Language of document : ECLI:EU:C:2018:434

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C-213/17

X

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Stat Membru responsabbli skont il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 3(2) – Deċiżjoni ġudizzjarja li hija res judicata li ċaħdet l-ewwel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Proċedura ta’ appell pendenti li tikkonċerna d-deċiżjoni li ċaħdet it-tieni applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-iskopijiet tal-eżerċizzju tal-proċeduri kriminali kontra l-applikant – Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor – Konsenja tal-persuna kkonċernata minħabba l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Proċedura ta’ teħid lura – Artikolu 23(3) – Effetti marbutin mal-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentazzjoni ta’ talba – Trasferiment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġdida – Artikolu 24(1) – Modalitajiet ta’ applikazzjoni – Artikolu 24(5) – Portata tal-obbligu ta’ informazzjoni – Artikolu 17(1) – Portata tal-klawżola diskrezzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikoli 31 u 46 – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 18(2), tal-Artikolu 23(3) u tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (2), fejn ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tistabbilixxi liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn X, ċittadin Pakistani, fl-Italja.

2.        Din il-kawża hija kkaratterizzata b’kuntest ġuridiku u fattwali kumpless (3) mhux biss minħabba li l-persuna kkonċernata ppreżentat diversi talbiet għal protezzjoni internazzjonali ma’ żewġ Stati Membri differenti, imma wkoll minħabba li tinterferixxi, b’mod konkomitanti mal-proċedura għall-eżami ta’ dawk it-talbiet, ma’ proċedura ta’ natura kriminali li wasslet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-applikant għal ażil.

3.        Il-Pajjiżi l-Baxxi huma l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata ppreżentat l-ewwel, it-tieni u r-raba’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. B’applikazzjoni ta’ kriterju sostantiv previst mir-Regolament Dublin III, dan l-Istat Membru kien responsabbli mill-eżami tal-ewwel żewġ talbiet. L-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (4) ġiet miċħuda b’deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata. It-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (5) ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, li kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ appell quddiem l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni għall-Kwistjonijiet Amministrattivi Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Peress li, fil-frattemp, il-persuna kkonċernata ħarbet mit-territorju Olandiż biex marret l-Italja, l-Istat Membru fejn hija ppreżentat it-tielet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha (6), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ħarġu kontrih mandat ta’ arrest Ewropew għall-iskopijiet li jseħħu l-proċeduri kriminali, li kienu jeħtieġu li r-Repubblika Taljana tipproċedi għall-konsenja tiegħu. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sussegwentement, talbu lill-awtoritajiet Taljani li jieħdu lura lill-persuna kkonċernata għall-iskopijiet biex tiġi eżaminata din it-tielet applikazzjoni tiegħu.

4.        L-Italja hija għaldaqstant l-Istat Membru li fih marret il-persuna kkonċernata u, wara l-ħruġ mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li fih hija ppreżentat it-tielet applikazzjoni. Ir-Repubblika Taljana, konsegwentement, għandha “kappell doppju”. Min-naħa, hija l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li hija kienet obbligata tipproċedi bil-konsenja tal-applikant lill-awtoritajiet Olandiżi għall-iskopijiet tat-teħid tal-proċeduri kriminali. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Taljana hija l-Istat Membru li ntalab minn dawn l-aħħar awtoritajiet biex jieħu lura lill-applikant għall-iskopijiet li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil. Jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III, ir-Repubblika Taljana kellha dritt teżiġi li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tieħu lura lil X, hija madankollu tilfet dan id-dritt billi ma ppreżentatx ir-rikors tagħha fit-termini stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Abbażi tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III – li d-dispożizzjonijiet tiegħu rridu ninterpretaw hawnhekk –, l-awtoritajiet Olandiżi kkunsidraw għaldaqstant ir-Repubblika Taljana bħala l-Istat Membru ġdid responsabbli, bħala regola, għall-eżami tat-tielet applikazzjoni. Konsegwentement, dawn l-awtoritajiet iddeċidew li jittrasferixxu l-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Taljani u ddikjaraw, barra minn hekk, li ma għandhomx kompetenza għall-iskopijiet tal-eżami tar-raba’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata quddiemhom.

5.        Huwa fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan il-kuntest ġuridiku u fattwali li r-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) tistaqsi jekk huwiex possibbli, kif isostnu l-awtoritajiet Olandiżi, li jsir tali trasferiment ta’ responsabbiltà. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni mhux biss taż-żewġ dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Dublin III li fuqhom jibbaża ruħu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biex iwettqu dak it-trasferiment, jiġifieri l-Artikoli 23 u 24 ta’ dak ir-regolament, imma wkoll tal-klawżola diskrezzjonali msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament.

6.        Din il-kawża turi d-dgħjufija u l-lakuni strutturali tas-sistema Dublin li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni ġustament li ssolvi b’riforma tal-qafas eżistenti (7).

7.        Din il-kawża turi li s-sistema Dublin hija effettivament sistema ta’ sistemi ta’ ażili nazzjonali u mhux sistema Ewropea komuni tal-ażil u li l-mekkaniżmu ta’ tqassim tar-responsabbiltajiet stabbilit mir-Regolament Dublin III huwa bbażat fuq regoli tekniċi u amministrattivi, li ġew implimentati indipendentement mill-konsegwenzi umani u ta’ spejjeż materjali u finanzjarji li huma jinvolvu, ħaġa li timmina l-effikaċità tas-sistema Dublin u tikser l-għan tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil.

8.        Din is-sentenza hija ħarxa, iżda tieħu inkunsiderazzjoni, fil-fehma tiegħi, l-konsegwenzi kważi assurdi li għalihom tista’ twassal l-applikazzjoni għamja tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment tar-responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III.

9.        Konsegwentement, din il-kawża ser twassalni prinċipalment, fil-punti li ġejjin, biex nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li għandha ssir deroga, minkejja ċ-ċarezza tal-formulazzjoni tiegħu, mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III li l-implimentazzjoni tiegħu timplika t-trasferiment tar-responsabbiltà minħabba l-iskadenza tat-termini ffissati għall-preżentazzjoni ta’ rikors għall-iskopijiet tat-teħid lura.

10.      Peress li dan it-trasferiment iseħħ b’mod awtomatiku, indipendentement mill-konsegwenzi umani u materjali li huwa jinvolvi, nikkunsidra li, f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni, dan iċaħħad il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mir-razzjonalità, mill-oġġettività, mill-ekwità kif ukoll mill-ispeditezza mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Dublin III u jipprekludi li jiġu osservati d-dmirijiet ta’ kooperazzjoni u ta’ solidarjetà li fuqhom għandha tkun ibbażata s-sistema Ewropea komuni tal-ażil.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Dublin III

11.      Il-premessi 4, 5, u 22 tar-Regolament Dublin III jipprovdu:

“(4)      Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li s-[sistema Ewropea komuni tal-ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(22)      […] Is-solidarjetà, li hija element fundamentali fis-[sistema Ewropea komuni tal-ażil], timxi id f’id mal-fiduċja reċiproka. […]”

12.      Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Dublin III għandu l-għan li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (8). Dawn il-kriterji huma stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, fl-Artikoli 8 sa 15.

13.      Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

14.      Il-Kapitolu IV tar-Regolament Dublin III jidentifika, l-ewwel nett, is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jiġi kkunsidrat bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil permezz ta’ deroga minn dawn il-kriterji. L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu kif ġej:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

[…]”

15.      Il-Kapitolu V tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi, imbagħad, l-obbligi tal-Istat Membru responsabbli.

16.      Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 18(1)(b) jipprovdi li dak l-Istat Membru huwa meħtieġ “jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29 [tal-imsemmi regolament], applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza”.

17.      L-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III jipprovdi, barra minn hekk, li l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li “jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29 [ta’ dan ir-regolament], ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza”.

18.      L-Istat Membru responsabbli huwa obbligat ukoll, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-applikant jew li jlesti l-eżami tiegħu.

19.      Il-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III jipprovdi, fl-aħħar nett, il-modalitajiet applikabbli għall-proċeduri ta’ teħid u ta’ teħid lura. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ teħid lura huwa ddefinit fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 604/2013.

20.      L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed lura meta tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti”, jipprovdi kif ġej fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

2.      Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-‘hit’ mill-Eurodac […].

Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza li mhix data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tkun mibgħuta lill-Istat Membru li saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 20(2).

3.      Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida”.

21.      L-Artikolu 24 tar-regolament Dublin III, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura meta ma tkunx ġiet iddepożitata ebda applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti”, jaqra kif ġej:

“1.      Meta Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza u li quddiemu ma tkunx ġiet iddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), huwa jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

[…]

4.      Fejn persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-Regolament li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet rifjutata permezz ta’ deċiżjoni finali fi Stat Membru wieħed tkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza, l-Istat Membru tal-aħħar jista’ jew jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jieħu lura l-persuna kkonċernata jew inkella jwettaq proċedura [ta’ ritorn] […].

[…]

5.      It-talba biex il-persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tittieħed lura, għandha ssir permezz ta’ formola standard u għandha tinkuldi provi jew evidenza ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi rilevanti mid-dikjarazzjonijiet tal-persuna, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest li jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[…]”

B.      Ir-Regolament (KE) Nru 1560/2003

22.      Ir-Regolament (KE) Nru 1560/2003 (9) fih il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. L-Artikolu 2 tiegħu jippreċiża l-modalitajiet kif issir talba għall-finijiet tat-teħid lura.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

23.      X huwa ċittadin Pakistani, ta’ twemmin kristjan, li talab l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali.

24.      X ippreżenta ħames applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bejn is-sena 2011 u s-sena 2015. Erbgħa minnhom ġew ippreżentati fil-Pajjiżi l-Baxxi u waħda ġiet ippreżentata fl-Italja.

25.      L-ewwel talba ġiet ippreżentata fil-Pajjiżi l-Baxxi fit-23 ta’ Marzu 2011. L-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħad dik it-talba fuq il-mertu permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2011. Kif indika r-rappreżentant ta’ X waqt is-seduta, ir-riskji li kien espost għalihom il-persuna kkonċernata malli jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu ma tqisux suffiċjentement serji biex jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Ir-rikors ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni ġie ddikjarata infondat b’sentenza tal-31 ta’ Mejju 2012 mogħtija mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam), u l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattivi Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat) ikkonfermat dik is-sentenza fis-27 ta’ Ġunju 2013.

26.      Fit-18 ta’ Diċembru 2013, X ippreżenta għaldaqstant fil-Pajjiżi l-Baxxi applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali li huwa rtira ftit jiem wara fl-10 ta’ Jannar 2014 (10).

27.      X reġa’ ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-4 ta’ Ġunju 2014, it-tieni applikazzjoni. Sebat ijiem wara, fil-11 ta’ Ġunju 2014, is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja ċaħad dik l-applikazzjoni. Ir-rikors ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) ġie ddikjarat infondat b’sentenza datata 7 ta’ Lulju 2014. L-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattiv Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat) ikkonfermat din is-sentenza sena wara, fis-7 ta’ Awwissu 2015.

28.      Matul dik is-sena li fiha kienet għaldaqstant pendenti l-proċedura ta’ appell ippreżentat quddiem dik il-qorti, seħħew diversi ġrajjiet fir-rigward tas-sitwazzjoni personali u ġudizzjarja tal-persuna kkonċernata.

29.      Fil-fatt, fit-28 ta’ Settembru 2014, filwaqt li X kien issuspettat li wettaq reat ta’ natura sesswali fit-territorju Olandiż, dan ħarab u daħal fl-Italja.

