiva ta’ Google u t-tnaqqis tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil li ġejjin biss mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. L-argument marbut mas-sorsi ta’ traffiku oħra ser jiġi ttrattat waqt l-eżami tar-raba’ motiv, peress li huwa repetut insostenn tiegħu.

391    Google ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-evoluzzjoni globali tas-settur u tal-bidliet fil-preferenzi tal-utenti, b’mod partikolari tal-popolarità dejjem tikber tal-pjattaformi merkantili, inkluż sabiex isir tiftix ta’ tqabbil tax-xiri. F’dan ir-rigward, Google tesponi, essenzjalment, li dawn il-pjattaformi tejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom, differenti mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, u kien għalhekk li kienu ppreferuti mill-utenti, u dan il-fatt tahom klassifikazzjonijiet aħjar mill-imsemmija servizzi fir-riżultati ġeneriċi. Madankollu, anki jekk din l-ispjegazzjoni hija possibbli, hija marbuta mill-qrib mal-funzjonament tal-algoritmi ta’ klassifikazzjoni tar-riżultati ġeneriċi ta’ Google li jikkostitwixxi, kif tfakkar fil-punt 373 iktar ’il fuq, komponent tal-prattiki inkwistjoni.

392    Għalhekk, peress li Google ma setgħetx tiddistingwi x’kien, fil-bidliet tal-klassifikazzjoni rispettiva tal-pjattaformi merkantili u tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, kopert biss mit-titjib tal-kwalità tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, dejjem jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, u x’kien kopert mill-bidliet magħmula għall-algoritmi tagħha, b’mod partikolari bl-introduzzjoni tal-algoritmu Panda, din l-ispjegazzjoni ma tippermettix li tiġi kkontestata, anki parzjalment, ir-rabta kawżali li l-Kummissjoni kkonstatat bejn il-prattiki inkwistjoni u t-tnaqqis tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

393    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li Google, fl-argumenti tagħha, ma tikkontestax ir-rabta kawżali bejn il-viżibbiltà ta’ sit internet fi ħdan ir-riżultati ġeneriċi tagħha, kif espressa mill-indiċi ta’ viżibbiltà Sistrix, u l-importanza tat-traffiku minn dawn ir-riżultati lejn dan is-sit. Għalhekk, Google ma tikkontestax il-fatt li l-algoritmi ta’ klassifikazzjoni tagħha tar-riżultati ġeneriċi għandhom impatt fuq dan it-traffiku. Issa, din ir-rabta ta’ kawża u effett hija relatata direttament ma’ wieħed mill-komponenti tal-prattiki kkritikati, il-klassifikazzjoni ġeneralment baxxa tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fir-riżultati ġeneriċi, u mal-effetti ta’ dan il-komponent, jiġifieri t-tnaqqis ta’ traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

394    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl, minn naħa, tat-tnaqqis ta’ traffiku globali mhux ikkontestat minn Google u tal-elementi li rriżultaw mid-dikjarazzjonijiet tad-disa’ gruppi li joperaw servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kif ukoll tal-eżempji ta’ tnaqqis ta’ traffiku marbuta mal-evoluzzjoni tal-indiċi ta’ viżibbiltà Sistrix tad-diversi servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ppreżentati fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ produzzjoni minn Google ta’ provi kuntrarji, il-Kummissjoni uriet li l-prattiki kkritikati kienu wasslu għal tnaqqis tat-traffiku ta’ tiftix ġeneriku lejn kważi s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kollha.

395    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti tattielet motiv, li tgħid li lKummissjoni ma stabbilixxietx li l-prattiki inkwistjoni kienu wasslu għal żieda tat-traffiku millpaġni tarriżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil taxxiri rispettiv tagħha

1)      Largumenti talpartijiet

396    Fit-tieni parti tat-tielet motiv, Google ssostni li l-Kummissjoni tallega b’mod żbaljat, fit-Taqsima 7.2.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki inkwistjoni żiedu t-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha.

397    Fl-ewwel lok, Google tiddikjara li, sa fejn dawn il-prattiki ma wasslux għal tnaqqis ta’ traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, eventwali żieda tat-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha ma setgħetx kienet għad-detriment tagħhom u tkun fattur ta’ esklużjoni. Il-prattiki li għandhom effett ta’ esklużjoni għandhom, min-natura tagħhom, jippermettu lill-impriża awtur ta’ dawn il-prattiki jieħdu bejgħ li l-kompetituri tagħhom kien jwettqu fl-assenza ta’ dawn il-prattiki. B’hekk, il-Product Universals u x-Shopping Units wasslu biss sabiex is-suq kollu kemm hu jikber, mingħajr konsegwenza negattiva, għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Fir-replika, Google żżid li, filwaqt li taċċetta, kif issostni l-Kummissjoni, li t-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri naqas wara t-tnedija tal-algoritmu Panda, l-ebda bidla ma tista’ tiġi kkonstatata fl-iżvilupp tat-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha marbut ma’ dan l-avveniment, li juri li Panda jista’ jkun li ffavorixxiet il-pjattaformi kummerċjali, iżda mhux is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google.

398    Fit-tieni lok, Google, sostnuta miċ-CCIA, tikkunsidra li l-Kummissjoni esaġerat il-volum tat-traffiku rċevut mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha. L-ewwel, f’dan it-traffiku inkludiet il-klikks fuq ir-reklami tax-Shopping Units, minkejja li dawn il-klikks ma jirreferux lill-utent lejn il-paġna ta’ riżultati speċjalizzati ta’ Google Shopping, iżda lejn siti ta’ bejgħ ta’ terzi. L-argument ta’ Visual Meta li jgħid li dan il-mekkaniżmu jinċentiva lill-bejjiegħa kkonċernati sabiex jissottoskrivu abbonament ma’ Google Shopping, u b’hekk jagħti vantaġġ lil dan is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri, ma kienx inkluż fid-deċiżjoni kkontestata. L-unika raġuni li wasslet sabiex il-Kummissjoni tgħodd il-klikks fuq ir-reklami għal prodotti kienet l-allegazzjoni li d-dħul tax-Shopping Units kien ta’ benefiċċju għas-sit Google Shopping. Madankollu, kif diġà ġie sostnut fil-kuntest tat-tieni motiv, dan ma huwiex eżatt.. B’hekk, Visual Meta targumenta b’mod żbaljat li d-dħul mix-Shopping Units imur direttament għal Google Shopping. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma indikatx dan fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent ta’ Foundem u ta’ Visual Meta, Google żżid li hemm kontradizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, inkwantu tirribatti l-kunċett li Google hija entità unifikata filwaqt li fl-istess ħin tqis li wieħed mis-servizzi partikolari tagħha, is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri, huwa ppreferut minn dawn il-klikks minkejja li dawn jiġġeneraw pagamenti għal Google, b’mod ġenerali. F’dan ir-rigward, Visual Meta titbiegħed mid-deċiżjoni kkontestata billi ssostni li l-allokazzjoni interna tad-dħul jew l-istruttura ta’ Google ma hijiex rilevanti. Iċ-CCIA ssostni, fuq l-istess linji, li l-Product Universals u x-Shopping Units ma jagħmlux parti mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, u dan ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni fil-premessi 408, 412 u 423 tad-deċiżjoni kkontestata. Google tispeċifika, pereżempju fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ta’ Foundem, li r-reklami tax-Shopping Units ma ħarġux mill-paġna speċjalizzata Google Shopping. It-teknoloġiji, l-infrastrutturi u l-formati tagħhom huma differenti, u dan intwera mill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva u dan huwa fatt li hija ma tikkontestax. Google ssostni wkoll, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-VDZ, li x-Shopping Units ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala servizzi ta’ tqabbil tax-xiri iktar mill-Product Universals. Fil-fatt, dawn ix-Shopping Units ma jippermettux li jiġu pparagunati offerti differenti tal-istess prodott jew mudell, kif għandu jagħmel is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, iżda jipproponu diversi prodotti li jistgħu jissodisfaw it-talba tal-utent tal-internet. Matul il-proċedura amministrattiva, diversi parteċipanti fil-proċedura qablu f’dan is-sens u l-Kummissjoni ħadet dan inkunsiderazzjoni fil-kliem tal-premessi 408, 412 u 423 tad-deċiżjoni kkontestata msemmija iktar ’il fuq. It-tieni nett, skont Google, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, b’mod żbaljat, il-klikks fuq ix-Shopping tab li tidher fil-menu fin-naħa ta’ fuq tal-paġna tar-riżultati. Issa, l-eżistenza ta’ din it-tab ma hijiex wieħed mill-komponenti tal-prattiki identifikati bħala abbużivi, li l-impatt tagħhom biss għandu jkun evalwat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax, fir-risposta, li din it-tab ma hijiex riżultat ta’ tiftix. Minħabba dawn iż-żewġ żbalji, il-Kummissjoni ssopravvalutat b’diversi drabi l-volum ta’ traffiku li mill-Product Universals u mix-Shopping Units mar lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Fir-realtà, kif juri graff imħejjija abbażi ta’ data ta’ konnessjoni matul il-perijodu ta’ ksur identifikat, Google bagħtet, mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, volum ta’ traffiku li jirrappreżenta ħafna drabi iktar dak mibgħut lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u tliet darbiet iktar ta’ traffiku lejn il-pjattaformi merkantili.

399    Fit-tielet lok, il-klikks fuq il-Product Universals u x-Shopping Units jirriflettu r-rilevanza tagħhom u l-preferenzi tal-utenti. F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konvinċenti, għaliex il-Kummissjoni tillimita ruħha li tosserva, fil-premessa 494, li l-klikks fuq il-Product Universals u x-Shopping Units huma ogħla iktar ma tkun għolja t-trigger rate tagħhom. Hija tinjora l-fatt li Google turi x-Shopping Units (u fil-passat, il-Product Universals) abbażi tar-rilevanza tagħhom, bħall-muturi ta’ tfittxija kollha, u li l-utenti jagħfsu fuqhom minħabba l-utilità tagħhom u mhux għaliex jidhru. Il-viżibbiltà tal-Product Universals u tax-Shopping Units u l-klikks li jiġġeneraw huma l-konsegwenza tat-titjib tal-kwalità tar-riżultati għal prodotti u tar-reklami għal prodotti ta’ Google, kif ukoll tal-preferenzi tal-utenti. B’hekk, l-esperiment ta’ Microsoft magħmul fuq il-mutur ta’ tfittxija tagħha Bing, imsejjaħ Bing Algo Experiment, li għalih sar riferiment fil-premessi 460 u 461 tad-deċiżjoni kkontestata, juri li l-utenti huma sensittivi għar-rilevanza tar-riżultati. Il-bdil tar-riżultati inqas rilevanti mar-riżultati l-iktar rilevanti fl-ewwel pożizzjonijiet fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Bing juri li l-utenti jinnotaw id-degradazzjoni ta’ kwalità li tirriżulta mill-promozzjoni ta’ riżultati inqas rilevanti u li huma jadattaw immedjatament l-aġir tagħhom. Microsoft għalhekk kellha twaqqaf dan l-esperiment wara ġimgħa. Barra minn hekk, Google ssostni li l-istampi li jidhru fil-Product Universals u fix-Shopping Units jippermettu li l-utenti tal-internet jevalwaw b’mod iktar faċli r-rilevanza tar-riżultat propost, għaliex ikunu jistgħu jaraw il-prodott li jkunu qegħdin ifittxu. Dan il-fatt iwassal sabiex huma jagħfsu b’mod volontarju fuq dawn ir-riżultati speċjalizzati bl-istampi meta jqisuhom a priori utli għat-tiftix tagħhom, u bil-kontra. L-istudji li janalizzaw il-movimenti tal-għajnejn tal-utenti tal-internet (eye-tracking bl-Ingliż jew oculométrie bil-Franċiż), li wettqet Google, juru dan. L-istampi għalhekk huma element ta’ kwalità tar-riżultati għal prodotti ta’ Google u mhux element artifiċjali intiż sabiex jiġġenera l-klikks. Għalhekk, jekk l-utenti għal numru ta’ snin kienu jagħfsu fuq il-Product Universals u x-Shopping Units, dan kien minħabba r-rilevanza tagħhom u mhux minħabba l-pożizzjonament tagħhom jew il-preżentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni qatt ma wriet il-kuntrarju. F’dan ir-rigward, il-fatt li ż-żieda tal-pjattaformi merkantili ma affettwatx it-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google bl-istess mod bħat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, huwa dovut għal fatt li Google, b’differenza minn dawn tal-aħħar, innovat f’termini tar-riżultati u reklami għal prodotti tagħha sabiex tlaħħaq ma’ Amazon u mal-pjattaformi merkantili l-oħra, u mhux minħabba l-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tal-Product Universals u tax-Shopping Units kif il-Kummissjoni tagħti x’tifhem fil-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata.

400    Il-Kummissjoni, il-BEUC, Foundem, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti ta’ Google.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

401    Qabelxejn għandu jitfakkar li, fit-Taqsima 7.2.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat bil-mod segwenti l-impatt favorevoli tal-prattiki inkwistjoni fuq it-traffiku tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google.

402    Qabelxejn, fil-premessi 490 u 491 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li qabel ma bdew dawn il-prattiki, is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ma kienx suċċess u kien jitlef kważi 20 % tat-traffiku fis-sena. Fil-premessa 492 ta’ din id-deċiżjoni, hija indikat li, wara t-tnedija tal-Product Universals fl-Istati Uniti, f’Novembru 2007, it-traffiku tagħha rdoppja f’xahar. Fil-premessa 493 ta’ din id-deċiżjoni, hija enfasizzat li Google stess faħħret l-effikaċja tar-reklami li dehru fix-Shopping Units għall-bejjiegħa. Fil-premessa 494 ta’ din id-deċiżjoni, hija uriet, fil-forma ta’ graffs, il-korrelazzjoni bejn it-trigger rate tal-Product Universals, imbagħad dik tax-Shopping Units u t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz tagħha ta’ tqabbil tax-xiri matul perijodi fejn dawn it-tipi ta’ riżultati speċjalizzati kienu ntużaw fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fi Franza. Pereżempju, għar-Renju Unit, il-graff 37 turi din il-korrelazzjoni bejn Jannar 2008 u Jannar 2013 għall-Product Universals, u l-graff 38 turi dan bejn Frar 2013 u Diċembru 2014 għax-Shopping Units. Minn dawn iż-żewġ graffs jirriżulta li t-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google żdied minn madwar 5 miljuni għal madwar 30 miljun klikk fix-xahar bil-Product Universals, u sussegwentement minn madwar 30 miljun għal madwar 120 miljun klikk fix-xahar bix-Shopping Units.

403    Fil-premessi 495 u 496 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat l-evoluzzjoni pparagunata tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn, rispettivament, it-361 servizz ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri identifikati minn Google u s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u mill-bidu tal-prattiki inkwistjoni f’kull pajjiż sa Diċembru 2016 fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fi Franza, fi Spanja, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fid-Danimarka u fil-Polonja. Pereżempju, għar-Renju Unit, il-graff 45 turi, bejn Jannar 2008 u Diċembru 2016, tnaqqis minn madwar 25 miljun għal madwar 5 miljuni ta’ klikks fix-xahar għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u żieda ta’ livell minn xejn għal madwar 350 miljun ta’ klikks għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Hemm lok li jiġi rrilevat li t-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri huwa ppreżentat bħala stabbli fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fid-Danimarka u fil-Polonja, b’mod koerenti ma’ dak li huwa indikat fit-Taqsima 7.2.3.2 dwar l-impatt tal-prattiki inkwistjoni fuq it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, iżda li l-graffs 49 sa 52 juru, rispettivament, f’dawn l-erba’ pajjiżi, żieda sinjifikattiva tat-traffiku minn dawn il-paġni lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google.

404    Fil-premessi 497 sa 501 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet indikazzjonijiet tal-istess natura fuq bażi annwali mill-2011 sal-2016, billi qabblet it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn kampjuni ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fi Franza. Dawn il-kampjuni huma l-istess bħal dawk imsemmija fil-punt 387 iktar ’il fuq. Bi traffiku sinjifikattivament ikbar għall-kampjuni f’dawn l-erba’ pajjiżi fl-2011, it-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil ta’ Google sar, fl-2016, 14-il darba ikbar mit-traffiku lejn il-kampjun fir-Renju Unit, iktar minn darbtejn ikbar fil-Ġermanja, iktar minn 2.7-il darba ikbar fil-Pajjiżi l-Baxxi u iktar minn 4.7-il darba ikbar fi Franza.

405    Barra minn hekk, fit-Taqsima 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikata speċifikament għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi tal-prattiki inkwistjoni fil-każ fejn is-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jinkludu wkoll il-pjattaformi merkantili, it-tieni studji, diġà msemmi fil-punt 388 iktar ’il fuq, juri, għal kull wieħed mit-tlettax-il pajjiż li fihom il-Kummissjoni kkunsidrat li hemm abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Google, żieda min-naħa tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google fit-traffiku li ġej mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha meta mqabbel mas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u meta mqabbel mal-pjattaformi merkantili. Pereżempju, dan l-istudju jindika, għall-Belġju, bejn l-2011 u l-2016, żieda min-naħa tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google minn 0 għal 22 % jew minn 0 għal 24 %, skont l-aġġustamenti magħmula. Għan-Norveġja, fuq l-istess perijodu, l-istudju jindika żieda min-naħa tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google minn 0 għal 32 % jew minn 0 għal 33 %, skont l-aġġustamenti magħmula.

406    F’dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Google, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tar-rifjut tal-ewwel parti tat-tielet motiv ta’ annullament eżaminat sa issa, il-premessa tal-ewwel serje ta’ argumenti ta’ Google, miġbura fil-qosor fil-punt 397 iktar ’il fuq, li tgħid li l-prattiki inkwistjoni ma wasslux għal tnaqqis tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, qabelxejn ma tistax tiġi aċċettata, u bl-istess mod lanqas l-argumenti li jiddependu fuqha li huma intiżi sabiex juru li żieda tat-traffiku favur is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ma setgħetx seħħet għad-detriment tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Madankollu, anki jekk il-Kummissjoni ma urietx tnaqqis tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, din l-ewwel serje ta’ argumenti għandha tiġi miċħuda, għaliex fi kwalunkwe każ ma tistax turi li parti mit-traffiku li seta’ jiggwadanja s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google billi jkun iktar viżibbli fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tiegħu mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma setgħetx tmur lejn dawn tal-aħħar fl-assenza tal-prattiki inkwistjoni, fi kliem ieħor, għaliex din ma hijiex ta’ natura li turi li din iż-żieda ma saritx għad-detriment ta’ dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li t-traffiku tagħhom seta’ jiżdied fl-assenza tal-prattiki inkwistjoni, anki jekk ma kienx qiegħed jonqos. Fir-rigward tal-argument imressaq fir-replika li jgħid li l-iżvilupp tat-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ma nbidilx wara t-tnedija tal-algoritmu Panda, dan ser jiġi eżaminat fil-punti 414 sa 418 iktar ’il quddiem, mat-tielet sensiela ta’ argumenti li jipprevedu li l-iżvilupp jirriżulta mir-rilevanza tal-Product Universals u tax-Shopping Units, u mhux mill-prattiki inkwistjoni, fi kliem ieħor, mal-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw ir-rabta ta’ kawża u effett bejn dawn il-prattiki u l-eventwali żieda ta’ dan it-traffiku.

407    F’dak li jirrigwarda t-tieni sensiela ta’ argumenti ta’ Google miġbura fil-qosor fil-punt 398 iktar ’il fuq, li jipprevedu li l-Kummissjoni esaġerat il-volum tat-traffiku rċevut mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, qabelxejn hemm lok li jiġi kkonstatat li min-noti ta’ qiegħ il-paġna nri 603, 604 u 606 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mit-tweġibiet ta’ Google u tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha ġie evalwat billi ntużat id-data mogħtija u spjegata minn Google. Ma hemmx diżgwid bejn il-partijiet dwar l-eżattezza tad-data fiha nnifisha, iżda fuq dik li għandha tintuża sabiex jiġi stabbilit il-volum tat-traffiku rċevut mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha. F’dan ir-rigward, għall-perijodu tal-użu tal-isem “Google Product Search” għall-paġna ta’ tiftix u ta’ riżultati speċjalizzati, il-Kummissjoni użat biss klikks li jibagħtu lill-utent tal-internet għall-paġna speċjalizzata bl-istess isem, inkluż, għal ċerti evalwazzjonijiet, dawk imwettqa fuq tab speċjalizzata tal-menu. Madankollu, għall-perijodu tal-użu tal-isem “Google Shopping” għal din l-istess paġna, il-Kummissjoni mhux biss talli użat il-klikks li jibagħtu lill-utent tal-internet lejn il-paġna speċjalizzata bl-istess isem, inkluż il-klikks fuq it-tab Shopping li tidher fil-menu, iżda wkoll klikks li jibagħtu lill-utent tal-internet direttament mix-Shopping Units lejn is-sit bejjiegħ. Għall-kuntrarju, fir-rikors tagħha, permezz tat-tabella li tinsab fil-punt 269 tar-rikors, Google tipprovdi ċifri li jgħoddu biss il-klikks fuq il-Product Universals u x-Shopping Units li jibagħtu lill-utent lejn il-paġna speċjalizzata msejħa Product Search, imbagħad Google Shopping.

408    Il-Qorti Ġenerali tqis li l-kritika ta’ Google dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-klikks fuq ir-reklami tax-Shopping Units u jekk ikun il-każ tal-klikks fuq it-tab tal-menu li tibgħat lill-utent għall-paġna speċjalizzata Google Product Search jew Google Shopping, bħat-tab Shopping, fl-evalwazzjoni tat-traffiku tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google li ġej mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha għandhom jiġu miċħuda.

409    Fil-fatt, minn naħa, kif diġà ġie indikat fil-punti 328 sa 339 iktar ’il fuq, il-premessi 26 sa 35 u 414 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ġie ppreżentat f’diversi forom, jiġifieri l-paġna speċjalizzata, l-iktar reċenti msejħa Google Shopping, ir-riżultati għal prodotti miġbura flimkien, li żviluppaw fil-Product Universals, u r-reklami għal prodotti, li żviluppaw fix-Shopping Units.

410    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kritika dwar il-klikks fuq it-tab Shopping li tinsab fil-menu fuq il-paġna tar-riżultati, huwa veru li dawn il-klikks ikunu saru qabel l-użu tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri. Madankollu, huma mid-definizzjoni tagħhom jindikaw l-użu tiegħu, peress li jfissru li l-utent tal-internet irid jara l-paġna speċjalizzata ta’ dan is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri. Barra minn hekk, fir-rikors, Google tispeċifika, fil-punt 57, li madwar 60 % tal-utenti tal-internet jaċċedu għal din il-paġna mill-imsemmija tab.

411    Barra minn hekk, kif spjegat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma ġiet kontradetta minn Google, hija qatt ma ħadet inkunsiderazzjoni l-klikks magħmula fuq din il-paġna fl-istess ħin, li seta’ jwassal għal għadd doppju għal tiftixa waħda.

412    Barra minn hekk, il-fatt li l-eżistenza tat-tab Shopping fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni bħala li hija parti mill-prattiki antikompetittivi ma jipprekludix, kuntrarjament għal dak sostnut minn Google, li l-eżistenza tagħha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-evoluzzjoni tat-traffiku mill-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha. Din l-evoluzzjoni kollha kemm hi mingħajr dubju ma hijiex dovuta biss għall-imġiba inkwistjoni ta’ Google u l-istess jista’ jingħad għal dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni kollha kemm hija tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, hemm korrelazzjoni bejn din l-imġiba u t-tendenza ġenerali ta’ dawn l-evoluzzjonijiet, u diversi elementi li jistabbilixxu f’dan ir-rigward rabta ta’ kawżalità, kif tfakkar fil-punt 383 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda t-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u fil-punt 402 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda t-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google.

413    Fi kwalunkwe każ, kif enfasizzat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Google ma indikatx x’kienet tkun l-evoluzzjoni tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha li kieku ma ngħaddux il-klikks fuq it-tab Shopping, iżda biss il-klikks fix-Shopping Units, minkejja li hija kienet pprovdiet data li tiddistingwi dawn il-klikks differenti lill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Google ma urietx li l-Kummissjoni kienet irriflettiet b’mod żbaljat fuq l-evoluzzjoni ta’ dan it-traffiku minħabba l-prattiki li hija qieset li huma antikompetittivi. Għalhekk, anki l-oġġezzjonijiet tal-istess tip magħmula minn Google kontra t-tieni studju ppreżentat fil-premessi 612 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu jikkonċernaw it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, għandhom jiġu miċħuda.

414    F’dak li jirrigwarda t-tielet sensiela ta’ argumenti ta’ Google miġbura fil-qosor fil-punt 399 iktar ’il fuq, li jgħidu li l-klikks fuq il-Product Universals u x-Shopping Units kienu jirriflettu r-rilevanza tagħhom u l-preferenzi tal-utenti u mhux l-impatt ta’ prattiki antikompetittivi, lanqas ma huwa kontestabbli li l-utenti tal-internet għafsu fuq dawn ir-riżultati speċjalizzati u fuq dawn ir-reklami għal prodotti għaliex a priori kkunsidrawhom bħala utli għat-tiftix ta’ prodotti tagħhom, b’mod partikolari għaliex kien jinkludu jew kien fihom informazzjoni interessanti għal tiftix speċjalizzat fil-qasam.

415    Il-premessi 372 sa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, jimmilitaw f’dan is-sens, kif turi, essenzjalment, l-ewwel waħda minnhom, li tipprevedi “[l-]inklużjoni tal-istampi, tal-prezzijiet u tal-informazzjoni fuq il-bejjiegħ fir-riżultati ta’ tiftix għal prodotti żżid ir-rata tal-click-through [fuq il-link murija]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata stess, ma tiffokax fuq il-livell ta’ rendiment intrinsiku li laħaq is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, kif jirriżulta mill-premessi 537 u 538 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk hija kkunsidrat li Google mhux dejjem kienet turi r-riżultati tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri l-iktar rilevanti f’post prominenti fil-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha.

416    Kif diġà ġie indikat qabel, fil-punti 69, 369 u 376 iktar ’il fuq, dak li kkontestat il-Kummissjoni hija d-differenza fit-trattament, fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, bejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil li kienet tippermetti li r-riżultati tal-ewwel ikun iktar viżibbli filwaqt li r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jidhru biss permezz tar-riżultati ġeneriċi u li iktar minn hekk kienu jitpoġġew f’post mhux prominenti.

417    Lanqas ma huwa kkontestat li, jekk l-utenti tal-internet għafsu fuq ir-riżultati speċjalizzati għal prodotti ta’ Google, dan kien ukoll għaliex dawn ir-riżultati kienu promossi upstream fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, u dan jikkorrispondi għal wieħed mill-komponenti tal-prattiki magħquda li dwarhom kienet ikkritikata Google. Mingħajr tali viżibbiltà, dawn ir-riżultati ma kienx ikollhom daqshekk klikks, kif juru b’mod ċar, minn naħa, l-eżempji ta’ korrelazzjoni bejn it-trigger rate tal-Product Universals, imbagħad dik tax-Shopping Units, u t-traffiku, fil-forma ta’ klikks tal-utenti tal-internet, mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha msemmija fil-premessa 494 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-elementi li għalihom sar riferiment fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq argumenti espressi minn Google, li jgħidu li l-pożizzjonament tal-Product Universals minn naħa ta’ fuq għan-naħa ta’ isfel tal-l-ewwel paġna tar-riżultati ġenerali influwenza b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ klikks fuq ir-riżultati speċjalizzati tagħhom.

418    Anki t-tielet sensiela ta’ argumenti ta’ Google, ibbażata fuq il-kwalità tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, li hija intiża sabiex tikkontesta r-rabta kawżali bejn il-prattiki inkwistjoni u ż-żieda tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn l-imsemmi servizz ta’ tqabbil tax-xiri, għandha tiġi miċħuda, peress li din ir-rabta ġiet murija, anki jekk dan it-traffiku seta’ jevolvi minħabba bdil li sar f’dan is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri.

419    Il-kontestazzjoni ta’ din ir-rabta kawżali tinkludi wkoll l-argument imqajjem fir-replika minn Google, imsemmi fil-punt 397 iktar ’il fuq, li jgħid li l-iżvilupp tat-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha ma nbidilx wara t-tnedija tal-algoritmu Panda. Madankollu, jekk jiġi ammess li dan huwa korrett, l-argument mislut minn din il-konstatazzjoni huwa ostakolat ukoll mill-fatt li l-prattiki inkwistjoni huma prattiki magħquda li ma jikkonċernawx biss l-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi, li fihom tipparteċipa Panda, iżda jikkonċernaw ukoll il-mod li bih jiġu ppreżentati r-riżultati speċjalizzati għal prodotti.

420    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv ta’ Google għandha tiġi miċħuda. Kif ġie indikat fil-punti 356 u 357 iktar ’il fuq, hemm għalhekk lok li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv ta’ Google, li jgħid li l-prattiki li dwarhom hija kkritikata ma kellhomx impatt antikompetittiv fis-swieq differenti identifikati, filwaqt li jitqies li l-konsegwenzi materjali ta’ dawn il-prattiki fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn id-diversi servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, inkluż dak tagħha, huma stabbiliti hekk kif ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata.

c)      Fuq lewwel parti tarraba’ motiv, li tgħid li lKummissjoni spekulat fuq leffetti antikompetittivi talprattiki inkwistjoni

1)      Largumenti talpartijiet

421    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, Google ssostni li l-Kummissjoni ma urietx li l-prattiki inkwistjoni seta’ jkollhom effetti antikompetittivi li setgħu, min-naħa tagħhom, iwasslu kemm għal żieda fil-prezzijiet għall-bejjiegħa u għall-konsumaturi kif ukoll għal tnaqqis fl-innovazzjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, ir-rwol tal-iktar kompetituri b’saħħithom ta’ Google għat-tqabbil tax-xiri, li huma l-pjattaformi merkantili, bħal Amazon, ma ġiex meħud inkunsiderazzjoni u ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dwar l-allegati effetti fuq il-prezzijiet u l-innovazzjoni.

422    B’mod iktar preċiż, fl-ewwel parti, Google ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq spekulazzjoni pura dwar effetti potenzjali, mingħajr ma ġew eżaminati s-sitwazzjoni u l-evoluzzjoni reali tas-swieq. Iċ-CCIA tressaq l-istess kritika, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda ż-żidiet ta’ prezz u t-tnaqqis tal-innovazzjoni msemmija mill-Kummissjoni. Google tenfasizza li, fil-premessa 589 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa għalhekk indikat li l-imġiba inkwistjoni jista’ jkollha, jew probabbilment għandha, effetti antikompetittivi u, fil-premessa 593 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tista’ potenzjalment teskludi s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri għal dak ta’ Google kif ukoll twassal għaż-żidiet ta’ prezz u għat-tnaqqis tal-innovazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Bl-ebda mod ma ġie ppruvat li dawn l-eventwalitajiet seħħew.

423    Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-prova li l-imġiba inkwistjoni hija min-natura tagħha antikompetittiva. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 58), Google ssostni li l-Kummissjoni kellha, għal din l-ewwel raġuni, tipprova l-effetti antikompetittivi konkreti ta’ din l-imġiba. Iktar minn hekk, it-tieni raġuni f’dan is-sens tirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C-413/14 P, EU:C:2017:632, punt 139), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki fil-preżenza ta’ mġiba li hija, bħala prinċipju, abbużiva ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha għal elementi dwar is-sehem tas-suq ikkonċernat minn din l-imġiba sabiex minnhom tikkonkludi li kienet effettivament abbużiva, iżda li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-Avukat Ġenerali indika li għandha ssir analiżi tal-effetti kollha (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni, C-413/14 P, EU:C:2016:788, punt 120). Il-Kummissjoni pproċediet b’dan il-mod fil-kawża li tat lok għas-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Marzu 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE mibdija fil-konfront ta’ Microsoft Corporation (kawża COMP/C-3/37.792 – Microsoft) (ĠU 2007, L 32, p. 23), u dan ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289).

424    Lanqas ma ġie stabbilit li Google kellha pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li kien ikun ifisser li, f’dawn is-swieq, il-kompetizzjoni kienet imdgħajfa. Din hija t-tielet raġuni li timponi l-identifikazzjoni ta’ effetti konkreti ta’ esklużjoni fuq dawn is-swieq.

425    Skont Google, l-imġiba li dwarha hija kkritikata kienet tikkonsisti fit-titjib, fi sfond ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu, tas-servizz mogħti lill-utenti tal-internet mill-paġna ta’ tiftix ġenerali tagħha billi fuqha bdew jidhru r-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat għal prodotti u r-reklami għal prodotti. Għal din ir-raba’ raġuni, l-identifikazzjoni ta’ effetti konkreti ta’ esklużjoni kienet neċessarja. F’sitwazzjonijiet simili, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali għamlu dan. Google tirreferi għall-punt 114 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli [101] u [102 TFUE] (Każ IV/30.979 u 31.394, Decca Navigator Systems) (ĠU 1989, L 43, p. 27), u għas-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 140), u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 868, 869 u 1010). F’dan il-każ, l-argumenti ta’ Google dwar it-titjib tas-servizz lill-konsumatur ġew iddokumentati b’mod sinjifikattiv u konsegwentement il-Kummissjoni kellha turi li l-effetti antikompetittivi kienu ikbar meta mqabbla mal-interess ta’ dan it-titjib.

426    Finalment, peress li l-imġiba li dwarha hija ikkritikata seħħet matul numru ta’ snin, l-effetti antikompetittivi tagħha kellhom jikkonkretizzaw ruħhom li kieku verament kienet ta’ ħsara għal kompetizzjoni. Dan it-tul kellu wkoll għalhekk iwassal, għal ħames raġuni, sabiex il-Kummissjoni tivverifika jekk konkretament dan kienx il-każ. Google u ċ-CCIA jenfasizzaw li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni (T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punti 1122 sa 1128), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-imġiba kkritikata kienet diġà ġiet implimentata, il-Kummissjoni ma setgħetx, ħlief f’każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, tillimita ruħha sabiex turi effetti antikompetittivi potenzjali, iżda li hija kellha turi effetti antikompetittivi reali, għaliex inkella d-distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u dawk minħabba l-effett tkun illużorja. Minkejja li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali saret f’każ ta’ akkordju antikompetittiv, xorta huwa loġiku li tiġi applikata għal allegati każijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. F’dan il-każ, il-prattiki li dwarhom hija kkritikata Google ma għandhomx għan antikompetittiv u l-Kummissjoni kellha għalhekk isegwi tali approċċ. Il-prova tal-eżistenza ta’ effetti reali kellha, fi kwalunkwe każ, tippermetti li tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ effetti potenzjali, kif il-Kummissjoni esponiet hija stess fil-punt 20 tal-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7).