30.      Fit-2 ta’ Ottubru 2014, l-awtoritajiet Olandiżi ħarġu mbagħad mandat ta’ arrest Ewropew għall-iskopijiet li jibdew il-proċeduri kriminali kontra X, u talbu l-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Taljani. Huwa f’dan il-kuntest li X tpoġġa f’detenzjoni fl-Italja għal perijodu ta’ xahrejn, qabel il-konsenja tiegħu (11).

31.      Fit-23 ta’ Ottubru 2014, X ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida, it-tielet waħda, din id-darba fit-territorju Taljan. Ir-Repubblika Taljana naqset milli tibgħat lir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi skont l-Artikolu 18(1)(d) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III, talba għall-iskopijiet tat-teħid lura fit-termini previsti fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament.

32.      Fit-30 ta’ Jannar 2015, ir-Repubblika Taljana eżegwixxiet il-mandat ta’ arrest Ewropew u kkonsenjat lill-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Olandiżi.

33.      Dan tal-aħħar ġie immedjatament imċaħħad mil-libertà u mpoġġi f’detenzjoni provviżorja. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan il-perijodu jestendi mit-2 sal-24 ta’ Frar 2015. Min-naħa l-oħra, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Olandiż, l-imsemmi perijodu jestendi mit-30 ta’ Jannar sat-18 ta’ Marzu 2015.

34.      Fil-5 ta’ Marzu 2015, il-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu lir-Repubblika Taljana talba għall-iskopijiet tat-teħid lura ta’ X, ibbażata fuq l-Artikolu 18(1)(b) u fuq l-Artikolu 24(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, peress li X kien jinsab mingħajr dokument ta’ residenza fit-territorju Olandiż u kien għadu ma ppreżentax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida. L-awtoritajiet Olandiżi kkunsidraw li r-Repubblika Taljana kienet saret l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ippreżentata minn X mal-awtoritajiet Taljani inkwantu dan l-Istat ma bagħtilhomx, fit-terminu ta’ xahrejn stabbilit fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, talba għat-teħid lura. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika f’dik it-talba li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ X, dan kien telaq mill-Italja fix-xahar ta’ Jannar 2015 biex imur direttament fil-Pajjiżi Baxxi. Min-naħa l-oħra, dik it-talba ma fiha ebda informazzjoni fir-rigward tal-proċedura kriminali mibdija kontra X fil-Pajjiżi l-Baxxi.

35.      Ir-Repubblika Taljana ma weġbitx għal dik it-talba fit-terminu ta’ ġimagħtejn stabbilit fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III. Fl-20 ta’ Marzu 2015, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidra, konsegwentement, li r-Repubblika Taljana kienet aċċettat, fin-nuqqas, it-talba għall-finijiet tat-teħid lura ta’ X.

36.      Fil-25 ta’ Marzu 2015, is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja ddeċieda, għaldaqstant, li jittrasferixxi lil X lill-awtoritajiet Taljani (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ trasferiment”), wara l-aċċettazzjoni impliċita tal-imsemmija awtoritajiet.

37.      Fit-30 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Taljana aċċettat it-talba għall-finijiet tat-teħid lura.

38.      Fl-1 ta’ April 2015, X ippreżenta rikors quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) kontra dik id-deċiżjoni li hija akkumpanjata b’talba għal miżuri provviżorji.

39.      Mid-dokumenti annessi mal-proċess nazzjonali li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li b’ittra datata 13 ta’ April 2015, il-Ministerie van Veiligheid en Justitie (il-Ministeru tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) informa lill-Ministero dell’Interno (il-Ministeru tal-Intern, l-Italja), min-naħa, li, billi ma weġbitx qabel l-20 ta’ Marzu 2015 għat-talba għall-iskopijiet tat-teħid lura, ir-Repubblika Taljana kienet meqjusa li aċċettat it-talba għall-finijiet tat-teħid lura tal-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, il-Ministeru tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja, innota li t-trasferiment ta’ X lill-awtoritajiet Taljani ma setax isir fit-terminu stabbilit minħabba li dan tal-aħħar kien għeb.

40.      Permezz ta’ deċiżjoni datata 21 ta’ April 2015, il-voorzieningenrechter (l-Imħallef għal miżuri provviżorji, il-Pajjiżi l-Baxxi) tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattiv Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat) laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji u ordnat is-sospensjoni tat-trasferiment.

41.      Fid-19 ta’ Mejju 2015, X ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida, ir-raba’ waħda, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn din kienet akkumpanjata b’talba għal permess ta’ residenza temporanja.

42.      Fil-21 ta’ Mejju 2015, jiġifieri jumejn wara, is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja indika li huwa ma kienx ser jeżamina din it-talba minħabba li ġie ppruvat, abbażi tar-Regolament Dublin III, li r-Repubblika Taljana kienet, fil-preżent, l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ X. Dan tal-aħħar ippreżenta rikors quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) kontra dik id-deċiżjoni fl-istess jum.

43.      Kif indikajt diġà, fis-7 ta’ Awwissu 2015, l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattiv Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat) ikkonfermat is-sentenza mogħtija fis-7 ta’ Lulju 2014 li tikkonċerna ċ-ċaħda tat-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

44.      Fit-30 ta’ Novembru 2015, X ġie informat bit-twaqqif tal-proċeduri kriminali mibdija kontrih.

45.      Ir-rikorsi ppreżentati minn X kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment u kontra d-deċiżjoni li biha s-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja ddikjara n-nuqqas ta’ kompetenza tiegħu għall-finijiet tal-eżami tar-raba’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġew eżaminati waqt seduta li nżammet fl-10 ta’ Diċembru 2015. Ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) iddikjarat l-għeluq tal-kawża wara dik is-seduta.

46.      Fl-24 ta’ Marzu 2016, il-qorti tar-rinviju reġgħet fetħet l-eżami ta’ din il-kawża pendenti d-deċiżjoni tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (12), u, fl-20 ta’ April 2017, hija għamlet ir-rinviju preliminari li llum hija adita bih il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Id-domandi preliminari

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 23(3) tar-Regolament [Dublin III], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Repubblika Taljana saret l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li r-rikorrent ippreżenta, f’dan l-Istat, fit-23 ta’ Ottubru 2014, u dan minkejja l-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien l-Istat Membru primarjament responsabbli minħabba l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament, li kienu ġew ippreżentati preċedentement f’dan l-Istat Membru u li l-aħħar waħda fosthom kienet għada, f’dak il-mument, qegħda tiġi eżaminata fil-Pajjiżi l-Baxxi għaliex id-diviżjoni tad-dritt Amministrattiv tar-[Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi)] kienet għadha ma ddeċidietx dwar ir-rikors li r-rikorrent kien ippreżenta kontra d-deċiżjoni […] tar-[R]echtbank [Den Haag, sedenti f’Middelburg] tas-7 ta’ Lulju 2014 […]?

2)      [Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv,] [m]ill-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Dublin [III] jirriżulta li, immedjatament wara t-tressiq tat-talba għat-teħid lura tal-5 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jissospendu l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li kien għadu għaddej fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-mument tat-tressiq tat-talba msemmija iktar ’il fuq u li kellhom ittemmu dan l-eżami, wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 24 [ta’ dan ir-Regolament], billi jirtiraw jew jemendaw id-deċiżjoni preċedenti tal-11 ta’ Ġunju 2014 li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil tal-4 ta’ Ġunju 2014?

3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun waħda affermattiva, jista’ jagħti l-każ li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-applikant ma ġietx ittrasferita lir-Repubblika Taljana iżda baqgħet tal-awtoritajiet Olandiżi, minħabba li l-konvenut la rtira u lanqas ma emenda d-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014?

4)      Billi l-awtoritajiet Olandiżi ma informawx lil dawk Taljani li l-appell fit-tieni proċedura ta’ ażil kien għadu pendenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, quddiem id-diviżjoni tad-dritt Amministrattiv tar-[Raad van State (il-Kunsill tal-Istat)], l-awtoritajiet Olandiżi naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom, taħt l-Artikolu 24(5) tar-Regolament ta’ Dublin [III], li jipprovdi informazzjoni li tippermetti li l-awtoritajiet Taljani jivverifikaw jekk l-Istat Membru tagħhom kienx responsabbli fid-dawl tal-kriterji definiti f’dan ir-regolament?

5)      Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun waħda affermattiva, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jwassal għall-konklużjoni li, għal din ir-raġuni, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-applikant ma ġietx ittrasferita lir-Repubblika Taljana iżda baqgħet tal-awtoritajiet Olandiżi?

6)      Jekk ir-responsabbiltà ma baqgħetx tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jista’ jagħti l-każ li, minħabba l-konsenja tar-rikorrent mir-Repubblika Taljana lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest ta’ kawża kriminali kontrih, l-awtoritajiet Olandiżi kellhom għalhekk, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta’ Dublin [III] u b’deroga mill-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jeżaminaw l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li r-rikorrent[…] kien[…] ippreżenta fl-Italja, u minn dan isegwi li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom raġonevolment id-dritt li jużaw il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Dublin [III], li jitolbu li l-awtoritajiet Taljani jieħdu lura r-responsabbiltà għar-rikorrent?”

48.      Il-Gvern Ġermaniż, Ungeriż u Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (13). Huwa dispjaċir li l-Gvern Taljan baqa’ assenti, fejn la ppreżenta ebda osservazzjoni bil-miktub u lanqas kien preżenti waqt is-seduta.

V.      Osservazzjonijiet preliminari

49.      Qabel ma nanalizza dawn id-domandi, jeħtieġ li nagħmel xi rimarki preliminari dwar l-għan u l-portata ta’ dan ir-rinviju preliminari (14).

50.      It-talba għal deċiżjoni preliminari li ressqet ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) hija ntiża, essenzjalment, li tiddetermina liema huwa l-Istat Membru li huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn X fl-Italja.

51.      Inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-kuntest ġuridiku u fattwali li fih saret il-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li r-Repubblika Taljana saret, fil-fatt, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina dik l-applikazzjoni.

52.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, fuq il-portata u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Dublin III li fuqhom jistrieħ ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet ta’ trasferiment ta’ responsabbiltà:

–        L-Artikolu 23(3) ta’ dan ir-regolament, li l-implimentazzjoni tiegħu timplika trasferiment ipso jure ta’ responsabbiltà minħabba l-iskadenza tat-termini ffissati għall-preżentata ta’ rikors għall-iskopijiet tat-teħid lura (l-ewwel domanda preliminari), u

–        L-Artikolu 24(1) tal-imsemmi regolament, li l-implimentazzjoni tiegħu timplika wkoll trasferiment ta’ responsabbiltà wara l-aċċettazzjoni espliċita jew taċita mill-Istat Membru li jirċievi talba għall-finijiet tat-teħid lura (l-ewwel sas-sitt domanda preliminari).

53.      Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li verament kien hemm trasferiment ipso jure ta’ responsabbiltà abbażi tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III, għalhekk d-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament iqumu biss b’mod sussidjarju.

54.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament fil-każ fejn ir-Repubblika Taljana tkun meqjusa bħala l-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni (is-sitt domanda preliminari).

55.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet Olandiżi kinux obbligati japplikaw din il-klawżola u li jeżaminaw għaldaqstant din l-applikazzjoni, inkwantu r-Repubblika Taljana eżegwixxiet il-mandat ta’ arrest Ewropew u kkonsenjat il-persuna kkonċernata lill-imsemmija awtoritajiet biex iseħħu l-proċeduri kriminali mibdija kontra din tal-aħħar.