427    Skont Google, il-Kummissjoni ma pprovatx li kien hemm effetti konkreti. It-Taqsima 7.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni sabiex tesponi li hija ħadet inkunsiderazzjoni elementi konkreti tas-suq, teżamina biss l-evoluzzjoni tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, iżda mhux in-numru globali ta’ frekwentazzjoni tagħhom. Fir-realtà, l-elementi tal-proċess juru li Google ma tistax iżżid il-prezzijiet u lanqas ixxekkel l-innovazzjoni u li l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri hija b’saħħitha, peress li l-utenti tal-internet għandhom għażla kbira f’dan ir-rigward, kif ikkonstatat il-Competition and Markets Authority (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Swieq, ir-Renju Unit) fi studju ppubblikat f’April 2017, intitolat “Online search: Consumer and firm behaviour” (Tiftix fuq l-internet: imġiba tal-konsumaturi u tal-impriżi). Fir-rigward tal-prezzijiet, Google korrettament uriet li dawn naqsu għall-bejjiegħa li xtaqu jidhru fix-Shopping Units.

428    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tal-BEUC li jgħidu li Google kkawżat preġudizzju għall-konsumaturi billi naqqset il-possibbiltajiet tagħhom li jkollhom aċċess għal servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u għal iktar bejjiegħa, Google tfakkar, essenzjalment, li l-kriterji tagħha ta’ rilevanza tar-riżultati murija lill-utenti tal-internet fir-riżultati ġeneriċi, fil-Product Universals u fix-Shopping Units huma oġġettivi, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-użu ta’ Universal Search. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni la kkontestat l-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi u lanqas dawn il-kriterji ta’ rilevanza, u kienet biss l-assenza ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-Product Universals jew fix-Shopping Units li hija identifikat bħala problematika. Konsegwentement, il-BEUC jinvoka teorija li ma ġietx aċċettata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, Google tenfasizza li hija bagħtet biljuni ta’ klikks b’xejn ta’ traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri matul l-għaxar snin ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li uħud minnhom, bħal Which? fir-Renju Unit, membru tal-BEUC, raw it-traffiku tagħhom li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha jiżdied b’mod sinjifikattiv, bħall-pjattaformi merkantili. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma sostnietx li Google llimitat il-possibbiltajiet tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil ta’ prezz. Google tipproduċi studji, fosthom dawk imsemmija mill-BEUC, sabiex turi li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huma użati ferm mill-utenti tal-internet. Hija tirribatti l-allegazzjoni li hija l-punt prinċipali ta’ dħul ta’ tiftixa għal prodotti fuq l-internet, u tindika li f’dan ir-rigward tista’ tibbaża ruħha fuq il-fajl tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Wieħed mill-istudji msemmija iktar ’il fuq jindika, fir-rigward tar-Renju Unit, tal-Ġermanja u ta’ Franza, li l-mutur ta’ tfittxija ta’ Google ma jintużax bħala l-bidu ta’ tiftix ta’ prodotti fuq l-internet fil-maġġoranza tal-każijiet u lanqas jintuża f’xi mument partikolari fil-proċess ta’ tali tiftix fil-maġġoranza tal-każijiet. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jargumenta l-BEUC, il-bejjiegħa ż-żgħar jidhru fir-reklami fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google.

429    Il-Kummissjoni u insostenn tagħha l-BEUC, Foundem, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti ta’ Google.

430    B’mod partikolari, Twenga u Kelkoo jindikaw li t-tnaqqis tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri meta mqabbel ma’ dak ta’ Google mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha kien akkumpanjat minn degradazzjoni fil-kwalità tat-traffiku rispettiv tagħhom, jiġifieri tnaqqis tar-rata li biha l-klikks fuq is-siti ta’ bejjiegħa li kienu ġejjin minn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kienu kkonvertiti f’xiri. Barra minn hekk, it-traffiku mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google lejn il-bejjiegħa kien żdied. Twenga u Kelkoo kienu għalhekk inqas attraenti għall-bejjiegħa, li, fuq kollox, ma kellhomx interess li l-offerti tagħhom jidhru fuq diversi siti tal-internet, peress li s-siti tal-bejgħ tagħhom stess kienu wkoll jiġu rrelegati fir-riżultati ġeneriċi permezz tal-algoritmu Panda li kien jirrelega s-siti b’kontenut simili. F’dan ir-rigward, Twenga tipprovdi eżempji ta’ bejjiegħa li indikawlha li kienu rrinunzjaw għas-servizzi tagħha, kemm minħabba t-tnaqqis fil-kwalità tat-traffiku li joriġina minnha, kif ukoll għaliex, wara li għażlu li jissupplixxu s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, ma xtaqux jibqgħu jidhru fir-riżultati ta’ servizz ieħor ta’ tqabbil tax-xiri. Kelkoo żżid li t-tnaqqis tat-traffiku lejn is-sit tagħha mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google stess wassal għal tnaqqis tat-traffiku dirett lejn is-sit tagħha, li, bħat-traffiku li ġej minn riżultati ġeneriċi, huwa traffiku “ta’ kwalità” li jiġġenera rati ta’ konverżjoni tajba. Fil-fatt, it-traffiku dirett jirriżulta mill-ewwel żjara wara skoperta fir-riżultati ġeneriċi.

431    B’mod iktar wiesa’, il-BEUC jesponi li, billi llimitat il-viżibbiltà tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha u billi tat trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u lir-reklami tagħha li huma użati mill-ikbar bejjiegħa, Google naqqset mhux biss il-kompetizzjoni fis-suq tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri, iżda wkoll il-possibbiltajiet tal-konsumaturi li jaċċedu għal iktar bejjiegħa u li jikkompetu bejniethom. Huwa jenfasizza li, fis-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 102 TFUE ma jkoprix biss il-prattiki li jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

432    L-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom l-istess għan, jiġifieri l-preservazzjoni tal-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq intern, kif indikat ukoll fil-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 309). F’dan ir-rigward, il-prattiki antikompetittivi li huma msemmija fiż-żewġ artikoli bħala eżempji huma simili, anki jekk l-Artikolu 101 TFUE jsemmi l-akkordji bejn l-impriżi u l-Artikolu 102 TFUE l-prattiki unilaterali tal-impriżi f’pożizzjoni dominanti.

433    L-għan ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni jimplika li l-kompetizzjoni għandha tkun eżerċitata fuq bażijiet ġusti li la huma affettwati b’mod negattiv minn akkordji bejn impriżi li jirrestrinġu jew jeliminaw il-kompetizzjoni, u lanqas minn imġiba unilaterali ta’ impriżi dominanti li jabbużaw mis-setgħa tagħhom fis-suq sabiex, ukoll, jirrestrinġu jew jeliminaw il-kompetizzjoni.

434    Kompetizzjoni ġusta, inkluż min-naħa ta’ impriża dominanti jew li dalwaqt tkun dominanti, tista’ bla dubju twassal għall-esklużjoni ta’ kompetituri minħabba l-kompetizzjoni fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-imġiba antikompettitiva, b’mod partikolari dik unilaterali, li hija r-riżultat ta’ imġiba abbużiva ta’ impriża dominanti u li tista’ wkoll twassal sabiex ikun hemm tali esklużjoni, hija pprojbita.

435    Madankollu, l-Artikolu 102 TFUE, kuntrarjament għall-Artikolu 101 TFUE, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-imġiba li għandha l-għan ta’ prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni minn dik li, minkejja li ma għandhiex tali għan, għandha tali effett.

436    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, meta affaċċjata minn ċertu mġiba kollettiva ta’ impriżi, l-awtorità tal-kompetizzjoni li turi li l-imġiba inkwistjoni għandha għan antikompettitiv ma hijiex obbligata turi l-effetti antikompetittivi tagħha sabiex tikklassifikaha bħala illegali. B’hekk, ċerti prattiki ta’ kollużjoni, bħall-iffissar ta’ prezzijiet komuni f’kartelli, huma kkunsidrati daqstant ta’ dannu, u konsegwentement antikompetittivi min-natura tagħhom, li ma huwiex neċessarju f’dan ir-rigward, li jintwerew l-effetti konkreti tagħhom fis-swieq ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49 sa 51).

437    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 102 TFUE sempliċement jipprevedi li huwa inkompatibbli mas-suq internet, u pprojbit, il-fatt li pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu tintuża b’mod abbużiv. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti pprojbita minn din id-dispożizzjoni huwa kunċett oġġettiv li jinkludi b’mod partikolari l-imġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà mdgħajjef, u li għandha l-effett li tostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi fuq il-bażi ta’ prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, sabiex jinżamm livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew għall-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C-280/08 P, EU:C:2010:603, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw meta l-imġiba inkwistjoni għandha effetti restrittivi fis-swieq konnessi ma’ dak li fuqu tinżamm il-pożizzjoni dominanti.

438    Fir-rigward ta’ prattiki ta’ esklużjoni, minn dan ġie dedott li prattika tista’ tiġi kklassifikata bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti biss jekk jintwera li kellha effett antikompetittiv, jew tal-inqas effett antikompetittiv potenzjali, filwaqt li huwa speċifikat li, fl-assenza ta’ xi effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri, prattika ta’ esklużjoni fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala abbużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punti 250 sa 254; tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 61 sa 66, u tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 68).

439    F’dan il-kuntest, anki meta l-kwistjoni tkun dwar imġiba ta’ impriżi dominanti li bħala prinċipju tkun antikompetittiva, bħal dik intiża sabiex tikseb relazzjoni ta’ xiri esklussiv jew preferenzjali ferm ma’ klijenti, jekk ikun il-każ permezz ta’ tnaqqis minħabba lealtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 89), jekk l-impriża dominanti inkwistjoni tikkontesta, b’mod iddokumentat, li l-imġiba tagħha kellha l-possibbiltà li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni inkarigata mill-fajl għandha tanalizza ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti biex tiddeċiedi x’inhi l-pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 68; tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 68, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 138 u 139).

440    F’dan ir-rigward, meta l-impriża kkonċernata ssostni li l-imġiba tagħha ma jistax ikollha effetti antikompetittivi, anki potenzjali, u ssostni l-argumenti tagħha b’elementi li jikkonċernaw l-evoluzzjoni reali tas-suq, hija l-awtorità tal-kompetizzjoni li għandha teżamina jekk dawn l-elementi jistax ikollhom impatt fuq l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi. Fil-fatt, fir-rigward ta’ prattiki effettivament implimentati u li jippreżentaw, bħal f’dan il-każ, natura kumplessa, tali elementi jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi rilevanti li jistgħu jikkorroboraw jew ma jikkorroborawx l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

441    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Google, il-Kummissjoni kellha turi effetti, tal-inqas potenzjali, dovuti għall-imġiba kkritikata ta’ restrizzjoni jew ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-argumenti mressqa minn Google sabiex tikkontesta li l-imġiba tagħha kienet kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

442    Minn naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostnu Google jew CCIA, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tidentifika effetti reali ta’ esklużjoni minħabba li Google ma kinitx dominanti fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li l-imġiba tagħha kienet parti minn titjib tas-servizzi tagħha għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-bejjiegħa fuq l-internet u li din l-imġiba kienet implimentata matul numru ta’ snin. Tali rekwiżit fir-rigward tal-Kummissjoni ikun kuntrarju għall-prinċipju, ikkonfermat mill-qrati tal-Unjoni, li l-klassifikazzjoni bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE ma għandhiex tiġi eskluża għaliex il-prattika inkwistjoni ma kellhiex, effettivament, ir-riżultat mixtieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 64 u 65, u b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tul tal-imġiba, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 272).

443    A fortiori, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li turi li kienu effettivament seħħew il-konsegwenzi possibbli tal-eliminazzjoni jew tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bħal pereżempju tnaqqis tal-innovazzjoni jew l-eżistenza ta’ żidiet fil-prezzijiet mhux iġġustifikati b’xi raġuni oħra ħlief in-nuqqas ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa rrikonoxxut li d-dgħajfien tal-kompetizzjoni jista’ bi probabbiltà kbira jwassal għal tali konsegwenzi, kif ġie espost fil-punti 11 u 19 tal-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti.

444    Hemm lok li jiġi enfasizzat li l-argumenti li l-prattiki inkwistjoni tejbu l-kwalità tas-servizzi, b’mod partikolari favur il-konsumatur, li, mill-perspettiva ekonomika, ikkontrobilanċja l-effetti ta’ esklużjoni identifikati, u li skonthom, għalhekk, dawn il-prattiki ma kinux abbużivi huma argumenti li ma jaqgħux fl-istadju tal-eżami tal-eżistenza ta’ effetti ta’ dawn il-prattiki. Dawn l-argumenti għalhekk huma ineffettivi insostenn tal-motiv li jgħid li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-prattiki inkwistjoni kellhom effetti antikompetittivi. F’dan il-każ, dawn diġà ġew eżaminati fl-okkażjoni tal-eżami tal-ewwel parti tal-ħames motiv u ser jiġu eżaminati ulterjorment fil-kuntest tal-eżami tat-tielet partijiet tal-ewwel u tat-tieni motiv.

445    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabelxejn, fit-Taqsima 7.2.3, analizzat il-konsegwenzi materjali tal-prattiki inkwistjoni fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Mill-eżami tat-tielet motiv ta’ annullament fiż-żewġ partijiet tiegħu jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi minn din l-analiżi, fir-rigward tad-diversi swieq nazzjonali ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kkonċernati, minn naħa, li dawn il-prattiki kienu wasslu għal tnaqqis ta’ dan it-traffiku għal kważi s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kollha u, min-naħa l-oħra, li dawn il-prattiki kienu wasslu għal żieda tat-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Dawn l-effetti materjali li jirrigwardaw it-traffiku li ġej mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google ġew iddokumentati b’mod sinjifikattiv, kif ġie muri fil-punti 383, 388 u 402 sa 405 iktar ’il fuq, u jista’ jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stabbilixxiet f’dan ir-rigward effetti reali, ftit jew wisq kunsiderevoli skont il-pajjiż, iżda f’kull każ sinjifikattivi.

446    Sussegwentement, fit-Taqsima 7.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat is-sehem tat-traffiku tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google fi ħdan it-traffiku totali tagħhom (Taqsima 7.2.4.1), qabel ma esponiet li dan is-sehem ma setax effettivament ikun issostitwit minn sorsi oħra ta’ traffiku (Taqsima 7.2.4.2).

447    F’dak li jirrigwarda l-ewwel aspett imsemmi fil-punt 446 iktar ’il fuq u ttrattat fit-Taqsima 7.2.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet, fil-forma tat-tabella 24 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tqassim tas-sorsi ta’ traffiku ta’ tlettax-il servizz ta’ tqabbil tax-xiri mill-2011 u fuq sitt snin (ħlief fil-każ ta’ wieħed minnhom li kellu perijodu ta’ erba’ snin). F’dan ir-rigward, hija għamlet distinzjoni bejn it-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google, mir-reklami bil-kliem ta’ Google, mit-tiftix dirett (jiġifieri li l-utent tal-internet imur fuq is-sit tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri, eventwalment billi juża applikazzjoni għat-telefown ċellulari, mingħajr ma jgħaddi minn link intermedja) u sorsi oħra (bħas-siti internet imsieħba, l-muturi ta’ tfittxija l-oħra jew il-links fi newsletters). Għalhekk, id-dikjarazzjoni ta’ Google li l-Kummissjoni ma eżaminatx is-sorsi kollha ta’ frekwentazzjoni tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri (ara l-punt 365 iktar ’il fuq) ma hijiex eżatta.

448    Mit-tabella 24 fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ishma ta’ traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google kienu pjuttost varjabbli skont is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li jibdew minn ftit iktar minn 20 % (madankollu b’eċċezzjoni ta’ 13 % għal sena) sa iktar minn 80 %, u li, għal maġġoranza żgħira fosthom (sebgħa), dawn l-ishma naqsu matul is-snin. Dan it-tnaqqis ivarja minn 5 % sa madwar 50 %. L-erba’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li għalihom, għall-kuntrarju, hija osservata żieda fis-sehem tat-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google kellhom żidiet minn dan is-sehem ta’ bejn 5 u 65 %. Għaż-żewġ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jifdal, dan is-sehem huwa ftit jew wisq stabbli. Din l-analiżi intermedja tipprovdi data dwar l-importanza tat-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u turi li, għal maġġoranza ta’ dawk li t-traffiku tagħhom ġie studjat, is-sehem tat-traffiku mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google naqas matul is-snin. Fiha nnifisha, hija ma tippermettix li jiġu misluta konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni fis-suq dovuti għall-imġiba ta’ Google, għaliex f’dan ir-rigward għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra, iżda, abbażi ta’ elementi konkreti li, barra minn hekk, ma humiex ikkontestati minn Google, din tista’ tgħin biex tintwera l-eżistenza ta’ tali effetti.

449    F’dak li jirrigwarda t-tieni aspett imsemmi fil-punt 446 iktar ’il fuq u ttrattat fit-Taqsima 7.2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-diffikultà għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google li jissostitwixxu t-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi tagħha b’sorsi oħra, il-Kummissjoni ressqet diversi raġunijiet li Google tikkontesta bis-saħħa tat-tielet parti tar-raba’ motiv tagħha. Din il-kontestazzjoni, dwar evalwazzjonijiet preċiżi tal-Kummissjoni, ma hijiex marbuta mal-kritika fl-ewwel parti ta’ dan il-motiv, eżaminata f’dan l-istadju, li skontha l-Kummissjoni kienet sempliċement qiegħda tispekula dwar l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi tal-prattiki inkwistjoni.

450    Finalment, fit-Taqsima 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l-prattiki inkwistjoni kellhom effetti antikompetittivi potenzjali fis-swieq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri u fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali.

451    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna swieq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri, fit-Taqsima 7.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-analiżi tagħha msemmija fil-punti 445 u 446 iktar ’il fuq, qabelxejn, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prattiki inkwistjoni setgħu jwasslu sabiex is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom (premessa 594 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset ukoll li dawn il-prattiki setgħu jnaqqsu l-inċentivi tagħhom għall-innovazzjoni sa fejn ma setgħux iktar jistennew b’mod raġonevoli traffiku suffiċjenti sabiex jikkompeti mas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u sa fejn, jekk jippruvaw jikkumpensaw għat-telf ta’ traffiku mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google b’sorsi ta’ traffiku bi ħlas, huma jnaqqsu d-dħul disponibbli għall-innovazzjoni (premessa 595 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-prattiki inkwistjoni setgħu jnaqqsu l-inċentivi ta’ Google stess għall-innovazzjoni tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha minħabba kompetizzjoni żgħira li hija kellha taffaċċja (premessa 596 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-prattiki inkwistjoni setgħu jnaqqsu l-possibbiltajiet tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li huma l-iktar effiċjenti. F’dan ir-rigward, hija invokat ir-relegazzjoni tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri f’pożizzjoni ħażina fi ħdan ir-riżultati ġeneriċi (premessa 598 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-fatt li l-konsumaturi ma kinux, b’mod ġenerali, konxji li l-Product Universals u x-Shopping Units kienu suġġett għal kriterji ta’ selezzjoni oħra differenti minn dawk użati għar-riżultati ġeneriċi (premessa 599 tad-deċiżjoni kkontestata). L-istruttura tal-kompetizzjoni tas-swieq hija għalhekk affettwata, peress li s-suċċess tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google kien żgurat artifiċjalment bil-pożizzjoni dominanti ta’ din tal-aħħar fis-swieq tat-tiftix ġenerali u mill-prattiki inkwistjoni (premessa 600 tad-deċiżjoni kkontestata).

452    Barra minn hekk, bħala risposta għall-kritika espressa minn Google matul il-proċedura amministrattiva dwar l-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri li kien waqqaf l-attivitajiet tiegħu filwaqt li mijiet, fost it-361 identifikati minn Google, kienu attivi, il-Kummissjoni, wara li fakkret li hija ma kinitx obbligata turi effetti reali (premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata), sostniet li fl-assenza tal-prattiki inkwistjoni, in-numru ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri f’kompetizzjoni dinamika seta’ kien ikbar (premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija ressqet diversi xhieda li diversi servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fost dawn it-361 kienu waqqfu l-attivitajiet tagħhom jew bidlu d-direzzjoni tagħha lejn servizzi oħra. Pereżempju, skont wieħed minn dawn ix-xhieda, 38 % minn dawn it-361 servizz ta’ tqabbil tax-xiri waqqfu l-attivitajiet tagħhom u, skont ieħor minn dawn ix-xhieda, 21 % (premessa 604 tad-deċiżjoni kkontestata).

453    Dejjem f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-prattiki inkwistjoni fis-swieq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri, fit-Taqsima 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikata għall-analiżi tal-effetti fil-każ fejn il-pjattaformi merkantili jiġu inklużi f’dawn is-swieq, il-Kummissjoni, essenzjalment, esprimiet l-idea li l-effetti li hija kienet identifikat kienu għalhekk jiġu eżerċitati fis-segment tas-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, jiġifieri fis-segment tal-kompetituri l-iktar qrib tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google (premessi 609 u 610 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija enfasizzat li, għall-kuntrarju, il-prattiki inkwistjoni ma kellhomx effetti negattivi għall-pjattaformi merkantili (premessa 611 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll żewġ studji, bit-tieni wieħed minnhom diġà msemmi fil-punti 388 u 405 iktar ’il fuq, intiżi sabiex jevalwaw, fit-tlettax-il pajjiż li fihom hija kkonstatat l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Google, l-ewwel, is-sehem tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri f’dawn is-swieq u, it-tieni, l-evoluzzjoni tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u lejn il-pjattaformi merkantili. Fir-rigward tal-ishma tas-suq, minn dan jirriżulta pereżempju, skont diversi aġġustamenti magħmula, li s-sehem tas-suq fir-Renju Unit tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri (li jiġbor dak ta’ Google u tal-kompetituri tiegħu), li jikkorrispondi għalhekk għas-sehem tas-suq li kien affettwat mill-prattiki inkwistjoni, huwa, għal bejn l-2011 u l-2016, fi skali li jvarjaw minn 9 sa 18 % għal 12 sa 24 %. B’mod iktar preċiż, dejjem għar-Renju Unit, skont l-aġġustamenti magħmula, minn dan tirriżulta żieda tas-sehem tas-suq tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google minn 4 għal 17 % jew minn 6 għal 22 %, tnaqqis tas-sehem tas-suq tal-pjattaformi merkantili minn 89 għal 81 %, jew minn 83 għal 76 % għall-evoluzzjonijiet l-iktar imbegħda, tas-sehem tas-suq tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri minn 11 għal 2 %, jew minn 7 għal 1 % għall-evoluzzjonijiet l-iktar imbegħda (premessi 612 sa 639 u Anness 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-evoluzzjonijiet tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u lejn il-pjattaformi merkantili, jidher, kif diġà ssemma fil-punti 388 u 405 iktar ’il fuq, li kien hemm żieda ġenerali tat-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u tnaqqis ġenerali tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. It-traffiku lejn il-pjattaformi merkantili kien pjuttost ftit inqas, minkejja li f’xi wħud mit-tlettax-il pajjiż ikkonċernat l-evoluzzjoni tidher iktar erratika, jekk mhux saħansitra li qed tikber. Sabiex inkomplu bl-eżempju tar-Renju Unit, skont l-aġġustamenti magħmula, bejn l-2011 u l-2016, is-sehem tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google fit-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha evolva minn 11 għal 46 % jew minn 16 għal 54 %, dak tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri minn 14 għal 2 % jew minn 22 għal 3 % u dak tal-pjattaformi merkantili minn 75 għal 52 % jew minn 63 għal 43 %.

454    F’dak li jirrigwarda s-swieq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, minn din l-analiżi li tkopri diversi perijodi miġbura fil-qosor fil-punti 445 sa 453 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi konkreti li ma jirrigwardawx biss l-evoluzzjonijiet ta’ traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u lejn dak ta’ Google u, sussidjarjament, lejn il-pjattaformi merkantili, iżda wkoll is-sehem li kien jirrappreżenta t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google mit-traffiku kollu tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, sabiex minnu jiġi dedott, wara motivazzjoni argumentata, l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi potenzjali fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

455    Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-argumenti l-oħra mressqa minn Google permezz tar-raba’ motiv tagħha, din l-analiżi tal-effetti tistax, jew ma tistax, tiġi aċċettata, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li skontha l-Kummissjoni kienet ipproċediet, f’dan ir-rigward, purament abbażi ta’ spekulazzjoni, għandha għalhekk tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda s-swieq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

456    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda s-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, fit-Taqsima 7.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tidentifika effetti antikompetittivi dovuti għall-prattiki inkwistjoni filwaqt li semmiet li, billi ttrattat b’mod iktar favorevoli s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, Google pproteġiet id-dħul li dan is-servizz ta’ tiftix speċjalizzat jiġġenera favuriha minn dawn il-paġni, dħul li min-naħa tiegħu kien jiffinanzja s-servizz ta’ tiftix ġenerali (premessa 642). Annessi tal-proċess juru li Google kienet inkwetata dwar dħul mir-reklami li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jeħdulha jekk ikomplu jiżviluppaw (premessa 643).

457    Dawn il-kunsiderazzjonijiet waħidhom huma wisq impreċiżi sabiex jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi, anki potenzjali, fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali. Ma ġiet ippreżentata l-ebda analiżi tal-importanza tad-dħul inkwistjoni u tal-impatt li seta’ jkollu fuq il-pożizzjoni ta’ Google u tal-kompetituri tagħha f’dawn is-swieq. Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda dawn is-swieq, Google hija ġġustifikata meta ssostni li l-analiżi tal-effetti tal-prattiki inkwistjoni mwettqa mill-Kummissjoni kienet purament spekulattiva u li, għalhekk, dawn l-effetti ma humiex ippruvati.

458    L-ewwel parti tar-raba’ motiv ta’ Google għandha għalhekk tintlaqa’ f’dak li jirrigwarda biss is-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali. Il-partijiet l-oħra ta’ dan il-motiv, għalhekk, ser jiġu eżaminati biss sa fejn jirrigwardaw is-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

459    Sa fejn, kif tfakkar fil-punt 438 iktar ’il fuq, sabiex abbuż minn pożizzjoni dominanti marbut ma’ prattika ta’ esklużjoni jkun jista’ jiġi identifikat bħala tali, il-Kummissjoni għandha turi li kien hemm effetti antikompetittivi, minn tal-inqas potenzjali, fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati, għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata inkwantu tikkonċerna abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali.

d)      Fuq ittieni parti tarraba’ motiv, li rrwol talpjattaformi merkantili ma tteħidx inkunsiderazzjoni flanaliżi taleffetti

460    Bis-saħħa tat-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha, Google targumenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-pjattaformi merkantili, minkejja li huma muturi tal-kompetizzjoni u tal-innovazzjoni fis-swieq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

461    F’dan ir-rigward, qabelxejn, Google ssostni li d-delimitazzjoni tas-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri magħżula mill-Kummissjoni hija żbaljata u, sussegwentement, li, fi kwalunkwe każ, il-pressjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili ġiet injorata fid-deċiżjoni kkontestata.

1)      Fuq lelementi tattieni parti tarraba’ motiv li skonthom iddelimitazzjoni tassuq ta’ prodotti hija żbaljata

i)      Largumenti talpartijiet

462    Google u ċ-CCIA jressqu elementi differenti intiżi sabiex juru li l-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jintervjenu fl-istess suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. It-tnejn li huma jipprovdu, mingħajr ħlas, lill-utenti tal-internet l-istess funzjonalitajiet ta’ tiftix ta’ prodotti flimkien ma’, b’mod partikolari, indikazzjonijiet ta’ prezz. Is-servizzi proposti huma għalhekk sostitwibbli, u dan huwa suffiċjenti sabiex ż-żewġ tipi ta’ fornituri jiġu inklużi fis-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, anki jekk il-pjattaformi merkantili jipprovdu servizzi addizzjonali. Tliet investigazzjonijiet ipprovduti minn Google lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva, li jirrigwardaw il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit, juru li, fil-parti l-kbira tagħhom, il-konsumaturi jqisu li l-pjattaforma Amazon hija sostitut tajjeb għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri l-iktar magħrufa. Il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta ma aċċettatx in-natura probatorja ta’ dawn l-investigazzjonijiet minħabba li l-persuni li wieġbu ma kellhomx għalfejn jiġġustifikaw ir-risposta tagħhom u li Amazon biss kienet imsemmija fil-mistoqsija. L-istudju li l-Kummissjoni tressaq fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 220(6), sabiex issostni d-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti li hija użat ċertament ma jirrigwardax is-sostitwibbiltà tas-servizzi tal-pjattaformi merkantili u dawk ta’ tqabbil tax-xiri, iżda xorta tindika li Amazon u eBay huma “eżempji ewlenin ta’ pjattaformi b’diversi bejjiegħa bl-imnut li format tagħhom joffri lill-utenti funzjonalità importanti ta’ tqabbil ta’ prezzijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, diversi studji indipendenti juru li l-maġġoranza tal-utenti tal-internet li jixtiequ jixtru jibdew it-tiftix tagħhom fuq pjattaforma kummerċjali u jwettqu x-xiri tagħhom wara li jkunu qabblu l-prodotti. Bħala risposta għall-intervent tal-BEUC u għall-dak tal-BDZV, Google tressaq ukoll deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji Ġermaniż u deċiżjoni tax-Schleswig-Holsteinisches Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri tax-Schleswig Holstein, il-Ġermanja) li jindikaw, essenzjalment, li l-pjattaformi merkantili huma servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jipprovdu, barra minn hekk, funzjonijiet ta’ intermedjarju ta’ bejgħ. Google tirribatti għalhekk l-argument imressaq mill-BEUC li l-pjattaformi merkantili huma ħwienet li jbigħu ħafna prodotti filwaqt li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jippermettu li jitqabblu l-prezzijiet tal-istess prodott propost minn ħwienet differenti. Fil-fatt, pjattaforma kummerċjali ma hijiex ħanut, iżda tiġbor l-offerti ta’ diversi ħwienet u tippermetti li jitqabblu mingħajr ħlas il-prezzijiet tal-istess prodott jew mudell, bħas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-pjattaformi merkantili rarament jagħtu aċċess għall-ikbar bejjiegħa, fatt li jimplika li dawn ma humiex sostitwibbli għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li, min-naħa tagħhom, iwasslu l-offerti ta’ dawn il-bejjiegħa, huwa kontradett mir-risposti li l-pjattaformi stess taw lill-Kummissjoni. Anki jekk l-argument kien korrett, dan ma jibdel xejn mid-domanda tal-utenti tal-internet li jikkunsidraw li ż-żewġ tipi ta’ siti tal-internet huma sostitwibbli għat-tiftix tagħhom ta’ tqabbil tax-xiri. Il-Kummissjoni la uriet il-kuntrarju u lanqas ma eżaminat ġenwinament is-sostitwibbiltà f’dak li jirrigwarda d-domanda tal-utenti tal-internet. Id-dokumenti interni ta’ Google ppreparati in tempore non suspecto juru li hija stess tikkunsidra lil Amazon u eBay bħala l-leaders tas-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u, b’mod partikolari, Amazon bħala referenza u l-kompetitur prinċipali tagħha li mmotivat l-isforzi rispettivi tagħha għall-innovazzjoni. Bl-istess mod, diversi dikjarazzjonijiet miżjuda mal-fajl tal-proċedura amministrattiva minn fornituri ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali jew ta’ tqabbil tax-xiri u minn pjattaformi merkantili jikkonfermaw li dawn tal-aħħar jikkompetu mas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

463    Minflok ma ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, il-Kummissjoni rreferiet għal differenzi superfiċjali bejn is-servizzi tal-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li ma għandhom l-ebda effett fuq is-sostitwibbiltà tagħhom mill-perspettiva tat-talba tal-utenti tal-internet, sabiex tikkonkludi b’mod żbaljat li dawn tal-ewwel ma jeżerċitaw l-ebda pressjoni kompetittiva fuq it-tieni. Iċ-CCIA tenfasizza li, fil-punt 36 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155), il-Kummissjoni tindika li l-eżistenza ta’ karatteristiċi differenti tas-servizzi ma tippermettix li jiġi ddikjarat li ma teżisti l-ebda sostitwibbiltà f’dak li jirrigwarda d-domanda, peress li din tiddependi, fil-parti l-kbira tagħha, mill-importanza li l-klijenti jagħtu lil dawn id-differenzi. Barra minn hekk, skont Google, waħda mid-differenzi msemmija fir-risposta, jiġifieri li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri ta’ Google ma jistgħux jidhru fix-Shopping Units, kuntrarjament għall-pjattaformi merkantili, hija skorretta. Kull ma kellhom jagħmlu kien sempliċement jinkludu link pubbliċitarju li jirreferi direttament għal paġna tax-xiri fuq l-internet, li uħud minnhom għamlu. Google tiċċita tliet eżempji. Peress li s-suq tal-prodotti li fuqu l-imġiba inkwistjoni allegatament għandha effetti antikompetittivi kien iddefinit bħala s-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, il-Kummissjoni ma kellhiex biss teżamina x’alternattivi kellhom l-utenti tal-internet sabiex iwettqu tali tqabbil fuq l-internet qabel ma jipproċedu għal xiri, li kien jippermettilhom li jikkonstataw li kien hemm il-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, iżda wkoll li hija tispjega kif Google, li kienet qiegħda ssostni li t-theddida kompetittiva kienet ġejja mill-pjattaformi merkantili, setgħet tikkunsidra li żżid b’mod sostenibbli l-prezzijiet tas-servizzi tagħha b’tali mod li tippermetti li jidhru fuq il-paġni tar-riżultati tagħha mingħajr ir-riskju li titlef persuni li jirreklamaw favur il-pjattaformi merkantili. Is-servizzi addizzjonali li joffru dawn il-pjattaformi meta mqabbla ma’ dawk tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, identifikati mill-Kummissjoni bħala fatturi ta’ differenzjazzjoni, bil-kontra ta’ dan sempliċement isaħħu l-kompetizzjoni li dawn il-pjattaformi jeżerċitaw meta mqabbla mas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Barra minn hekk, huma jispjegaw li tal-ewwel huma kklassifikati aħjar fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali ta’ Google permezz tal-algoritmu Panda u li t-traffiku ġġenerat lejhom tjieb filwaqt li dak lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri naqas. Huwa għalhekk li diversi minn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jfittxu li joffru wkoll dawn is-servizzi addizzjonali, peress li dan jippermettilhom jipproċedu direttament għal xiri. Google stess bdiet tintroduċi dan is-servizz, minkejja li kienet iffokat iktar fuq it-titjib tal-kwalità tar-risposti tagħha għat-talbiet tal-utenti tal-internet sabiex tikkompeti mal-pjattaformi merkantili f’dak li jirrigwarda t-tiftix ta’ prodotti. Barra minn hekk, il-fatt li l-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, bħal Amazon u Google, jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ natura vertikali, b’mod partikolari li tal-aħħar jirreferu għall-offerti proposti minn tal-ewwel u li dawn huma l-klijenti prinċipali tagħhom, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jibdel xejn mill-ħtieġa li kellha l-Kummissjoni li teżamina s-sostitwibbiltà tas-servizzi tagħhom u l-elementi mressqa sabiex jintwera li kien hemm kompetizzjoni bejniethom. Bħala risposta għall-argument espost minn Twenga fin-nota ta’ intervent tagħha li jgħid li l-pjattaformi merkantili joperaw downstream minn Google u jiddependu b’mod sostanzjali fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, Google tosserva li dan l-aħħar motiv ma huwiex inkluż fid-deċiżjoni kkontestata u tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll in-natura probatorja tal-istudju li jikkonċerna lil Franza mressaq f’dan ir-rigward minn Twenga. Skont l-elementi prodotti minn Google insostenn tar-rikors, parti essenzjali mit-traffiku tal-pjattaformi merkantili huwa dirett, li jikkontradixxi ċ-ċifra ta’ 46 % li tikkorrispondi mat-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha ppreżentata minn Twenga. Fir-replika tagħha, Google tispeċifika li t-traffiku tal-pjattaformi merkantili li joriġina mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huwa marġinali meta mqabbel mat-traffiku totali tagħhom. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha, Google ssostni li l-Kummissjoni tipprova taqleb l-oneru tal-prova billi ssostni li hija għandha turi li l-utenti tal-internet imorru wkoll fuq is-siti tal-internet tal-pjattaformi merkantili mhux sempliċement sabiex jixtru iżda wkoll sabiex iwettqu tiftix paragunabbli bil-għan li jixtru prodotti, meta l-oneru huwa fuq il-Kummissjoni li turi li dan ma huwiex il-każ jekk hija tippretendi li teskludi dawn il-pjattaformi mis-suq rilevanti. L-elementi tal-fajl tal-proċedura amministrattiva ma jippermettulhiex li tipproduċi tali prova. B’mod partikolari, il-fatt li minn studju tal-2014 jirriżulta li l-utenti tal-internet iqisu li l-pjattaformi merkantili huma prinċipalment iddedikati għax-xiri ta’ prodotti ma jindikax sa fejn l-funzjonijiet ta’ tiftix għal tqabbil tagħhom huma użati. B’mod partikolari, waqt is-seduta, Google insistiet fuq il-fatt li s-suq inkwistjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata huwa, kif jirriżulta mill-premessa 191 tagħha, biss dak tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri pprovduti lill-utenti tal-internet, li għalihom il-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huma interkambjabbli, u mhux is-suq tas-servizzi pprovduti lill-bejjiegħa fuq l-internet. Qabelxejn, ma huwiex korrett li l-pjattaformi merkantili ma jaħdmux mal-bejjiegħa l-kbar, filwaqt li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jiffavorixxu lil dawn l-imsieħba. Finalment, il-kunsiderazzjonijiet espressi fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 224 sa 226 li jikkonċernaw id-differenzi mill-perspettiva tal-offerta ma humiex rilevanti, peress li teżisti sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda tal-utenti tal-internet.

464    Dwar dan l-aspett, sostnuta fid-diversi argumenti tagħha mill-maġġoranza tal-intervenjenti favur tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li, fir-rikors tagħha, Google ma tikkontestax b’mod ċar is-suq rilevanti ta’ prodotti identifikat fid-deċiżjoni kkontestata, limitat għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Għalhekk, peress li l-pjattaformi merkantili huma barra minn dan is-suq, huma ma jistgħux, bħala definizzjoni, ikollhom poter sinjifikattiv fis-suq. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tenfasizza li l-argumenti ta’ Google fuq il-pressjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-effetti tal-imġiba inkwistjoni, iżda mhux id-definizzjoni tas-suq rilevanti, li għandha titwettaq fi stadju iktar bikri tal-analiżi tal-kompetizzjoni.

465    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkontesta li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili jappartjenu għall-istess suq ta’ prodotti. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit is-sehem tas-suq tal-pjattaformi merkantili f’suq li jiġborhom mas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

ii)    Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

466    Hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ analiżi dwar il-kompetizzjoni, suq jikkorrispondi għall-ispazju fejn jiltaqgħu l-offerta u d-domanda u li fih tiġi eżerċitata jew tista’ tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni. Tradizzjonalment issir distinzjoni bejn l-aspett materjali tas-suq (is-suq tal-prodotti), li jistabbilixxi l-prodotti jew is-servizzi (skont dak li joffru l-impriżi kkonċernati) li jikkompetu, u l-aspett spazjali tas-suq (is-suq ġeografiku), li jistabbilixxi ż-żona li fiha hija eżerċitata l-kompetizzjoni fil-konfront ta’ utenti partikolari.

467    F’dan ir-rigward, fil-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità, il-Kummissjoni tispeċifika li l-għan prinċipali tad-definizzjoni tas-suq huwa sabiex jiġu identifikati b’mod sistematiku r-restrizzjonijiet kompetittivi li jaffaċċjaw l-impriżi inkwistjoni, iżda hija tippermetti wkoll li tiġi analizzati ċerta mġiba fis-suq kif ukoll il-bidliet strutturali fil-provvista ta’ ċerti prodotti (punti 2 u 12 tal-Komunikazzjoni). Il-Kummissjoni tindika b’mod iktar partikolari li “[s]uq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkonsidrati bħala li kappaċi li jiġu mibdula jew jkunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-Prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom” (punt 7 tal-Komunikazzjoni). Barra minn hekk, fil-punt 20 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tindika s-segwenti:

“Sostituzzjonalità da parti tal-fornitura tista’ tkun ukoll meħuda in konsiderazzjoni fid-definizzjoni ta’ suq f’dawk is-sitwazzjonijiet illi l-effetti tagħha huma ekwivalenti għal dawk tas-sostituzzjoni tad-domanda ai termini ta’ effettività u immedjalità. Dan ifisser illi l-fornituri huma kaħ[p]aċi illi jbiddlu prodott ma prodott rilevanti u jinnegozjawhom fit-terminu qasir mingħajr ma jirrikorru nefqa addizzjonali sinjifikattiva jew riskji […]”

468    Kif indikat fil-punti 42 sa 52 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, identifikat żewġt iswieq distinti ta’ prodotti kkonċernati b’din il-kawża, is-suq tat-tiftix ġenerali fuq l-internet u s-suq tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri fuq l-internet. Fir-rigward ta’ dan it-tieni suq, il-Kummissjoni eskludiet minnu l-pjattaformi merkantili għaliex is-servizzi ta’ dawn l-aħħar ma kinux sostitwibbli wisq għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

469    F’dan il-każ, Google ma tikkontestax id-delimitazzjoni tas-suq ta’ prodotti li fih hija ġiet identifikata bħala li għandha pożizzjoni dominanti, jiġifieri s-suq tat-tiftix ġenerali fuq l-internet, li fih l-atturi huma l-muturi ta’ tfittxija ġenerali. Hija lanqas ma tikkontesta l-eżistenza ta’ suq tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri, iżda tikkontesta li dan jiġbor fih biss is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, bl-esklużjoni tal-pjattaformi merkantili li jipprovdu wkoll servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

470    Minkejja li Google tqajjem dan l-ilment biss fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-prattiki li dwarhom hija kkritikata ma setax kellhom effetti antikompetittivi, hija tabilħaqq tikkontesta, kif jirriżulta mill-punti 313 et seq. tar-rikors, id-delimitazzjoni ta’ dan is-suq magħżula mill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li hija ssostni fid-difiża tagħha. Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li Google ma tikkontestax id-delimitazzjoni tas-suq ta’ prodotti tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri. Hija tikkontestah b’mod ċar u, kif jirriżulta mill-punti 462 sa 463 iktar ’il fuq, billi tibbaża ruħha fuq diversi argumenti. Huwa irrilevanti li hija ma tagħmilx dan permezz ta’ motiv awtonomu, iżda fil-kuntest ta’ argument iktar ġenerali magħmul fil-kuntest ta’ parti minn motiv li jistipula li l-pressjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili ma ġietx meħuda inkunsiderazzjoni. B’hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors għandu jindika, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kwistjoni, il-motivi u l-argumenti invokati u jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi, b’mod ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Tàpias vs Il‑Kunsill, T‑527/16, EU:T:2019:856, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti ġew osservati. Għalhekk, l-argument ta’ Google li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ analiżi fid-delimitazzjoni tas-suq ta’ prodotti tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huwa ammissibbli u għandu jiġi eżaminat.

471    F’dan ir-rigward, ġie deċiż li, sabiex jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, bħala li jikkostitwixxi s-suġġett ta’ suq suffiċjentement distint, is-servizz jew il-prodott inkwistjoni għandu jista’ jkun individwalizzat minn karatteristiċi partikolari li jiddistingwixxuh minn servizzi oħra jew prodotti oħra sal-punt li ftit ikun interkambjabbli magħhom u f’kompetizzjoni magħhom. F’dan il-kuntest, il-grad ta’ interkambjalità bejn il-prodotti għandu jiġi evalwat skont karatteristiċi oġġettivi tagħhom kif ukoll skont l-istruttura tad-domanda, tal-offerta fis-suq u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑229/94, EU:T:1997:155, punt 54).

472    F’dan il-każ, fir-rigward tal-argumenti invokati, il-kwistjoni hija jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni urietx b’mod suffiċjenti li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri offruti mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kellhomx karatteristiċi partikolari li jiddistingwixxuhom mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri offruti mill-pjattaformi merkantili, jew bil-kontra, sal-punt li ma humiex interkambjabbli wisq bejniethom u l-kompetizzjoni bejniethom hija insinjifikattiva.

473    Għandu jiġi enfasizzat li s-suq inkwistjoni għandu żewġ naħat, jiġifieri huwa suq li fih il-fornituri jissodisfaw, simultanjament, żewġ talbiet distinti minn utenti tas-servizz differenti, minn naħa, dik tal-utenti tal-internet li jixtiequ jqabblu l-karatteristiċi u l-prezzijiet ta’ prodotti qabel ma jipproċedu ulterjorment għax-xiri tagħhom u, min-naħa l-oħra, dik tal-persuni li jixtiequ jbigħu l-prodotti tagħhom, li fid-databases tal-fornituri jiġġeneraw informazzjoni dwar il-prodotti sabiex isir tali tqabbil, bil-għan li jinxtraw mill-utenti tal-internet, minkejja li t-tranżazzjoni eventwali bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa sseħħ, jekk ikun il-każ, f’suq ieħor. F’dan il-każ, il-fornituri li fil-konfront tagħhom għandu jiġi stabbilit jekk jipparteċipawx fl-istess suq ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jappartjenu għal żewġ kategoriji, dik tas-“sempliċi” servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u dik tal-pjattaformi merkantili, u l-utenti huma, minn naħa, fuq naħa waħda tas-suq b’żewġ naħat, utenti tal-internet u, fuq in-naħa l-oħra tas-suq b’żewġ naħat, il-bejjiegħa fuq l-internet.

474    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, kuntrarjament għal dak li ssostni Google, il-Kummissjoni ma llimitatx is-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kkonċernat għan-naħa biss li tikkonċerna l-utenti tal-internet. Il-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, invokata f’dan ir-rigward minn Google, tinkludi biss definizzjoni ta’ dawn is-servizzi li minnha jista’ jinftiehem, barra minn hekk, li jirrigwardaw kemm l-utenti tal-internet kif ukoll il-bejjiegħa fuq l-internet. L-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiddelimitaw dan is-suq jinkludu, bil-kontra ta’ dan, fid-deċiżjoni kkontestata, mhux biss analiżi tal-karatteristiċi tad-domanda mill-perspettiva tal-utenti tal-internet, iżda wkoll analiżi tal-karatteristiċi tad-domanda mill-perspettiva tal-bejjiegħa fuq l-internet.

475    Pereżempju, fil-premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata, meta l-Kummissjoni teżamina jekk is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u s-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat l-oħra humiex sostitwibbli, hija tirreferi għar-riżorsi umani kummerċjali neċessarji sabiex tikkonkludi ftehim mal-bejjiegħa fuq l-internet tal-prodotti jew tas-servizzi li finalment se jinbiegħu, li juri li hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll in-naħa tas-suq li fiha s-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat eżaminati jirrappreżentaw in-naħa tal-offerta, u l-bejjiegħa fuq l-internet jirrappreżentaw in-naħa tad-domanda. Bl-istess mod, fil-premessa 197 ta’ din id-deċiżjoni, meta l-Kummissjoni teżamina jekk is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u s-servizzi pubbliċitarji humiex sostitwibbli, hija tispjega li dawn is-servizzi ma humiex sostitwibbli, kemm mill-perspettiva tal-utenti tal-internet kif ukoll minn dik tal-bejjiegħa fuq l-internet. F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tas-sostitwibbiltà tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u tal-pjattaformi merkantili, il-Kummissjoni teżamina, qabelxejn, is-sostitwibbiltà mill-perspettiva tad-domanda tal-utenti tal-internet (premessi 218 sa 220), u wara mill-perspettiva tad-domanda tal-bejjiegħa fuq l-internet (premessi 221 sa 223). Sussegwentement, hija tanalizza l-karatteristiċi tal-offerta li jipproponu s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili lill-utenti tal-internet (premessa 225) u lill-bejjiegħa fuq l-internet (premessa 226). Finalment, il-Kummissjoni tirribatti l-argumenti ta’ Google fis-sens li s-sostitwibbiltà bejn servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u pjattaformi merkantili, li jikkonċernaw kemm in-naħa tas-suq li tikkonċerna l-utenti tal-internet kif ukoll in-naħa tas-suq li tikkonċerna l-bejjiegħa fuq l-internet (premessi 227 sa 245).

476    Iż-żewġ naħat tas-suq inkwistjoni ġew għalhekk eżaminati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari sabiex waslet għall-konklużjoni li l-pjattaformi merkantili ma jipparteċipawx fl-istess suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri bħall-fornituri tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma llimitatx is-suq għal waħda minn dawn iż-żewġ naħat.

477    Issa, kif enfasizzat l-BDZV fin-nota ta’ intervent tagħha, il-fatt li, sabiex jissodisfaw d-domanda fuq waħda min-naħat ta’ suq b’żewġ naħat, is-servizzi ta’ żewġ kategoriji ta’ offerenti jistgħu jkunu interkambjabbli b’mod sinjifikattiv mhux neċessarjament ifisser li dan huwa l-każ fuq in-naħa l-oħra ta’ dan is-suq fir-rigward tad-domanda l-oħra espressa fih. Fil-fatt, f’suq b’żewġ naħat, peress li d-domanda ma tiġix iġġenerata mill-istess utenti fuq kull naħa tas-suq, ma jistax jiġi preżunt li l-kwistjoni tas-sostitwibbiltà tas-servizzi tiġi riżolta bl-istess mod għal kull naħa.

478    Għalhekk, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, għal naħa waħda jew oħra taż-żewġ naħat tas-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, il-Kummissjoni urietx b’mod suffiċjenti, fid-dawl tal-kritiki mressqa minn Google, li s-servizzi offruti mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kellhom karatteristiċi partikolari li jiddistingwixxuhom minn servizzi ta’ tqabbil tax-xiri offruti mill-pjattaformi merkantili, jew bil-kontra, sal-punt li ma humiex interkambjabbli wisq bejniethom u l-kompetizzjoni bejniethom hija insinjifikattiva.

479    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 217, li għalkemm is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili kienu joffru servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, dan kien għal użu differenti, kemm mill-perspettiva tal-utenti tal-internet kif ukoll minn dik tal-bejjiegħa fuq l-internet.

480    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna d-domanda tal-utenti tal-internet, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 218 u 219 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kienu jaġixxu bħala intermedjarji bejn l-utenti tal-internet u l-bejjiegħa individwali jew il-pjattaformi merkantili billi jippermettu t-tqabbil ta’ diversi offerti ta’ prodotti, li ma kinux joffru lill-utenti tal-internet il-possibbiltà li jixtru mis-siti tal-internet rispettiv tagħhom, iżda li bil-kontra ta’ dan kienu jirreferuhom lejn is-siti tal-bejjiegħa, li ma kinux joffru servizz ta’ sostenn wara l-bejgħ jew teħid lura tal-prodotti u li kienu jippreżentaw biss offerti ta’ prodotti ġodda, filwaqt li l-pjattaformi merkantili kienu jippermettu xiri mis-sit tagħhom stess, inkluż ta’ prodotti li ma kinux ibigħu huma stess, xi drabi prodotti użati u mibjugħa minn bejjiegħa mhux professjonisti, kienu pperċepiti bħala bejjiegħa ta’ diversi ditti, jiġifieri bħala postijiet ta’ xiri, u li kienu joffru servizz ta’ sostenn wara l-bejgħ, teħid lura ta’ prodotti u anki, għal uħud, kumpens f’każ ta’ problema. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħu fuq diversi dikjarazzjonijiet ta’ impriżi li pparteċipaw fil-proċedura u barra minn hekk irrilevat, fil-premessa 220(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-maġġoranza tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li hija kienet staqsiet kienu jikkunsidraw li l-pjattaformi merkantili kienu, qabel kollox, imsieħba u mhux bħala kompetituri, u viċe versa. Il-premessa 220(5) jew il-premessa 223(1) tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw li dokumenti interni ta’ Google juru li din tal-aħħar ma tpoġġix fuq l-istess livell iż-żewġ kategoriji ta’ atturi.

481    Ċertament, kif issostni Google, il-fatt li l-pjattaformi merkantili jipprovdu ħafna iktar funzjonijiet mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u li huma klijenti tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ma jurix, fih innifsu, f’dak li jirrigwarda biss is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri offruti lill-utenti tal-internet, li s-servizzi proposti miż-żewġ kategoriji ta’ atturi ma humiex interkambjabbli wisq bejniethom u li l-kompetizzjoni bejniethom hija insinjifikattiva, fi kliem ieħor li jservu użu differenti.

482    Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata fiha elementi oħra li jsostnu dan.

483    Mill-elementi mfakkra fil-punt 480 iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-utenti tal-internet, il-pjattaformi merkantili jidhru qabelxejn bħala postijiet ta’ xiri li jipprovdu l-funzjonijiet tradizzjonali kollha tal-bejgħ, inkluż jekk ikun il-każ li joperaw bħala counter tal-bejgħ għal bejjiegħa mhux professjonisti, filwaqt li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri għandhom, qabelxejn, funzjoni informattiva.

484    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jipproponu b’mod ġenerali għażla ta’ offerti ikbar mill-pjattaformi merkantili, li jinkludu preċiżament l-offerti ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, anki jekk hemm ċertu sovrappożizzjoni bejn id-databases tal-pjattaformi merkantili u dawk tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jidhru bħala għodda ta’ tiftix ħafna iktar qawwija, f’termini ta’ portata ta’ tiftix, mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri tal-pjattaformi merkantili, li huma limitati għall-offerti rispettivi tagħhom u għal dawk tal-bejjiegħa biss li jkunu ddeċidew li jafdaw il-prodotti tagħhom kollha jew parti minnhom lill-pjattaforma kummerċjali.

485    L-uniku element konkret imressaq minn Google kontra l-evalwazzjoni li tidher fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li, skont dokument pubbliku ta’ Amazon, prodott bħala Anness A130 mar-rikors, fl-2014 din il-pjattaforma kienet tiġbor fiha, fuq livell dinji, iktar minn żewġ miljun bejjiegħa fuq l-internet li kienu biegħu iktar minn żewġ biljun prodott, ma huwiex biżżejed sabiex jikkontesta din l-evalwazzjoni. Dan effettivament jirrigwarda biss operatur wieħed u ċ-ċifri prodotti huma aggregati fuq livell dinji, li ma jippermettix li ssir evalwazzjoni eventwali fir-rigward ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri attivi f’xi wieħed mit-tlettax-il pajjiż ikkonċernat bid-deċiżjoni kkontestata.

486    L-użu ta’ għodda ta’ tiftix waħda jew oħra, mill-perspettiva tal-utenti tal-internet, jidher għalhekk differenti, peress li l-konsultazzjoni ta’ servizz ta’ tqabbil tax-xiri hija intiża sabiex tinkiseb selezzjoni ta’ offerti ta’ prodotti mis-suq kollu kemm hu, filwaqt li l-konsultazzjoni tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ pjattaforma kummerċjali hija intiża biss sabiex tinkiseb selezzjoni ta’ offerti li toħroġ minn din il-pjattaforma biss, madankollu bil-possibbiltà li tipproċedi immedjatament, minn dik is-selezzjoni, għax-xiri tal-prodott imfittex.

487    Barra minn hekk, fil-premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi l-parir tagħha dwar studju tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Swieq tar-Renju Unit prodott minn Google li enfasizzat li din l-awtorità kienet indikat li, għall-utenti tal-internet, l-użu, ta’ wieħed miż-żewġ tipi ta’ għodda ta’ tiftix ma kienx jeskludi l-użu tal-għodda l-oħra, peress li uħud jistgħu jużaw wieħed u wara l-ieħor matul l-istess tiftix ta’ prodott. L-estratt ta’ dan l-istudju ċċitat fid-deċiżjoni kkontestata juri b’mod ċar li tiftixa ta’ prodott tista’ tibda b’tip wieħed jew l-ieħor minn dawn l-għodda u tiġi rfinata jew ikkompletata bl-ieħor, iżda jindika wkoll li l-konsultazzjoni tal-pjattaforma kummerċjali hija intiża sabiex jinkisbu evalwazzjonijiet dwar il-kwalità ta’ prodott jew ieħor filwaqt li dik tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri hija intiża sabiex jinstab l-aħjar prezz għal prodott fis-suq, u dan jikkonferma użu differenti ta’ kull waħda mill-għodda mill-perspettiva tal-utenti tal-internet. Dan l-istudju għalhekk ma jistax jiġi invokat b’mod validu minn Google sabiex juri li l-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huma interkambjabbli għall-utenti tal-internet.

488    Finalment, għandu jiġi kkunsidrat dak li huwa espost fil-premessa 220(3) tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod iktar iddettaljat fil-premessa 235 tagħha bħala risposta għall-argumenti ta’ Google li jgħid li, fil-maġġoranza tagħhom, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili li kienu s-suġġett ta’ mistoqsijiet mill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva ma jikkunsidrawx ruħhom rispettivament bħala kompetituri diretti, anki jekk Google ġibdet l-attenzjoni għal risposti oħra fis-sens li s-servizzi tagħhom ta’ tqabbil tax-xiri huma sostitwibbli u anki jekk hemm risposti sfumati.

489    F’dan ir-rigward, ir-relazzjoni bejn il-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ma hijiex sempliċi relazzjoni ta’ klijent u fornitur għall-provvista ta’ prodott jew ta’ servizz, li ma teskludix kompetizzjoni downstream, iżda din twassal sabiex is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jġibu għal konjizzjoni tal-utenti tal-internet kollha, ta’ spiss fil-forma pubbliċitarja, l-offerti tal-pjattaformi merkantili. Issa, tali sitwazzjoni mhux probabbli li sseħħ jekk iż-żewġ kategoriji ta’ atturi jkunu kompetituri diretti.

490    Il-konstatazzjoni, abbażi ta’ dawn il-fatturi, li, mill-perspettiva tal-utenti tal-internet, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili jissodisfaw użi differenti u għalhekk huma fi swieq differenti ma tistax tiġi kkontestata mill-pożizzjoni ta’ Google, li inċidentalment tikkontesta l-analiżi li tinsab fil-premessi 221 u 222 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-karatteristiċi tat-talba mill-perspettiva tal-bejjiegħa fuq l-internet, anki jekk tiġi aċċettata. F’dawn il-premessi, il-Kummissjoni tindika elementi li minnhom jista’ jiġi dedott li l-bejjiegħa li jidhru fir-riżultati tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ġeneralment huma bejjiegħa kbar filwaqt li dawk li jidhru fir-riżultati ta’ tqabbil tax-xiri tal-pjattaformi merkantili huma normalment bejjiegħa żgħar jew medji. Issa, anki jekk il-pjattaformi merkantili u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jipproponu ġeneralment offerti li joħorġu mill-istess kategoriji ta’ bejjiegħa, kif issostni Google, dan ma jibdilx il-fatt li l-utenti tal-internet jużaw is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ta’ wieħed jew ta’ ieħor f’perspettiva differenti, kif jirriżulta mill-punti 486 u 487 iktar ’il fuq.

491    Konsegwentement, l-argumenti mressqa minn Google ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li, għall-utenti tal-internet, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri offruti mill-fornituri tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u dawk offruti mill-pjattaformi merkantili ma kienu interkambjabbli wisq u l-kompetizzjoni bejniethom hija insinjifikattiva, jiġifieri ż-żewġ kategoriji ta’ atturi tal-internet ma jipparteċipawx f’dan ir-rigward fl-istess suq ta’ prodotti.

492    Fir-rigward tan-naħa tas-suq li tikkonċerna l-bejjiegħa fuq l-internet, fil-premessi 221 u 222 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet, kif spjegat fil-punt 490 iktar ’il fuq, li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ġeneralment juru l-offerti ta’ bejjiegħa kbar fuq l-internet li riedu jżommu l-kontroll tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, filwaqt li l-pjattaformi merkantili kienu pjuttost juru l-offerti ta’ bejjiegħa żgħar u medji, eventwalment mhux professjonisti, li ma kinux jixtiequ jew ma kinux jistgħu jassumu huma stess il-funzjoni ta’ bejgħ fuq l-internet. Dan essenzjalment juri li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili għandhom klijenteli differenti ħafna u għalhekk huma fi swieq differenti f’dak li jirrigwarda l-bejjiegħa fuq l-internet. Il-Kummissjoni tiġġustifika din id-dikjarazzjoni permezz tar-risposti tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u tal-pjattaformi merkantili għall-mistoqsijiet tagħha, miġbura fil-qosor fil-premessa 223(2) sa (6) tad-deċiżjoni kkontestata.

493    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, u kif, barra minn hekk, ikkonfermat fis-seduta, Google ma tikkontestax l-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-naħa tas-suq li tikkonċerna l-bejjiegħa fuq l-internet, peress li hija ssostni, ċertament b’mod żbaljat, kif ġie espost fil-punti 463 u 474 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kinitx ittrattat f’din in-naħa tas-suq. F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li Google ma tirrepetix l-argument li hija ressqet matul il-proċedura amministrattiva li jgħidu li, sabiex tiżgura ruħha mill-portata tas-suq, il-Kummissjoni messha pproċediet b’test ta’ ipoteżi ta’ żieda ta’ prezz (small but significant and non-transitory increase in price ou SSNIP) mal-bejjiegħa fuq l-internet. L-uniku element li Google tressaq sabiex tikkontesta li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili jipproponu s-servizzi tagħhom lil tipi ta’ bejjiegħa differenti, jiġifieri l-Anness A129 tar-rikors li jinkludi dikjarazzjonijiet ta’ pjattaformi merkantili li jindikaw li huma juru l-lista sħiħa tal-bejjiegħa fuq l-internet, inkluż il-bejjiegħa l-kbar, jirrigwarda, kif indikat preċedentement, id-diskussjoni dwar is-sostitwibbiltà tas-servizzi mill-perspettiva tal-utenti tal-internet. Barra minn hekk, jekk jitqies li dawn id-dikjarazzjonijiet tal-pjattaformi merkantili huma effettivament ivverifikati b’mod ġenerali, huma ma jfissrux neċessarjament li l-bejjiegħa fuq l-internet jaraw lis-servizzi ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u dawk tal-pjattaformi merkantili bħala servizz interkambjabbli. B’mod partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li, billi jintuża xi wieħed minn dawn il-metodi, il-mudelli ta’ bejgħ kienu differenti b’mod sinjifikattiv f’dak li jirrigwarda l-awtonomija kummerċjali tal-bejjiegħ fuq l-internet, li jfisser, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja li ma ġietx prodotta f’dan il-każ, li bejjiegħa jużaw metodu jew ieħor skont il-karatteristiċi jew l-għażliet kummerċjali rispettivi tagħhom u li għalkemm uħud jużaw iż-żewġ mezzi fl-istess ħin, huma jagħmlu dan b’mod kumplimentari sabiex jespandu l-metodu tal-bejgħ tagħhom, preċiżament għaliex qed jużaw żewġ mudelli distinti fl-istess ħin.

494    Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wriet li, għal dawn il-bejjiegħa, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u dawk tal-pjattaformi merkantili wkoll ma kinux interkambjabbli wisq bejniethom u l-kompetizzjoni bejniethom kienet insinjifikattiva.

495    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-delimitazzjoni użata fid-deċiżjoni kkontestata tas-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li fih topera Google għandha tiġi kkunsidrata bħala korretta u huwa fuq din il-premessa li għandu jitkompla l-eżami tat-tieni parti tar-raba’ motiv, filwaqt li madankollu għandu jiġi kkunsidrat li, fit-Taqsima 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet analiżi sussidjarja tal-effetti tal-prattiki inkwistjoni f’każ li dan is-suq kellu jinkludi wkoll il-pjattaformi merkantili.

2)      Fuq lelementi tattieni parti tarraba’ motiv li skonthom ilpressjoni kompetittiva talpjattaformi merkantili kienet fi kwalunkwe każ injorata

i)      Largumenti talpartijiet

496    Google tispeċifika li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-pressjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi żball ta’ liġi. Din il-pressjoni tipprekludi milli jiġi kkonstatat li l-imġiba tagħha jista’ jkollha effett antikompetittiv fis-suq. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni din il-pressjoni, anki fl-analiżi sussidjarja tagħha li fiha l-pjattaformi merkantili huma atturi fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. F’din l-analiżi, il-Kummissjoni fil-fatt eżaminat biss is-“segment” ta’ suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri minħabba li dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri huma l-iktar kompetituri qrib ta’ Google. Anki li kieku dan kien il-każ, dawn il-pjattaformi, li għandhom sehem tas-suq diversi drabi iktar minn dak tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, b’mod partikolari Amazon, ma kellhomx jiġu injorati. Barra minn hekk, fil-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, punti 28 sa 30), il-Kummissjoni tindika li, sabiex jiġu evalwati proġetti ta’ konċentrazzjonijiet orizzontali, għandhom jiġu kkunsidrati s-sorsi kollha ta’ kompetizzjoni, anki jekk ma humiex l-eqreb.

497    Skont Google, il-pożizzjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili bejn l-2011 u l-2016 fit-tlettax-il pajjiż ikkonċernat mil-ksur li l-Kummissjoni qieset li setgħet tidentifika, murija permezz ta’ tabella biċ-ċifri u istogramma fil-punt 349 tar-rikors, tipprekludiha milli żżid il-prezzijiet tagħha b’mod sostenibbli jew li xxekkel l-innovazzjoni.

498    Barra minn hekk, anki meta l-Kummissjoni inkludiet pjattaformi merkantili fl-istudji msemmija fil-punti 388, 405 u 453 iktar ’il fuq sabiex tevalwa l-ishma tat-traffiku tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, inkluż dak ta’ Google kkalkolat b’mod separat, u tal-pjattaformi merkantili, tnejn minn ħames metodi ta’ aġġustament li hija użat, jiġifieri dawk użati għat-tieni studju [metodi msemmija fil-premessa 637(d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata], ma humiex korretti, peress li ħadu inkunsiderazzjoni biss is-sehem tat-traffiku li ġej minn Google rċevut mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u l-pjattaformi merkantili u mhux it-traffiku totali li minnu kienu jibbenefikaw. Il-metodi l-oħra għandhom ukoll difetti. Il-ħames metodi jistabbilixxu b’mod partikolari b’mod żbaljat is-sehem tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, għaliex għal dan il-għan għaddew flimkien il-klikks li saru fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google li jirreferu lejn il-paġna ta’ tiftix speċjalizzat Google Shopping, kif ukoll dawk li jirreferu direttament lejn is-siti tal-bejjiegħa.

499    Madankollu, anki bil-metodu ta’ aġġustament li huwa l-iktar żvantaġġat għal Google, imsemmi fil-premessa 637(a) tad-deċiżjoni kkontestata, is-sehem tas-suq tal-pjattaformi merkantili huwa, għat-tlettax-il pajjiż ikkonċernat, medjament diversi drabi iktar minn dak ta’ Google, disa’ snin wara l-bidu tal-imġiba li l-Kummissjoni qieset li hija abbużiva. Essenzjalment, Google targumenta li, affaċċjata minn sehem ta’ suq daqstant sinjifikattiv bħal dak tal-pjattaformi merkantili, li huma l-iktar kompetituri qrib tagħha, hija ma setax ikollha poter ta’ suq li jippermettilha tadotta mġiba li għandha effetti antikompetittivi. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sehem tas-servizz tagħha ta’ tqabbil tax-xiri kiber filwaqt li dak tal-pjattaformi merkantili baqa’ globalment stabbli, Google ssostni li, f’termini ta’ volum, huma rebħu iktar traffiku u li għadhom igawdu sehem tas-suq kbir.