VI.    L-analiżi tiegħi

A.      Fuq it-trasferiment ta’ responsabbiltà li joħroġ mill-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III (l-ewwel domanda preliminari)

56.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III.

57.      Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Dublin III (15), tipprekludix trasferiment ta’ responsabbiltà minħabba l-iskadenza tat-termini ffissati fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament meta l-Istat Membru responsabbli, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tal-imsemmi regolament, ipproċeda bl-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati preċedentement mill-persuna kkonċernata u meta d-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda t-tieni applikazzjoni hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ appell li għadha pendenti quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dak l-Istat Membru.

58.      Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament minn dak li jkun, bħala prinċipju tiġi eżaminata unikament mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament juru li huwa responsabbli (16). Madankollu, barra mill-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, il-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-proċeduri għat-teħid u t-teħid lura minn Stat Membru ieħor li “jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli” (17).

59.      L-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III jiddefinixxi wkoll ir-regoli applikabbli għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-finijiet tat-teħid lura f’sitwazzjoni fejn tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġdida fi Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Istat Membru rikjedent.

60.      Skont l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, meta persuna inkluża fl-Artikolu 18(1)(d) tal-imsemmi regolament, li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tagħha tkun ġiet miċħuda minn Stat Membru, tippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġdida fi Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar jista’ jibgħat talba lill-ewwel Stat Membru għall-finijiet tat-teħid lura tal-persuna kkonċernata.

61.      Persuna bħalma hija X li, wara li ppreżenta żewġ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, f’dan il-każ il-Pajjiżi l-Baxxi, fit-23 ta’ Marzu 2011 u fl-4 ta’ Ġunju 2014, li ma ġewx milqugħa, imur imbagħad fi Stat Membru ieħor li fih huwa jippreżenta applikazzjoni ġdida, f’dan il-każ fl-Italja, fit-23 ta’ Ottubru 2014, taqa’ fil-fatt taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III.

62.      Wara xi domandi u kjarifiki mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-partijiet kollha qablu fuq il-fatt li X taqa’ fil-fatt taħt il-każ imsemmi fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament.

63.      Fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi t-termini imperattivi għall-preżentazzjoni tat-talba għall-iskopijiet tat-teħid lura. Din għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, f’terminu ta’ xahrejn b’effett minn meta rċieva l-“hit” mill-Eurodac jew tliet xhur jekk l-awtoritajiet kompetenti jibbażaw it-talba tagħhom fuq provi li ma humiex id-data miksuba mis-sistema Eurodac. Dawn it-termini għandhom jiggarantixxu li l-proċedura tat-teħid lura tiġi implimentata mingħajr dewmien mhux ġustifikat u, fi kwalunkwe każ, fi “żmien raġonevoli” mill-mument li jkollu l-informazzjoni f’dan ir-rigward, u dan biex tiġi żgurata l-ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (18).

64.      Fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III – li rridu hawnhekk ninterpretaw il-kliem użati fih –, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddefinixxi l-effetti marbutin mal-iskadenza tat-termini stabbiliti. Skont din id-dispożizzjoni, jekk it-talba ma ssirx fit-termini, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru li fih hija tkun ġiet ippreżentata. Dan il-leġiżlatur ma jipprovdi ebda eċċezzjoni u ma jagħti ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

65.      Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija ċara ħafna, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, u tirrifletti mingħajr ambigwità r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipproċedi bit-trasferiment tar-responsabbiltà meta t-termini stabbiliti għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ talba ma jkunux osservati.

66.      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li r-Repubblika Taljana, li magħha ġiet ippreżentata t-tielet applikazzjoni, naqset milli tagħmel talba lir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi għall-iskopijiet tat-teħid lura ta’ X fit-termini vinkolanti stabbiliti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III. Skont l-Artikolu 23(3) ta’ dan ir-regolament, ir-Repubblika Taljana għaldaqstant jiġi ttrasferit lilha “ipso jure” r-responsabbiltà li teżamina tal-applikazzjoni l-ġdida (19).

67.      Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, ħlief għal X, jaqblu li, fid-dawl ta’ kliem l-Artikolu 23(3) tal-imsemmi regolament, ir-Repubblika Taljana saret fil-fatt l-Istat Membru responsabbli li jeżamina dik l-applikazzjoni, u dan indipendentement mill-eżistenza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ proċedura ta’ appell pendenti kontra d-deċiżjoni li ċaħdet it-tieni applikazzjoni.

68.      Inkun nista’ naqbel ma’ tali konklużjoni kieku s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet ikkaratterizzata effettivament bl-eżistenza biss fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ din il-proċedura ta’ appell pendenti. Issa, kif ser naraw, dan ma huwiex il-każ. Hawnhekk għandha fil-fatt ċirkustanzi oħra li, magħqudin waħda mal-oħra, irendu, fil-fehma tiegħi, lill-awtoritajiet Olandiżi l-uniċi responsabbli li jeżaminaw din it-tielet applikazzjoni.

69.      Applikata għal sitwazzjoni daqshekk partikolari bħalma hija s-sitwazzjoni inkwistjoni, l-interpretazzjoni litterali tqajjem iktar diffikultajiet milli ssolvi, ħaġa li toħroġ b’mod daqshekk evidenti mis-sitt domandi preliminari li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-każ odjern, din l-interpretazzjoni litterali tagħti lit-test tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III effetti li jiksru perfettament il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema Ewropea komuni tal-ażil u l-għanijiet li jfittex il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.

70.      Biex jiġi ppreżervat l-effett utli tar-Regolament Dublin III, u għar-raġunijiet li ser nippreżenta, ser nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja biex toħloq eċċezzjoni għall-awtomatiċità tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 23(3) ta’ dan ir-regolament.

71.      Skont l-Artikolu 67(2) u l-Artikolu 80 TFUE, is-sistema Ewropea komuni tal-ażil, li fiha huwa integrat ir-Regolament Dublin III, jistrieħ fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn dawn tal-aħħar (20). Kif jirriżulta mill-premessa 22 ta’ dan ir-regolament, din is-solidarjetà tikkostitwixxi “element fundamentali” ta’ din is-sistema. Hija għandha, barra minn hekk, tkun “reali u konkreta” u għandha tapplika fil-konfront tal-Istati Membri l-iktar affettwati mill-flussi tal-applikanti għall-ażil li huma ta’ piż sproporzjonat fuq is-sistemi tagħhom (21).

72.      Din is-sistema hija bbażata wkoll fuq il-fiduċja reċiproka li jagħtu l-Istati Membri, li tikkostitwixxi wkoll wieħed mill-pilastri fundamentali tagħha.

73.      Huwa preċiżament minħabba l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Dublin III, sabiex iħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali billi jiggarantixxi lill-applikanti li tiġi eżaminata l-applikazzjoni tagħhom fuq il-mertu minn Stat Membru wieħed identifikat b’mod ċar. Għal dan il-għan, dan il-leġiżlatur irid jirrazzjonalizza l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet billi jevita xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu li jkollhom l-Istati Membri li jipproċessaw applikazzjonijiet multipli ppreżentati mill-istess applikant, billi jżid iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil u, finalment, billi jevita l-“forum shopping” (22).

74.      Kif jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III, il-leġiżlatur tal-Unjoni irid għaldaqstant jistabbilixxi metodu li jkun “ċar u li jiffunzjona” biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, metodu li għandu jkun ibbażat fuq kriterji “oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati”. Dan il-metodu għandu qabel xejn “jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex […] ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali”.

75.      Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa għalhekk ikkonċernat bil-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-proċeduri għat-teħid u għat-teħid lura minn Stat Membru ieħor imsemmija fil-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jkollhom l-istess kwalitajiet mhux biss għaliex dawn il-proċeduri jikkontribwixxu, l-istess bħall-imsemmija kriterji, biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli (23), iżda wkoll minħabba li dawn jipparteċipaw bl-istess mod għat-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmi regolament.

76.      Għaldaqstant, fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (24), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tat-trasferiment tar-responsabbiltà li seħħ mal-iskadenza tat-termini stabbiliti għall-preżentata ta’ talba għall-finijiet tat-teħid lura [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III] li dan il-mekkaniżmu jikkontribwixxi għalhekk, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, billi jiggarantixxi, f’każ ta’ dewmien fit-twettiq tal-proċedura ta’ teħid inkarigu, li l-eżami tal-applikazzjoni sseħħ fl-Istat Membru fejn din l-applikazzjoni ġiet sottomessa, sabiex dan l-eżami ma jiġix imdewwem iktar permezz tal-adozzjoni u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment (25).

77.      Din l-analiżi hija, fil-prinċipju, trasponibbli, minħabba l-identiċità tal-mekkaniżmu implimentat bl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III. Madankollu, kif ser nuri, fl-ewwel lok, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma tali li t-trasferiment tar-responsabbiltà inkwistjoni, iktar milli tikkontribwixxi għall-ħeffa tal-proċedura, iċċaħħad ukoll lil din mir-razzjonalità, mill-oġġettività u mill-ekwità imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.

78.      Fl-ewwel lok, it-trasferiment tar-responsabbiltà meħtieġ skont l-Artikolu 23(3) tal-imsemmi regolament huwa ekwivalenti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni permezz ta’ sanzjoni. B’effett mill-mument li fih l-Istat Membru jaqbeż it-termini stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, it-trasferiment tar-responsabbiltà jkun awtomatiku u jseħħ indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u mill-konsegwenzi umani u materjali li huwa jimplika. Kif indikajt diġà, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovda għal ebda eċċezzjoni u ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

79.      Għaldaqstant, fil-każ ineżami, jirriżulta b’mod ċar mill-proċess li t-trasferiment tar-responsabbiltà meħtieġ mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III qiegħed iktar biex jissanzjona n-nuqqas tar-Repubblika Taljana fir-rigward ta’ regola formali, jiġifieri r-regola ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament (26), milli biex jirrifletti xi “neċessità legali”, peress li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata fl-Italja, kritikabbli kemm tista’ tkun, hija biss strateġija (27).

80.      Fit-tieni lok, l-awtomatiċità ta’ dan il-mekkaniżmu ma tippermettix li jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li t-trasferiment tar-responsabbiltà hawn ikkontemplata jikkonċerna l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li hija applikazzjoni, altrimenti identika, tal-inqas konnessa maż-żewġ applikazzjonijiet preċedenti ppreżentati minn X fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dawn għandhom l-istess għan, jiġifieri l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, l-istess kawża, jiġifieri l-eżistenza eventwali ta’ riskju ta’ persekuzzjonijiet għal raġunijiet reliġjużi, u ġew ippreżentati mill-istess parti, jiġifieri X (28).

81.      Fit-tielet lok, l-awtomatiċità ta’ dan il-mekkaniżmu lanqas ma tippermetti li jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa rikonoxxut kompletament kompetenti għall-finijiet tal-eżami taż-żewġ applikazzjonijiet preċedenti ppreżentati mill-persuna kkonċernata, skont kriterju sostantiv, dak tal-ewwel Stat Membru li fih kienet ifformulata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ikkontemplat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

82.      Kif jattestaw id-dewmien tal-proċedura għall-eżami tal-ewwel applikazzjoni kif ukoll id-diversi dokumenti annessi mal-proċess nazzjonali li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel żewġ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kienu wkoll is-suġġett ta’ eżami ddettaljat min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ dak l-Istat Membru u wasslu għall-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet ta’ rifjut finali.