500    Il-Kummissjoni, u insostenn tagħha, il-BEUC, Foundem, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti ta’ Google.

ii)    Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

501    Prinċipalment, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta llimitat l-eżami tagħha biss għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri sabiex tevalwa l-effetti tal-prattiki ta’ Google fl-analiżi prinċipali tagħha bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-pjattaformi merkantili ma kinux inklużi fis-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Fil-fatt, fi swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri limitati biss għat-tqabbil tax-xiri, li hija s-sitwazzjoni validata mill-Qorti Ġenerali f’dan l-istadju ta’ din il-kawża, effetti antikompetittivi potenzjali identifikati fuq dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, peress li l-pressjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili fuq Google hija, bħala definizzjoni, insinjifikattiva u dan il-grad żgħir ta’ pressjoni kien ittieħed speċifikament inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni tas-suq. Għalhekk, l-argumenti f’dan is-sens għandhom jiġu miċħuda.

502    Għall-kompletezza, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li jiġi eżaminat sa fejn, fl-analiżi sussidjarja li hija wettqet tal-effetti tal-prattiki ta’ Google fil-każ fejn is-suq ta’ prodotti jinkludi mhux biss is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri iżda wkoll il-pjattaformi merkantili, il-Kummissjoni kellha tqis il-pressjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili. F’dan ir-rigward, f’din l-analiżi li tikkorrispondi mat-Taqsima 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li teżamina l-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil u tal-pjattaformi merkantili kif ukoll l-evoluzzjoni tat-traffiku li oriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejhom sabiex tiġi misluta l-konklużjoni dwar l-effetti tal-imġiba ta’ Google, iżda ma eżaminatx sa fejn il-pożizzjoni tas-suq tal-pjattaformi merkantili setgħet teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq Google, jiġifieri tillimita l-libertà ta’ kif iġġib ruħha, ħlief billi tikkonstata impliċitament li din l-eventwali restrizzjoni ma pprekludietx li l-imġiba ta’ Google jkollha effetti fuq is-segment tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

503    Kif ġie espost fil-punti 437 u 438 iktar ’il fuq, fost l-abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbiti mill-Artikolu 102 TFUE hemm b’mod partikolari mġiba li għandhom l-effett, anki jekk biss potenzjali, li jostakolaw iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni eżistenti f’suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punti 174 u 250 sa 254 u l-ġurisprudenza ċċitata).

504    Konsegwentement, anki fil-każ ta’ suq li fih jeżistu diversi kategoriji ta’ kompetituri u anki jekk l-imġiba unilaterali li tirrestrinġi l-kompetizzjoni ta’ impriża dominanti taffettwa biss kategorija waħda mill-kompetituri tagħha f’tali suq li jinkludi kategoriji oħra ta’ kompetituri, din l-imġiba tista’ tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, sakemm jintwera li għandha effetti antikompetittivi, minn tal-inqas potenzjali, li jostakolaw iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq kollu jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 41 sa 45).

505    Kif tfakkar fil-punt 495 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fit-Taqsima 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, wettqet analiżi sussidjarja tal-effetti tal-prattiki ta’ Google fil-każ fejn is-suq ta’ prodotti ma kienx jinkludi biss is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri iżda wkoll il-pjattaformi merkantili. Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 504 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi, f’din il-parti, billi esponiet essenzjalment, fil-premessa 609 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’dan il-każ, effetti antikompetittivi potenzjali setgħu jiġu identifikati anki jekk kienet biss is-segment tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li sofra minn tali effetti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija setgħet tikklassifika, jekk meħtieġ, l-imġiba ta’ Google bħala abbużiva, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti li din tal-aħħar seta’ jkollha mal-pjattaformi merkantili meta mqabbla mas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, jiġifieri mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-pressjoni kompetittiva li l-pjattaformi merkantili setgħu jeżerċitaw, barra minn hekk, fuq Google. Madankollu, kif imfakkar fil-punti 438 u 441 iktar ’il fuq, kien meħtieġ li l-Kummissjoni turi effett antikompetittiv potenzjali suffiċjenti fuq is-suq, peress li fl-assenza ta’ effett ta’ dan it-tip, prattika ta’ esklużjoni abbużiva ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala tali. B’dan il-mod, il-Kummissjoni setgħet, barra minn hekk, turi li l-eventwali pressjoni kompetittiva tal-pjattaformi merkantili ma pprekludietx tali effett.

506    F’dan ir-rigward, mill-ewwel studju msemmi fil-punt 453 iktar ’il fuq, li r-riżultati tiegħu huma ppreżentati fil-premessa 638 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li, jekk jingħażel l-aġġustament li jwassal għall-iktar riżultat baxx, is-sehem tas-suq, fi ħdan suq li jinkludi l-pjattaformi merkantili, tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri (inkluż dak ta’ Google) kien, bejn l-2011 u l-2016, minn tal-inqas ta’ 9 % fir-Renju Unit, ta’ 14 % fil-Ġermanja, ta’ 24 % fi Franza, ta’ 45 % fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ 23 % fl-Italja, ta’ 20 % fi Spanja, ta’ 16 % fl-Awstrija, ta’ 21 % fil-Belġju, ta’ 47 % fir-Repubblika Ċeka, ta’ 39 % fid-Danimarka, ta’ 18 % fin-Norveġja, ta’ 17 % fil-Polonja u ta’ 41 % fl-Isvezja. Billi affettwaw segment tal-kompetizzjoni li jirrappreżenta, fil-punt l-iktar baxx, dawn il-livelli ta’ sehem tas-suq, l-effetti tal-prattiki inkwistjoni, sa fejn ikunu ġew murija, ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati bħala li kienu insinjifikattivi sal-punt li tkun tista’ tiġi kkonstatata l-assenza tal-inqas effett fuq is-sitwazzjoni tal-kompetituri, kif imsemmi fil-punt 438 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 73), jew li kienu tant żgħar li tista’ tiġi eskluża l-possibbiltà tagħhom li jillimitaw il-kompetizzjoni, kif imsemmi fil-punt 439 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C-549/10 P, EU:C:2012:221, punti 41 sa 45, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 139). Iċ-ċifri aggregati rispettivi ta’ Google li jinsabu fit-tabella u fil-istogramma, ippreżentati fil-punt 349 tar-rikors u li jistabbilixxu s-sehem tas-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri (inkluż dak ta’ Google) bejn il-15 % u l-21 %, skont is-sena bejn l-2011 u l-2016, jikkonfermaw din l-analiżi.

507    Fir-rigward tal-argument ta’ Google li, fil-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (punti 28 sa 30), il-Kummissjoni tindika li sabiex jiġu evalwati proġetti ta’ konċentrazzjonijiet orizzontali, għandhom jiġu kkunsidrati s-sorsi kollha ta’ kompetizzjoni, anki jekk ma humiex l-eqreb, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jindika l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), il-kontroll Ewropew ta’ konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Ewropea huwa intiż sabiex jevita sitwazzjonijiet li huma ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni sempliċement minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li jwasslu sabiex kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew parti sostanzjali minnu tkun imfixkla b’mod sinjifikattiv, mingħajr ma jiġi preżunt li impriżi li għandhom jingħaqdu flimkien sejrin jadottaw, barra minn hekk, imġiba abbużiva. Il-kriterji sabiex jiġi evalwat jekk huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tintervjeni billi tipprojbixxi konċentrazzjoni għalhekk huma għalhekk differenti, fid-dawl tal-impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq, minn dawk li japplikaw meta l-Kummissjoni tista’ tikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti u tordna lill-impriża kkonċernata sabiex ittemm l-imġiba inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, T-5/02, EU:T:2002:264, punt 218). Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s-sors ta’ kompetizzjoni li l-pjattaformi merkantili setgħu jirrappreżentaw, kemm fl-ipoteżi prinċipali tagħha li fiha l-pjattaformi merkantili ma jiffurmawx parti mill-istess suq, għaliex jeżerċitaw biss kompetizzjoni insinjifikattiva fir-rigward tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, kif ukoll fl-ipoteżi sussidjarja li fiha huma jiffurmaw parti mill-istess suq.

508    Barra minn hekk, il-kritika metodoloġika ta’ Google li tgħid li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni klikks żejda sabiex tistabbilixxi s-sehem tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, b’mod partikolari meta mqabbla mal-pjattaformi merkantili fl-ipoteżi ta’ suq li jinkludihom, diġà ġiet miċħuda fil-punti 407 sa 410 iktar ’il fuq.

509    Għalhekk hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tar-raba’ motiv ta’ Google, li tgħid li r-rwol tal-pjattaformi merkantili ġie injorat fl-analiżi tal-effetti tal-prattiki inkwistjoni.

e)      Fuq ittielet parti tarraba’ motiv, li tgħid li lKummissjoni ma urietx l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi

1)      Largumenti talpartijiet

510    Fit-tielet parti ta’ dan il-motiv Google ssostni li, anki jekk il-Qorti Ġenerali ma tilqax l-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni naqset milli turi effetti antikompetittivi tal-imġiba li hija kkritikat. F’dan ir-rigward, iċ-CCIA tesponi, filwaqt li tinvoka s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 139), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788), li l-Kummissjoni xorta kienet obbligata li twettaq analiżi ddettaljata sabiex tikkonstata effetti ta’ esklużjoni.

511    Fil-fatt, qabelxejn, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss, sabiex tanalizza l-evoluzzjoni tal-użu mill-utenti tal-internet tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ dak ta’ Google, it-traffiku li dawn kienu jirċievu mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google. Madankollu, is-sorsi kollha tal-użu tagħhom kellhom jiġu kkunsidrati. Il-Kummissjoni illimitat ruħha li tiddikjara, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-traffiku li kien ġej mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google, li huwa affettwat mill-prattiki kkritikati, kien jirrappreżenta parti kbira tat-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, f’xi każijiet in-nofs. F’dan ir-rigward, Google tirreferi għall-premessi 539 u 540 u għat-tabella 24 tad-deċiżjoni kkontestata. Iċ-CCIA tispeċifika li l-Kummissjoni kellha tipprova li t-traffiku affettwat mill-prattiki inkwistjoni jirrappreżenta parti suffiċjentement sinjifikattiva tat-traffiku totali tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri sabiex ikun jinvolvi effett ta’ esklużjoni u li ma setgħetx tillimita ruħha li tirrileva li dan it-traffiku kien sinjifikattiv għal uħud minn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Il-Kummissjoni b’hekk wettqet żball ta’ liġi. Google żżid, minn naħa, li t-traffiku kollu li joriġina mir-riżultati ġeneriċi tagħha fi kwalunkwe każ ma setax ġie affettwat mill-pożizzjonament u mill-preżentazzjoni tal-Product Universals u tax-Shopping Units u, min-naħa l-oħra, li huwa inkoerenti li jiġi indikat fl-istess ħin li parti kbira mill-użu tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kien ġej minn dawn ir-riżultati ġeneriċi u li Google naqqset it-traffiku għad-detriment tagħhom. Filwaqt li tirreferi għall-argumenti tat-tielet motiv tagħha, ibbażati fuq elementi tat-tabella 23 tad-deċiżjoni kkontestata, Google ssostni li fir-realtà l-effett fuq it-traffiku totali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ dak tagħha imputabbli għall-pożizzjonament u għall-preżentazzjoni tal-Product Universals u tax-Shopping Units huwa dgħajjef wisq sabiex iwassal għal effett ta’ esklużjoni.

512    Sussegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul, b’mod partikolari maħluqa minn Google, li jipprekludu lis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri milli jibbenefikaw minn sorsi ta’ traffiku oħra apparti l-muturi ta’ tfittxija ġenerali, bħat-traffiku bi ħlas, it-traffiku dirett jew it-traffiku li ġej minn applikazzjonijiet tat-telefown ċellulari jew riferimenti minn terzi. Il-fatt li l-pjattaformi merkantili jużaw b’mod estensiv tali sorsi jikkonferma n-nuqqas ta’ barrieri għad-dħul. Ix-xhieda ta’ kompetitur ta’ Google li tgħid li “ma huwiex possibbli li jiġi żviluppat servizz ta’ tqabbil tax-xiri mingħajr traffiku li ġej minn mutur ta’ tfittxija ġenerali”, għaliex “il-konsumaturi jibdew it-tiftix tagħhom dejjem fuq mutur ta’ tfittxija ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], imsemmija fil-premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ġietx ivverifikata u hija kontradetta minn studji li juru li l-maġġoranza tal-konsumaturi jibdew it-tiftix ta’ prodott tagħhom fuq il-pjattaformi merkantili u mhux fuq il-mutur ta’ tfittxija ta’ Google. L-istudju mressaq is-sostenn tar-risposta (Anness B18) sempliċement jindika li l-muturi ta’ tfittxija ġenerali huma s-sors ta’ informazzjoni l-iktar sinjifikattiva biex tikseb informazzjoni dwar servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, iżda ma jurix li dawn huma sors indispensabbli ta’ traffiku għal dawn tal-aħħar.

513    Il-Kummissjoni hija żbaljata meta tassimila s-sitwazzjoni f’dan il-każ għal dik li fiha impriża f’pożizzjoni dominanti jkollha element indispensabbli għall-attività ta’ impriżi oħra. Issa, għalkemm huwa għodda attraenti, il-mutur ta’ tfittxija ta’ Google ma huwiex indispensabbli għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. F’dan ir-rigward, Google tirreferi għas-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 43). L-analiżi li tgħid li l-ġestjoni minn Google tal-mutur ta’ tfittxija tagħha tista’ teskludi l-kompetizzjoni ta’ dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri hija għalhekk neċessarjament infondata. Huma proprju dwar il-kompetituri li għandhom jattiraw l-utenti tal-internet permezz ta’ mezzi differenti billi jwettqu investiment adegwati, li, madankollu, f’suq kompetittiv, ma jiżgurawx awtomatikament is-suċċess. Diversi servizzi online, b’mod partikolari servizzi ta’ tqabbil tax-xiri speċjalizzati f’oqsma oħra, bħall-assigurazzjoni jew l-enerġija, wettqu dawn l-investimenti b’suċċess. B’mod partikolari, l-Awtorità tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni tar-Renju Unit enfasizzat, fi studju ta’ Marzu 2017 (Anness C18), li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri investew b’suċċess fil-pubbliċità u l-iżvilupp tat-trade marks u li kienu jagħmlu ħafna pubbliċità, online, fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni. Google bl-ebda mod ma opponiet l-iżvilupp ta’ dawn il-mezzi l-oħra. Id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li l-pubbliċità fil-forma ta’ reklami bil-kliem li jidhru fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google huma għoljin wisq u t-traffiku mill-applikazzjonijiet tat-telefon ċellulari kif ukoll it-traffiku dirett lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri huma dgħajfa, ma jurux li Google ostakolat l-użu ta’ dawn il-mezzi. Il-pjattaformi merkantili u servizzi oħra ta’ tqabbil fuq l-internet għandhom għalhekk ħafna traffiku li ma jiddependix fuq Google. Kuntrarjament għal dak li huwa ddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 715, is-sitwazzjoni għalhekk ma hijiex simili għal dik li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289). F’dik il-kawża ta’ bejgħ abbinat, Microsoft effettivament ħolqot barrieri għad-dħul billi involviet terzi, il-produtturi ta’ kompjuters PC, li permezz tagħhom il-kompetituri tagħha setgħu jikkompetu mal-prodott tagħha Windows Media Player. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-BDZV, Google tidentifika ħames differenzi addizzjonali bejn din il-kawża u dik li wasslet għall-imsemmija sentenza, jiġifieri l-assenza ta’ imġiba li tammonta għal ġegħil min-naħa tagħha, l-assenza ta’ barrieri tekniċi li jistgħu jagħmlu s-servizzi tal-kompetituri inqas effiċjenti, l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet tekniċi għall-imġiba eżaminata mill-Kummissjoni, l-assenza ta’ prova mill-Kummissjoni ta’ effetti antikompetittivi reali u l-obbligu ta’ Google tippermetti li l-kompetituri tagħha jkollhom aċċess għas-servizzi tagħha (Product Universals u Shopping Units) jekk tixtieq iżomm lil dawn tal-aħħar.

514    Kif tenfasizza ċ-CCIA, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ Google li kellhom diffikultajiet kienu effiċjenti daqs Google jew li eżerċitaw pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq il-prezzijiet jew l-innovazzjoni. Tali prova kienet neċessarja, anki jekk l-abbuż allegat ma kienx ta’ natura tariffarja. Dan kien l-approċċ użat fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289). Issa, l-għajbien ta’ kompetituri inqas effiċjenti jew inqas kompetittivi jikkorrispondi għal sitwazzjoni normali ta’ suq, hekk kif dan ġie kkonstatat, b’mod partikolari, fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 134). L-Artikolu 102 TFUE ma huwiex intiż sabiex jipproteġi l-impriżi li ma humiex effiċjenti. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), imsemmija iktar ’il fuq, il-kompetituri esklużi permezz tal-imġiba antikompetittiva, għall-kuntrarju, kienu leaders f’termini ta’ kwalità u innovazzjoni li kienu ġibdu numru kbir ta’ utenti qabel ma ġew affettwati mill-prattiki inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, kif ikkonfermat mid-dikjarazzjonijiet u mill-studju prodotti waqt il-proċedura amministrattiva ta’ din il-kawża, iżda injorati mill-Kummissjoni, is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ Google ma kinux, kif hija esponiet ukoll fil-kuntest tat-tielet motiv, innovattivi wisq u ma adottawx miżuri adegwati sabiex jiġġeneraw traffiku li ġej minn sorsi oħra minbarra Google. Skont iċ-CCIA, fil-premessa 557 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aċċettat li dan kien il-każ ta’ erba’ minn ħames servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li l-ispejjeż tagħhom sabiex jidhru fir-reklami bil-kliem ta’ Google huma murija fil-graff 76. Google tikkritika n-nuqqas ta’ determinazzjoni ta’ dawn il-kompetituri, minkejja li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienu rċevew mingħandha biljuni ta’ talbiet fuq medda ta’ għaxar snin li kellhom jippermettulhom iżommu lill-utenti tal-internet issodisfatti bl-esperjenza tagħhom. B’hekk, skont id-data murija fit-tabella 24 tad-deċiżjoni kkontestata, huma kellhom biss madwar 15 % ta’ traffiku dirett. Bħala paragun, il-pjattaformi merkantili jirċievu l-parti l-kbira tat-traffiku tagħhom minn traffiku dirett, skont id-data tal-fajl tal-proċedura amministrattiva (Anness A147 tar-rikors), u l-parti l-kbira tal-użu tal-paġna ta’ tiftix speċjalizzat Google Shopping kien ġej minn links ta’ navigazzjoni diretta li jinsabu f’tabs ta’ paġni ta’ tiftix u ta’ riżultati ġenerali u mhux minn links ta’ riżultati ta’ tiftix. Barra minn hekk, id-diskussjonijiet mas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni kkontestata urew li ma tantx huma attraenti. Google tressaq argumenti oħra sabiex turi li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu magħha ftit huma effiċjenti u ftit huma apprezzati, u din hija r-raġuni, b’mod partikolari, għaliex huma kklassifikati ’l isfel fir-riżultati ġeneriċi permezz tal-algoritmu tagħha Panda. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni setgħet biss tirreferi b’mod raġonevoli għal żewġ miżuri ta’ titjib fuq il-mutur ta’ tfittxija ta’ wieħed mill-ħames servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li għalihom tirreferi. L-ispjegazzjoni mogħtija minn tlieta minnhom li huma ma setgħux jinnovaw minħabba l-imġiba ta’ Google ma hijiex onesta.

515    Barra minn hekk, Google targumenta li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tispekula fil-premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imġiba li dwarha hija kkritikata ma għandha l-ebda effett fuq l-użu mill-utenti tal-internet tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma dak tagħha. B’hekk, Google tfakkar li t-tneħħija tax-Shopping Units ma tipprovdix lil dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri b’xi parti sinjifikattiva tat-traffiku li ġej mill-mutur ta’ tfittxija tagħha, kif diġà spjegat fil-kuntest tat-tielet motiv.

516    Iċ-CCIA żżid li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li s-swieq ikkonċernati għandhom żewġ naħat u l-mudell ekonomiku li huwa marbut magħhom. F’dan il-mudell, huwa normali li r-reklami bi ħlas u r-riżultati ġeneriċi b’xejn jiġu ttrattati b’mod differenti. Ir-reklami bi ħlas jiffinanzjaw is-servizz ta’ tiftix ġenerali ta’ Google, kif tindika l-Kummissjoni stess fil-premessa 642 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni injorat ukoll il-kundizzjonijiet reali u l-istruttura tas-swieq, kuntrarjament għal dak li kienet tirrikjedi l-ġurisprudenza li rriżultat b’mod partikolari mis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 78). Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-isforz ta’ innovazzjoni ta’ Google, mhux ikkontestat bħala tali u xhieda ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu, li jqajjem tħassib serju għall-industriji innovattivi. Hija lanqas ma kkunsidrat l-assenza ta’ strateġija antikompetittiva min-naħa ta’ Google, li jiddistingwixxi lil dan il-każ mill-kawżi li wasslu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/113/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli [101] u [102 TFUE] (IV/30.979 u 31.394, Decca Navigator System) (ĠU 1989, L 43, p. 27), u għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289).

517    Il-Kummissjoni, u insostenn tagħha, il-BEUC, Foundem, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti ta’ Google.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

518    Għandu jitfakkar li abbuż minn pożizzjoni dominanti jista’ b’mod partikolari jikkorrispondi ma’ imġiba li għandha l-effett li tostakola, permezz ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi abbażi ta’ prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, li jinżamm livell ta’ kompetizzjoni li jeżisti diġà fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif ġie indikat fil-punt 441 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, sabiex tiddeċiedi li kien hemm każ ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Google, il-Kummissjoni kellha turi effetti, minn tal-inqas potenzjali, dovuti għall-imġiba kkritikata ta’ restrizzjoni jew ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-argumenti mressqa minn Google sabiex tikkontesta li l-imġiba tagħha kienet kapaċi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

519    Qabelxejn, kif miġbur fil-qosor fil-punti 445 u 446 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni evalwat il-konsegwenzi materjali tal-prattiki inkwistjoni fuq it-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Fir-rigward tas-swieq nazzjonali ta’ tqabbil tax-xiri meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mill-analiżi tat-tielet motiv ta’ annullament fiż-żewġ partijiet tiegħu mill-Qorti Ġenerali, konkluża fil-punti 395 u 420 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-elementi ta’ evalwazzjoni inkwistjoni jistgħu jiġu aċċettati, jiġifieri tnaqqis tat-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn kważi s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kollha u żieda ta’ dan it-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Imbagħad, il-Kummissjoni evalwat is-sehem tat-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google fi ħdan it-traffiku kollu rċevut mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Sussegwentement, filwaqt li tat diversi raġunijiet, il-Kummissjoni enfasizzat li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri ta’ Google ma setgħux effettivament jissostitwixxu t-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi tagħha b’sorsi oħra. Finalment, kif indikat fil-punti 451 sa 453 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni identifikat effetti antikompetittivi potenzjali f’dawn is-swieq għad-detriment ta’ dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li ġew spjegati fil-qosor f’dawn il-punti. L-argumenti tat-tielet parti tar-raba’ motiv ta’ Google, li jgħidu li fl-opinjoni tagħha, anki jekk il-partijiet l-oħra ta’ dan il-motiv jiġu miċħuda, il-Kummissjoni ma urietx l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi, huma eżaminati wara dan it-tfakkir.

520    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 511 iktar ’il fuq, qabelxejn, ma huwiex eżatt li jiġi sostnut li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss it-traffiku li ġej mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google sabiex tanalizza l-evoluzzjoni tal-użu tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Kif diġà ġie espost fil-punt 447 iktar ’il fuq, fit-Taqsima 7.2.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tabella 24 tindika t-tqassim tas-sorsi ta’ traffiku ta’ tlettax-il servizz ta’ tqabbil tax-xiri fuq medda ta’ erba’ sa sitt snin, b’distinzjoni bejn it-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google, mir-reklami bil-kliem ta’ Google, mit-tiftix dirett u minn sorsi oħra. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet, kif ġie indikat fil-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sehem li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google kien jirrappreżenta “proporzjon kbir tat-traffiku kollu tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif ġie espost fil-punt 448 iktar ’il fuq, minn din it-tabella jirriżulta li l-ishma ta’ traffiku mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google huma pjuttost varjabbli skont is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li jibdew minn ftit iktar minn 20 % (madankollu b’eċċezzjoni ta’ 13 % għal sena) għal iktar minn 80 % u li, għal maġġoranza żgħira fosthom (sebgħa), dawn l-ishma naqsu matul is-snin. Dan it-tnaqqis kien ivarja minn 5 sa madwar 50 %.

521    Kif ġie wkoll indikat fil-punt 448 iktar ’il fuq, Google ma tikkontestax l-elementi konkreti tat-tabella 24 tad-deċiżjoni kkontestata. Lanqas iċ-CCIA ma tikkontestahom. Huwa veru li ċ-CCIA ma kellhiex aċċess, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità, għal verżjoni kompleta tat-tabella. Madankollu, iċ-CCIA tqis, essenzjalment, li kampjun ta’ tlettax-il servizz ta’ tqabbil tax-xiri bħal dak użat sabiex titħejja din it-tabella ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġu misluta kunsiderazzjonijiet ġenerali. Madankollu, la Google u lanqas iċ-CCIA ma ressqu oġġezzjonijiet oħra metodoloġiċi jew data oħra li tista’ tindika li t-traffiku li joriġina mir-riżultati ġenerali ta’ Google ma huwiex sors ta’ traffiku sostanzjali għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ dak ta’Google, sabiex jargumentaw kontra l-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-traffiku mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google kien jirrappreżenta “proporzjon kbir tat-traffiku kollu tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri”. Għandu jiġi osservat ukoll li t-tabella 24 hija, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 657 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-riżultat ta’ talbiet għal informazzjoni mibgħuta lil tmintax-il servizz ta’ tqabbil tax-xiri li għandhom l-ogħla traffiku fiż-ŻEE u, għar-Renju Unit, dawk bl-ogħla traffiku li ġej minn Google, li t-tlettax-il servizz ta’ tqabbil tax-xiri li rrispondew, ipprovdew d-data tad-diversi siti internet nazzjonali tagħhom u li r-riżultati ġew kkumpilati mill-konsulenti ta’ Google stess.

522    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-prinċipji dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova bejn il-Kummissjoni u l-impriżi mfakkra fil-punti 132 sa 134 iktar ’il fuq, in-natura probatorja tat-tabella 24 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-valur rappreżentattiv tagħha, u n-natura probatorja tal-konklużjoni li l-Kummissjoni siltiet minnha fuq il-proporzjon kbir tat-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google meta mqabbel mas-sorsi tat-traffiku l-oħra tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għandhom jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti.

523    Għandu jiġi osservat ukoll li l-Kummissjoni ddedikat argumenti sostanzjali, fit-Taqsima 7.2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, relatati mal-fatt li dawn is-sorsi l-oħra ma setgħux effettivament jissostitwixxu t-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google. Il-Kummissjoni għalhekk ipproċediet għal analiżi li tipprevedi li l-effetti materjali tal-imġiba ta’ Google fuq it-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, li jikkonsistu fi tnaqqis ta’ dan it-traffiku, ma setgħux jiġu kkumpensati minn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Tali analiżi, wara dik li wasslet għall-konklużjoni li dan it-traffiku jirrappreżenta proporzjon kbir tat-traffiku kollu ta’ dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, tista’ turi effetti li potenzjalment jirrestrinġi l-kompetizzjoni, li jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti, kif tfakkar fil-punt 438 iktar ’il fuq. Kuntrarjament għal dak li targumenta ċ-CCIA, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li turi l-eżistenza ta’ effett ta’ esklużjoni, jiġifieri li l-imġiba ta’ Google kellha twassal għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni kollha jew, minn tal-inqas, li kienet intiża sabiex tipprekludi lill-utenti tal-internet jew lill-bejjiegħa fuq l-internet milli jużaw is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, T‑155/06, EU:T:2010:370, punti 210 u 211).

524    Kuntrarjament għal dak li targumenta Google (ara l-punt 511 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni għalhekk tabilħaqq ikkunsidrat is-sorsi ta’ traffiku tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri alternattivi għar-riżultati ġeneriċi ta’ Google, filwaqt li kkunsidrat li dawn is-sorsi l-oħra ma setgħux jikkumpensaw għall-effetti tal-imġiba li dwarha hija kkritikat lil Google.

525    Sussegwentement, fir-rigward ta’ argumenti oħra li huma wkoll miġbura fil-qosor fil-punt 511 iktar ’il fuq, kif indikat fil-punti 368 sa 376 iktar ’il fuq, Google ma tistax tillimita l-impatt, fuq is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, tal-prattiki li dwarhom ġiet ikkritikata, biss għall-effetti tad-dehra tal-Product Universals u tax-Shopping Units fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi, li għandhom tendenza li jikklassifikaw ħażin is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri u li jipproduċu huma stess effetti, huma wkoll parti mill-prattiki miġbura flimkien li dwarhom hija kkritikata Google. Għalhekk, l-evalwazzjoni li l-impatt ta’ dawn il-prattiki ta’ Google kien jammonta għal 5 % tat-traffiku totali ta’ dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, li tirriżulta mill-esperiment ablattiv, ma tistax tiġi aċċettata, kif diġà ġie espost fil-punt 375 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif diġà ġie espost u mfakkar fil-punti 448 u 520 iktar ’il fuq, is-sehem tat-traffiku totali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ Google affettwat bl-imġiba ta’ din tal-aħħar huwa sinjifikattiv, u jibda minn ftit iktar minn 20 % sa iktar minn 80 % għall-kampjun li ppermetta li tiġi stabbilita t-tabella 24 tad-deċiżjoni kkontestata. L-argument simili rrappurtat fil-punt 515 iktar ’il fuq li jgħid li l-imġiba li dwarha l-Kummissjoni kkritikat lil Google ma kellha l-ebda effett fuq l-użu mill-utenti tal-internet tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għandu wkoll jiġi miċħud minħabba dan il-fatt, peress li jinjora l-effett tal-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi u l-proporzjon kbir tal-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri permezz tal-paġni ta’ tiftix u tar-riżultati ta’ Google.

526    Finalment, fir-rigward ta’ argument ieħor ta’ Google espost fil-punt 511 iktar ’il fuq, bħala prinċipju, ma huwiex inkoerenti li jiġi identifikat tnaqqis sinjifikattivi tat-traffiku mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri filwaqt li jiġi indikat li dan it-traffiku jirrappreżenta proporzjon kbir tat-traffiku totali ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ referenza li għandha tiġi kkunsidrata għat-tieni aspett tikkorrispondi loġikament għas-sitwazzjoni inizjali fil-bidu tal-perijodi li matulhom ġie identifikat il-ksur u l-evoluzzjoni li għandha tiġi kkunsidrata għall-ewwel aspett għandha loġikament tirrelata ma’ dawn il-perijodi kollha. B’hekk, it-tabella 24 tad-deċiżjoni kkontestata, redatta abbażi tar-risposti ta’ kampjun ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri sabiex jiġi evalwat is-sehem tad-diversi sorsi ta’ traffiku ta’ dawn tal-aħħar, turi li, għall-maġġoranza tat-tlettax-il servizz ta’ tqabbil tax-xiri li d-data tagħhom kienu s-suġġett ta’ din it-tabella, it-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google kien sostanzjali, fil-bidu tal-perijodu li jirrigwarda kull wieħed minnhom u naqas progressivament, b’mod sinjifikattiv, matul dan il-perijodu.

527    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-motivi u tal-argumenti mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod korrett, li l-prattiki inkwistjoni ta’ Google kellhom effetti materjali sinjifikattivi fuq it-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, li wasslu għal tnaqqis ta’ dan it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u għal żieda lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha (ara l-punt 420 iktar ’il fuq), li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri affettwati minn dawn il-prattiki kienu rrappreżentaw, minn tal-inqas, f’xenarju alternattiv ta’ suq li jinkludi l-pjattaformi merkantili, sehem kunsiderevoli ta’ dan is-suq fit-tlettax-il pajjiż ikkonċernat (ara l-punt 506 iktar ’il fuq) u li t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google kien jirrappreżenta porzjon kbir tat-traffiku totali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri ta’ Google (ara l-punti 520 sa 526 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħlief jekk l-argumenti sussegwenti ta’ Google u taċ-CCIA, eżaminati fil-punti 528 sa 543 iktar ’il quddiem, jintlaqgħu, jidher li l-Kummissjoni uriet li l-prattiki inkwistjoni affettwaw b’mod suffiċjenti l-kompetituri ta’ Google jew, minn tal-inqas, is-sitwazzjoni ta’ kategorija sinjifikattiva ta’ kompetituri ta’ Google sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi li jifformaw parti minn abbuż minn pożizzjoni dominanti.

528    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 512 u 513 iktar ’il fuq, li jgħidu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul li jipprekludu lis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri milli jibbenefikaw minn sorsi ta’ traffiku alternattivi għat-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għall-evalwazzjoni ta’ kompetitur ta’ Google, irrappurtata fil-premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali barrieri. Kif diġà ġie enfasizzat, il-Kummissjoni ddedikat argumenti sostanzjali, fit-Taqsima 7.2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, relatati mal-fatt li dawn is-sorsi l-oħra ma setgħux effettivament jissostitwixxu t-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google. L-evalwazzjoni rrappurtata fil-premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata hija biss waħda minn dawn l-elementi mressqa f’dan ir-rigward.