83.      Għaldaqstant, fid-data li fiha X ippreżenta t-tielet applikazzjoni fl-Italja, id-deċiżjoni ta’ rifjut li tikkonċerna l-ewwel applikazzjoni, datata 5 ta’ Settembru 2011, kienet finali u s-sentenza mogħtija mil-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattiv Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat) saret res judicata. Id-deċiżjoni ta’ rifjut li tikkonċerna t-tieni applikazzjoni, datata 11 ta’ Ġunju 2014, kienet ukoll finali, peress li r-rikors pendenti, ippreżentat quddiem dik il-qorti ma kellux effett sospensiv (29).

84.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa fil-fatt li jirrazzjonalizza u jħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil billi jkun hemm indikazzjoni oġġettiva tal-Istat Membru responsabbli, allura jidhirli li huwa pjuttost evidenti, inkunsiderazzjoni tal-parti li kellhom l-awtoritajiet Olandiżi fl-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tal-persuna kkonċernata, li dawn l-awtoritajiet jibqgħu dawk fl-aħjar pożizzjoni għall-finijiet li jeżaminaw it-tielet applikazzjoni. B’kuntrast mas-sitwazzjoni prevalenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (30), it-trasferiment ta’ responsabbiltà inkwistjoni, apparti l-ispiża umana u finanzjarja li jimplika, ma jikkontribwixxix hawnhekk għall-ħeffa tal-proċedura u lanqas għall-amministrazzjoni tajba inġenerali. Peress li aħna għadna f’sistema ta’ ażili nazzjonali, l-awtoritajiet Taljani huma fil-fatt obbligati li jagħmlu eżami daqstant dettaljat bħal dak li jsir fl-istess ħin mill-awtoritajiet Olandiżi sabiex, min-naħa, jistabbilixxu l-fatti u jevalwaw il-valur probatorju tad-dokumenti pprovduti mill-persuna kkonċernata, bil-kumplessità kollha li dan jimplika fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għall-ażil, u min-naħa l-oħra, li jevalwaw l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ persuna li huma jkunu għadhom qatt ma raw u li magħha huma ma jkunu qatt iltaqgħu. Fil-każ fejn l-applikant ikun vulnerabbli u jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ faqar, tali trasferiment ta’ responsabbiltà inkwantu timplika proċedura ta’ eżami ġdida, tirrispetta verament id-drittijiet tiegħu?

85.      Barra minn hekk, bit-trasferiment tar-responsabbiltà tal-eżami ta’ din it-tielet applikazzjoni lill-awtoritajiet Taljani, nidħlu għar-riskju li dawn jadottaw deċiżjoni differenti minn dik mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel żewġ applikazzjonijiet, minkejja li dawn l-applikazzjonijiet, b’mod globali, huma konnessi, ossija identiċi. Għalkemm dan jimmultiplika ċ-ċansijiet tal-applikant għall-ażil li jikseb deċiżjoni pożittiva, tali sitwazzjoni tippreġudika l-koerenza u l-unità mfittxija mis-sistema Ewropea tal-ażil, li hija komuni, u żżid ir-riskju ta’ “asylum shopping” li s-sistema tad-Dublin trid tipprevjeni. Bl-istess mod, dan jiftaħ il-possibbiltà biex kull Stat Membru ġdid kompetenti fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġdida jieħu r-rwol ta’ “qorti ta’ appell” tal-Istat Membru li kien responsabbli qabel.

86.      Fir-raba’ lok, l-awtomatiċità ta’ dan il-mekkaniżmu lanqas ma tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri ġudizzjarji pendenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri l-proċedura ta’ natura amministrattiva pendenti quddiem l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattiv Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat) kif ukoll il-proċedura ta’ natura kriminali mibdija wara t-twettiq preżunt ta’ ksur.

87.      Għalkemm it-trasferiment tar-responsabbiltà jseħħ fit-termini imperattivi u stretti, mhux l-istess jingħad għall-proċeduri ġudizzjarji pendenti.

88.      Ċertament, il-proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-eżami tat-tieni applikazzjoni hija magħluqa. Madankollu, il-proċedura ġudizzjarja mibdija fil-kuntest tar-rikors tista’ twassal għal reviżjoni tad-deċiżjoni amministrattiva adottata, peress li l-qorti tal-ewwel istanza jista’ jipproċedi b’eżami komplut u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali (31) u l-qorti tal-aħħar istanza tista’ tilqa’ aggravju ta’ kassazzjoni. Konsegwentement, jeżisti riskju li l-qorti adita fl-ewwel istanza fl-Istat Membru rikjedenti tirriforma d-deċiżjoni li biha l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet inizjalment miċħuda, ħaġa li tneħħi s-sens u kull interess mit-trasferiment tar-responsabbiltà.

89.      Fi kwalunkwe każ, dan l-istat ta’ fatt huwa simili għal sitwazzjoni ta’ lis pendens Ewropea u, inkunsiderazzjoni tal-konnessjoni, ossija l-identiċità, tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn X fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Italja, jidhirli li, f’dak il-każ, ebda qorti ta’ Stat Membru ieħor ma tista’ validament tkun kompetenti b’mod parallel.

90.      Fir-rigward, f’dan il-każ, tal-proċeduri kriminali mibdija kontra l-applikant għall-ażil, huwa estremament diffiċli li jiġi previst, ħlief fil-każ l-iktar sempliċi u l-iktar evidenti, xi trattament tingħata l-kawża u l-persuna kkonċernata, b’mod li l-awtomatiżmu tat-trasferiment tar-responsabbiltà, li jkun akkumpanjat ukoll, finalment, bi trasferiment tal-persuna kkonċernata, jidhirli, hawnhekk ukoll, li ma huwiex opportun. Għalkemm, f’din il-kawża, il-proċeduri kriminali wasslu għat-twaqqif tal-proċeduri, huma jistgħu f’ċirkustanzi oħra jwasslu għal tressiq quddiem qorti istruttorja jew għal għoti ta’ sentenza u, jekk ikun il-każ, għall-kundanna tal-applikant.

91.      Ir-rwol prijoritarju tal-proċedura kriminali jista’, għaldaqstant, ikollu biss l-effett li jipparalizza l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-ġdid.

92.      Għaldaqstant, kif, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni li hija razzjonali u oġġettiva, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni dawk il-proċeduri kriminali u, wkoll, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-mandat ta’ arrest Ewropew li jeżiġi mill-awtoritajiet Taljani li dawn jikkonsenjaw il-persuna kkonċernata?

93.      Għalkemm, kif ser naraw, il-ħruġ min-naħa ta’ Stat Membru ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-applikant għall-ażil ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, ostakolu għall-proċedura ta’ teħid lura, dan il-fatt, minħabba li jakkumula hawnhekk ma’ ħafna oħrajn, jinterferixxi b’mod evidenti mal-iżvolġiment normali tal-proċeduri previsti mir-Regolament Dublin III.

94.      X ippreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu fit-23 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri ftit jiem biss wara l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew li jikkonċernah. Il-preżentazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni ma ostakolatx l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (32). Kif ippreċiża r-rappreżentant ta’ X waqt is-seduta, l-awtoritajiet Taljani pproċedew għaldaqstant għall-arrest tal-persuna kkonċernata fil-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2014, jiġifieri xi ġimgħat wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, qabel ma poġġewh f’detenzjoni, għal perijodu ta’ madwar xahrejn, għall-iskopijiet tal-konsenja lill-awtoritajiet Olandiżi, li din seħħet fit-30 ta’ Jannar 2015. Għalkemm l-awtoritajiet Taljani huma kkritikati la ma talbux lir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi għall-iskopijiet tat-teħid lura ta’ X, għandu madankollu jiġi rilevat li, f’dak l-istess perijodu, dawn eżegwixxew il-mandat ta’ arrest Ewropew billi pproċedew għall-konsenja tal-persuna kkonċernata.

95.      F’ċirkustanzi bħalma huma dawk ta’ din il-kawża, jagħmel sens li tiġi ttrasferita r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali lill-Italja meta, b’mod kważi simultanju, dak l-Istat Membru kkonsenja l-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Olandiżi biex iseħħu l-proċeduri kriminali (33)?

96.      Ebda dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III ma tippermetti li tingħata risposta għal din id-domanda. Huma biss ir-rispett tad-dinjità umana u t-twettiq tal-għanijiet li jfittex il-leġiżlatur fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ sistema Ewropea komuni tal-ażil li jippermettu dan.

97.      Jiena nsemmi d-dinjità umana minħabba li din il-kawża, kieku ma tikkonċernax applikant għall-ażil, tista’ tixbah logħba ping-pong.

98.      Fid-dawl ta’ dawn l-ewwel punti, u inkunsiderazzjoni tal-multipliċità u tat-tħabbil bejn il-proċeduri ta’ natura amministrattiva u ġudizzjarja li jikkonċernaw il-persuna kkonċernata fil-Pajjiżi l-Baxxi, jidhirli li l-oġġettività li għandha tikkaratterizza l-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-ħeffa li għandha tkun osservata fil-kuntest ta’ dan l-eżami jeżiġu li dawn ikunu l-awtoritajiet fl-aħjar pożizzjoni li għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni l-ġdida ppreżentata minn X, jiġifieri, l-awtoritajiet Olandiżi – li l-ogħla istanzi amministrattivi diġà rrikonoxxew li għandhom kompletament kompetenza minħabba l-applikazzjoni ta’ kriterju sostantiv previst fir-Regolament Dublin III –, u mhux dawk naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom billi ma fformulawx talba għall-iskopijiet tat-teħid lura fit-termini previsti (34).

99.      Fit-tieni lok, l-awtomatiċità ta’ dan it-trasferiment ta’ responsabbiltà hija diffiċilment kompatibbli mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li fuqhom hija bbażata s-sistema Ewropea komuni tal-ażil kif ukoll ir-Regolament Dublin III.

100. Fil-fatt, fl-2014, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma setgħux jinjoraw li l-fluss massiċċ ta’ migranti fuq il-kosti Taljani kien issuġġetta għal pressjoni ikbar l-amministrazzjonijiet responsabbli mill-ażil ta’ dak l-Istat Membru, ħaġa li rriflettiet f’dewmien strutturali u kellha b’mod partikolari l-effett li ttawwal iż-żmien ta’ reazzjoni u ttawwal iż-żmien ta’ risposta għat-talbiet intiżi għat-teħid (lura) ta’ dan tal-aħħar. Bit-trasferiment b’mod awtomatiku ta’ din ir-responsabbiltà minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini stabbiliti, għandna nammettu li nkunu ’l bogħod mis-solidarjetà “reali u konkreta” mfittxija (35).

101. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li jeħtieġ, konsegwentement, li ssir deroga mill-applikazzjoni stretta ta’ kliem tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III u mit-trasferiment tar-responsabbiltà li joħroġ minnu fir-rigward tal-eżami tat-tielet applikazzjoni inkwistjoni sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ dan ir-regolament.

102. F’każ bħal dak ineżami, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, sabiex jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, nipproponi li jiġi applikat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

103. Huwa magħruf li dan il-prinċipju jikkostitwixxi l-pedament għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (36), li fuqha hija bbażata l-politika tal-ażil (37).

104. L-imsemmi prinċipju japplika fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III, meta Stat Membru jiddeċiedi li jitlob it-teħid lura ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali li Stat Membru ieħor jkun diġà rrifjutalu, b’deċiżjoni finali, l-ażil.