529    B’hekk il-Kummissjoni l-ewweleżaminat is-sostitwibbiltà tal-pubbliċità taħt il-forma ta’ reklami bil-kliem fil-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google (AdWords) mat-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ din tal-aħħar (premessi 543 sa 567 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li rrikonoxxiet, abbażi tad-data tat-tabella 24, li ċerti servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kienu jirċievu iktar minn 30 % tat-traffiku tagħhom minn dawn ir-reklami, il-Kummissjoni madankollu pproduċiet diversi provi sabiex turi li r-riżultati ġeneriċi kienu iktar popolari mal-utenti tal-internet. B’mod partikolari, hija ppreżentat sensiela ta’ graffs fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tlettax-il pajjiż li fih hija identifikat abbuż ta’ Google, filwaqt li qabblet, abbażi ta’ data li rriżultat mill-esperiment ablattiv, il-click-through rates tal-links ġeneriċi u ta’ links ta’ reklami bil-kliem skont il-pożizzjonament tagħhom (graffs 59 sa 71). Minn dan jirriżulta li r-riżultati ġeneriċi huma, b’mod ġenerali, ippreferuti. Il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li ċerti servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kkunsidraw li ż-żewġ sorsi ta’ traffiku kienu pjuttost kumplimentari, fis-sens li l-pubbliku li kien juża wieħed jew l-ieħor huwa differenti, u li għalhekk, wieħed ma jistax jissostitwixxi lill-ieħor. Bħala risposta għal argument ta’ Google li iktar minn mitt servizz ta’ tqabbil tax-xiri kellhom żieda fit-traffiku tagħhom minħabba r-reklami bil-kliem pjuttost milli mir-riżultati ġeneriċi, il-Kummissjoni kkritikat il-kampjun użat minn Google u argumentat, abbażi wkoll tad-data li rriżultat mill-esperiment ablattiv, li bħala medja, għat-tlettax-il pajjiż inkwistjoni, it-traffiku tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri mir-reklami bil-kliem kien ta’ madwar kwart tat-total u li dan it-traffiku nnifsu sofra bħala riżultat tad-dehra tax-Shopping Units (tnaqqis minn 16 sa 30 % skont il-pajjiż). Hija uriet din id-dikjarazzjoni permezz tal-graffs 72 sa 75 u tat-tabella 26. Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li, anki jekk is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li jikkompetu ma’ Google setgħu jikkumpensaw b’mod provviżorju għat-telf ta’ traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi tagħha bi traffiku mir-reklami bil-kliem fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, din ma hijiex soluzzjoni ekonomikament vijabbli għalihom fuq perijodu twil. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet, b’mod partikolari, li l-ispejjeż biex jintużaw reklami bil-kliem kienu tal-inqas id-doppju tal-ispejjeż tal-ottimizzazzjoni sabiex jidhru fir-riżultati ġeneriċi, għal livell ta’ effikaċja f’termini ta’ rata ta’ konverżjoni ta’ frekwentazzjoni fis-siti tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri għal frekwentazzjoni sussegwenti fis-siti tal-bejjiegħa li ma kienx jiġġustifika din id-differenza tal-ispejjeż. Inċidentalment, il-Kummissjoni enfasizzat li Google ma assumietx tali spejjeż għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għax-xhieda ta’ Kelkoo li tgħid li d-dħul iġġenerat mid-dehra tagħha fir-riżultati ġeneriċi kien ikbar bi kważi 20 % minn dak iġġenerat mid-dehra tagħha fir-reklami bil-kliem. B’mod ġenerali, id-dħul mir-reklami bil-kliem ma jkoprix l-ispejjeż tagħhom.

530    Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat is-sostitwibbiltà tal-applikazzjonijiet bit-telefowns ċellulari għat-traffiku mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google (premessi 568 sa 579 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ressqet, b’mod partikolari, diversi elementi. Skont il-Kummissjoni, id-download ta’ applikazzjonijiet għal telefowns ċellulari jirrikjedi li jkun hemm diġà għarfien qawwi tat-trade mark u għandu jiġi nnotata immedjatament, b’mod partikolari meta tiġi osservata d-data fit-tabella 24, li dawn l-applikazzjonijiet jirrappreżentaw b’mod ġenerali, bit-traffiku dirett, inqas minn 20 % tat-traffiku totali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, anki jekk, għal ċerti servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, dan is-sehem jista’ jkun ikbar. Għal kampjun ta’ madwar għaxar servizzi ta’ tqabbil tax-xiri li pprovdew data matul il-proċedura amministrattiva, is-sehem tat-traffiku li ġej minn applikazzjonijiet għal telefowns ċellulari kien biss ta’ bejn 5 u 6 %. Diversi servizzi ta’ tqabbil tax-xiri indikaw li l-implimentazzjoni ta’ dan il-mezz ma żiditx b’mod sinjifikattiv il-frekwentazzjoni tas-sit internet tagħhom.

531    Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat is-sostitwibbiltà tat-traffiku dirett mat-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google (premessi 580 sa 583 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni enfasizzat is-sehem dgħajjef ta’ dan it-traffiku, filwaqt li fakkret li Google stmatu għal 5 % għall-paġna ta’ riżultati speċjalizzata Google Shopping. F’dan ir-rigward għandu jiġi speċifikat li l-links ta’ navigazzjoni diretta li jieħdu l-maġġoranza tat-traffiku tagħha lejn Google Shopping imsemmija minn Google fl-argument tagħha miġbur fil-qosor fil-punt 514 iktar ’il fuq ma humiex parti mit-traffiku dirett lejn Google Shopping, peress li huma inklużi f’tabs li jidhru fil-paġni ta’ tiftix u ta’ riżultati ġenerali ta’ Google. Il-Kummissjoni esponiet ukoll li żewġ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri indikaw, essenzjalment, li l-kampanja pubbliċitarja mhux fuq l-internet li huma nedew sabiex jiżdied it-traffiku dirett ma kinitx biżżejjed sabiex tikkumpensa għat-telf ta’ traffiku li ġej mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google. Bħal fil-każ tal-applikazzjonijiet għat-telefowns ċellulari, iż-żieda tat-traffiku dirett kienet teħtieġ li tinbena trade mark b’saħħitha minn qabel, li kienet tiswa wisq għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

532    Finalment, il-Kummissjoni eżaminat is-sostitwibbiltà ta’ sorsi oħra ta’ traffiku mat-traffiku li joriġina minn riżultati ġeneriċi ta’ Google (premessi 584 sa 588 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rreferiet għas-soluzzjonijiet ta’ sħubija ma’ siti internet terzi, ittri ta’ informazzjoni, networks soċjali u muturi ta’ tfittxija ġenerali kompetituri ta’ Google. Skont il-Kummissjoni, dawn is-soluzzjonijiet jew u jiswew ħafna jew huma ineffiċjenti.

533    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk semmiet diversi raġunijiet li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul li jipprekludu lis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri milli jibbenefikaw minn sorsi ta’ traffiku alternattivi għat-traffiku li joriġina mir-riżultati ġeneriċi ta’ Google u hija b’mod partikolari ineżatta meta tindika li ma identifikat l-ebda ostakolu inerenti għal dawn is-sorsi li jipprekludi lis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri milli jattiraw it-traffiku permezz tagħhom.

534    Madankollu, fir-rikors, Google tikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni użata mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward u tressaq, qabelxejn, għal dan il-għan, l-argument li l-eżistenza ta’ dawn il-barrieri hija kontradetta mill-fatt li l-pjattaformi merkantili jużaw tali sorsi alternattivi ta’ traffiku (punt 365, li jirreferi għall-punti 320 sa 324). Madankollu, dan l-argument huwa sostnut biss b’elementi ġenerali intiżi sabiex juru li l-utenti tal-internet spiss jużaw il-pjattaformi merkantili sabiex jibdew it-tiftix għal prodotti tagħhom, li jissuġġerixxi li l-utenti tal-internet jilħquhom mingħajr ma jagħmlu tiftix minn qabel. Madankollu, dak li jista’ jkun veru għal dan it-tip ta’ attur, ġeneralment magħruf ħafna, mhux neċessarjament japplika għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

535    Sussegwentement, fir-replika, Google tissottometti l-istudju tal-Awtorità tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni tar-Renju Unit, prodott fl-Anness C18, li juri li s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri fuq l-internet jinvestu b’suċċess fil-pubbliċità u fl-iżvilupp tat-trade marks u jagħmlu ħafna reklami fuq mezzi tal-midja differenti. Madankollu, il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta teċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan l-istudju billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li l-provi u l-offerti ta’ provi għandhom ikunu prodotti jew proposti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti, ħlief jekk id-dewmien fil-produzzjoni tagħhom ikun iġġustifikat. Fil-fatt, Google ma tat l-ebda spjegazzjoni li tista’ tiġġustifika l-produzzjoni tardiva ta’ dan l-istudju minkejja li kien ġie invokat minnha stess bħala risposta għall-“ittra dwar il-fatti” tal-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva, kif jirriżulta mill-punt 282 tal-Anness A7 tar-rikors.

536    Fir-rigward tal-konklużjoni globali li Google tislet minn dan l-istudju u minn studji oħra, li servizzi oħra online, b’mod partikolari servizzi ta’ tqabbil tax-xiri speċjalizzati f’diversi oqsma, jużaw b’suċċess is-sorsi alternattivi ta’ traffiku, din hija ġenerali wisq u bbażata fuq l-osservazzjoni ta’ swieq oħra u ma tippermettix b’hekk li tiġi kkontestata l-analiżi ddettaljata tal-Kummissjoni segwita fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

537    Google tesponi wkoll, essenzjalment, li jekk jitqies li huwa diffiċli li s-sorsi alternattivi ta’ traffiku jiġu implimentati għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, dan ma huwiex responsabbiltà tagħha. Madankollu, il-kwistjoni ma hijiex jekk Google hijiex responsabbli għal barrieri għad-dħul għas-sorsi ta’ traffiku li jirrappreżentaw alternattivi għat-traffiku mir-riżultati ġeneriċi tagħha, iżda jekk dawn il-barrieri jeżistux. L-analiżi tal-Kummissjoni segwita fid-deċiżjoni kkontestata hija, fil-fatt, li Google stabbilixxiet barrieri għad-dħul fir-rigward tas-sors tat-traffiku ġġenerat mir-riżultati ġeneriċi tagħha u li fuqu tista’ teżerċita kontroll u li dan is-sors ma jistax effettivament jiġi ssostitwit minn sorsi oħra li, min-naħa tagħhom, huma affettwati minn barrieri għad-dħul oħra f’dak li jirrigwarda s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li, b’mod differenti mis-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), Google ma stabbilixxietx barrieri għad-dħul f’dak li jirrigwarda s-sorsi ta’ traffiku alternattivi għat-traffiku mir-riżultati ġeneriċi tagħha, ma jikkontestax b’mod utli l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ tali barrieri, li jikkontribwixxu għall-effett antikompetittiv tal-imġiba ta’ Google.

538    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 514 iktar ’il fuq, li jgħidu li l-Kummissjoni naqset milli turi li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li ltaqgħu ma diffikultajiet kienu effettivi daqs Google, minkejja li fil-fatt ma humiex, il-Kummissjoni hija korretta li ssostni li hija ma kellhiex turi dan. Fil-fatt, l-użu tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv huwa ġġustifikat fil-każ ta’ prattiki tariffarji (prezzijiet predatorji jew kompressjoni tal-marġni, pereżempju), sabiex, essenzjalment, jiġi evalwat jekk kompetitur effettiv daqs l-impriża dominanti akkużata b’dawn il-prattiki tariffarji u li tapplika, sabiex ma tkunx eskluża immedjatament mis-suq, l-istess prezzijiet lill-klijenti tagħha bħal dawk mitluba minn din l-impriża, ikollha tagħmel dan b’telf u tenfasizza dan it-telf, li jwassalha sabiex titlaq mis-suq fuq perijodu fit-tul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:651, punti 53 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, il-prattiki li dwarhom hija kkritikata Google ma humiex ta’ natura tariffarja.

539    Barra minn hekk, bħala prinċipju, il-“kompetitur daqstant effettiv” huwa kompetitur ipotetiku, li għalhekk huwa preżunt li japplika l-istess prezzijiet għall-klijenti tiegħu bħall-impriża dominanti, iżda fl-istess ħin huwa affaċċjat bl-istess spejjeż li l-impriża dominanti għandha jew tgħaddi lill-kompetituri tagħha jekk hija tbiegħilhom input għall-prodott finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 40 sa 44). L-użu tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv huwa intiż sabiex juri li anki kompetitur daqstant effettiv bħall-impriża awtur tal-prattika tariffarja inkwistjoni ma jistax jirreżistiha fuq perijodu twil billi jadotta l-istess prezzijiet, peress li ma jkunx jista’ jistrieħ fuq il-poter li tagħti l-pożizzjoni dominanti. Dan il-kompetitur għalhekk ma huwiex, bħala prinċipju, kompetitur reali li l-effiċjenza tiegħu tista’ tiġi evalwata, kif Google tallega li tagħmel fir-rigward tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri l-oħra. L-użu ta’ dan il-kriterju, li jikkonsisti fi tqabbil tal-prezzijiet u tal-ispejjeż, għalhekk ma kienx jagħmel sens, peress li l-problema ta’ kompetizzjoni identifikata ma kinitx waħda ta’ prezz.

540    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li huwa possibbli li awtorità ta’ kompetizzjoni bħall-Kummissjoni tqabbel l-effiċjenza reali ta’ diversi impriżi billi tevalwa fil-fond il-parametri differenti tal-attività tagħhom, tali eżerċizzju jista’ jagħti riżultati oġġettivi biss jekk, speċifikament, ma jkunx hemm distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni minn imġiba antikompetittiva. Konsegwentement, tali eżerċizzju ma jistax fih innifsu jservi sabiex jistabbilixxi li tali mġiba ġiet stabbilita.

541    Minn dan jirriżulta li f’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 441 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha turi biss effetti potenzjali ta’ eliminazzjoni jew ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni dovuti għall-prattiki inkwistjoni, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk fil-qasam ta’ tqabbil tax-xiri Google kinitx “iktar effettiva” mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri l-oħra, li huwa preċiżament impossibbli li jkun magħruf meta l-prattiki jistgħu jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni.

542    Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-argumenti taċ-CCIA miġbura fil-qosor fil-punt 516 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, peress li jirrigwardaw l-interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-karatteristiċi ta’ swieq b’żewġ uċuh tal-internet u tal-mudell ekonomiku tagħhom, tal-isforz ta’ innovazzjoni li wassal lil Google sabiex tadotta l-imġiba tagħha u l-assenza ta’ strateġija antikompetittiva ta’ din tal-aħħar, dawn l-argumenti ma humiex kritika tal-analiżi tal-effetti tal-prattiki inkwistjoni, iżda kritika tal-analiżi tan-natura antikompetittiva, jew le, ta’ dawn il-prattiki. Għalhekk dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi inkwantu huma mressqa insostenn tal-motiv taċ-CCIA intiż sabiex jistabbilixxi li “id-deċiżjoni ma turix li l-imġiba setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi”.

543    Konsegwentement, fid-dawl tal-konklużjoni intermedja esposta fil-punt 527 iktar ’il fuq u taċ-ċaħda tal-argumenti l-oħra ta’ Google u taċ-CCIA, hemm lok li tiġi miċħuda t-tielet parti tar-raba’ motiv ta’ Google, li tgħid li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi dovuti għall-prattiki inkwistjoni fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

4.      Fuq ittielet parti talewwel motiv u ttielet parti tattieni motiv, ibbażati fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi

a)      Fuq ilġustifikazzjonijiet ta’ Google firrigward taddehra talProduct Universals (ittielet parti talewwel motiv)

1)      Largumenti talpartijiet

544    Google ssostni li, waqt il-proċedura amministrattiva, hija uriet li tejbet il-kwalità tas-servizz tagħha propost lill-utenti billi wriet il-Product Universals bil-mod li wrietu. Din tammonta għal ġustifikazzjoni favur il-kompetizzjoni għall-imġiba tagħha.

545    Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li riżultati speċjalizzati għal prodotti jintwerew miġbura fi grupp fil-paġni tar-riżultati ġenerali. Il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tqis li Google kellha turi r-riżultati speċjalizzati għal prodotti tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri bl-“istess proċessi u metodi sottostanti” użati għal tagħha, mingħajr ma tieħu pożizzjoni dwar il-ġustifikazzjonijiet favur il-kompetizzjoni sostnuta minn Google waqt il-proċedura amministrattiva, u lanqas ma tweżinhom mal-effetti negattivi li hija setgħet tidentifika. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tirribattix il-ġustifikazzjonijiet ipprovduti minn Google tal-prattiki tagħha u ma tippruvax tindirizza l-ispjegazzjonijiet tagħha jew tipproċedi għall-eżerċizzju ta’ bbilanċjar mitlub mill-ġurisprudenza.

546    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tesponix kif Google tista’ turi r-riżultati speċjalizzati għal prodotti tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri bl-“istess proċessi u metodi sottostanti” bħal dawk użati għal tagħha, meta Google spjegatilha li dan kien impossibbli. F’dan ir-rigward, Google tfakkar li ma kinitx taf il-metodi li bihom kienu jintgħażlu r-riżultati tal-kompetituri tagħha, u għalhekk ma kienx possibbli li dawn ir-riżultati jiġu evalwati fil-konfront ta’ oħrajn proposti minn servizzi ta’ tqabbil tax-xiri differenti. Hija ssostni wkoll li ma setgħetx tantiċipa jew tikseb f’termini suffiċjentement qosra r-risposti għal tiftixa konkreta minn utent tal-internet u finalment, li ma setgħetx tapplika l-mekkaniżmi tagħha ta’ kontroll ta’ kwalità għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Il-Kummissjoni ma rribattietx dawn l-ispjegazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, iżda kompliet titlob lil Google turi r-riżultati bl-istess proċessi u metodi sottostanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kellha tkun il-Kummissjoni li turi kif Google kellha tipproċedi, permezz ta’ soluzzjonijiet realistiċi u fattibbli, ħaġa li ma għamlitx. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ħasbet li identifikat, fil-proposti magħmula minn Google waqt id-diskussjonijiet sabiex tingħalaq il-proċedura permezz ta’ deċiżjoni li taċċetta ċerti impenji u fir-riflessjonijiet interni ta’ Google, il-prova tal-possibbiltà ta’ tali turija. Fil-fatt, il-proposti maħsuba ma kinux jikkonsistu fil-klassifikazzjoni tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google skont l-istess proċessi u metodi sottostanti bħal dawk użati għar-riżultati speċjalizzati rispettivi tagħha ta’ tiftix għal prodotti.

547    Google ssostni, fir-replika, li hija ma setgħetx, għal raġunijiet tekniċi, turi r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-Product Universals mingħajr ma tikkawża dannu għall-kwalità tar-riżultati ta’ tiftix tagħha, kif spjegat matul il-proċedura amministrattiva, iżda mingħajr ma dan ġie kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata. Il-ġustifikazzjonijiet ippreżentati minn Google matul il-proċedura amministrattiva kienu, kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni, indirizzaw b’mod sħiħ l-allegat abbuż.

548    Iċ-CCIA  tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata tiddedika biss tliet paġni għall-ġustifikazzjonijiet oġġettivi ta’ Google u premessa waħda sabiex teżamina jekk il-miżura korrettiva mitluba min-naħa ta’ Google hijiex teknikament possibbli.

549    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

550    Il-BDZV, insostenn tal-Kummissjoni, tindika li ma kellhiex tkun il-Kummissjoni li timponi soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi sabiex jintemm l-abbuż ikkonstatat.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

551    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li impriża li għandha pożizzjoni dominanti tista’ tiġġustifika mġiba li tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 102 TFUE billi tistabbilixxi jew li l-imġiba tagħha hija oġġettivament neċessarja minn perspettiva teknika jew kummerċjali, jew li l-effett ta’ esklużjoni li twassal għalih jista’ jiġi kkumpensat, jew anki jiġi ssuperat, permezz ta’ vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnha jgawdu wkoll il-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

552    In-neċessità oġġettiva tista’ tirriżulta minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali leġittimi, pereżempju bħala protezzjoni kontra kompetizzjoni żleali jew sabiex jiġu kkunsidrati negozjati mal-klijenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punti 184 sa 187, u tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 90), iżda wkoll minn ġustifikazzjonijiet tekniċi, pereżempju marbuta maż-żamma tal-prestazzjonijiet tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni jew it-titjib ta’ dawn il-prestazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 1146 u 1159).

553    F’dak li jikkonċerna t-titjib fl-effiċjenza, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha turi li ż-żieda fl-effiċjenza li tista’ tirriżulta mill-imġiba inkwistjoni tinnewtralizza l-effetti dannużi probabbli fuq il-kompetizzjoni u fuq l-interessi tal-konsumaturi fis-swieq affettwati, li din iż-żieda fl-effiċjenza kienet jew tista’ titwettaq permezz ta’ din l-imġiba, li din tal-aħħar hija indispensabbli għat-twettiq tagħha u li ma teliminax kompetizzjoni effettiva billi tneħħi totalment jew il-parti l-kbira tas-sorsi eżistenti tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 42), li għalhekk tipprekludi lill-imsemmija impriża milli sempliċement tressaq argumenti vagi, ġenerali u teoretiċi fuq dan il-punt jew tinvoka esklużivament interessi kummerċjali tagħha (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

554    Anki jekk l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE jinsab fuq il-Kummissjoni, madankollu hija l-impriża dominanti kkonċernata, u mhux il-Kummissjoni, li għandha, jekk ikun il-każ, issostni eventwali ġustifikazzjoni u tressaq, f’dan ir-rigward, argumenti u provi. Imbagħad, hija l-Kummissjoni, jekk ikollha l-intenzjoni li tikkonkludi li jeżisti abbuż minn pożizzjoni dominanti, li għandha turi li l-argumenti u l-provi invokati mill-imsemmija impriża ma jistgħux jipprevalu u, għaldaqstant, li l-ġustifikazzjoni ppreżentata ma tistax tiġi aċċettata (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 1144).

555    Essenzjalment, Google tiddikjara, minn naħa, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tirribattix il-ġustifikazzjonijiet tal-prattiki tagħha li hija tat matul il-proċedura amministrattiva u ma tipprovax tindirizza l-ispjegazzjonijiet tagħha jew tipproċedi sabiex twettaq l-eżerċizzju ta’ ibbilanċjar mitlub mill-ġurisprudenza u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma tispjegax kif Google tista’ turi r-riżultati speċjalizzati ta’ tiftix għal prodotti tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri skont l-istess proċessi u metodi sottostanti bħal dawk użati għal tagħha, minkejja li huwa teknikament impossibbli li jsir dan.

556    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk teżamina jekk il-provi prodotti minn Google humiex, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni, tali li jikkostitwixxu ġustifikazzjonijiet għal din l-imġiba, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 551 sa 553 iktar ’il fuq.

557    Fit-Taqsima 7.5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-elementi prodotti minn Google matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi u tat-titjib fl-effiċjenza. Kif ġie spjegat fil-premessi 655 sa 659 tad-deċiżjoni kkontestata, preżentazzjoni li ma ġietx ikkontestata minn Google fir-rikors, din tal-aħħar essenzjalment ressqet diversi argumenti. Fl-ewwel lok, hija sostniet li l-mekkaniżmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi kellhom benefiċċju favur il-kompetizzjoni peress li kienu jżommu l-kwalità ta’ dawn ir-riżultati. Fit-tieni lok, hija sostniet li l-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tal-Product Universals, l-istess bħall-mekkaniżmi ta’ produzzjoni tagħhom, kellhom benefiċċju favur il-kompetizzjoni billi jiżguraw l-ogħla kwalità għas-servizz ta’ tiftix tagħha għall-utenti tal-internet u għall-bejjiegħa fuq l-internet. Fit-tielet lok, hija sostniet li, li kieku kellha tippożizzjona u tippreżenta r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri bl-istess mod bħal dawk tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, dan inaqqas il-kompetizzjoni, għaliex, minn naħa, huwa l-pern tal-kompetizzjoni u tal-aspettattivi tal-utenti tal-internet li kull servizz ta’ tiftix jippreżenta r-riżultati tiegħu stess u, min-naħa l-oħra, dan inaqqas il-possibbiltajiet tagħha li tikkonverti fi flus l-ispazju fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Fir-raba’ lok, hija semmiet li ma setgħetx, minn perspettiva teknika, tikklassifika r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri flimkien ma’ tagħha b’mod koerenti u li, barra minn hekk, jekk tagħmel dan tkun qed tibdilhom f’riżultati għal prodotti tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. Fil-ħames lok, matul il-proċedura amministrattiva, Google ressqet argument ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha, iżda fir-rikors ma tikkontestax ir-risposta dwar dan il-punt li tat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

558    L-ewwel tliet argumenti ta’ Google miġbura fil-qosor fil-punt 557 iktar ’il fuq jikkonsistu, kif ippreżentati fir-rikors, f’enfasi dwar il-karatteristiċi favur il-kompetizzjoni tal-imġiba tagħha, fis-sens li din l-imġiba tejbet il-kwalità tas-servizz ta’ tiftix tagħha. Tali argumenti, bħala prinċipju, iservu sabiex juru, kif imsemmi fil-punt 551 iktar ’il fuq, li l-effett ta’ esklużjoni ġġenerat mill-imġiba inkwistjoni huwa kkumpensat, jew anki jiġi ssuperat, permezz ta’ vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnha jgawdu wkoll il-konsumaturi. Ir-raba’ argument, miġbur fil-qosor fil-punt 557 iktar ’il fuq, huwa intiż sabiex jinvoka restrizzjonijiet tekniċi li pprekludew lil Google milli tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament mixtieqa mill-Kummissjoni bejn ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Finalment, Google ssostni li hija, b’mod kostanti, fittxet li ttejjeb is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri offrut lill-utenti b’mod koerenti mat-tħassib ta’ kompetizzjoni abbażi tal-mertu, iżda dan fil-limiti ta’ dak li huwa teknikament possibbli. Madankollu, il-Kummissjoni tikkritikaha li ma żguratx ugwaljanza fit-trattament bejn riżultati, ugwaljanza li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura minħabba raġunijiet tekniċi.

559    Fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-ewwel żewġ argumenti ta’ Google miġbura fil-qosor fil-punt 557 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 661 u 662, li hija ma pprekludietx lil Google milli tapplika mekkaniżmi ta’ aġġustament, bl-istess mod bħalma lanqas ma pprekludietha milli turi r-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat tagħha fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha meta tikkunsidra li kienu rilevanti jew utli għal tiftix, iżda li l-abbuż identifikat kien in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-istess kriterji ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni għar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u għal dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri.

560    Minn din ir-risposta jirriżulta li l-Kummissjoni ma nnegatx li l-algoritmi ta’ aġġustament tar-riżultati ġeneriċi jew il-kriterji ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni tar-riżultati speċjalizzati għal prodotti ta’ Google jistgħu jippreżentaw titjib tas-servizz li hija tipproponi, favur il-kompetizzjoni, kif hija sostniet fl-ewwel żewġ argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 557 iktar ’il fuq, iżda hija enfasizzat, korrettament, li Google ma ressqet l-ebda argument dwar l-inugwaljanza fit-trattament f’dan ir-rigward bejn ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Fi kliem ieħor, essenzjalment, il-Kummissjoni kkunsidrat li Google ma pproduċiet l-ebda element sabiex turi li ż-żewġ benefiċċji favur il-kompetizzjoni li hija enfasizzat, kienu jikkumpensaw, jew anki jissuperaw, l-effetti negattivi għall-kompetizzjoni li jirriżultaw minn din l-inugwaljanza fit-trattament li hija identifikat fil-partijiet preċedenti tad-deċiżjoni kkontestata.

561    Sussegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tat-tielet argument ta’ Google miġbur fil-qosor fil-punt 557 iktar ’il fuq, li kien intiż globalment sabiex juri li l-ugwaljanza fit-trattament imfittxija mill-Kummissjoni fil-fatt tnaqqas il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni rrispondiet għaż-żewġ partijiet ta’ dan l-argument, fil-premessi 663 u 664, billi semmiet, minn naħa, li Google ma kinitx uriet li l-utenti tal-internet kienu jistennew, minn mutur ta’ tfittxija, riżultati li ġejjin minn sors uniku u li, f’dan il-każ, ma kinux informati li l-Product Universals kienu jidhru abbażi ta’ mekkaniżmi differenti minn dawk applikati għar-riżultati ġeneriċi u, min-naħa l-oħra, li l-assigurazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament bejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google u l-kompetituri tagħha fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha ma tipprekludix il-konverżjoni fi flus ta’ ċerti spazji f’dawk il-paġni, li tagħhom Google kellha kontroll.

562    Din ir-risposta tal-Kummissjoni tikkonsisti, minn naħa, f’li jintwera, kuntrarjament għal dak li ssostni Google, li l-għażla tagħha li tippożizzjona u tippreżenta b’mod iktar favorevoli r-riżultati għal prodotti tagħha minn dawk tal-kompetituri tagħha ma hijiex aħjar għall-kompetizzjoni mis-sitwazzjoni li fiha tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta tindika li għandha dubju dwar kemm l-aspettattiva tal-utenti tal-internet hija li jsibu biss ir-riżultati ta’ mutur ta’ tfittxija speċjalizzat wieħed fuq paġni tar-riżultati ġenerali. Fil-fatt, f’dan il-każ, kif fakkret il-Kummissjoni, id-differenza fit-trattament f’termini ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni ssir fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali, li fuqhom, bħala prinċipju, l-utenti tal-internet jistennew riżultati li joriġinaw mill-internet kollu u pprovduti b’mod mhux diskriminatorju u trasparenti, kif jirriżulta wkoll, wara kollox, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 178 iktar ’il fuq.

563    Ir-risposta tal-Kummissjoni miġbura fil-qosor fil-punt 561 iktar ’il fuq, tikkonsisti, min-naħa, fir-ribattiment tal-allegazzjoni li Google tista’ tkun issanzjonata fuq il-livell finanzjarju jekk tiżgura ugwaljanza fit-trattament f’termini ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha bejn ir-riżultati għal prodotti tagħha u dawk tal-kompetituri tagħha. Fir-rikors, Google ma tressaq l-ebda argument sabiex tikkontesta b’mod validu din l-evalwazzjoni u, anki jekk jitqies li Google tiġi ssanzjonata finanzjarjament bil-fatt li tagħmel is-servizz tagħha aċċessibbli għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri taħt l-istess kundizzjonijiet bħal tagħha, dan il-fatt ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni ammissibbli għall-imġiba antikompetittiva tagħha.

564    B’hekk, kuntrarjament għal dak li huwa sostnut fir-rikors, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni, li l-fondatezza tagħha ma ġietx ikkonfutata minn Google, fuq il-ġustifikazzjoni mressqa bis-saħħa tat-tielet argument tagħha.

565    Konsegwentement, il-Kummissjoni validament ċaħdet it-tielet argument ta’ Google, intiż sabiex juri l-karatteristiċi favur il-kompetizzjoni tal-imġiba tagħha, billi rribattiet l-karatteristiċi ta’ dan it-tip mressqa f’dan l-argument.

566    L-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn l-ewwel tliet argumenti, ibbażati fuq benefiċċji favur il-kompetizzjoni ġġenerati mill-prattiki inkwistjoni, huwa iktar u iktar iġġustifikat peress li, minn naħa, kif jirriżulta mill-premessi 593 sa 596 tad-deċiżjoni kkontestata u kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet u tar-raba’ motiv, dawn il-prattiki huma tali li jeskludu lis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, li jista’ jwassal għal tariffi ogħla għall-bejjiegħa, għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi u għal tnaqqis tal-innovazzjoni, kemm għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kif ukoll għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessi 597 sa 600 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prattiki inkwistjoni jistgħu jnaqqsu l-għażla tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, u dan mhux biss minħabba t-tnaqqis tan-numru ta’ servizzi ta’ tqabbil tax-xiri ppreżentati fis-suq, fid-dawl tal-effett ta’ esklużjoni tal-prattiki kif identifikati fit-taqsimiet 7.3.1 u 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll, kif jirriżulta mill-premessa 598 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-fatt li l-attenzjoni tal-konsumaturi tiġi ddevjata lejn ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, minħabba l-viżibbiltà ikbar tagħhom, peress li l-imsemmija riżultati ma humiex, wara kollox, neċessarjament iktar rilevanti mir-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri (ara l-punti 296 sa 299 iktar ’il fuq).

567    Barra minn hekk, Google ma turix kif it-tieni aspett tal-prattiki kkontestati, jiġifieri r-relegazzjoni ta’ numru sinjifikattiv ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha permezz ta’ algoritmi ta’ aġġustament, setgħu iġġeneraw titjib fl-effiċjenza.

568    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-prattiki inkwistjoni setgħu jtejbu l-esperjenza ta’ ċerti utenti tal-internet permezz ta’ preżentazzjoni u ġerarkija tar-riżultati ta’ tiftix għal prodotti, dan bl-ebda mod ma jidher li jista’ jinnewtralizza l-effetti dannużi ta’ dawn il-prattiki fuq il-kompetizzjoni u l-interessi tal-konsumaturi meħuda flimkien, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 553 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, Google ma produċietx il-prova kuntrarja, minkejja li kellha tagħmel dan, kif tfakkar fil-punt 554 iktar ’il fuq.

569    Ir-raba’ argument ta’ Google miġbur fil-qosor fil-punt 557 iktar ’il fuq kien jikkonsisti fit-tressiq ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għall-imġiba tagħha, ibbażata fuq restrizzjoni teknika. Huwa intiż sabiex juri li, kuntrarjament għal dak li ġie preżunt mill-Kummissjoni, Google ma setgħetx, minn perspettiva teknika, tikklassifika r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri ma’ tagħha b’mod koerenti u li, barra minn hekk, jekk tagħmel dan kienet tibdilhom f’riżultati għal prodotti ta’ Google.

570    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrispondiet, fil-premessa 671, li Google ma rnexxilhiex turi li hija ma setgħetx tuża l-istess proċessi u metodi sabiex tiddeċiedi dwar il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Hija żżid li l-proposti magħmula minn Google waqt id-diskussjonijiet sabiex tagħlaq il-proċedura permezz tal-aċċettazzjoni tal-impenji u r-riflessjonijiet interni ta’ Google juru l-possibbiltà ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-qasam.

571    F’dan ir-rigward, matul il-proċedura amministrattiva, kif jirriżulta mill-premessa 659 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif tikkonfermah fir-rikors fil-punti 130 sa 138, Google spjegat li ma setgħetx tapplika l-istess kriterji ta’ selezzjoni għar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u għar-riżultati għal prodotti tagħha stess, fi kliem ieħor ma setgħetx tagħżel l-aħjar risposti minn fost dawk kollha li setgħu jingħataw mis-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, inkluż tagħha, għal talba ta’ tiftix għal prodotti ta’ utent tal-internet. Essenzjalment, hija invokat f’dan ir-rigward, il-fatt li hija la kienet taf l-istruttura u l-kontenut tad-databases tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, il-proċessi ta’ katalogar u ta’ indiċjar tagħhom, u lanqas l-algoritmi speċjalizzati tagħhom li jwasslu sabiex jiġu proposti ċerti riżultati wara tiftix ta’ utent tal-internet, u li, għalhekk, hija la setgħet tevalwa l-kwalità, meta mqabbla ma’ dik tar-riżultati tagħha stess, tar-riżultati pprovduti mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, u lanqas tantiċipa r-riżultat li jingħata minnhom għal talba konkreta ta’ utent tal-internet, a fortiori minn mijiet minn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Ma kienx realistiku għal Google li tipprova xxejjen din l-impossibbiltà li tantiċipa risposti li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jagħtu għat-talba konkreta ta’ utent tal-internet billi tibgħat hi stess din it-talba lil mijiet minn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, imbagħad tqabbel ir-risposti kollha mogħtija. Dan kien ikun jinvolvi, mill-inqas, dewmien twil fir-risposta lill-utent tal-internet li jkun għamel mistoqsija lil Google, u jwassal għal tnaqqis fil-kwalità tas-servizz tagħha. Dak kollu li setgħet tagħmel Google, u li għamlet diġà, huwa li tqabbel, bid-dispożittiv Universal Search, ir-riżultati speċjalizzati għal prodotti rispettivi tagħha mar-riżultati ġeneriċi rispettivi tagħha, peress li kienet taf kif kienu jiġu prodotti. Madankollu, peress li r-riżultati ġeneriċi tagħha jiġbru riżultati speċjalizzati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri biss permezz tal-proċess imsejjaħ “crawling”, tal-indiċjar u tal-algoritmi ta’ tiftix ġenerali, dan it-tqabbil permezz tal-Universal Search ma jippermettix li r-riżultati għal prodotti ta’ Google jiġu mqabbla ma’ dawk li realment ikunu pprovdew is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jekk ikunu rċevew direttament it-talbiet ta’ tiftix għal prodotti riċevuti minn Google.

572    Madankollu, minn naħa, peress li r-raba’ argument ta’ Google jista’ jiġi mifhum fis-sens li l-effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni li jakkumpanjaw it-titjib fl-effiċjenza marbuta mat-titjib tas-servizz ta’ tiftix tagħha ma setgħux jiġu teknikament evitati u li, essenzjalment, Google ma setgħetx tagħmel aħjar minn dak li hija għamlet sabiex ittejjeb is-servizz ta’ tiftix tagħha, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-imġiba li dwarha hija kkritikata Google ma setgħetx, billi wasslet sabiex diversi servizzi kompetituri ta’ tqabbil jiġu rrelegati u billi ddevjat mill-attenzjoni tal-utenti r-riżultati tal-imsemmija servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, tiġġenera titjib fl-effiċjenza billi ttejjeb l-esperjenza tal-utent (ara l-punti 566 u 567iktar ’il fuq) u li dan it-titjib fl-effiċjenza, anki jekk jiġi preżunt li jeżisti, bl-ebda mod ma jidher li jista’ jinnewtralizza l-effetti antikompetittivi sinjifikattivi attwali u potenzjali ġġenerati mill-prattiki fuq il-kompetizzjoni u l-interessi tal-konsumaturi ikkunsidrati flimkien (ara l-punt 568 iktar ’il fuq). Fin-nuqqas ta’ tali titjib fl-effiċjenza, huwa irrilevanti li dak li sar sabiex jintlaħaq ma setax jiġi implimentat teknikament, ħlief permezz tal-prattiki ssanzjonati mill-Kummissjoni.

573    Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kkritikatx lil Google, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ksur, tali ma tqabbilx ir-riżultati għal prodotti tagħha mar-riżultati għal prodotti li kienu jipprovdu s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għat-talbiet ta’ tiftix għal prodotti tal-utenti tal-internet billi tapplika l-istess proċessi u metodi, u b’mod partikolari l-istess algoritmi bħal dawk li hija kienet tuża għat-tiftix speċjalizzat tagħha.

574    Il-Kummissjoni kkritikat il-fatt li Google ma applikatx l-istess proċessi u metodi sabiex tiddeċiedi dwar il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u ta’ dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil li jistgħu jidhru fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, inkwantu l-applikazzjoni ta’ proċessi u ta’ metodi differenti għall-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tar-riżultati tagħha stess u tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienet twassal sabiex jingħata trattament preferenzjali għar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u għar-relegazzjoni tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fil-paġni ta’ tiftix ġenerali.

575    B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la ddeplorat il-fatt li Google ma introduċietx tip ġdid ta’ riżultati fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, jiġifieri riżultati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li effettivament jingħataw jekk it-talba konkreta tal-utent tal-internet kienet magħmula direttament fuq il-mutur ta’ tfittxija speċjalizzat tal-imsemmija servizzi kompetituri ta’ tqabbil, u lanqas fittxet xi ħaġa oħra minbarra ugwaljanza fit-trattament, f’termini ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni, bejn żewġ tipi ta’ riżultati ta’ Google, u lanqas ma ddeplorat li Google ma għamlitx tqabbil li hija qalet li ma setgħetx tagħmel bejn ir-riżultati għal prodotti li hija stess ipprovdiet u r-riżultati għal prodotti li ġew ipprovduti mis-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri għall-istess talba konkreta. Din hija, barra minn hekk, ir-raġuni li għaliha Google ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li ma rribattietx l-ispjegazzjonijiet tekniċi tagħha, u lanqas, kif hija argumentat fil-proċedura amministrattiva, tilmenta li l-Kummissjoni obbligatha tibdel riżultati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri f’riżultati għal prodotti ta’ Google billi tapplika fil-konfront tagħhom l-istess proċessi u metodi ta’ għażla bħal dawk applikati għar-riżultati rispettivi tagħha.

576    Barra minn hekk, anki jekk Google ma kinitx f’pożizzjoni li tapplika proċessi u metodi sottostanti identiċi sabiex tqabbel bl-istess mod ir-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, minħabba b’mod partikolari li ma kellhiex aċċess għad-database ta’ prodotti tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil u għall-algoritmi ta’ selezzjoni ta’ prodotti rispettivi tagħhom, hija ma wrietx li kienet prekluża milli tapplika, għall-imsemmija riżultati, proċessi u metodi li jwasslu għall-istess trattament, f’termini ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil.

577    Għandu jitfakkar, barra minn hekk, kif diġà sar fil-punt 554 iktar ’il fuq, li hija l-impriża li tuża tali ġustifikazzjonijiet fir-rigward tal-imġiba tagħha li għandha tippreżentahom b’mod konvinċenti u mhux l-awtorità tal-kompetizzjoni li teżamina din l-imġiba li għandha turi, fil-bidu, li tali ġustifikazzjonijiet huma assenti. Dan huwa partikolarment iktar il-każ meta tkun biss l-impriża kkonċernata li jkollha għarfien ta’ din il-ġustifikazzjoni oġġettiva jew meta din l-impriża tkun b’mod naturali f’pożizzjoni aħjar mill-Kummissjoni sabiex tirrileva l-eżistenza tagħha jew turi r-rilevanza tagħha (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 686).

578    Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat, għall-kompletezza, li l-Kummissjoni, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, xorta ressqet argumenti sabiex turi li kien ikun possibbli li jiġu applikati proċessi u metodi komuni sabiex jiġi deċiż dwar il-pożizzjonament u l-preżentazzjoni, fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, tar-riżultati għal prodotti tagħha u tar-riżultati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri li setgħu jidhru fir-riżultati ġeneriċi. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-proposti magħmula minn Google matul id-diskussjonijiet intiżi sabiex tingħalaq il-proċedura bl-aċċettazzjoni ta’ impenji u fuq ir-riflessjonijiet interni ta’ Google. Issa, din tal-aħħar, sabiex tikkontesta dawn l-argumenti, fir-rikors tagħha, fil-punti 140 sa 142, tressaq biss kontroargumenti li huma intiżi sabiex juru li dawn id-diskussjonijiet u riflessjonijiet ma kinux jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tar-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u tar-riżultati għal prodotti ta’ Google bl-istess proċessi u metodi. Madankollu, dawn il-kontroargumenti ma jirrigwardawx l-allegata impossibbiltà li r-riżultati għal prodotti ta’ Google u r-riżultati ġeneriċi tagħha li setgħu jiġbru riżultati minn servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jiġu ppożizzjonati u ppreżentati skont l-istess kriterji.

579    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv, intiża sabiex tiġġustifika d-dehra tal-Product Universals, għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ilġustifikazzjonijiet ta’ Google dwar iddehra taxShopping Units (ittielet parti tattieni motiv)

1)      Largumenti talpartijiet

580    Google ssostni, essenzjalment, l-istess argumenti kontra d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fiha tal-ġustifikazzjonijiet mogħtija għad-dehra tax-Shopping Units bħal dawk li jirrigwardaw id-dehra tal-Product Universals (ara l-punti 544 u 546 iktar ’il fuq).

581    Qabelxejn, Google tesponi li l-Kummissjoni wettqet l-istess tip ta’ żbalji billi ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex il-benefiċċji favur il-kompetizzjoni tal-implimentazzjoni tax-Shopping Units ma setgħux jiġġustifikawhom. F’dan ir-rigward, Google tispjega, sabiex tiġġustifika aspetti favur il-kompetizzjoni tal-imġiba tagħha, li r-risposti pprovduti mix-Shopping Units għat-tiftix għal prodotti huma aħjar mir-reklami bil-kliem.

582    Sussegwentement, fir-rigward tan-neċessitajiet oġġettivi, Google targumenta li, bħal fil-każ tal-Product Universals u għall-istess raġunijiet, hija ma setgħetx tqabbel ir-reklami għal prodotti tagħha li jinsabu fix-Shopping Units tagħha ma’ reklami għal prodotti ġġenerati minn servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri skont metodi differenti minn dawk tagħha. Issa, il-Kummissjoni ma indirizzatx dan l-aspett, minkejja li kienet obbligata tagħmel dan. Hija lanqas ma identifikat soluzzjonijiet oħra li jikkostitwixxu alternattiva.

583    Finalment, Google tispjega li hija kienet diġà inkludiet reklami li ġejjin minn servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units, l-istess bħar-reklami ta’ persuni oħra li jirreklamaw. Hija tagħmel dan mhux biss sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ trattament preferenzjali għas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, kif ġie osservat fil-punt 304 iktar ’il fuq, iżda wkoll sabiex tenfasizza li l-Kummissjoni ma identifikatx soluzzjonijiet oħra realistiċi u fattibbli minbarra dik li kienet diġà tagħmel sabiex turi reklami li ġejjin minn servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri. Google ssostni li l-mutur ta’ tfittxija Bing għandu l-istess approċċ u li Kelkoo pproponiet ukoll soluzzjoni simili matul il-proċedura amministrattiva, u l-Kummissjoni ma kkritikatx dan l-approċċ.

584    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

2)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

585    Għandu jsir riferiment għall-punti 551 sa 554 iktar ’il fuq dwar il-ġustifikazzjonijiet li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tressaq fir-rigward tal-imġiba tagħha li tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE sabiex jintwera li ma taqax taħtu.

586    Mill-premessi 655 sa 659 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinsabu fit-Taqsima 7.5 tagħha ddedikata għall-eżami tal-elementi prodotti minn Google matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi u tat-titjib fl-effiċjenza, jirriżulta li Google sostniet l-istess argumenti sabiex tiġġustifika d-dehra tax-Shopping Units u dik tal-Product Universals. Kif ġie osservat fil-punt 557 iktar ’il fuq, fir-rikors, Google ma tikkontestax il-preżentazzjoni ta’ dawn l-argumenti. Fil-qafas tat-tielet parti tat-tieni motiv, Google tikkontesta speċifikament, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-risposta komuni għall-Product Universals u għax-Shopping Units tal-Kummissjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata għat-tieni u għall-ħames argument tagħha, imqajma matul il-proċedura amministrattiva u msemmija fil-punt 557 iktar ’il fuq (premessi 656 u 659 tad-deċiżjoni kkontestata).

587    Fir-rigward tat-tieni argument, li permezz tiegħu Google enfasizzat karatteristiċi favur il-kompetizzjoni tal-imġiba tagħha, jiġifieri li l-pożizzjonament u l-preżentazzjoni tax-Shopping Units, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ produzzjoni tagħhom, kienu jagħtu benefiċċju favur il-kompetizzjoni billi jiżguraw l-ogħla kwalità għas-servizz ta’ tiftix tagħha fuq l-internet għall-benefiċċju tal-utenti tal-internet u tal-bejjiegħa fuq l-internet, il-Kummissjoni tat risposti komuni f’dawk li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tad-dehra tax-Shopping Units u dik tad-dehra tal-Product Universals.

588    F’dan ir-rigward, ma hemmx raġuni għalfejn l-analiżi għandha tkun differenti minn dik li ġiet esposta fil-punti 559 sa 568 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-fatt li, skont Google, ix-Shopping Units fihom risposti għat-tiftix għal prodotti li huma aħjar mir-reklami bil-kliem bl-ebda mod ma juri li tali benefiċċju favur il-kompetizzjoni jikkumpensa, jew anki jissupera, l-effetti negattivi għall-kompetizzjoni tal-imġiba ta’ Google li l-Kummissjoni identifikat. Barra minn hekk, anki jekk Google tesponi, f’anness tar-rikors, li xi risposti huma iktar rilevanti u għalhekk ta’ kwalità aħjar meta jirriżultaw minn sistema ta’ irkant bi ħlas (Shopping Units) milli meta jidhru mingħajr korrispettiv kummerċjali minn qabel, kif kien il-każ matul il-perijodu tal-Product Universals, din id-dikjarazzjoni ma tikkonvinċix li tali sistema hija l-aħjar, b’mod partikolari, għaliex tali sistema għandha tendenza li tnaqqas in-numru ta’ riżultati li jistgħu jidhru u għalhekk tnaqqas l-għażla tal-konsumatur.

589    Fir-rigward tal-ħames argument ta’ Google mqajjem matul il-proċedura amministrattiva u repetut fir-rikors, relatat ma’ impossibbiltà teknika li r-riżultati differenti tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha u dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil jiġu kklassifikati b’mod koerenti u fir-rigward tal-fatt li, anki jekk dan kien possibbli, jekk isir hekk, dawn ir-riżultati kollha jiġu ttrasformati f’riżultati ta’ Google, ir-risposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjoni mressqa għad-dehra tax-Shopping Units kienet komuni għal dik għad-dehra tal-Product Universals.

590    Ma hemmx raġuni għalfejn ikun hemm analiżi differenti f’dan ir-rigward minn dik mogħtija fil-punti 569 sa 578 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minbarra li, kif ġie indikat fil-punt 572 iktar ’il fuq, Google ma turix li l-introduzzjoni tax-Shopping Units tissodisfa t-tħassib favur il-kompetizzjoni b’tali mod li tiġġenera titjib ta’ effiċjenza li huwa ikbar mid-dannu għall-kompetizzjoni kkawżata mill-prattiki, huwa irrilevanti li dan l-allegat titjib fl-effiċjenza ma jistax jintlaħaq mingħajr ir-restrizzjonijiet tekniċi inkwistjoni, il-Kummissjoni ma teżiġixxix li Google, kif ġie indikat fil-punti 575 u 576 iktar ’il fuq, tapplika l-algoritmi ta’ tiftix speċjalizzat tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jew li tevalwa r-riżultati tagħhom meta mqabbla mar-riżultati tagħha stess abbażi tal-algoritmi tagħha, iżda titlob li tippożizzjona u tippreżenta r-riżultati tagħhom b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla ma’ dawk tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha, billi tuża l-istess proċessi u metodi sottostanti.

591    B’mod partikolari, il-fatt li Google integrat reklami ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units billi użat il-mod ta’ produzzjoni normali tar-reklami tagħha għal prodotti, kif spjegat fil-punt 199 tar-rikors, madankollu bil-kundizzjoni li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jsiru huma stess bejjiegħa ta’ prodotti, bl-ebda mod ma juri li dan kien l-uniku approċċ possibbli f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri. Dan fil-fatt bl-ebda mod ma juri li kien teknikament impossibbli li tiġi żgurata l-preżenza, f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji, ta’ reklami ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units jew f’“kaxxi” ekwivalenti f’termini ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni, mingħajr ma dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri jkollhom huma stess jbigħu l-prodotti kkonċernati u mingħajr ma dawn ir-reklami jiġu ġġenerati bl-istess mod ta’ produzzjoni bħar-reklami għal prodotti ta’ Google. Il-Kummissjoni korrettament għamlet tali konstatazzjonijiet fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar għal darba oħra, kif diġà sar fil-punt 554 iktar ’il fuq, li hija l-impriża li tinvoka ġustifikazzjonijiet oġġettivi għall-imġiba tagħha li għandha tippreżentahom b’mod konvinċenti u mhux l-awtorità tal-kompetizzjoni li teżamina din l-imġiba li għandha turi, fil-bidu, li tali ġustifikazzjonijiet huma assenti.

592    B’hekk, Google ma tistax utilment issostni li, fid-dawl tal-metodu ta’ integrazzjoni ta’ reklami ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units li hija implimentat, il-Kummissjoni ma identifikatx soluzzjonijiet oħra realistiċi u fattibbli sabiex fihom turi tali reklami. Il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi mressqa minn Google setgħu jiġu rribattuti, fid-dawl tal-argumenti mressqa sabiex jiġu ppreżentati, mingħajr ma l-Kummissjoni tipproduċi, billi tippreżenta hija stess metodu ieħor ta’ integrazzjoni ta’ reklami ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units, il-prova li l-imġiba inkwistjoni ma setgħetx tiġi ġġustifikata minn restrizzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, Google ma urietx li l-uniku mod li bih tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament fi ħdan ix-Shopping Units huwa li r-riżultati tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jiġu ttrasformati f’riżultati ta’ Google. Barra minn hekk, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ dak li hija pproponiet bħala impenji, Google uriet li hija tista’ tintegra riżultati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units billi tidentifikahom bħala tali.

593    Finalment, għandu jingħad ukoll li ma hemm xejn fid-deċiżjoni kkontestata li jissuġġerixxi li l-Kummissjoni finalment, permezz ta’ din id-deċiżjoni, indirettament approvat il-metodu ta’ integrazzjoni ta’ reklami ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fix-Shopping Units li Google kienet implimentat għaliex il-mutur ta’ tfittxija Bing kellu approċċ simili u Kelkoo pproponiet soluzzjoni simili.

594    Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 353 iktar ’il fuq, Google ma turix, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li tapplika l-metodu propost minn Kelkoo.

595    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni motiv, intiża sabiex tiġġustifika d-dehra tax-Shopping Units, għandha tiġi miċħuda.

5.      Konklużjoni dwar ittalbiet prinċipali

596    Mill-eżami tal-motivi li jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE stipulata fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din il-konstatazzjoni għandha tiġi kkonfermata inkwantu tirrigwarda abbużi minn pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat għal prodotti fit-tlettax-il pajjiż imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, dan l-artikolu għandu jiġi annullat sa fejn jirrigwarda abbużi minn pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali f’dawn il-pajjiżi abbażi tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi f’dawn is-swieq.

597    Peress li l-Kummissjoni ikkonkludiet korrettament li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat għal prodotti, ir-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż ukoll għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li ordnaw lil Google ttemm il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1, filwaqt li ordnawlha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda sabiex tagħmel dan u jipprevedu pagamenti ta’ penalità f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi.

C.      Fuq ittalbiet, ippreżentati sussidjarjament, dwar ilprinċipju u lammont talmulta

1.      Fuq lewwel parti tassitt motiv, dwar ilpossibbiltà li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja

a)      Largumenti talpartijiet

598    Skont Google, anki jekk il-konstatazzjoni tal-ksur kellha tiġi kkonfermata, il-Kummissjoni ma kellha timponi l-ebda sanzjoni għal tliet raġunijiet: din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni kklassifikat bħala abbużiv imġiba li hija intiża sabiex ittejjeb il-kwalità, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tittratta l-kawża permezz ta’ proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji, u waqt il-proċedura amministrattiva hija ċaħdet il-miżuri korrettivi li qed titlob fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, tikkunsidra li sanzjoni pekunjarja daqstant “stratosferika” bħal dik imposta fuq Google, li, prima facie, ma kinitx tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni fid-dawl ta’ preċedenti u tal-ġurisprudenza, tqajjem problema għall-industrija kollha kemm hija u għandha konsegwenzi negattivi sabiex il-kumpanniji jiġi inċentivati għall-innovazzjoni.

599    B’mod partikolari, billi tenfasizza li l-multa li ġiet imposta fuqha kienet l-ikbar waħda qatt imposta mill-Kummissjoni għal prattiki antikompetittivi, Google tfakkar, flimkien maċ-CCIA, li l-Kummissjoni tista timponi multa fuq impriża biss jekk din tal-aħħar tkun kisret b’intenzjoni jew b’negliġenza l-Artikoli 101 jew 102 TFUE. Għalhekk kien meħtieġ li Google ma setgħetx ma tkunx taf bil-għan antikompetittiv tal-imġiba tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il‑Kummissjoni (246/86, EU:C:1989:301, punt 41). Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi xejn li kien jippermetti li Google tidentifika li t-titjib li hija għamlet għas-servizzi tagħha kienu illegali u li għalhekk kellhom jitneħħew jew jinfetħu għall-kompetituri, speċjalment peress li fl-stqarrija għall-istampa li akkumpanjat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li din kienet “preċedent li stabbilixxa l-qafas għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan it-tip ta’ imġiba” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, Google lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li kienet negliġenti. F’dan ir-rigward, iċ-CCIA tinvoka b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Jannar 2019 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.40049 MasterCard II), li fiha ġie aċċettat li din tal-aħħar setgħet b’mod raġonevoli ma tkunx konxja tan-natura antikompetittiva tal-imġiba tagħha qabel mal-Kummissjoni taċċetta l-impenji mis-sistema l-oħra ta’ pagamenti interbankarji permezz tal-kards, Visa, fir-rigward ta’ mġiba simili. Google tesponi li l-Kummissjoni qieset, f’kawżi preċedenti, li s-sanzjonijiet ma kinux xierqa meta “teorija ta’ abbuż” ġdida tiġi identifikata jew f’każ ta’ diverġenzi dwar l-imġiba inkwistjoni fil-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali. Issa, diversi deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi jew ta’ qrati nazzjonali, li Google ssemmi, ikkonkludew li l-imġiba tagħha kienet ta’ legali. Il-fatt li l-Kummissjoni qieset l-imġiba li dwarha ġiet ikkritikata Google bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti f’suq intiż fuq suq ieħor, li jaqa taħt il-kunċett ta’ abbuż b’effett ta’ lieva, ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ta’ natura ġdida, għaliex dan il-kunċett jista’ jkopri sitwazzjonijiet differenti ferm.

600    Il-fatt li inizjalment il-Kummissjoni impenjat ruħha li tittratta l-każ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji jimplika li f’dan il-każ ma kellhiex tiġi imposta sanzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003, minn komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta dan it-tip ta’ proċedura u mill-manwal tal-proċedura tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, aċċessibbli fuq is-sit tal-internet tiegħu. Il-possibbiltà li l-Kummissjoni terġa’ lura għall-proċedura standard jekk il-proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji ma tkunx ta’ suċċess ma għandiex tiġi konfuża mal-kwistjoni dwar jekk l-imġiba inkwistjoni jistħoqqiliex sanzjoni. Fir-replika, Google żżid li kien meħtieġ, minn tal-inqas, li jingħataw spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward. Iċ-CCIA tqis li d-deċiżjoni kkontestata għandha nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt.

601    Finalment, il-Kummissjoni kienet inizjalment spjegat lill-parteċipanti fil-proċedura amministrattiva li ma kienx possibbli li timponi fuq Google, abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, dak li finalment hija imponiet fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-użu tal-istess proċessi u tal-istess metodi sabiex fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha jidhru r-riżultati ta’ tqabbil tax-xiri rispettivi tagħha u dawk tas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Essenzjalment, dan juri wkoll li Google ma setgħetx tbassar li kienet qed kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, peress li l-Kummissjoni għal ċertu żmien spjegat li dan ma kienx il-każ.

602    Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni, flimkien mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma hemm xejn ġdid fl-analiżi legali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. L-identifikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti f’suq sabiex din il-pożizzjoni tkun estiża fi swieq viċini hija antika u Google qiegħda tħallat l-istabbiliment ta’ prinċipji ġodda u l-applikazzjoni ta’ prinċipji stabbiliti ma prattiki ġodda. Il-maġġoranza tal-kawżi li jaqgħu f’dan it-tip ta’ abbuż ikunu seħħew f’ambjent kumpless, bħal f’dan il-każ, iżda dan ma pprekludiex lill-qrati tal-Unjoni milli jikkonfermaw sanzjonijiet pekunjarji qawwija imposti f’dawn il-kawżi. Kuntrarjament għal dak li kien il-każ f’ċerti kawżi invokati miċ-CCIA, f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda inċertezza dwar il-kriterju legali applikabbli għall-evalwazzjoni tal-imġiba ta’ Google qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, l-għarfien tal-impriża kkritikata tan-natura abbużiva ta’ imġiba ma hijiex kundizzjoni għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuqha.

603    Sussegwentement, peress li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tittratta kawża permezz ta’ proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji, mingħajr sanzjoni, jew permezz ta’ proċedura standard, u peress li kellha diversi raġunijiet sabiex tmur għat-tieni waħda wara li bdiet l-ewwel waħda, kif ġie spjegat fil-premessi 123 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, hija reġgħet kisbet il-poter tagħha li timponi sanzjoni pekunjarja. Barra minn hekk, l-elementi prodotti minn Google waqt id-diskussjonijiet intiżi għall-aċċettazzjoni ta’ impenji bl-ebda mod, kuntrarjament għal dak li ssostni Google, ma ffaċilitaw l-inkarigu tal-Kummissjoni sabiex tikklassifika l-ksur, li seta’, fil-każ kuntrarju, jinfluwenza s-sanzjoni. Fil-fatt, Google espressament innegat kwalunkwe ksur.

604    Finalment, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li dak hija kienet indikat bħala konklużjoni preliminari fi stadju partikolari tal-proċedura amministrattiva bħala li ma setax jiġi impost fuq Google, jiġifieri li tikklassifika r-riżultati kollha tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, inklużi dawk tagħha, bl-istess mod fir-riżultati ġeneriċi tagħha, ma jikkorrispondix ma’ dak li hija pprojbixxiet sussegwentement, għaliex ikkunsidratu abbużiv, jiġifieri t-trattament preferenzjali mogħti lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha meta mqabbel ma’ oħrajn fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha. Anki li kieku kien possibbli li l-pożizzjonijiet, imqajma minn Google, tal-ex membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni, jiġu interpretati b’mod differenti, dawn huma pożizzjonijiet personali u ma rabtux lill-Kummissjoni.

b)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

605    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti mill-Kummissjoni għal ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ibbażata, skont l-Artikolu 261 TFUE, fuq l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li jkun hemm ċaħda tar-rikors għal annullament jew l-annullament tal-att ikkontestat, din il-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lill-Qorti Ġenerali tibdel l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, sabiex, pereżempju, tibdel l-ammont tal-multa, kemm biex tnaqqas dan l-ammont kif ukoll biex iżżidu (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1957, ALMA vs L-Awtorità Għolja, 8/56, EU:C:1957:12, p. 191, u tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 60 sa 63). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk ikun il-każ, twettaq evalwazzjonijiet differenti minn dawk użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda s-sanzjoni pekunjarja imposta fuq Google.

606    Google tressaq, essenzjalment, bħala l-ewwel argument sabiex tikkontesta s-sanzjoni pekunjarja imposta fuqha, li, fid-dawl tan-natura ġdida tal-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imġiba li dwarha ġiet ikkritikata, hija ma kisritx b’intenzjoni jew b’negliġenza l-Artikolu 102 TFUE, u dan jeskludi li hija tista’ tiġi ssanzjonata.

607    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriżi meta, “b’intenzjoni jew b’negliġenza”, huma jwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

608    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ksur twettaqx b’intenzjoni jew b’negliġenza, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta l-impriża kkonċernata ma setgħetx ma tkunx konxja min-natura antikompetittiva tal-imġiba tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il‑Kummissjoni, 19/77, EU:C:1978:19, punt 18; tat‑8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punt 45, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 156). Madankollu, impriża tista’ tiġi ssanzjonata wkoll jekk hija wettqet ksur tal-Artikolu 102 TFUE b’negliġenza, peress li l-għażla bejn din it-tieni ipoteżi li tagħti lok għall-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni u l-ewwel ipoteżi hija bħala alternattiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il‑Kummissjoni, C‑137/95 P, EU:C:1996:130, punti 53 sa 57).

609    F’dan ir-rigward, fil-premessi 723 sa 729 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex turi li Google kienet kisret l-Artikolu 102 TFUE b’intenzjoni jew b’negliġenza, il-Kummissjoni esponiet li hija ma setgħetx ma tkunx konxja, minn naħa, li kienet f’pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali kkonċernat u, min-naħa l-oħra, li l-imġiba tagħha kienet tikkostitwixxi abbuż ta’ din il-pożizzjoni dominanti. Hija żiedet li l-fatt li t-tip preċiż tal-imġiba inkwistjoni ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjonijiet preċedenti ma kienx jipprekludu l-impożizzjoni ta’ multa. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li Google ma setgħetx ma tkunx konxja tan-natura abbużiva tal-imġiba tagħha, il-Kummissjoni mmotivat id-dikjarazzjoni tagħha billi indikat li l-użu ta’ pożizzjoni dominanti f’suq sabiex din il-pożizzjoni tiġi estiża f’suq wieħed jew iktar konnessi kien jikkostitwixxi forma ta’ abbuż stabbilit ferm, li ma huwiex kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Hija rreferiet b’mod partikolari, permezz ta’ riferiment għal premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, għas-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, EU:C:1985:394, punt 27), tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni (C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 25), tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 85), tas‑7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il‑Kummissjoni (T‑228/97, EU:T:1999:246, punt 166), u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T-201/04, EU:T:2007:289, punt 1344). Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li fit‑13 ta’ Marzu 2013 hija bagħtet lil Google evalwazzjoni preliminari li fiha hija esponiet kif l-imġiba tagħha kienet tikser l-Artikolu 102 TFUE.

610    Ċertament, is-sentenzi msemmija fil-punt 609 iktar ’il fuq, moqrija fil-kuntest tagħhom, ma kinux jippermettu, kif jirriżulta mill-punti 162 u 163 iktar ’il fuq, li jiġi kkunsidrat li kwalunkwe użu ta’ pożizzjoni dominanti f’suq sabiex din il-pożizzjoni dominanti tiġi estiża f’suq wieħed jew iktar konnessi jikkostitwixxi forma ta’ abbuż stabbilit ferm. F’kull waħda mill-kawżi inkwistjoni, huwa tip speċifiku ta’ imġiba li ġie kkunsidrat bħala li ma jikkostitwixxix kompetizzjoni abbażi tal-mertu, differenti minn dik adottata minn Google, pereżempju riżerva ta’ attività anċillari għal monopolju legali, prattiki ta’ bejgħ abbinat u prezzijiet predatorji, prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, prattiki ta’ tariffi diskriminatorji jew ta’ lealtà tal-klijenti, jew inkella rifjut li tagħmel is-sistemi tal-informatika interoperabbli. Barra minn hekk, fil-punti ta’ dawn is-sentenzi li ssemmi l-Kummissjoni, huwa speċifikat biss li abbuż minn pożizzjoni dominanti jista jkun kunsiderevoli anki jekk għandu effetti f’suq differenti mis-suq iddominat jew jekk hemm effetti fis-suq iddominat minkejja li l-imġiba inkwistjoni sseħħ f’suq differenti jew inkella jekk l-imġiba inkwistjoni u l-effetti tagħha huma biss f’suq li ma huwiex is-suq iddominat. Issa, il-possibbiltà li jiġi identifikat, jekk ikun il-każ, abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, abbuż imwettaq f’suq differenti minn dak fejn hemm il-pożizzjoni dominanti ma jfissirx li kull prattika li biha impriża tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq sabiex testendi ruħha f’suq ieħor hija neċessarjament antikompetittiva. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 162 iktar ’il fuq, is-sempliċi estensjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ impriża f’suq viċin ma tistax tkun, fiha nnifisha, il-prova ta’ mġiba li ma hijiex “kompetizzjoni normali” fis-sens tas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk tali estensjoni twassal għall-għajbien jew għall-marġinalizzazzjoni ta’ kompetituri.

611    Barra minn hekk, peress li l-ksur ta’ Google kien identifikat f’seba’ mill-pajjiżi kkonċernati b’effett minn dati qabel Marzu 2013, l-argument imressaq mil-Kummissjoni, li hija kienet informat lil Google dwar in-natura antikompetittiva tal-imġiba tagħha fl-evalwazzjoni preliminari li bagħtitilha, huwa insuffiċjenti mill-perspettiva ratione temporis għall-perijodu qabel Marzu 2013.

612    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, huma x’inhuma l-kawżi tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq, anki jekk din tirriżulta mill-kwalità tal-prodotti tagħha u tas-servizzi tagħha, hija l-impriża li għandha din il-pożizzjoni li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-imġiba tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 57, u tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 24).

613    Għalhekk, impriża dominanti hija suġġetta, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, għal restrizzjonijiet partikolari li ma japplikawx għal impriżi oħra, u prattika li, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali ma hijiex oġġezzjonabbli, tista’ tikkostitwixxi abbuż jekk tiġi applikata minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti. (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Post Danmark, C‑23/14, EU:C:2015:343, punt 25; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punt 131).

614    Bl-istess mod, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, pożizzjoni dominanti f’suq tista’ tagħti lok għall-konstatazzjoni ta’ użu abbużiv ta’ din il-pożizzjoni minħabba l-konsegwenzi li prattika tal-impriża dominanti inkwistjoni, li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandha f’suq ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punt 25, u tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, EU:C:1985:394, punti 25 u 26).