105. Skont l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, fejn persuna kif intiża fl-Artikolu 18(1)(d) tal-imsemmi regolament, li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tagħha tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni finali fi Stat Membru, tippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġdida fi Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar jista’ għaldaqstant jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jieħu lura l-persuna kkonċernata.

106. Skont l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Dublin III, meta persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament, li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tagħha tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni finali fi Stat Membru, tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza, dan l-aħħar Stat Membru jista’ jitlob lill-ewwel Stat Membru sabiex jieħu lura l-persuna kkonċernata, jiġifieri jibda proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115.

107. Fil-preżent, l-Istati Membri jaqblu għaldaqstant li jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-ażil mogħtija minn Stati Membri oħra meta dawn ikunu negattivi.

108. F’dan il-każ, meta X ppreżenta mal-awtoritajiet Taljani t-tielet talba, fit-23 ta’ Ottubru 2014, l-awtoritajiet Olandiżi kienu diġà taw deċiżjoni li kienet res judicata b’effett mis-27 ta’ Ġunju 2013, li biha ċaħdu l-ewwel applikazzjoni. Ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) kienet ukoll, b’sentenza datata 7 ta’ Lulju 2014, ċaħdet ir-rikors li l-persuna kkonċernata kienet ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li tikkonċerna t-tieni applikazzjoni.

109. B’effett mill-mument li fih l-awtoritajiet Olandiżi rrikonoxxew li kellhom kompetenza biex jiddeċiedu fuq l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-persuna kkonċernata, u dan, b’applikazzjoni ta’ kriterju sostantiv, li huma adottaw, barra minn hekk, fir-rigward tal-ewwel applikazzjoni deċiżjoni finali li saret res judicata wara d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti amministrattiva suprema, dan għandu jtemm l-eżami ta’ kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġdida ppreżentata mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor li ma tkunx ibbażata fuq elementi jew fatti ġodda. Minħabba l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, dan l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tar-res judicata li huwa marbut mas-sentenzi mogħtija u dan għandu jrendi, għaldaqstant, ipso facto, inammissibbli kull applikazzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.

110. Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta l-applikazzjoni kkonċernata tkun applikazzjoni sussegwenti, li fiha ma jkun jidher jew ma ġiex ippreżentat mill-applikant ebda element u lanqas fatt ġdid. Kif diġà enfasizzajt, naħseb li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Madankollu, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jiżguraw ruħhom minn dan.

111. L-iskambji ta’ informazzjoni stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament Dublin III irendu dan il-mekkaniżmu perfettament fattibbli, fejn l-Istat li jirċievi t-talba tat-teħid lura ta’ applikant ikollu, skont l-obbligi msemmija fl-Artikolu 24(5) ta’ dan ir-regolament – jew ikun f’pożizzjoni li jkollu, fuq talba, skont l-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament – l-informazzjoni utli kollha fir-rigward tal-eżistenza ta’ proċedura dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti (data u lok għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti, l-istadju milħuq fil-proċeduri, il-portata u data tad-deċiżjoni meħuda) (38).

112. L-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jippermetti hawnhekk funzjonament iktar razzjonali, iktar effikaċi u iktar koerenti tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil inkwantu, ladarba r-responsabbiltà ta’ Stat Membru tkun stabbilita għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, din tinżamm b’mod stabbli, ħaġa li tippermetti li tiġi ggarantita l-ħeffa tal-proċedura, li jiġi evitat li jkun hemm deċiżjonijiet kontradittorji u li jiġu limitati l-movimenti sekondarji tal-applikant minħabba t-trasferiment tar-responsabbiltà.

113. Din is-soluzzjoni, fil-fatt, ma tagħmilx ħlief tantiċipa l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riforma tas-sistema ta’ Dublin (39). Fil-kuntest tal-proposta tagħha għal regolament li jemenda r-Regolament Dublin III, din tipproponi fil-fatt li tiġi introdotta regola li biha, ladarba Stat Membru jkun eżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala Stat Membru responsabbli, huwa jkollu wkoll jibqa’ responsabbli li jeżamina l-applikazzjonijiet sussegwenti ppreżentati mill-persuna kkonċernata, kemm jekk din tkun ħarġet jew ma ħarġitx mit-territorju tal-Istati Membri jew tkeċċiet minnhom (40). Għaldaqstant, Stat Membru wieħed ikun u jibqa’ responsabbli li jeżamina applikazzjoni u l-kriterji ta’ responsabbiltà japplikaw għaldaqstant darba waħda biss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi regola li biha l-iskadenza tat-termini ma jibqgħux iwasslu għal trasferiment tar-responsabbiltà.

114. Kieku dawn il-proposti kellhom jiġu adottati, it-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentati mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) titlef l-interess tagħha.

115. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, u inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, jidhirli li l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III u t-trasferiment ta’ responsabbiltà li joħroġ minnha fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-persuna kkonċernata fl-Italja, inkwantu jneħħu mill-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli r-razzjonalità, l-oġġettività, l-ekwità kif ukoll il-ħeffa mfittxija fil-kuntest ta’ dan ir-regolament u ma humiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li fuqhom hija bbażata s-sistema Ewropea komuni tal-ażil, għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq il-legalità tat-talba għat-teħid lura mibgħuta lill-Italja mill-awtoritajiet Olandiżi abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III (l-ewwel u s-sitt domanda preliminari)

116. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi mbagħad fuq il-legalità tat-talba għat-teħid lura ppreżentata mill-awtoritajiet Olandiżi lill-kollegi Taljani tagħhom abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III (preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura meta ma tkunx ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedent).

117. Is-sitwazzjoni ta’ X taqa’, did-darba, taħt l-Artikolu 18(1)(b) tar-regolament Dublin III. Din id-dispożizzjoni tirreferi għal persuna li, min-naħa, ippreżentat applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, li qegħda fil-proċess li tiġi eżaminata, u li, min-naħa l-oħra, jew ippreżentat applikazzjoni fi Stat Membru ieħor, jew tinsab, mingħajr dokument ta’ residenza, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

118. Persuna bħalma hija X li, wara li ppreżentat applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wieħed, jiġifieri f’dan il-każ fl-Italja, tirritorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri fil-Pajjiżi l-Baxxi, mingħajr ma tkun ippreżentat hemmhekk applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġdida taqa’ fil-fatt fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III.

119. Proċedura għat-teħid lura mibdija abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament tiġi implimentata fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, kif jirriżulta mill-espressjoni “jista’ jitlob” użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’din id-dispożizzjoni, u għandha l-għan li torganizza t-trasferiment ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

120. Id-domanda li qiegħda tagħmel il-qorti tar-rinviju tqum għaldaqstant fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-trasferiment ta’ responsabbiltà li joħroġ mill-applikazzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III.

121. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi hawnhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament.

122. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għaldaqstant jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix it-tressiq ta’ talba għat-teħid lura meta l-Istat Membru rikjedenti kien responsabbli li jeżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel mill-persuna kkonċernata, u li meta, barra minn hekk, huwa adit bi proċedura ta’ appell pendenti li tikkonċerna d-deċiżjoni li biha waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ġiet miċħuda u li, fl-aħħar nett, ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex iseħħu l-proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata, li jeżiġi lill-Istat Membru li jirċievi t-talba biex jikkonsenja lil dan tal-aħħar.

123. Kull waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi meħudin individwalment ma tipprekludix, minnha nfisha, li tiġi ppreżentata talba għat-teħid lura. Jien ser neżaminahom wara xulxin.

1.      L-Istat Membru rikjedenti kien responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata qabel mill-persuna kkonċernata

124. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III ma jipprekludix it-tressiq ta’ talba għat-teħid lura meta l-Istat Membru rikjedenti kien responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata qabel mill-persuna kkonċernata.

125. Fil-fatt, f’sentenza reċenti, mogħtija wara tmiem il-proċedura bil-miktub fil-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tista’ teżiġi li tiġi applikata l-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III, il-persuna li “kienet, matul l-ewwel soġġorn fit-territorju ta[l-Istat Membru rikjedent], diġà ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li kienet ġiet miċħuda fil-kuntest previst fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III” (41). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din l-applikazzjoni ma tkunx baqgħet tiġi eżaminata fl-dan l-Istat Membru, din il-persuna ma tistax tiġi assimilata ma’ persuna li tkun ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida (42). Għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament ikopri s-sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni li fiha l-Istat Membru rikjedenti ġie adit u eżamina preċedentement applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-persuna kkonċernata u ċaħadha.

2.      L-Istat Membru rikjedenti ġie adit bi proċedura ta’ appell li għadha pendenti

126. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li d-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata waqt l-ewwel soġġorn fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti tkun is-suġġett ta’ appell li għadu pendenti quddiem waħda mill-qrati tiegħu ma jeskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III, “peress li, fl-assenza ta’ effett sospensiv mogħti fil-mument tat-tressiq ta’ dan l-appell, din id-deċiżjoni għandha titqies li tipproduċi l-effetti tagħha, hekk kif joħorġu mir-Regolament Dublin III, u għaldaqstant li timplika l-għeluq tal-proċedura amministrattiva miftuħa wara t-tressiq tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” (43).

127. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament tapplika għaldaqstant afortiori f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni, peress li l-proċedura ta’ appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-11 ta’ Ġunju 2014 ma kellhiex effett sospensiv.

3.      L-Istat Membru rikjedenti ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew

128. Hawnhekk għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III jipprekludix it-tressiq ta’ talba għat-teħid lura meta l-Istat Membru rikjedenti ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-applikant għall-ażil, li jeżiġi lill-Istat Membru li jirċievi t-talba biex jikkonsenja lil dan tal-aħħar.

129. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq din il-kwistjoni u ebda dispożizzjoni mir-Regolament Dublin III ma tikkontempla tali ipoteżi.

130. A priori, il-ħruġ, minn Stat Membru, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra applikant għall-ażil ma jidhirx li jikkostitwixxi ostakolu għall-preżentazzjoni, minn dak l-Istat Membru, ta’ talba għat-teħid lura ta’ dan l-applikant.

131. Il-proċedura amministrattiva intiża għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-proċedura kriminali mibdija kontra applikant għall-ażil jikkostitwixxu żewġ proċeduri distinti u xejn ma jipprekludi, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li, wara li eżerċita d-dritt sovran tiegħu li jressaq lil dak li wettaq reat fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew idur lejn dak li huwa jidhirlu li huwa responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.

132. Madankollu, għalxejn li wieħed jaħseb li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jinterferixxix mal-proċedura tat-teħid lura tal-applikant għall-ażil minn Stat Membru ieħor.

133. Fil-fatt, il-proċedura ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III għandha ssir f’termini stretti, li, fil-fehma tiegħi, diffiċli tikkombinahom man-natura tat-teħid ta’ proċeduri kriminali (fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ biex iseħħu l-proċeduri kriminali) jew mal-perijodu ta’ priġunerija (fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena).

134. Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, it-talba għat-teħid lura ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b) tal-imsemmi regolament għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn minn meta tkun irċevuta l-“hit” mill-Eurodac jew tliet xhur jekk it-talba tkun ibbażata fuq provi oħrajn. Dawn it-termini huma imperattivi.

135. Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, jekk dik it-talba tiġi aċċettata, it-trasferiment tal-persuna kkonċernata għandha ssir mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien sitt xhur minn dik l-aċċettazzjoni (44), fejn dan it-terminu jitwal sa massimu ta’ sena minħabba li l-persuna kkonċernata tkun il-ħabs. Jekk it-trasferiment ma jseħħx fi żmien sena, l-Istat Membru responsabbli jinħeles mill-obbligu tiegħu li jieħu lura lill-persuna kkonċernata.