615    Il-Kummissjoni tindirizza dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet fil-Gwida tagħha dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-prattiki ta’ esklużjoni abbużivi ta’ impriżi dominanti, billi tirreferi għal diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (ara b’mod partikolari l-punti 52 et seq.). F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tindirizza, pereżempju, il-każ ta’ bejgħ abbinat jew miġbur ma’ oħrajn u tispjega li dawn huma prattiki komuni li normalment huma intiżi sabiex jipproponu lill-klijenti prodotti jew offerti aħjar minn perspettiva iktar ekonomika. Madankollu, hija tispjega li, minn naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, tali prattika tista’ tikkawża dannu lill-konsumatur jekk dan it-tip ta’ bejgħ jagħlaq is-suq u jwassal għal esklużjoni antikompetittiva tal-kompetituri.

616    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li, peress li kienet taf dwar il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tat-tiftix ġenerali fiż-ŻEE u peress li fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha tat trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha meta mqabbel mal-kompetituri tagħha, minkejja li din l-imġiba kellha ċertu forma ta’ abnormalità, kif ġie kkonstatat fil-punt 179 iktar ’il fuq, u li, peress li kienet konxja wkoll mill-importanza tal-imsemmija paġni bħala sors ta’ traffiku għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, Google kellha tkun taf li l-imġiba tagħha kkawżat dannu għall-ugwaljanza tal-opportunità bejn l-operaturi ekonomiċi differenti, il-garanti ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 180 iktar ’il fuq, in fine), u li din l-imġiba setgħet teskludi lill-kompetituri tagħha jew tirrestrinġi l-kompetizzjoni min-naħa tagħhom f’ċerti swieq tat-tiftix speċjalizzat għal prodotti fiż-ŻEE. Hija għalhekk adottat b’mod intenzjonali mġiba ta’ natura antikompetittiva, kif indikata fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 608 iktar ’il fuq, li setgħet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti. Hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-ksur għalhekk twettaq b’mod intenzjonali, inkluż qabel ma Google rċeviet, f’Marzu 2013, l-evalwazzjoni preliminari li fiha l-Kummissjoni spjegat kif l-imġiba tagħha setgħet tikser l-Artikolu 102 TFUE.

617    Wara li rċeviet din l-evalwazzjoni, il-ksur kompla, a fortiori, b’mod intenzjonali. Fil-fatt ma huwiex ikkontestat minn Google li, f’din l-evalwazzjoni, kif ġie espost fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikatilha li t-trattament preferenzjali li hija kienet tagħti, fil-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, lill-links lejn is-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat tagħha stess meta mqabbel mal-links lejn is-servizzi ta’ tiftix speċjalizzat kompetituri seta’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T-461/07, EU:T:2011:181, punti 250 sa 252). Wara li injorat it-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha, Google wisq inqas setgħet tippretendi li kienet ġiet assigurata dwar il-kompatibbiltà tal-prattiki tagħha mar-regoli stipulati fl-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il‑Kummissjoni, T‑219/99, EU:T:2003:343, punt 314). Il-Kummissjoni għalhekk kienet f’sitwazzjoni fejn setgħet timponi sanzjoni, sakemm ma kienx hemm xi ċirkustanza partikolari li tipprekludi dan.

618    F’dan ir-rigward, il-fatt li t-tip preċiż tal-imġiba li dwarha ġiet ikkritikata Google ma kienx, qabel id-deċiżjoni kkontestata, is-suġġett ta’ deċiżjoni dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fatt li ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni meta spjegat pubblikament, fl-istqarrija għall-istampa li ħabbret id-deċiżjoni kkontestata, li dan kien “preċedent li stabbilixxa l-qafas għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan it-tip ta’ imġiba” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma jfissirx li l-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn Google, l-istess bħal sanzjoni, kienu imprevedibbli għaliha, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 612 sa 616 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T-472/13, EU:T:2016:449, punti 761 sa 767).

619    L-istess japplika għall-eventwali ċirkustanza, ikkontestata mill-Kummissjoni, li f’ċertu stadju tal-proċedura, din setgħet indikat li ma setgħetx timponi fuq Google l-bidliet fl-imġiba tagħha li finalment hija imponiet fuqha. F’dan l-istadju tal-proċedura, li jikkorrispondi mal-mument li fih il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li taċċetta l-impenji ta’ Google u li tiċħad l-ilmenti mressqa kontra tagħha, din setgħet kienet biss pożizzjoni provviżorja u lanqas ma tista’ tiġġustifika l-fatt li l-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn Google, kif ukoll is-sanzjoni, kienu imprevedibbli għaliha, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 612 sa 616 iktar ’il fuq.

620    F’dan ir-rigward, minkejja li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi osservat fil-qafas tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprevedi sanzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punti 146 sa 149), dan il-prinċipju ma għandux jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ kawża għal oħra, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

621    Google, sostnuta f’dan ir-rigward miċ-CCIA, tressaq, essenzjalment, bħala tieni argument sabiex tikkontesta s-sanzjoni pekunjarja li ġiet imposta fuqha, l-inugwaljanza fit-trattament meta mqabbla ma’ kawżi oħra li fihom impriżi li kisru r-regoli tal-kompetizzjoni ma ġewx issanzjonati minħabba li ma kinux jafu li kienu kisru dawn ir-regoli jew minħabba inċertezzi preċedenti dwar l-eżistenza tal-ksur minħabba evalwazzjonijiet diverġenti ta’ awtoritajiet nazzjonali differenti.

622    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51, u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Roca vs Il‑Kummissjoni, C‑638/13 P, EU:C:2017:53, punt 65).

623    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-paraguni li saru ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni mogħtija fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss fejn jintwera li l-informazzjoni fattwali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma komparabbli ma’ dawk tal-każ. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li għandhom jiġu invokati deċiżjonijiet kontemporanji għal finijiet ta’ paragun (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2011, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑378/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:109, punt 42, u tas‑27 ta’ Ġunju 2012, YKK et vs Il‑Kummissjoni, T‑448/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:322, punt 151).

624    Anki jekk ma jiġix ikkunsidrat dan it-tieni fattur, taż-żmien, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2892 finali tad‑29 ta’ April 2014 indirizzata lil Motorola Mobility LLC dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (AT.39985 – Motorola – Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali standard GPRS), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2004 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE [Kawża COMP/38.096, Clearstream (Clearing u Ħlas)], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2003 dwar proċedura taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (COMP/37.685 GVG/FS), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 241 finali tat‑22 ta’ Jannar 2019, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.40049, MasterCard II), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2001 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE (COMP/C-1/36.915 – Deutsche Post AG – Interċezzjoni ta’ posta transkonfinali), invokati minn Google jew miċ-CCIA, kienu jirrigwardaw setturi u problemi differenti ferm minn dawk ta’ din il-kawża: rispettivament, is-settur tat-teknoloġiji għat-telekomunikazzjonijiet bi problema marbuta mal-eżistenza ta’ privattiva u ta’ azzjoni ġudizzjarja għall-inibizzjoni tal-użu ta’ waħda minn dawn it-teknoloġiji, is-settur għall-clearing u l-ħlas ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli bi problema marbuta mar-rifjut ta’ provvista ta’ servizzi u l-applikazzjoni ta’ prezzijiet diskriminatorji, is-settur tat-trasport ferrovjarju internazzjonali ta’ passiġġieri bi problema marbuta mar-rifjut ta’ għoti ta’ informazzjoni li tippermetti aċċess għan-network permezz tal-kostituzzjoni ta’ grupp ferrovjarju internazzjonali, is-settur ta’ ħlasijiet bil-kards bankarji bejn diversi pajjiżi taż-ŻEE bi problema tariffarja marbuta mat-tariffi tal-interkambju, u s-settur postali bi problema marbuta mal-prattika magħrufa bħala “impustar mill-ġdid internazzjonali” jew “posta domestika ddevjata”. Id-diversi deċiżjonijiet oħra invokati minn Google lanqas ma jippreżentaw ċirkustanzi komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża, li Google lanqas ma tista’ validament tikkontesta, peress li hija ssostni essenzjalment li d-deċiżjoni kkontestata hija l-“ewwel” tan-natura tagħha.

625    Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw ċirkustanzi li ma humiex paragunabbli, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-iffissar tal-ammont tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li l-Kummissjoni, f’dan il-qasam, għandha setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni u ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 123).

626    Konsegwentement, il-fatt li, f’ċerti deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra inopportun li timponi multa wara li tkun ikkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, pereżempju għaliex it-tip ta’ imġiba inkwistjoni kienet identifikata għall-ewwel darba jew għaliex awtoritajiet amministrattivi jew qrati nazzjonali ddeċidew mod ieħor, ma huwiex vinkolanti fuq il-Kummissjoni u lanqas a fortiori fuq il-Qorti Ġenerali.

627    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi enfasizzat, kif tfakkar fil-punt 608 iktar ’il fuq, li jista’ jiġi kkunsidrat li ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni twettaq b’mod intenzjonali jekk l-impriża inkwistjoni ma setgħetx ma tkunx konxja tan-natura antikompetittiva tal-imġiba tagħha, u f’dan il-każ setgħet tiġi ssanzjonata għall-ksur imwettaq.

628    Barra minn hekk, ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1/2003 u lanqas fil-Linji Gwida li jindika li l-Kummissjoni għandha, kif issostni Google, tastjeni milli tissanzjona mġiba li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni minħabba li hija l-“ewwel”, jekk ma hijiex antikompetittiva min-natura tagħha jew bl-għan tagħha. Il-kriterju legali rilevanti huwa, kif tfakkar fil-punt 607 iktar ’il fuq, jekk il-ksur ikkonstatat twettaqx b’intenzjoni jew b’negliġenza.

629    B’hekk, il-fatt li l-abbuż identifikat jirrifletti sitwazzjoni li fir-rigward tagħha r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni qatt ma ġew applikati huwa element li għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tas-sanzjoni, iżda ma jipprekludihiex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni, C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 163).

630    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni invokati minn Google u miċ-CCIA jew anki s-sentenzi jew id-deċiżjonijiet amministrattivi nazzjonali li huma indikaw bħala li huma “favur” ta’ Google fir-rigward tal-imġiba li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux iwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li ma setgħetx tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq Google.

631    Google, f’dan ir-rigward dejjem sostnuta miċ-CCIA, essenzjalment tressaq bħala tielet argument sabiex tikkontesta sanzjoni pekunjarja imposta fuqha, li, peress li bdiet tittratta l-fajl permezz ta’ proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji, li kien jimplika li l-kawża ma kinitx waħda fejn is-sanzjoni kienet qiegħda tiġi kkunsidrata, il-Kummissjoni ma setgħetx finalment timponilha tali sanzjoni, anki jekk iddeċidiet li tmur lura għal proċedura standard ta’ konstatazzjoni ta’ ksur.

632    Il-Kummissjoni rrispondiet għal dan l-argument matul il-proċedura amministrattiva fil-premessi 730 sa 734 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet li hija kellha setgħa diskrezzjonali sabiex tadotta kemm deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-istess regolament. Hija rreferiet għas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 40), u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CB vs Il‑Kummissjoni (T‑491/07 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:379, punt 470). Sussegwentement, hija fakkret, b’riferiment għall-premessi 123 sa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tmur lura għall-proċedura standard ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, jiġifieri, essenzjalment, l-insuffiċjenza tal-impenji proposti sabiex jiġu rrimedjati l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati, u spjegat li, meta reġgħet lura għal dan il-kuntest, hija kellha l-prerogattivi kollha marbuta miegħu, inkluż dik li timponi sanzjoni pekunjarja. Hija żiedet li kien biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, bħal kontribuzzjoni sinjifikattiva tal-impriża sabiex jiġi stabbilit il-ksur, li seta’ jiġi deċiż li ma tiġix imposta sanzjoni, iżda l-proposti ta’ impenji ta’ Google bl-ebda mod ma wasslu għal dan.

633    Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CB vs Il‑Kummissjoni (T‑491/07 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:379, punt 470), invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mill-kliem tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla li tadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 7 jew deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Mill-użu tal-verb “tista’” f’dan l-aħħar artikolu, li jipprevedi li “[f]ejn […] l-impriża konċernata toffri rabta [impenji] li tilħaq il-konċerni [tħassib] espressi lilhom mil-Kummissjoni […], il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit vinkolanti fuq l-impriża”, jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tkompli bi proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji li hija tkun bdiet u tista’ tmur lura għal proċedura standard ta’ konstatazzjoni ta’ ksur. Il-Kummissjoni għandha dritt tagħmel dan, pereżempju, għaliex tikkunsidra li l-impenji proposti huma insuffiċjenti sabiex isolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati, għaliex jirriżulta li l-portata tal-fatti jew ta’ dawn il-problemi hija iktar sinjifikattiva minn kif inizjalment stabbilit jew għaliex finalment, il-Kummissjoni tikkunsidra iktar opportun, għal raġunijiet ta’ politika ġenerali ta’ kompetizzjoni, li tipproċedi b’konstatazzjoni ta’ ksur li hija, jekk ikun il-każ, suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

634    Kif issostni l-Kummissjoni, ir-ritorn għall-proċedura standard ta’ konstatazzjoni ta’ ksur wara li tkun bdiet proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji ma jipprekludihiex, bħala tali, milli timponi sanzjoni pekunjarja, peress li l-proċedura standard tinkludi tali setgħa, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Huwa dan li essenzjalment esponiet il-Kummissjoni fil-premessi 730 sa 733 tad-deċiżjoni kkontestata, espożizzjoni li ma hijiex ivvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni ċ-CCIA.

635    Google u ċ-CCIA jidhru li jikkunsidraw li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi imponiet sanzjoni wara li inizjalment bdiet proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji. Huma jiġbdu l-attenzjoni a contrario għall-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ppreżentat il-proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji u l-manwal tal-proċedura tad-DG tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, li fihom huwa indikat li din il-proċedura ma hijiex opportuna meta n-natura tal-kawża timplika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni.

636    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattiva leġittima, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jippreżupponi li l-persuna li qiegħda tinvokah tkun irċeviet, mill-istituzzjoni kkonċernata, assigurazzjonijiet preċiżi li jnisslu aspettattivi fondati fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-506/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:715, punt 58; tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147, u tal‑21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 71).

637    Issa, anki jekk huwa veru li, minbarra l-istqarrija għall-istampa u l-manwal tal-proċedura li jinvokaw Google u ċ-CCIA, il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003 tindika li d-deċiżjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji ma humiex opportuni meta l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li timponi multa, il-fatt li l-Kummissjoni, f’ċertu stadju tal-investigazzjoni ta’ każ ta’ possibbli ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, tibda proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji timplika biss għażla proċedurali preliminari u mhux finali. Tali għażla proċedurali ma għandhiex tikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża li l-Kummissjoni ma tirritornax lejn il-proċedura standard ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u li ma hijiex ser timponi sanzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-motivi indikati fil-punti 633 u 634 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑65/98, EU:T:2003:281, punti 192 sa 194, u tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punti 223 u 224).

638    Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni qieset, f’ċertu stadju tal-proċedura, li l-kawża setgħet, jekk ikun il-każ, tkun ittrattata permezz tal-proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji ma jipprekludihiex milli timponi finalment sanzjoni pekunjarja fuq Google wara li tkun marret lura għal proċedura standard ta’ konstatazzjoni ta’ ksur.

639    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta għalhekk li l-Kummissjoni setgħet timponi sanzjoni pekunjarja fuq Google.

2.      Fuq ittieni parti tassitt motiv, dwar ilquantum tassanzjoni pekunjarja

640    Preliminarjament, huwa mfakkar li, fil-Linji Gwida, il-Kummissjoni tispjega li tuża, bħala elementi ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa intiża sabiex tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi marbuta mal-ksur kif ukoll it-tul tal-ksur. Huwa applikat koeffiċjent ta’ gravità li jista’ jitla’ sa 30 % (multiplikatur ta’ 0.3) fuq il-valur tal-bejgħ marbut direttament jew indirettament mal-ksur fuq sena ta’ referenza. L-ammont miksub jiġi sussegwentement immultiplikat bit-tul tal-ksur espress fi snin, imbagħad, jekk ikun il-każ, miżjud, għal raġunijiet dissważivi, b’ammont addizzjonali minn 15 sa 25 % tal-imsemmi valur annwali ta’ bejgħ sabiex jiġi l-“ammont bażiku tal-multa”. Il-Kummissjoni tispjega li sabiex tistabbilixxi l-valur tal-bejgħ, hija tuża, bħala regola, l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (punti 5 sa 25 tal-Linji Gwida). Hija tindika wkoll li ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti jistgħu jwassluha temenda l-ammont bażiku tal-multa u li tista’, in fine, iżżid iktar dan l-ammont, b’mod partikolari għal finijiet dissważivi għall-impriżi li għandhom dħul mill-bejgħ partikolarment sinjifikattiv, lil hinn mill-prodotti u s-servizzi relatati mal-ksur, sakemm jiġi osservat il-limitu legali ta’ sanzjoni ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali magħmul matul is-sena finanzjarja qabel id-deċiżjoni (punti 27 sa 33 tal-Linji Gwida).

641    Kif ġie spjegat f’iktar dettall fil-punti 75 sa 77 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kummissjoni użat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 % applikat għad-dħul iġġenerat fl-2016 mir-reklami għal prodotti li dehru fix-Shopping Units u fil-paġna speċjalizzata Google Shopping u mir-reklami bil-kliem li dehru wkoll fl-imsemmija paġna fit-tlettax-il pajjiż li fihom kienet identifikata l-imġiba inkwistjoni. Hija mmultiplikat dan l-ammont bin-numru ta’ snin ta’ ksur ikkonstatat b’effett mit-tnedija tal-Product Universals jew, fin-nuqqas ta’ dan, dik tax-Shopping Units u żiedet, sabiex tiżgura l-effett dissważiv tas-sanzjoni, ammont addizzjonali li jikkorrispondi għal 10 % tad-dħul imsemmi iktar ’il fuq u, mingħajr ma kkonstatat ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, hija żiedet is-somma milħuqa billi applikat fattur multiplikatur ta’ 1.3.

a)      Largumenti talpartijiet

642    Google targumenta li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet timponilha multa, fi kwalunkwe każ din ġiet ikkalkolata b’mod żbaljat. Filwaqt li tirreferi għal-Linji Gwida, Google tqis li l-Kummissjoni użat ammont tal-valur tal-bejgħ skorrett, perijodu ta’ ksur twil wisq, koeffiċjent ta’ gravità eċċessiv, żieda mhux iġġustifikata normalment użata sabiex toħloq effett ta’ dissważjoni ta’ akkordji antikompetittivi, koeffiċjent ta’ dissważjoni addizzjonali li ukoll ma huwiex iġġustifikat ukoll kif ukoll rata ta’ kambju żbaljata u li, għall-kuntrarju, ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti.

643    Qabelxejn, Google tikkontesta l-għażla li tintuża s-sena 2016 bħala sena ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-valur tal-bejgħ. Fl-opinjoni tagħha, kellha tintuża l-medja tad-dħul matul il-perijodu tal-ksur inkwistjoni, li kien ikun iktar rappreżentattiv tar-realtà ekonomika u tas-sitwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ħabbret li ser tagħmel hekk fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għamlet dan f’diversi kawżi.

644    Sussegwentement, għal kull pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni użat perijodu ta’ ksur twil wisq. L-ebda analiżi tal-kompetizzjoni ma saret għas-snin preċedenti l-2011, iżda saret biss analiżi tal-flussi ta’ tiftix fi Franza, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, u, f’diversi Stati, Google Shopping, li kien identifikat fid-deċiżjoni kkontestata bħala s-servizz ta’ tqabbil għax-xiri ta’ prodotti ta’ Google, tnieda biss f’Settembru 2016, anki jekk ix-Shopping Units kienu diġà jeżistu. Il-perijodu ta’ negozjati mal-Kummissjoni dwar eventwali impenji ta’ Google, bejn Mejju 2012 u Marzu 2015, ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni, kuntrarjament għal dak li sar mingħajr spjegazzjonijiet.

645    Il-koeffiċjent ta’ gravità magħżul ta’ 10 % huwa għoli wisq. Huwa l-iktar koeffiċjent ta’ gravità għoli (flimkien ma’ dak applikat f’kawża li fiha l-imġiba antikompetittiva kienet fuq kollox ħafna iktar serja) applikat għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Anki fil-każijiet l-iktar serji li jirrigwardaw akkordji pprojbiti bl-Artikolu 101 TFUE, dan il-koeffiċjent rarament jeċċedi l-20 %. Il-motivazzjoni mogħtija, jiġifieri r-rabta ma’ ishma ta’ suq sinjifikattivi ta’ Google u l-importanza ekonomika tas-swieq ikkonċernati, ma tiġġustifikax dan. Dawn l-elementi huma fil-fatt marbuta mas-sitwazzjoni tas-suq, iżda mhux mal-gravità tal-aġir issanzjonat. Fil-kawża li wasslet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2009) 3726 finali tat-13 ta’ Mejju dwar proċediment taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (COMP/C-3/37.990 – Intel), ikkaratterizzata minn sitwazzjoni ta’ suq simili, intuża koeffiċjent ta’ 5 %, minkejja li l-imġiba inkwistjoni kienet, kif spjegat il-Kummissjoni stess fid-deċiżjoni mogħtija f’din il-kawża, abbużiva fin-natura tagħha, komplessa u miżmuma sigrieta u li l-istrateġija ta’ esklużjoni identifikata kellha dimensjoni mondjali.

646    L-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ 10 % tad-dħul annwali, li jikkorrispondi ma’ iktar minn EUR 200 miljun, hija mingħajr preċedent għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE, minkejja li l-Linji Gwida jindikaw li dan it-tip ta’ żieda hija intiża sabiex ikollha effett ta’ dissważjoni għall-akkordji li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE. L-ebda motivazzjoni ma tispjega r-raġuni għaliex intużat din iż-żieda. L-għan ta’ dissważjoni fir-rigward ta’ impriżi oħra, invokat fir-risposta, ma jiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ sanzjoni sproporzjonata għal imġiba li kienet ukoll adottat minn kompetituri ta’ Google, li barra minn hekk ma huwiex probabbli wisq li jista’ jkollhom pożizzjoni dominanti fid-dawl tal-analiżi tas-suq ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata.

647    Bl-istess mod, il-fattur multiplikatur ta’ 1.3 użat in fine, li wassal għal żieda ta’ iktar minn EUR 500 miljun, ma huwiex iġġustifikat. F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjoni ġenerali mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-ħtieġa ta’ dissważjoni u dik dwar id-dħul mill-bejgħ mondjali ta’ Alphabet huma insuffiċjenti. Tali żieda kienet applikata darba waħda biss għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE, mingħajr iż-żieda ta’ ammont addizzjonali fl-istess ħin kif imsemmi iktar ’il fuq. Dan il-ksur kien jirrigwarda rifjut ta’ provvista ta’ element indispensabbli u effett ta’ kompressjoni ta’ marġni. Barra minn hekk, f’din il-kawża, Google kkooperat b’mod kostruttiv mal-Kummissjoni u ma ħbietx l-imġiba inkwistjoni, u b’hekk ma kienx hemm bżonn ta’ komponent speċifiku ta’ dissważjoni fil-multa, li kienet diġà tassew suffiċjenti f’dan ir-rigward.

648    Barra minn hekk, sabiex tistabbilixxi f’euro l-valur tal-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi relatati mal-ksur, informazzjoni pprovduta minn Google, espressa f’dollari tal-Istati Uniti (USD), il-Kummissjoni użat b’mod żbaljat ir-rata ta’ kambju medja tal-2016, u barra minn hekk żbaljata, meta kellha tuża r-rati ta’ kambju medji ta’ kull sena kkonċernata.

649    Finalment, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra, bħala ċirkustanzi attenwanti, l-isforzi magħmula in bona fede minn Google sabiex tinnegozja impenji, il-fatt li din it-teorija li fuqha kien ibbażat il-ksur kienet ġdida, li jimplika li l-eventwali ksur ma twettaqx b’mod intenzjonali, il-benefiċċji li l-konsumaturi u n-negozjanti kisbu mill-prattiki inkwistjoni kif ukoll il-fatt li dawn il-prattiki ma ġewx moħbija.

650    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, b’mod partikolari jekk jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 2.5 % (daqs nofs dak użat fil-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2009) 3726 finali tat‑13 ta’ Mejju 2009 dwar proċediment taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (COMP/C-3/37.990 – Intel)) minflok dak ta’ 10 % użat fid-deċiżjoni kkontestata, li, mingħajr ma jiġu kkunsidrati ċirkustanzi attenwanti, il-multa imposta ma kellhiex tkun iktar minn EUR 91 miljun. Għalhekk Google titlob li l-Qorti Ġenerali, fil-każ li żżomm is-sanzjoni pekunjarja, tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

651    Fir-rigward tal-għażla tas-sena 2016 bħala sena ta’ referenza sabiex tistabbilixxi l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi marbuta mal-ksur, il-Kummissjoni tispjega li din hija konformi ma’ dak li huwa indikat fil-punt 13 tal-Linji Gwida u li l-aħħar sena sħiħa preċedenti l-konstatazzjoni ta’ ksur tirrifletti r-realtà ekonomika, b’mod partikolari id-daqs tal-ksur u, essenzjalment, ir-riżultati tiegħu fis-swieq ikkonċernati, jiġifieri l-iżvilupp tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google għad-detriment tas-servizzi kompetituri. L-ebda element prodott minn Google ma jissuġġerixxi mod ieħor. B’mod partikolari, ċirkustanzi partikolari, li ma kinux preżenti f’din il-kawża, setgħu jiġġustifikaw f’ċerti kawżi invokati minn Google, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-Kummissjoni rreferiet għal medji li jirrigwardaw diversi snin.

652    Fir-rigward tat-tul tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni tfakkar li hija identifikat, b’elementi konkreti insostenn, l-eżistenza tal-imġiba inkwistjoni minn qabel l-2011 fi Franza, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, perijodu li fih hija kkonstatat il-ksur biss f’dawn it-tliet pajjiżi. F’dan ir-rigward, l-eżami tal-flussi, mill-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, kien rilevanti. Fir-rigward tal-pajjiżi l-oħra li fihom il-ksur ikkonstatat beda wara, il-Kummissjoni tenfasizza li s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google ma jinkludix biss il-paġna speċjalizzata iżda wkoll ir-reklami għal prodotti u r-riżultati ta’ tiftix speċjalizzat għal prodotti li dehru fil-paġni tar-riżultati ta’ tiftix ġenerali qabel ma din il-paġna speċjalizzata saret disponibbli f’ċerti pajjiżi. B’mod partikolari, il-premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, li għaliha tirreferi Google, ma tgħid xejn iktar. B’hekk, id-dehra tax-Shopping Units bir-reklami tagħhom għal prodotti f’pajjiżi differenti tista’ titqies bħala l-bidu tal-imġiba intiża sabiex tagħti trattament preferenzjali lis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google. Finalment, il-Kummissjoni tispjega li ma kien hemm l-ebda raġuni li għaliha ma kellux jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ diskussjoni ta’ eventwali impenji, peress li matul dan iż-żmien il-prattiki inkwistjoni ma waqfux.

653    F’dak li jirrigwarda l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 % użat, il-Kummissjoni tenfasizza li dan huwa ferm inqas mill-koeffiċjent massimu ta’ 30 % imsemmi fil-Linji Gwida, li dan jirrifletti l-importanza tas-swieq milquta mill-imġiba inkwistjoni kif ukoll in-natura u l-portata ġeografika tagħha u li tali koeffiċjent ma ġiex ikkontestat mill-Qorti Ġenerali f’kawża li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, Google ma wrietx li ċ-ċirkustanzi ta’ kawżi oħra li hija ssemmi, b’mod partikolari l-kawża li wasslet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2009) 3726 finali tat‑13 ta’ Mejju 2009 dwar proċediment taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (COMP/C-3/37.990 – Intel), kienu komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża. Il-Kummissjoni tenfasizza d-differenzi f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-swieq, l-impriżi inkwistjoni u l-perijodi li matulhom l-imġiba kienet identifikata.

654    L-ammont addizzjonali ta’ 10 % tad-dħul annwali wkoll ġie ġġustifikat. Il-punt 25 tal-Linji Gwida ma jindikax li tali ammont addizzjonali huwa rriżervat għall-każijiet ta’ kartelli pprojbiti fl-Artikolu 101 TFUE, iżda huwa previst sabiex jippermetti li impriżi oħra jiġu skorraġġuti milli jadottaw imġiba ta’ ksur komparabbli għal dik issanzjonata, inkluż fi swieq oħra ta’ prodotti. Google lanqas ma wriet li fil-każijiet li fihom il-Kummissjoni ma inkludietx tali ammont fis-sanzjoni kienu komparabbli ma’ dan il-każ. Għalhekk, ma kienx neċessarju li tingħata motivazzjoni partikolari għall-applikazzjoni ta’ tali ammont.

655    Il-fattur multiplikatur ta’ 1.3 użat in fine kellu, minn naħa tiegħu, bħala għan, kif jirriżulta mill-punt 30 tal-Linji Gwida, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-portata tal-attivitajiet ta’ Google lil hinn mis-swieq affettwati bl-imġiba inkwistjoni. Il-Kummissjoni tindika dħul mill-bejgħ globali ta’ Google ta’ 40 darba ikbar. Dan ippermetta li jintlaħaq livell ta’ sanzjoni suffiċjentement sinjifikattiv għal tali impriża, sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha. L-attitudni ta’ Google matul il-proċedura, meta ppruvat tagħlaq l-kawża permezz ta’ impenji, ma hijiex element rilevanti f’dan ir-rigward.

656    Barra minn hekk, ir-rata ta’ kambju medja tas-sena 2016 tad-dollaru tal-Istati Uniti lejn l-euro, indikata mill-pubblikazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ EUR 0.9039 għal kull dollaru, użata fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx skorretta.

657    Finalment, skont il-Kummissjoni, hija kienet korretta meta ddeċidiet li ma kienx hemm ċirkustanzi attenwanti. Barra minn hekk, matul il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, ma saret l-ebda allegazzjoni li tali ċirkustanzi kellhom jiġu applikati, u dan jiġġustifika li l-Kummissjoni ma indikatx għaliex ma applikathomx. Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tressaq diversi argumenti. Il-fatt li Google pproponiet impenji ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti għall-imġiba tagħha, peress li l-impenji proposti, b’mod partikolari, ma għenux għall-konstatazzjoni tal-ksur. Anki fil-każ fejn is-sanzjoni ta’ imġiba bħal dik adottata minn Google kienet mingħajr preċedent, dan lanqas ma jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, bl-istess mod li n-natura mingħajr preċedenti ta’ konstatazzjoni ta’ ksur li jirrigwarda tip ta’ imġiba ma tipprekludix li din tkun issanzjonata. Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li Google ma aġixxietx b’sempliċement negliġenza, iżda b’mod intenzjonali. Minkejja li xi konsumaturi jew xi negozjanti apprezzaw il-preżentazzjoni tar-riżultati tas-servizz ta’ tqabbil tax-xiri ta’ Google, dan lanqas ma seta’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, għaliex huma setgħu jkunu milquta b’mod negattiv minħabba l-assenza ta’ preżentazzjoni tar-riżultati ta’ servizzi kompetituri ta’ tqabbil. Finalment, għalkemm li kieku l-imġiba ta’ ksur kienet moħbija, dan kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, il-fatt li ma kinitx ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti.

b)      Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

658    Qabel ma tiddeċiedi dwar l-argumenti tal-partijiet, il-Qorti Ġenerali tfakkar li hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 605 iktar ’il fuq.

659    Qabelxejn, Google tikkontesta l-valur tal-bejgħ tas-sena 2016 użat fid-deċiżjoni kkontestata bħala referenza sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku tal-multa. Fl-opinjoni tagħha, medja tad-dħul matul il-perijodu tal-imġiba inkwistjoni kienet tkun iktar rappreżentattiva tar-realtà ekonomika u tas-sitwazzjoni rispettiva tagħha.

660    Hemm lok li jiġi osservat li, kif ġie indikat fil-premessa 738 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat biss bħala valur tal-bejgħ id-dħul pubbliċitarju marbut mas-swieq tat-tiftix speċjalizzat għal prodotti (dħul marbut mar-reklami għal prodotti fix-Shopping Units, mar-reklami għal prodotti fuq il-paġna speċjalizzata Google Shopping u mar-reklami bil-kliem fuq din l-istess paġna speċjalizzata), iżda l-ebda dħul pubbliċitarju marbut mas-swieq tat-tiftix ġenerali. Għalhekk, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għaliex il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ikkonstatat l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, ma għandux impatt fuq il-valur tal-bejgħ li ġie użat.

661    Fir-rigward tas-sena ta’ referenza li għandha tiġi kkunsidrata, huwa korrett li l-Kummissjoni użat is-sena 2016, l-aħħar sena kompleta li matulha ġie kkonstatat il-ksur, skont kif tindika fil-punt 13 tal-Linji Gwida. Ħlief f’każ ta’ ċirkustanzi partikolari, tali riferiment joffri preċiżament l-aħjar mezz sabiex jiġi kkunsidrat l-impatt ta’ ksur identifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Caffaro vs Il‑Kummissjoni, C‑447/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:797, punt 51). Hemm lok li jiġi enfasizzat li, fid-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, kif indikat Google stess fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 404 tar-rikors, il-Kummissjoni spjegat li hija tuża biss valur medju ta’ bejgħ fuq diversi snin biss jekk l-aħħar sena finanzjarja ma tidhirx rappreżentattiva biżżejjed.

662    Sussegwentement, għandha tiġi evalwata l-kritika ta’ Google fir-rigward tar-rata tal-kambju tad-dollaru tal-Istati Uniti lejn l-euro użata għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 739 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 839 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat din ir-rata ta’ kambju medja għas-sena 2016 sabiex tistabbilixxi f’euros il-valur tal-bejgħ tas-sena 2016, għaliex Google pprovditilha l-informazzjoni utli għal dan il-għan espressa f’dollari tal-Istati Uniti.

663    Qabelxejn, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni setgħet korrettament tuża l-valur tal-bejgħ tas-sena 2016 bħala referenza għall-ammont bażiku tal-multa, il-kritika ta’ Google li l-Kummissjoni kellha tuża r-rati ta’ kambju medji ta’ kull sena kkonċernata mill-ksur għandha tiġi miċħuda.

664    Sa fejn kellu jintuża l-valur tal-bejgħ tas-sena 2016, Google tipproduċi bulletin tal-istatisika tal-BĊE (Anness A173 tar-rikors) li jindika rata ta’ kambju medja għas-sena 2016 tal-euro lejn id-dollaru tal-Istati Uniti ta’ 1.1069, li, bil-kalkolu bil-kontra, jirriżulta f’rata ta’ kambju tad-dollaru tal-Istati Uniti lejn l-euro ta’ 0.9034. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, użat rata ta’ kambju tad-dollaru tal-Istati Uniti lejn l-euro ta’ 0.9039 li hija siltet mill-paġna tal-istatistika interattiva dwar ir-rati ta’ kambju tas-sit internet tal-BĊE. Jirriżulta li l-paġna interattiva użata mill-Kummissjoni ġiet ikkonsultata minnha fis‑27 ta’ April 2017, jiġifieri, loġikament, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-bulletin tal-istatistika li għalih tirreferi Google deher fid-data tal‑31 ta’ Lulju 2017, jiġifieri huwa wara l-adozzjoni, fis‑27 ta’ Ġunju 2017, tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata talli użat informazzjoni tal-BĊE affidabbli u aċċessibbli ftit żmien qabel ma hija adottat id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 43).

665    Sussegwentement, Google tikkontesta t-tul tal-ksur użat fid-diversi pajjiżi kkonċernati. Hija tqis li l-ksur ma ġiex ippruvat għas-snin ta’ qabel l-2011 peress li ma saritx analiżi tal-kompetizzjoni. Hija tenfasizza li kien biss fl-2016 li l-paġna speċjalizzata Google Shopping , ġiet introdotta f’ċerti pajjiżi kkonċernati. Hija ssostni wkoll li l-perijodu tad-diskussjonijiet tal-proposti ta’ impenji ma għandux jiġi inkluż fil-perijodu ta’ ksur.

666    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-ksur ġie identifikat b’effett minn Jannar 2008 fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, minn Ottubru 2010 fi Franza, minn Mejju 2011 fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fi Spanja, minn Frar 2013 fir-Repubblika Ċeka u minn Novembru 2013 fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fin-Norveġja, fil-Polonja u fl-Isvezja. Il-kritika ta’ Google dwar in-nuqqas ta’ analiżi tal-kompetizzjoni qabel l-2011 għalhekk tikkonċerna biss il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza.

667    F’dan ir-rigward, mill-eżami tal-elementi msemmija fil-punti 383 sa 388 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tnaqqis ta’ traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri kienu, meħuda flimkien, sinjifikattivi fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fi Franza b’effett mill-2011, minkejja li uħud minn dawn is-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kienu rrappurtaw tnaqqis preċedenti. Mill-eżami tal-elementi msemmija fil-punti 402 u 403 iktar ’il fuq jirriżulta li t-traffiku mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha żdied b’mod sinjifikattiv minn Jannar 2008 fil-Ġermanja u fir-Renju Unit u minn Ottubru 2010 fi Franza, b’dawn id-dati jikkorrispondu mat-tnedija tal-Product Universals f’dawn il-pajjiżi. Finalment, mill-eżami tat-tliet partijiet tar-raba’ motiv ta’ annullament ta’ Google jirriżulta li, minbarra dak li jirrigwarda s-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, il-Kummissjoni wriet, korrettament, l-effetti antikompetittivi potenzjali tal-imġiba ta’ Google fit-tlettax-il pajjiż li fir-rigward tagħhom hija kienet ikkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat minn Google li hija adottat l-imġiba li dwarha hija kkritikata fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fi Franza, li mmaterjalizzat bit-tnedija ta’ Product Universals filwaqt li s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri baqgħu biss fir-riżultati ġeneriċi, minn Jannar 2008 sa Ottubru 2010. Għalhekk, anki jekk parti mill-effetti materjali ta’ din l-imġiba fuq it-traffiku li ġej mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google, li jaffettwaw it-traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri, ġiet ġeneralment osservata f’dawn il-pajjiżi biss mill-2011, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkunsidrat li l-ksur kien beda meta ġiet implimentata l-imġiba inkwistjoni u li t-tul tal-ksur kien jikkorrispondi għall-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ din l-imġiba. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-fattur relatat mal‑“implimentazzjoni jew le tal-ksur”, imsemmi fil-punt 22 tal‑Linji Gwida, jirrigwarda l-aġir tal-parteċipanti fil-ksur u mhux l-effetti tiegħu fis-suq (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1805).

668    L-argument marbut mal-introduzzjoni, fl-2016 biss, tal-paġna speċjalizzata Google Shopping f’ċerti pajjiżi kkonċernati għandu jiġi miċħud għall-istess raġuni. L-imġiba li l-Kummissjoni kkritikat lil Google dwarha ma hijiex li ħolqot paġna ta’ tiftix u ta’ riżultati speċjalizzati għat-tqabbil tax-xiri, iżda talli, fuq il-paġna tar-riżultati ġenerali tagħha, ittrattat b’mod differenti s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri permezz ta’ pożizzjonament u ta’ preżentazzjoni iktar favorevoli tar-riżultati tagħha stess fil-Product Universals, imbagħad fix-Shopping Units.

669    L-istess motiv jimplika wkoll li għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Google li l-perijodu ta’ diskussjoni ta’ proposti ta’ impenji ma għandux ikun inkluż fil-perijodu tal-ksur. Fil-fatt, matul dan il-perijodu, Google ma temmitx il-ksur inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li targumenta Google, il-Kummissjoni lanqas ma kellha bżonn tipprovdi motivazzjoni partikolari minħabba l-fatt li inkludiet dan il-perijodu fit-tul tal-ksur.

670    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-perijodu tal-ksur użat għal kull pajjiż ikkonċernat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tas-sanzjoni ma għandux ikun ikkontestat.

671    Sussegwentement, Google tqis li l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 % użat mill-Kummissjoni huwa għoli b’mod inġust. Hija b’mod partikolari tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2009)3726 finali tat‑13 ta’ Mejju 2009 dwar proċediment taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (COMP/C-3/37.990 – Intel), li fiha hija ddeċidiet dwar koeffiċjent ta’ 5 % minkejja li l-imġiba inkwistjoni kienet ferm iktar gravi minn dik li dwarha ġiet ikkritikata.

672    Qabelxejn, għandu jitfakkar, hekk kif issemma fil-punt 623 iktar ’il fuq, li l-paraguni magħmula ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni mogħtija fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jintwera li l-fatti tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodu kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk f’dan il-każ u li għandhom jiġu invokati deċiżjonijiet kontemporanji għal finijiet ta’ paraguni. F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-fatt li l-Kummissjoni imponiet, fil-passat, multi ta’ ċerti livell ma għandux jipprekludiha mill-possibbiltà li żżid dan il-livell fil-limiti indikati fir-regolament rilevanti u fil-linji gwida li hija stabbilixxiet, jekk dan isir neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politika ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija tista’ żżid il-livell tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom. Il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix għalhekk fiha nnifisha bħala qafas legali sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li issa dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-Linji Gwida (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 254; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 109, u d-digriet tal‑11 ta’ Settembru 2008, Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, C‑468/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:503, punt 30).

673    Fil-punti 19 sa 22 tal-Linji Gwida, huwa indikat, essenzjalment, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur u tal-eventwali ammont addizzjonali għal finijiet dissważivi, li l-ammont bażiku tal-multa huwa magħmul minn proporzjon (bħalissa msejjaħ il-“koeffiċjent ta’ gravità”) tal-valur annwali tal-bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni tal-prodotti u tas-servizzi relatati mal-ksur, li bħala regola ġenerali jinsab fi skala li titla’ sa 30 %, iddeterminata skont il-gravità tal-ksur, li hija evalwata skont il-każ billi jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ relatati ma’ numru ta’ fatturi bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implimentazzjoni, jew le, tal-ksur. Fil-punt 23 tal-Linji Gwida, huwa spjegat li l-ftehimiet orizzontali dwar l-iffissar tal-prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni huma fost l-iktar restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni gravi li għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever, li jimplika li f’dawn il-każijiet, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ applikat, ġeneralment ikun fin-naħa ta’ fuq tal-iskala.

674    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tiġi evalwata skont numru ta’ fatturi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, mingħajr ma hemm lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 273, u tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 107; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 198).

675    F’dan il-każ, fil-premessa 743 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat il-fatt li tuża 10 % bħala proporzjon tal-valur tal-bejgħ, billi tispjega li s-swieq nazzjonali kkonċernati tat-tiftix speċjalizzat ta’ tqabbil tax-xiri u tat-tiftix ġenerali kellhom importanza ekonomika sinjifikattiva, li jfisser li kull imġiba antikompetittiva f’dawn is-swieq seta’ jkollha impatt kunsiderevoli u li, matul il-perijodu tal-ksur, Google mhux biss talli kellha pożizzjoni dominanti fit-tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali kkonċernati, iżda talli kellha wkoll ishma tas-suq ħafna iktar ogħlja mill-kompetituri tagħha.

676    Għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 743 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix, waħidha, fid-dawl tal-Linji Gwida, li jiġi ġġustifikat l-użu ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 % magħżul, kif essenzjalment issostni Google. Fil-fatt, il-Kummissjoni f’din il-premessa ma tagħmilx suffiċjentement riferiment għal elementi rilevanti. Hija tirreferi biss għal wieħed mill-erba’ fatturi msemmija fil-punt 22 tal-Linji Gwida, jiġifieri s-sehem tas-suq tal-impriża kkonċernata, u ma tittratta l-ebda waħda minn dawn il-fatturi l-oħra, bħan-natura tal-ksur jew il-portata ġeografika tiegħu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma twettaqx evalwazzjoni espliċita u ddettaljata f’dak li jirrigwarda l-gravità intrinsika tal-imġiba li dwarha hija kkritikata Google, imsejħa wkoll il-gravità tan-natura tal-ksur, minkejja li hija fattur li huwa espressament imsemmi fil-punt 22 tal-Linji Gwida u li l-eżami tiegħu jidher indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-gravità globali tal-ksur, li jieħu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra.

677    Fil-qafas tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali hija mitluba terġa’ tevalwa l-gravità tal-imġiba ta’ Google filwaqt bili tieħu inkunsiderazzjoni fatturi addizzjonali, bħal dawk imsemmija fil-punti 673 u 674 iktar ’il fuq, meta mqabbla ma’ dawk irrappurtati fil-punt 675 iktar ’il fuq.

678    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punti 614 u 615 iktar ’il fuq, diversi kawżi wasslu sabiex il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni jistabbilixxu bħala antikompetittivi prattiki ta’ esklużjoni ta’ impriżi dominanti u jissanzjonawhom. Bħala prinċipju, dawn il-prattiki antikompetittivi huma kkunsidrati serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni, C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 162). Fil-fatt, huma jwasslu sabiex kompetituri jiġu preklużi milli jidħlu fis-suq jew sabiex jitnaqqas in-numru ta’ kompetituri fih, jew tal-inqas sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva tagħhom, u mhux biss sabiex tiġi limitata l-libertà tagħhom f’termini ta’ imġiba. F’dan is-sens, f’ċerti ċirkustanzi dawn jistgħu jkunu serji daqs l-akkordji dwar iffissar ta’ prezzijiet, ta’ qsim tas-suq jew ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, imsemmija fil-punt 23 tal-Linji Gwida li ġeneralment jiġġustifikaw koeffiċjent ta’ gravità “fin-naħa ta’ fuq tal-iskala”, għaliex jaffettwaw bl-istess mod il-kompetizzjoni, fis-sens li dawk li huma fuq in-naħa tad-domanda tas-swieq ikkonċernati jistgħu jsibu ruħhom, wara li jkun seħħ xi wieħed minn dawn it-tipi ta’ ksur, quddiem sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ oligopolju, jew ekwivalenti tagħhom minn perspettiva tal-kompetizzjoni, tal-inqas f’sitwazzjoni fejn il-kompetizzjoni hija drastikament imnaqqsa.

679    Madankollu, prattika ta’ esklużjoni ta’ impriża dominanti tista’ tkun iktar jew inqas serja. F’dan ir-rigward, il-fatt li din il-prattika għandha, jew ma għandhiex, b’mod ċar bħala għan li teskludi kompetituri, bħal prattika ta’ prezzijiet predatorji, rifjut li tiġi pprovduta faċilità essenzjali jew prattika ta’ kompressjoni ta’ marġni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, mhux biss talli din l-informazzjoni tista’ tkun neċessarja sabiex prattika tiġi kklassifikata bħala ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 139), iżda talli hija tista’ tkun rilevanti wkoll sabiex titkejjel il-gravità tiegħu.

680    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 616 iktar ’il fuq, l-imġiba li dwarha hija kkritikata Google ġiet adottata b’mod intenzjonali billi kienet taf li setgħet twassal għal esklużjoni tal-kompetituri u għar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Kummissjoni bdiet, għall-ewwel, billi ttrattat il-kawża permezz ta’ proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji u li dawn il-proċeduri, bħala prinċipju, ma humiex addattati meta n-natura tal-ksur fil-bidu tidher li tiġġustifika sanzjoni, meta diversi awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali ma jkunux ikkunsidraw l-imġiba ta’ Google illegali jew meta l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ppruvatx li kien hemm intenzjoni ġenwina ta’ esklużjoni ta’ kompetituri u strateġija ppjanata għal dan il-għan. Il-prattiki identifikati jibqgħu prattiki antikompetittivi ta’ esklużjoni, li jistgħu jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni daqs prattiki ta’ ftehim fuq il-prezzijiet jew il-qsim tas-swieq. Jidher li ċerti servizzi ta’ tqabbil tax-xiri kompetituri ta’ Google tilfu ammont sinjifikattiv ta’ traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ġenerali tagħha, kif deskritt fil-punti 383 sa 387 iktar ’il fuq. Google żviluppat il-prattiki inkwistjoni b’mod progressiv fi tlettax-il pajjiż taż-ŻEE fuq perijodu ta’ madwar għaxar snin u f’sitta minn dawn il-pajjiżi wara li rċeviet l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni f’Marzu 2013.

681    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li, minn naħa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod validu abbuż fis-suq tat-tiftix ġenerali fuq l-internet (ara l-punt 596 iktar ’il fuq) u li l-prattiki inkwistjoni ma kinux moħbija, li jfisser li dan il-fattur, li min-natura tiegħu jżid il-gravità, jista’ ma jiġix ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, EU:T:2006:396, punt 252). Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Qorti Ġenerali tqis, kif tfakkar fil-punt 680 iktar ’il fuq, li l-prattiki inkwistjoni ġew adottati b’mod intenzjonali, u mhux b’negliġenza. Minkejja li l-ewwel kunsiderazzjoni timmilita favur tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità applikabbli, it-tieni waħda timmilita, min-naħa tagħha, għal żieda ta’ dan il-koeffiċjent.

682    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ssegwi l-Linji Gwida mfakkra fil-punt 673 iktar ’il fuq, anki jekk ma hijiex marbuta bihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90, tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 266, u tat‑12 ta’ Diċembru 2014, H & R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni, T‑551/08, EU:T:2014:1081, punt 221), tqis li koeffiċjent ta’ gravità, jiġifieri proporzjon tal-valur tal-bejgħ, ta’ 10 % għandu jiġi applikat.

683    Sussegwentement, Google ssostni li l-ammont addizzjonali ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ użat fl-ammont bażiku tal-multa mill-Kummissjoni, għall-ewwel darba għal abbuż minn pożizzjoni dominanti mhux marbut ma’ prattika ta’ akkordju, lanqas ma kien iġġustifikat.

684    Fil-premessa 750 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat l-applikazzjoni ta’ dan l-ammont addizzjonali billi rreferiet għall-elementi kollha li hija użat, fil-premessa 743 ta’ din id-deċiżjoni, sabiex tevalwa l-gravità tal-prattika (ara l-punt 675 iktar ’il fuq). Hija żiedet li dan l-ammont jissodisfa n-neċessità li jiġi żgurat li l-multa għandha tkun suffiċjentement dissważiva fir-rigward ta’ impriżi ta’ daqs simili għal dak ta’ Google u li għandhom riżorsi simili.

685    Tali ammont addizzjonali huwa previst fil-punt 25 tal-Linji Gwida, li jindika barra minn hekk li dan l-ammont jikkorrispondi għal somma ta’ bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ. Dan l-istess punt jispjega li tali ammont jissodisfa b’mod partikolari n-neċessità li l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni u li l-Kummissjoni tista’ tapplikahom fil-każ ta’ ksur ieħor. F’dan ir-rigward, l-għan imfittex huwa stipulat fil-punt 7 tal-Linji Gwida, li jindika li “huwa adegwat li fil-multa jiġi inkluż ammont speċifiku, li ma huwiex marbut mat-tul tal-ksur, sabiex tiddisswadi l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jinvolvu ruħhom f’aġir illegali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mil-Linji Gwida għalhekk jirriżulta li dan l-ammont huwa intiż, għal ċertu ksur, sabiex jikkostitwixxi “ammont b’rata fissa” ta’ multa li jista’ jiġi applikat bis-saħħa tal-fatt biss li twettaq ksur, mingħajr kunsiderazzjoni tat-tul tiegħu.

686    Ċertament, tali ammont għandu natura dissważiva fir-rigward tal-impriżi kollha, iżda ma huwiex intiż speċifikament, kuntrarjament għal dak li jidher li indikat il-Kummissjoni fit-tieni parti tal-premessa 750 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiżgura n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multi fir-rigward tal-impriżi kbar, li huwa kopert minn dispożizzjoni oħra tal-Linji Gwida, li l-Kummissjoni użat b’mod kumulattiv f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 753 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dik li tinsab fil-punt 30 tal-Linji Gwida u li hija intiża għal eventwali żieda finali tal-multa wara li jiġi stabbilit l-ammont bażiku u wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti u attenwanti.

687    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata għalhekk li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ 10 % huma raġunijiet parzjali, sa fejn jirrigwardaw il-gravità tal-ksur, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 676 iktar ’il fuq, u jistgħu jagħtu lok għal mistoqsijiet sa fejn dawn jirrigwardaw l-għan indikat kif espost fil-Linji Gwida.

688    Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, fi kwalunkwe każ għandha tiġi evalwata mill-ġdid l-opportunità li jintuża ammont addizzjonali fl-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Google, peress li f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha tapplika l-iskema prevista mil-Linji Gwida, kif diġà għamlet fil-punt 682 iktar ’il fuq.

689    Mill-ksur imsemmi b’mod prinċipali fil-punt 25 tal-Linji Gwida, jiġifieri l-parteċipazzjoni fi ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, jirriżulta li l-ammont addizzjonali huwa ġġustifikat għall-ksur partikolarment serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1883). Dan l-ammont addizzjonali huwa intiż sabiex jiddiswadi l-impriżi saħansitra milli jwettqu tali ksur, irrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fih.

690    Mill-punti 678 sa 680 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imġiba ta’ Google kienet tikkostitwixxi ksur partikolarment serju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tikkontestax l-ammont addizzjonali ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ tas-sena 2016 li għandu jiġi inkluż fl-ammont bażiku tal-multa, kif stabbilit mill-Kummissjoni.

691    L-ammont bażiku tal-multa kif evalwat mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha huwa għalhekk l-istess bħal dak użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri huwa ugwali għall-valur tal-bejgħ tas-sena 2016 imsemmi fit-tabella 29 li jinsab fil-premessa 748 tad-deċiżjoni kkontestata, aġġustat b’koeffiċjent ta’ 10 % u mmultiplikat, għal kull pajjiż ikkonċernat, bit-tul tal-ksur espress fi snin li ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata taħt il-forma ta’ numru ta’ jiem fl-istess tabella, miżjud b’ammont addizzjonali ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ tas-sena 2016. Dan l-ammont bażiku huwa ugwali għal EUR 1 866 424 914.

692    Google ssottomettiet ukoll numru ta’ argumenti sabiex tikkontesta l-fatt stess li hija setgħet tiġi suġġetta għall-impożizzjoni ta’ multa, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet meta evalwathom minn din il-perspettiva. Madankollu, peress li ser tibdel id-deċiżjoni kkontestata u peress li hija stess għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li uħud minn dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fir-rigward ta’ eventwali rikonoxximent ta’ ċirkustanzi attenwanti.

693    F’dan ir-rigward, Google ssostni li l-Kummissjoni kienet bdiet tittratta din il-kawża fil-qafas tal-proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji u li hija stess kienet ipproponiet in bona fede tlett settijiet ta’ impenji. Kif ġie rrilevat fil-punt 638 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset, għall-ewwel, li t-tielet wieħed minn dawn is-settijiet, seta’ jissodisfa t-tħassib ta’ kompetizzjoni li hija kienet esprimiet fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, peress li hija informat b’dan lil lanjanti filwaqt li indikatilhom li kellha l-intenzjoni li tiċħad l-ilmenti tagħhom. Kif ġie indikat fil-punti 632 sa 638 iktar ’il fuq, din l-evalwazzjoni provviżorja, f’ċertu stadju tal-proċedura, ma pprekludietx lill-Kummissjoni milli tmur lura għal proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u milli tissanzjona lil Google. Madankollu, jekk jirriżulta li Google, wara li l-Kummissjoni kienet bdiet il-proċess biex issolvi l-każ permezz tal-aċċettazzjoni tal-impenji, kienet effettivament ipproponiet impenji serji li setgħu jtemmu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni, dan jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

694    Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, Google esponiet essenzjalment li l-impenji li hija finalment ipproponiet lill-Kummissjoni kienu differenti b’mod sostanzjali minn dak li kien meħtieġ li jiġi implimentat sabiex tkun applikata d-deċiżjoni kkontestata. Skont l-ispjegazzjonijiet ta’ Google, dawn l-impenji ma kinux iwasslu sabiex għas-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri jiġu applikati l-istess proċessi u metodi sabiex jidhru fix-Shopping Units bħal dawk applikati għal prodotti ta’ Google, kif tirrikjedi d-deċiżjoni kkontestata, iżda sabiex jiġu applikati mekkaniżmi differenti. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punt 26 iktar ’il fuq, dawn il-proposti ta’ impenji rċevew reazzjoni negattiva minn numru sinjifikattiv ta’ lanjanti kif jirriżulta mill-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li jiġu applikati ċirkustanza attenwanti favur Google minħabba l-impenji li hija pproponiet.

695    Finalment, Google tqis li lanqas il-fattur multiplikatur ta’ 1.3 użat in fine mill-Kummissjoni ma huwa ġġustifikat. Google tirreferi b’mod partikolari għall-attitudni kostruttiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u għall-uniku preċedent ta’ użu ta’ tali fattur f’kawża ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, li kienet tirrigwarda mġiba ħafna iktar serja.

696    Madankollu, fl-ewwel lok, l-attitudni ta’ Google matul il-proċedura amministrattiva diġà ġiet eżaminata fid-dawl ta’ eventwali ċirkustanza attenwanti u ġiet eliminata bħala tali.

697    Fit-tieni lok, kif diġà tfakkar fil-punt 672 iktar ’il fuq, f’dan il-qasam, il-preċedenti jorbtu biss lill-Kummissjoni f’ċirkustanzi komparabbli, il-kuntrarju ċertament ma japplikax. F’dan il-każ, il-kawża invokata minn Google, li wasslet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (AT.39523 – Slovak Telekom), la tirrigwarda l-istess swieq ta’ prodotti, u lanqas l-istess portata ġeografika bħal dawk involuti f’din il-kawża, u l-prattiki identifikati kienu ta’ natura differenti, anki jekk kienu jirrigwardaw ukoll prattiki ta’ esklużjoni.

698    Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-punt 30 tal-Linji Gwida, iż-żieda inkwistjoni hija intiża sabiex tiġi żgurata n-natura dissważiva tal-multi fir-rigward ta’ impriżi b’saħħithom li d-dħul mill-bejgħ tagħhom, lil hinn mill-prodotti u mis-servizzi relatati mal-ksur, huwa partikolarment sinjifikattiv. Fil-fatt, għal tali impriżi, jekk il-Kummissjoni kellha tillimita ruħha għall-kalkolu tal-multi kif stipulat fil-punti preċedenti tal-Linji Gwida, il-livell tal-multa, ikkalkolata biss abbażi tad-dħul mill-bejgħ dirett u indirett tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat, jista’ jkun insuffiċjenti sabiex tkun dissważiva fir-rigward tat-totalità tal-attivitajiet u tas-setgħa ta’ dawn l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il‑Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punti 84 sa 86 u 93).

699    F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessa 753 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dħul mill-bejgħ ta’ Alphabet fl-2016, ta’ iktar minn EUR 80 biljun, kien jeċċedi b’mod ċar id-dħul iġġenerat mis-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tagħha u li fattur multiplikatur ta’ 1.3 kien konsegwentement iġġustifikat sabiex il-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva, mhux biss għal Google, iżda wkoll għall-impriżi ta’ daqs simili.

700    Il-Qorti Ġenerali tqis li dan l-approċċ huwa ġġustifikat u tadottah min-naħa tagħha fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, il-valur tal-bejgħ ikkonstatat fl-2016 għas-servizzi kkonċernati huwa ta’ EUR 2 045 300 588, jiġifieri madwar 40 darba inqas mid-dħul mill-bejgħ ta’ Alphabet imsemmi fil-punt 699 iktar ’il fuq.

701    Fi tmiem din l-evalwazzjoni dwar il-quantum tas-sanzjoni pekunjarja imposta fuq Google, jidher li ma hemmx lok li din tiġi emendata. Konsegwentement, anki jekk il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali tistax iżżid is-sanzjoni stipulata f’din id-deċiżjoni fl-assenza ta’ talbiet f’dan is-sens ġiet diskussa fis-seduta, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

702    Għalhekk, minn eżami tas-sitt motiv jirriżulta li l-ammont tal-multa imposta huwa kkonfermat bħala EUR 2 424 495 000. Peress li Alphabet, kif tfakkar fil-premessi 735 u 736 tad-deċiżjoni kkontestata, hija, minn meta ġiet stabbilita fl-2 ta’ Ottubru 2015, responsabbli in solidum ma’ Google LLC, fatt li dawn tal-aħħar ma jikkontestawx, għandu jiġi kkonfermat ukoll li għandha tiġi imposta multa ta’ EUR 2 424 495 000 fuq Google LLC, u li minnha EUR 523 518 000 huma in solidum ma’ Alphabet.

D.      Konklużjoni ġenerali

703    Mill-eżami tal-ewwel ħames motivi (ara l-punt 596 iktar ’il fuq) imqajma insostenn tat-talbiet imressqa prinċipalment jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod korrett, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li, billi abbużat mill-pożizzjoni dominanti li hija għandha fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, Google kisret l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE f’dak li jirrigwarda s-swieq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat tat-tlettax-il pajjiż imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq b’effett minn dati differenti skont l-introduzzjoni ta’ riżultati speċjalizzati għal prodotti jew għal reklami għal prodotti fil-paġna tar-riżultati ġenerali ta’ Google. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu għandu jkun parzjalment annullat, sa fejn fih il-Kummissjoni kkonkludiet dwar l-eżistenza tal-ksur imsemmi iktar ’il fuq abbażi ta’ effetti tal-abbuż fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali f’dawn it-tlettax-il pajjiż.

704    Mill-eżami tas-sitt motiv jirriżulta (ara l-punt 702 iktar ’il fuq) li l-ammont tal-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi kkonfermat. Għalhekk, it-talbiet imressqa sussidjarjament intiżi għat-tneħħija jew għar-riduzzjoni tal-ammont tal-multa għandhom jiġu miċħuda.

V.      Fuq lispejjeż

705    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu mitluba. Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom peress li intervjenew fil-kawża. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

706    F’dan il-każ, fid-dawl tat-talbiet dwar l-ispejjeż ippreżentati minn Google u mill-Kummissjoni kif ukoll miċ-CCIA, mill-BEUC, minn Foundem, mill-VDZ, mill-BDZV, minn Visual Meta, Twenga, u Kelkoo, imsemmija fil-punti 113 sa 118 iktar ’il fuq, peress li Google essenzjalment tilfet, hija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż tal-Kummissjoni, minbarra l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni minħabba l-intervent taċ-CCIA, li għandha tbatihom din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-BEUC, Foundem, il-VDZ, il-BDZV, Visual Meta, Twenga, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, Kelkoo u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4444 finali tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [Il-Każ AT.39740 – Google Search (Xiri)], huwa annullat biss sa fejn fih il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet min-naħa ta’ Google LLC u ta’ Alphabet, Inc. fi tlettax-il sur nazzjonali tat-tiftix ġenerali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) abbażi tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi f’dawn is-swieq.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Google u Alphabet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti minn din tal-aħħar minħabba l-intervent ta’ Computer & Communications Industry Association.

4)      Computer & Communications Industry Association għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni minħabba l-intervent tagħha.

5)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), Infederation Ltd, Kelkoo, il-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, Visual Meta GmbH, il-BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV u Twenga għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

      Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Novembru 2021.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

A. Ilkuntest

B. Ilproċedura amministrattiva

C. Iddeċiżjoni kkontestata

II. Ilproċedura

III. Ittalbiet talpartijiet

IV. Iddritt

A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

1. Fuq lordni tależami talmotivi u largumenti f’din ilkawża

2. Fuq ilportata talistħarriġ talQorti Ġenerali f’din ilkawża

B. Fuq ittalbiet, ippreżentati prinċipalment, għallannullament taddeċiżjoni kkontestata

1. Fuq ilħames motiv u lewwel parti talewwel motiv, ibbażati fuq ilkonformità talprattiki inkwistjoni malkompetizzjoni abbażi talmertu

a) Fuq lewwel parti talħames motiv, li tgħid li lprattiki inkwistjoni huma titjib kwalitattiv li jifforma parti minn kompetizzjoni abbażi talmertu u ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala abbużivi

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

b) Fuq ittieni parti talħames motiv, li tgħid li lKummissjoni tirrikjedi li Google tipprovdi lisservizzi kompetituri ta’ tqabbil taxxiri aċċess għasservizzi mtejba tagħha mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet identifikati fil-ġurisprudenza

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

c) Fuq lewwel parti talewwel motiv, li fiha jiġi sostnut li lfatti ġew ippreżentati b’mod żbaljat, għaliex Google introduċiet ilgruppi ta’ riżultati għal prodotti sabiex ittejjeb ilkwalità tasservizz tagħha u mhux sabiex tidderiġi ttraffiku lejn isservizz ta’ tqabbil taxxiri tagħha

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

2. Fuq lelementi talewwel u tattieni motiv bbażati fuq innatura nondiskriminatorja talprattiki inkwistjoni

a) Fuq lelementi talewwel motiv ibbażati fuq ilfatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li Google tat trattament preferenzjali lisservizz ta’ tqabbil taxxiri rispettiv tagħha bilwiri talProduct Universals

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

b) Fuq lelementi tattieni motiv ibbażati fuq ilfatt li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li Google tat trattament preferenzjali lisservizz ta’ tqabbil taxxiri rispettiv tagħha bilwiri taxShopping Units

1) Fuq lewwel parti tattieni motiv, li jgħid li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li ttrattament differenti tarreklami għal prodotti u tarriżultati ġeneriċi kien jikkostitwixxi trattament preferenzjali, minkejja li ma kien jinvolvi l-ebda diskriminazzjoni

i) Largumenti talpartijiet

ii) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

2) Fuq ittieni parti tattieni motiv, li tgħid li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li rreklami għal prodotti li jidhru fixShopping Units kienu ta’ benefiċċju għasservizz ta’ tqabbil taxxiri ta’ Google

i) Largumenti talpartijiet

ii) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

c) Fuq lelementi tattielet parti tattieni motiv li skonthom Google diġà tinkludi sservizzi kompetituri ta’ tqabbil taxxiri fixShopping Units, b’tali mod li ma jistax ikun hemm trattament preferenzjali

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

3. Fuq ittielet u rraba’ motivi, ibbażati fuq ilfatt li lprattiki inkwistjoni ma kellhomx effetti antikompetittivi

a) Fuq lewwel parti tattielet motiv, li tgħid li lKummissjoni ma stabbilixxietx li lprattiki inkwistjoni kienu wasslu għal tnaqqis tattraffiku millpaġni tarriżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil taxxiri

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

b) Fuq ittieni parti tattielet motiv, li tgħid li lKummissjoni ma stabbilixxietx li l-prattiki inkwistjoni kienu wasslu għal żieda tat-traffiku millpaġni tarriżultati ġenerali ta’ Google lejn is-servizz ta’ tqabbil taxxiri rispettiv tagħha

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

c) Fuq lewwel parti tarraba’ motiv, li tgħid li lKummissjoni spekulat fuq leffetti antikompetittivi talprattiki inkwistjoni

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

d) Fuq ittieni parti tarraba’ motiv, li rrwol talpjattaformi merkantili ma tteħidx inkunsiderazzjoni flanaliżi taleffetti

1) Fuq lelementi tattieni parti tarraba’ motiv li skonthom iddelimitazzjoni tassuq ta’ prodotti hija żbaljata

i) Largumenti talpartijiet

ii) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

2) Fuq lelementi tattieni parti tarraba’ motiv li skonthom ilpressjoni kompetittiva talpjattaformi merkantili kienet fi kwalunkwe każ injorata

i) Largumenti talpartijiet

ii) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

e) Fuq ittielet parti tarraba’ motiv, li tgħid li lKummissjoni ma urietx l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

4. Fuq ittielet parti talewwel motiv u ttielet parti tattieni motiv, ibbażati fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi

a) Fuq ilġustifikazzjonijiet ta’ Google firrigward taddehra talProduct Universals (ittielet parti talewwel motiv)

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

b) Fuq ilġustifikazzjonijiet ta’ Google dwar iddehra taxShopping Units (ittielet parti tattieni motiv)

1) Largumenti talpartijiet

2) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

5. Konklużjoni dwar ittalbiet prinċipali

C. Fuq ittalbiet, ippreżentati sussidjarjament, dwar ilprinċipju u lammont talmulta

1. Fuq lewwel parti tassitt motiv, dwar ilpossibbiltà li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja

a) Largumenti talpartijiet

b) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

2. Fuq ittieni parti tassitt motiv, dwar ilquantum tassanzjoni pekunjarja

a) Largumenti talpartijiet

b) Levalwazzjoni talQorti Ġenerali

D. Konklużjoni ġenerali

V. Fuq lispejjeż




*      Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.