136. Konsegwentement, meta Stat Membru joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra applikant għall-protezzjoni internazzjonali, dan jista’, wara l-konsenja tal-persuna kkonċernata, jitlob it-teħid lura mingħand l-Istat Membri li huwa jidhirlu li huwa responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni tiegħu, bil-kundizzjoni li r-rikors isir fit-termini previsti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III u li, f’każ ta’ aċċettazzjoni min-naħa tal-Istat Membru li jirċievi t-talba, it-trasferiment isir skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

137. F’każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ biex iseħħu l-proċeduri kriminali, huwa pjuttost diffiċli li wieħed isir jaf sa fejn ikun possibbli li jkunu osservati dawn il-kundizzjonijiet għajr fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-proċeduri kriminali jiġu miċħuda bil-ħeffa.

138. Fil-każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ priġunerija, huwa, min-naħa l-oħra, pjuttost evidenti li l-preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura tkun tagħmel sens biss jekk il-piena prevista hija għal żmien qasir.

139. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma, għaldaqstant, li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwixxix minnu nnifsu ostakolu għall-preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura jekk it-termini previsti fl-Artikolu 24(2) u fl-Artikolu 29(1) u(2) tar-Regolament Dublin III jkunu osservati.

140. Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni tapplika wkoll f’każ bħalma huwa dan inkwistjoni fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jipproċedi għaldaqstant għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-ħruġ tal-mandat, ikun ukoll l-Istat Membru mitlub minn dan tal-aħħar għall-finijiet tat-teħid lura tal-persuna kkonċernata.

141. Fi tmiem din l-analiżi, jidhirli konsegwentement li kull waħda miċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju, meħuda individwalment, ma tipprekludix, minnha nfisha, it-tressiq ta’ talba għat-teħid lura.

142. Min-naħa l-oħra, meħudin flimkien, huma jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħi, ostakolu kbir għal tali proċedura ta’ teħid lura.

143. Fil-fatt, għal raġunijiet identiċi għal dawk li fformulajt fil-punti 71 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri rikjedenti, fl-ewwel lok, kienu responsabbli li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-applikant waqt l-ewwel soġġorn fit-territorju ta’ dak l-Istat, fit-tieni lok, huma aditi bi proċedura ta’ appell li għadu pendenti li jikkonċerna d-deċiżjoni li biha waħda minn dawk l-applikazzjonijiet ġiet miċħuda u, fit-tielet lok, ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-applikant, li jeżiġi mingħand l-Istat Membru li jirċievi t-talba għat-teħid lura, u li fit-territorju tiegħu dan ikun jinsab, biex jipproċedi bil-konsenja tiegħu, jidhirli li proċedura ta’ teħid lura mibdija abbażi tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III tneħħi, mill-proċeduri għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, ir-razzjonalità, l-oġġettività, l-ekwità u l-ħeffa mfittxija fil-kuntest ta’ dan ir-regolament u ma hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li fuqhom hija bbażata s-sistema Ewropea komuni tal-ażil.

C.      Fuq il-portata tal-obbligi li għandu l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III (it-tieni u t-tielet domanda preliminari)

144. Permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-obbligi li jkollu l-Istat Membru rikjedenti fir-rigward tal-eżami ta’ talba għall-protezzjoni internazzjonali li r-responsabbiltà għalih tkun tiegħu, meta dak l-Istat Membru jippreżenta, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III, talba għall-finijiet tat-teħid lura tal-applikant.

145. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk, ladarba t-talba għat-teħid lura tiġi ppreżentata, l-Istat Membru rikjedenti huwiex obbligat, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, li jissospendi l-eżami li jkun għadu pendenti fir-rigward tal-imsemmija applikazzjoni u li jtemmu billi jirtira jew ibiddel id-deċiżjoni li biha l-awtorità nazzjonali kompetenti ċaħdet dik l-applikazzjoni mal-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.

146. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tali nuqqas huwiex suxxettibbli li jipprekludi t-teħid lura tal-applikant mill-Istat Membru li jirċievi t-talba.

147. Nafu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III, Stat Membru jista’ effettivament jibda proċedura għat-teħid lura tal-applikant għall-ażil anki fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu jkunu aditi bi proċedura ta’ appell pendenti fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li tagħha huwa jkun għad għandu r-responsabbiltà (45).

148. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għaldaqstant fuq in-natura tal-obbligi li għandu l-Istat Membru rikjedenti fir-rigward tal-ipproċessar pendenti ta’ dik l-applikazzjoni.

149. L-eżami ta’ din il-kwistjoni tqajjem l-ewwel diffikultà fir-rigward tat-terminu li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju. Fin-nuqqas ta’ kjarifika fid-deċiżjoni tar-rinviju, nippreżumi li hija tirrigwarda t-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (46), fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, f’dan il-każ, għamlu t-talba tagħhom għat-teħid lura abbażi ta’ “hit” wara konsultazzjoni mas-sistema Eurodac.

150. Issa, jidhirli li dan it-terminu ma huwiex rilevanti hawnhekk. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-obbligi li għandu l-Istat Membru rikjedenti “immedjatament wara t-tressiq tat-talba għat-teħid lura” (47). Issa, it-terminu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III huwa t-terminu li fih din it-talba għandha ssir.

151. L-eżami ta’ din il-kwistjoni tqajjem it-tieni diffikultà. Fil-fatt, l-obbligi li għandu l-Istat Membru rikjedenti fir-rigward tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li r-responsabbiltà għalih hija tiegħu ma għandhomx ikunu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, imma dawk, ġenerali, stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2013/32.

152. Fil-fatt, ir-Regolament Dublin III ma jipprovdix dispożizzjonijiet partikolari meta l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jippreżenta, fl-istess ħin, talba għat-teħid lura tal-applikant għall-ażil abbażi tal-Artikolu 24(1) tiegħu.

153. Fir-rigward tal-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III, dan ma huwiex applikabbli minħabba l-portata limitata tiegħu. Għalkemm din id-dispożizzjoni għandha bħala għan, kif jindika t-titolu tagħha, li tistabbilixxi l-“[o]bbligi tal-Istat Membru responsabbli”, l-obbligi li hija tistabbilixxi jidħlu fil-kuntest speċifiku ta’ proċedura għat-teħid inkarigu u tat-teħid lura, kif dan jirriżulta espressament minn kliem il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, l-obbligi li għandhom l-awtoritajiet Olandiżi fir-rigward tal-eżami tat-tieni applikazzjoni ma jidħlux fil-kuntest ta’ proċedura għat-teħid inkarigu jew it-teħid lura.

154. Sabiex tiġi pprovduta risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nipproponi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni li għandha quddiemna fid-dawl tal-prinċipji u tal-garanziji fundamentali previsti fid-Direttiva 2013/32.

155. L-obbligi li għandu l-Istat Membru rikjedenti fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li r-responsabbiltà għalih taqa’ fuqu huma, fil-fehma tiegħi, evidenti (48).

156. Fl-ewwel lok, għandu jsir eżami xieraq u eżawrjenti tal-applikazzjoni u dan għandu jintemm fl-iqsar żmien, skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (49) u skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32 (50).

157. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, l-Istat Membru rikjedenti għandu, fit-tieni lok, jiggarantixxi l-osservanza tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif jinsab stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, ħaġa li timplika li l-qorti, għallinqas fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell quddiem qorti tal-ewwel istanza, tipproċedi b’eżami komplut u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, inkluż, jekk ikun il-każ, għal eżami tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali (51).

158. Il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil għandha għaldaqstant issegwi l-kors tagħha.

159. It-tressiq ta’ talba għall-iskopijiet tat-teħid lura ma tinsabx fost il-motivi li jistgħu jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżami (52). Ħaġa li għandha s-sens tagħha inkwantu hemm żewġ proċeduri distinti, waħda bbażata fuq applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata qabel fl-Istat Membru rikjedenti, u l-oħra, fuq applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata suċċessivament mal-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjedenti.

160. It-tressiq ta’ talba għall-iskopijiet tat-teħid lura lanqas ma tikkostitwixxi motiv li jista’ jiġġustifika t-tibdil jew l-irtirar tad-deċiżjoni, individwali, li hija s-suġġett tal-proċedura ta’ appell inkwistjoni. Għalkemm dik id-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ma hijiex, ċertament, hi li toħloq id-dritt għall-persuna kkonċernata peress li dik hija deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija tipproduċi effetti – kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (53) – u li hija biss il-qorti, fil-kuntest tas-setgħa tagħha u għal raġunijiet marbutin mal-legalità intrinsika tal-att ikkontestat, li tista’ tannulla jew tirriforma din id-deċiżjoni.

161. It-tressiq ta’ talba għat-teħid lura fl-istess ħin mal-proċedura ta’ appell pendenti fl-Istat Membru rikjedenti tqajjem diffikultajiet li jiena diġà semmejt ukoll.

162. Il-kors tal-proċedura għat-teħid lura ma huwiex fil-fatt l-istess bħall-kors tal-proċedura ġudizzjarja. Għalkemm l-ewwel waħda trid issir fit-termini stretti u estremament qosra, it-tieni waħda ma għandhiex termini ħlief dak ta’ terminu raġonevoli.

163. Il-proċedura ġudizzjarja tista’, għaldaqstant, iddum– il-kontenzjuż tal-Qorti tal-Ġustizzja juri dan – u, meta tintemm, tista’ twassal għal annullament jew tibdil fid-deċiżjoni kkontestata.

164. Dan jinvolvi r-riskju li l-qorti adita fl-ewwel istanza fl-Istat Membru rikjedenti tirriforma d-deċiżjoni li biha l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet inizjalment irrifjutata, ħaġa li tneħħi għalhekk is-sens u kull interess mit-teħid lura tal-applikant għall-ażil minn Stat Membru ieħor.

165. Dan jinvolvi, ukoll, ir-riskju li wieħed isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ lis pendens Ewropea jekk l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati fl-Istat Membru rikjedenti u fl-Istat Membru li jirċievi t-talba jkunu identiċi. F’dak il-każ, jidhirli li ebda qorti tal-Istat Membru li jirċievi t-talba ma jkun jista’ validament ikollu kompetenza b’mod simultanju.

166. Madankollu, dawn huma diffikultajiet li l-ebda test tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil ma jittratta. Inkunsiderazzjoni tal-portata tad-domanda magħmula u tal-limiti fir-rigward tal-osservanza tal-kontradittorju, jien mhux se nsemmi s-soluzzjonijiet possibbli.

167. Irrid madankollu nippreċiża li, inkwantu ma huwiex possibbli li tkun posposta l-preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura b’effett mill-mument li fih l-Istat Membru rikjedenti jkun fehem li Stat Membru ieħor seta’ jkun responsabbli – peress li t-termini stabbiliti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III huma imperattivi – huwa għaldaqstant l-Istat Membru rikjedenti li għandu jiżgura li l-qorti adita tiddeċiedi fl-iqsar żmien mill-mument li tkun ippreżentata talba għat-teħid lura tal-applikant għall-ażil, u dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 46(10) tad-Direttiva 2013/32.

168. Fir-rigward tal-atitudni li għandu jadotta l-Istat Membru li jirċievi t-talba, huwa xorta jrid jiġi informat bl-eżistenza fl-Istat Membru rikjedenti ta’ proċedura ta’ appell pendenti. Issa, kif ser naraw, dan tal-aħħar ma huwiex obbligat, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III, li jsemmi, fil-kuntest tat-talba tiegħu għat-teħid lura, l-istadju milħuq fil-proċedura tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

169. F’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li d-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 31 u 46 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta għandhom ikunu interpretati fis-sens li, ladarba tkun ippreżentata it-talba għat-teħid lura fl-Istat Membru riċevitur, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III, l-Istat Membru rikjedenti huwa obbligat li jtemm, fl-iqsar żmien, il-proċedura tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li r-responsabbiltà għaliha tkun tiegħu.

D.      Fuq il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni li għandu l-Istat Membru rikjedenti skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III (ir-raba’ u ħames domanda preliminari)

170. Permezz tar-raba’ u ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni li għandu l-Istat Membru rikjedenti meta dan jagħmel talba għall-finijiet tat-teħid lura abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III.

171. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 24(5) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru rikjedenti huwiex obbligat li jinforma lill-Istat Membru li jirċievi t-talba bl-eżistenza ta’ proċedura ta’ appell pendenti fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li tiegħu kien responsabbli. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-fatt, jekk l-awtoritajiet Olandiżi naqsux milli jwettqu l-obbligi tagħhom meta naqsu milli jindikaw lill-awtoritajiet Taljani li d-deċiżjoni dwar iċ-ċaħda tat-tieni applikazzjoni kienet għadha s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattiv Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat).

172. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tali nuqqas jistax jiġi invokat kontra t-teħid lura tal-applikant mill-Istat Membru li jirċievi t-talba.

173. Fir-Regolament Dublin III insibu żewġ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ proċedura għat-teħid (lura), jiġifieri l-Artikolu 24(5) kif ukoll l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament.

174. Għandu tiġi eskluża mill-ewwel l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament, fl-assenza ta’ talba għall-informazzjoni magħmula mir-Repubblika Taljana.

175. Dan l-artikolu, li jaqa’ fil-Kapitolu VII tar-Regolament Dublin III dwar il-“[k]operazzjoni amministrattiva”, huwa intitolat “Skambju ta’ informazzjoni” u kif jirriżulta b’mod ċar mill-paragrafi 1 u 6 tiegħu, jiskatta biss fuq talba ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, għalkemm l-Artikolu 34(2)(g) ta’ dan ir-regolament ikopri informazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni dwar l-eżistenza ta’ proċedura pendenti fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali preċedenti (54), xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Taljana ma talbitx lill-awtoritajiet Olandiżi tali informazzjoni.

176. Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-obbligi li għandu l-Istat Membru rikjedenti taħt l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III, li l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tiegħu huma previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

177. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, it-talba għall-finijiet tat-teħid lura tal-persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b) għandha tiġi ppreżentata permezz tal-formula standard indikata fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Din il-formula għandha tesponi n-natura, il-motivi kif ukoll il-bażi legali tat-talba.

178. Din għandha, barra minn hekk, tinkludi, skont il-każ, kopja tal-provi u indizji kollha li jippermettu li jiġi preżunt li l-Istat Membru li jirċievi t-talba huwa responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, li magħhom għandhom ikunu mehmuża d-dikjarazzjonijiet tal-persuna kkonċernata u/jew il-“hit” mill-Eurodac. Il-provi u l-indizji huma deskritti fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Dublin II u hemm lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

179. Skont it-test tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III, din id-data kollha għandha tippermetti “lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest li jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament”.

180. Issa, l-eżistenza, fl-Istat Membru rikjedenti, ta’ proċedura ta’ appell pendenti kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ma taqax minnha nfisha taħt il-kriterji li fuqhom l-Istat Membru rikjest jista’ jibbaża ruħu għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà tagħha. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali ċirkustanza ma tikkostitwixxix ostakolu għal proċedura ta’ teħid lura (55).

181. Neżamina issa l-kontenut tal-formula standard li abbażi tagħha l-Istat rikjedenti jagħmel it-talba tiegħu għat-teħid lura li tinsab fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

182. Nikkonstata li, barra mill-informazzjoni dwar il-bażi legali tat-talba u l-identità tal-applikant għall-ażil, l-Istat Membru rikjedenti huwa, skont il-punt 12 ta’ din il-formula, obbligat li jinforma lill-Istat Membru rikjest fuq il-“[p]roċeduri preċedenti”. Dan il-punt 12 jgħid kif ġej:

“L-applikant qatt kien applika għall-protezzjoni internazzjonali […] fil-pajjiż ta’ residenza jew f’pajjiż ieħor?

–        iva/le

Meta u fejn?

Ittieħdet xi deċiżjoni dwar l-applikazzjoni?

–        Le/ma nafx/iva, l-applikazzjoni ġiet irrifjutata

Meta ttieħdet id-deċiżjoni?”

183. Jekk ninterpretaw b’mod strett il-punt 12 tal-imsemmija formula, l-Istat Membru rikjedenti biss huwa obbligat jippreċiża jekk l-applikant ippreżentax diġà applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mal-awtoritajiet tiegħu jew dawk ta’ Stat Membru ieħor u jekk din kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni billi jagħżel “le”, “ma nafx” (56) jew ukoll “iva, l-applikazzjoni ġiet irrifjutata”, jekk ikun il-każ, billi jindika d-data tagħha.

184. L-Istat Membru rikjedenti ma huwiex obbligat, għaldaqstant, jindika l-istadju milħuq fil-proċedura, b’mod partikolari, il-fażijiet ġudizzjarji tagħha. Għaldaqstant jidher li l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux obbligati jippreċiżaw l-eżistenza ta’ proċedura ta’ appell pendenti li jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-11 ta’ Ġunju 2014.

185. Dan id-dettall, wara kollox, ma għandux postu fost il-provi u indizji oħra li l-Istat Membru rikjedenti huwa obbligat jipprovdi. Fil-fatt, anki hawnhekk, dawn il-provi u indizji għandhom jippermettu li juru li l-Istat Membru rikjest ikun effettivament responsabbli fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fir-Regolament Dublin III. Issa, rajna li ċirkustanza bħalma hija dik inkwistjoni ma taqax taħt tali kriterji.

186. Għall-kompletezza, nippreċiża li l-provi, li huma elenkati b’mod eżawrjenti (57) fil-lista A tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, huma provi formali li għandhom jippermettu li juru, pereżempju, li membru tal-familja tal-applikant, minuri mhux akkumpanjat, jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru rikjest (kopja tad-dokument ta’ residenza fil-kuntest tal-Artikolu 8 tar-Regolament Dublin III) jew ukoll li l-applikant daħal effettivament b’mod irregolari fit-territorju tal-Istat Membru rikjest minn fruntiera esterna (kopja tat-timbru tad-dħul iffalsifikat fuq passaport fil-kuntest tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament).

187. Fir-rigward tal-indizji, li huma s-suġġett ta’ lista mhux eżawrjenti fil-lista B tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dawn iridu jkunu elementi indikattivi li jippermettu li tiġi evalwata r-responsabbiltà ta’ Stat Membru fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament Dublin III, bħalma huma dikjarazzjonijiet ċirkustanzjali tal-applikant, rapporti stabbiliti minn organizzazzjoni internazzjonali jew ukoll biljetti tat-trasport jew noti tal-lukandi.

188. Konsegwentement, ma naħsibx li, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III, l-awtoritajiet Olandiżi naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom meta naqsu milli jindikaw, fil-kuntest tat-talba tagħhom, li d-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014, li biha ġiet miċħuda t-tieni applikazzjoni, kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ appell li għadha pendenti quddiem l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattiv Kontenzjużi tal-Kunsill tal-Istat).

189. Din l-ommissjoni hija, min-naħa l-oħra, iktar kritikabbli, fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li fuqu huwa bbażat r-Regolament Dublin III, peress li xejn ma kien jipprekludi lill-awtoritajiet Olandiżi li jippreċiżawha taħt “[i]nformazzjoni utli oħra” li tinsab fil-qiegħ tal-paġna tal-formula standard li jinsab fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

190. Inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III għandu għaldaqstant jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li jitlob it-teħid lura ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu meta jonqos milli jippreċiża lill-Istat Membru rikjest li d-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata waqt l-ewwel soġġorn fit-territorju tiegħu hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ appell li għadu pendenti quddiem il-qrati tiegħu.

E.      Fuq il-portata tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III (is-sitt domanda preliminari)

191. Permezz tas-sitt domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandux ikun interpretat fis-sens li jeżiġi li Stat Membru, li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament ma jindikahx bħala li huwa responsabbli, jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali meta l-applikant ġie kkonsenjat lilu in eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

192. Fi kliem ieħor, f’każ fejn ir-Repubblika Taljana tkun saret l-Istat Membru responsabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet Olandiżi kinux obbligati jeżaminaw huma stess l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali inkwistjoni billi jużaw din il-klawżola diskrezzjonali, inkwantu, in eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li huma ħarġu kontra X, dan ġie kkonsenjat lilhom mill-awtoritajiet Taljani.

193. Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma tal-fehma li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi tali obbligu.

194. Jiena wkoll ta’ din il-fehma minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tar-redazzjoni assolutament ċara tagħha.

195. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikazzjoni għall-ażil tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss, dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jindikaw li huwa responsabbli.

196. Il-Kapitolu IV tar-Regolament Dublin III jidentifika, madankollu, is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jiġi kkunsidrat bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil permezz ta’ deroga minn dawn il-kriterji. L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, jipprovdi għaldaqstant, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, li “kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament” (58).

197. Għandu jiġi rilevat mill-ewwel li l-klawżola msemmija f’din id-dispożizzjoni hija mmirata għall-Istati Membri li quddiemhom tiġi “iddepożitata […] minn ċittadin ta’ pajjiż terz”.

198. Sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni, fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li għalih hija mmirata din id-dispożizzjoni, f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana, ma taqax għaldaqstant fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

199. Fi kwalunkwe każ, u f’każ fejn is-sitwazzjoni inkwistjoni kellha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jitfakkar li l-klawżola msemmija f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, kif jindika mingħajr ambigwità t-titolu tagħha, klawżola diskrezzjonali.

200. Billi tipprovdi li “kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” (59), din id-dispożizzjoni tirrifletti mingħajr ambigwità l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tħalli għad-diskrezzjoni tal-Istat Membru l-possibbiltà li jipproċedi bl-eżami tal-applikazzjoni, li ma huwiex l-obbligu tiegħu skont il-kriterji tad-determinazzjoni stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament Dublin III, u mhux li tistabbilixxi obbligu. Jirriżulta ċar mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija dispożizzjoni li l-eżerċizzju ta’ din il-fakultà ma hijiex, barra minn hekk, suġġetta għal ebda kundizzjoni partikolari (60).

201. Filwaqt li bbażat ruħha fuq ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Dublin III, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat għaldaqstant li din ir-regola ġiet introdotta biex tippermetti lil kull Stat Membru li jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umani jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għall-ażil anki jekk huwa ma huwiex responsabbli għaliha skont kriterji previsti minn dan ir-regolament (61).

202. Għaldaqstant, fis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (62), dwar it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil marid serjament lejn l-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru rikjedenti, jekk huwa jagħraf li l-istat ta’ saħħa tal-applikant mhux ser jitjieb fi żmien qasir, jew li s-sospensjoni tal-proċedura għal perijodu twil tirriskja li tiggrava l-istat tal-persuna kkonċernata, “jista’ jagħżel li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni tagħha billi jagħmel użu mill-‘klawżola diskrezzjonali’ prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III”, iżda li, f’ebda każ, din id-dispożizzjoni ma timplika l-obbligu għal dan l-Istat Membru li japplikaha (63).

203. Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq ix-xewqa li tiġi ppreżervata l-funzjoni stess ta’ din il-klawżola diskrezzjonali u li jiġi ggarantit il-marġni ta’ diskrezzjoni hekk imħolli lill-Istat Membru rikjedenti. Għaldaqstant, hija għandha tiġi trasposta għas-sitwazzjoni fejn l-Istat Membru, li quddiemu tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-applikant (64).

204. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III ma japplikax għal sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata fi Stat membru li huwa differenti minn dak li għalih tapplika l-imsemmija dispożizzjoni.

VII. Konklużjoni

205. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), kif ġej:

1)      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u t-trasferiment ta’ responsabbiltà li joħroġ minnha fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-persuna kkonċernata fl-Italja, inkwantu jneħħu mill-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli r-razzjonalità, l-oġġettività, l-ekwità kif ukoll il-ħeffa mfittxija fil-kuntest tar-Regolament Nru 604/2013 u ma humiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li fuqhom hija bbażata s-sistema Ewropea komuni tal-ażil, għandhom jiġu miċħuda.

2)      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, it-tressiq ta’ talba għat-teħid lura abbażi tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 604/2013 tneħħi, mill-proċeduri għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, ir-razzjonalità, l-oġġettività, l-ekwità u l-ħeffa mfittxija fil-kuntest tar-regolament Nru 604/2013 u ma hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li fuqhom hija bbażata s-sistema Ewropea komuni tal-ażil meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri rikjedenti, fl-ewwel lok, kienu responsabbli li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-applikant waqt l-ewwel soġġorn fit-territorju ta’ dak l-Istat, fit-tieni lok, huma aditi bi proċedura ta’ appell li għadu pendenti li jikkonċerna d-deċiżjoni li biha waħda minn dawk l-applikazzjonijiet ġiet miċħuda u, fit-tielet lok, ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-applikant, li jeżiġi mingħand l-Istat Membru li jirċievi t-talba għat-teħid lura, u li fit-territorju tiegħu dan ikun jinsab, biex jipproċedi bil-konsenja tiegħu.

3)      Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 31 u 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu interpretati fis-sens li, ladarba tkun ippreżentata it-talba għat-teħid lura fl-Istat Membru rikjest, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 604/2013, l-Istat Membru rikjedenti huwa obbligat li jtemm, fl-iqsar żmien, il-proċedura tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li r-responsabbiltà għaliha tkun tiegħu.

4)      L-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu għaldaqstant jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li jitlob it-teħid lura ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu meta jonqos milli jippreċiża lill-Istat Membru rikjest li d-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata waqt l-ewwel soġġorn fit-territorju tiegħu hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ appell li għadu pendenti quddiem il-qrati tiegħu.

5)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ma japplikax għal sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata fi Stat membru li huwa differenti minn dak li għalih tapplika l-imsemmija dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”.


3      Ara l-kuntest ġuridiku u fattwali ppreżentat bħala anness ma’ dawn il-konklużjonijiet.


4      Iktar ’il quddiem l-“ewwel applikazzjoni”.


5      Iktar ’il quddiem it-“tieni applikazzjoni”.


6      Iktar ’il quddiem it-“tielet applikazzjoni”.


7      Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat (COM(2016) 270 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament”).


8      Iktar ’il quddiem l-“Istat Membru responsabbli”.


9      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).


10      Fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, mhux ser nieħu din inkunsiderazzjoni.


11      Informazzjoni kkomunikata mill-partijiet waqt is-seduta.


12      C-63/15, EU:C:2016:409.


13      Jiena ninnota li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li tirtira l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-invokabbiltà minn applikant għall-protezzjoni internazzjonali, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, min-naħa, it-termini previsti mir-Regolament Dublin III u, min-naħa l-oħra, il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Istati Membri.


14      Fir-rigward tal-argumenti li jinsabu, b’mod partikolari, fil-punti 3.2 u 3.3 tad-deċiżjoni ta’ rinviju kif ukoll tal-kontenut tas-sitt domanda preliminari, jien għamilt l-għażla li niffoka l-ewwel kwistjoni fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III, u mbagħad nittratta b’mod distint il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.


15      Għalkemm dan il-punt ma joħroġx espressament mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, huwa joħroġ mill-argumenti li jinsabu fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


16      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 56).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C-201/16, EU:C:2017:805, punt 39, korsiv miżjud minni). Fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C-670/16, EU:C:2017:587), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, “għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament [preżentazzjoni ta’ talba għall-iskopijiet tat-teħid] huma intiżi sabiex ifasslu l-proċedura ta’ teħid inkarigu, dawn jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, fis-sens tal-istess regolament” (punt 53).


18      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C-670/16, EU:C:2017:587). Fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[it-tielet subparagrafu tal]-Artikolu 21(1) ta’ [ir-Regolament Dublin III] […] jipprevedi, fil-każ ta’ skadenza tat-termini stabbiliti fiż-żewġ subparagrafi li jippreċeduh, trasferiment ipso iure tar-responsabbiltà tal-Istat Membru li miegħu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet sottomessa, mingħajr ma dan it-trasferiment jiġi suġġett għal kwalunkwe reazzjoni tal-Istat Membru mitlub”.


20      Skont l-Artikolu 67(2) TFUE, l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni fil-qasam tal-ażil li hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 80 TFUE tindika li l-politika tal-ażil tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri.


21      Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “Ġustizzja u affarijiet interni”, tat-8 ta’ Marzu 2012, dwar qafas komuni għal solidarjetà reali u konkreta fir-rigward tal-Istati Membri li s-sistema ta’ ażil tagħhom hija suġġetta għal pressjonijiet partikolarment qawwija, b’mod partikolari minħabba l-flussi migratorji mħallta, adottati waqt it-3151 sessjoni.


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C-394/12, EU:C:2013:813, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      C-670/16, EU:C:2017:587.


25      Ibidem. (punt 54). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirriproduċi din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III.


26      Fil-fatt, huwa paċifiku li r-Repubblika Taljana naqset milli tagħmel talba għat-teħid lura indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III, b’mod li dawn tal-aħħar kkunsidrawha bħala li saret l-Istat Membru responsabbli. Barra minn hekk, huwa aċċettat ukoll li r-Repubblika Taljana naqset milli tirrispondi f’dawk il-ġimagħtejn, jiġifieri fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament, għat-talba għat-teħid lura li bagħtulha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod li hija ġiet ikkunsidrata bħala li aċċettat impliċitament din it-talba.


27      X jopponi llum għat-trasferiment tiegħu lejn dak l-Istat Membru. Kif ikkonferma r-rappreżentant tiegħu waqt is-seduta, dan ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja sabiex jikseb mezzi ta’ għajxien. Ma huwiex eskluż, fil-fehma tiegħi, li l-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni kellha l-għan li tostakola l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.


28      Minkejja li dawn l-applikazzjonijiet kienu mifruxa fuq ċerta perijodu ta’ żmien, ma naħsibx li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata fl-Italja hija bbażata fuq fatti jew provi ġodda meta mqabbla mal-ewwel żewġ applikazzjonijiet eżaminati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-ewwel lok, il-ħeffa tal-eżami li sar mill-awtoritajiet Olandiżi fir-rigward tat-tieni applikazzjoni turi li ma kien hemm ebda prova ġdida tali li taqleb id-deċiżjoni ta’ rifjut adottata fir-rigward tal-ewwel applikazzjoni. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ X ikkonferma wkoll li din it-tieni applikazzjoni kienet motivata biss minħabba tibdil fil-politika fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fit-tieni lok, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-fatti u l-provi li fuqhom hija bbażata t-tielet applikazzjoni, li ġiet ippreżentata fit-23 ta’ Ottubru 2014, kienu nbidlu sostanzjalment b’effett mis-7 ta’ Lulju 2014, data li fiha r-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) tat deċiżjoni fuq ir-rifjut tat-tieni applikazzjoni.


29      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35), “fl-assenza ta’ effett sospensiv mogħti fil-mument tat-tressiq ta’ […] l-appell [quddiem il-qorti kompetenti], […] id-deċiżjoni [li biha ġiet miċħuda applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali waqt l-ewwel soġġorn fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat] għandha titqies li tipproduċi l-effetti tagħha, hekk kif joħorġu mir-Regolament Dublin III, u għaldaqstant li timplika l-għeluq tal-proċedura amministrattiva miftuħa wara t-tressiq tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” (punt 50).


30      C-670/16, EU:C:2017:587.


31      Ara l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


32      Fost il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew elenkati fl-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2002/584/J AI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU 2002, L 190, p. 1), ma hemmx l-eżistenza ta’ applikazzjoni għall-ażil u lanqas l-applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja [ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, B. (C-306/09, EU:C:2010:626, punt 43)].


33      Fid-data li fiha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu lir-Repubblika Taljana talba għall-iskopijiet tat-teħid lura, dawn il-proċeduri kienu għadhom ma tteħditx deċiżjoni biex jitwaqqfu.


34      Wieħed jista’ jistaqsi, barra minn hekk, jekk tali nuqqas iridx jinftiehem mod ieħor, mill-Kummissjoni b’mod partikolari, li jieħu inkunsiderazzjoni evidentement tal-pressjoni tal-migrazzjoni li jkun hemm fuq l-awtoritajiet Taljani u tal-ordnijiet speċifiċi, bħalma hija dik tar-rilokalizzazzjoni, implimentata. B’risposta għas-sitwazzjoni ta’ kriżi fl-Italja, il-Kunsill kien adotta żewġ deċiżjonijiet fil-qasam tar-rilokalizzazzjoni, li ġew applikati sax-xahar ta’ Settembru 2017, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523, tal-14 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, tat-22 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80).


35      Barra minn hekk, ma għandux ikun li l-Istati jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mid-dewmien tal-Istati Membri suġġetti għal pressjoni qawwija ta’ migrazzjoni biex jikkonkludu għat-trasferiment ta’ responsabbiltà.


36      Ara l-punt 3.1. tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Ewropa miftuħa u sikura: kif nagħmluha realtà [COM(2014) 154 finali), intitolat “Konsolidazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA)”, li jipprovdi: “[r]egoli ġodda dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-asil bejn l-Istati Membri u qafas għat-trasferiment tal-protezzjoni jistgħu jiġu żviluppati skont l-objettiv tat-Trattat li jinħoloq status uniformi validu madwar l-UE. Dan inaqqas l-ostakli għall-moviment fi ħdan l-UE u jiffaċilita t-trasferiment ta’ benefiċċji marbuta mal-protezzjoni bejn il-fruntieri interni” (p. 8). Ara wkoll, ir-rapport tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Jannar 2015, intitolat “New Approach, Alternative Avenues and Means of Access to Asylum Procedures for Persons Seeking International Protection”, li jirriproduċi din iċ-ċitazzjoni (p. 58).


37      Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji japplika wkoll fil-qasam tat-tneħħija. Ara, f’dan ir-rigward, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 107), kif ukoll id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


38      Il-każijiet li fihom Stat Membru jista’ jirrifjuta din il-komunikazzjoni huma ristretti u elenkati b’mod limitattiv fl-Artikolu 34(3) tar-Regolament Dublin III (protezzjoni tal-interessi essenzjali tiegħu jew protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata jew ta’ ħaddieħor).


39      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-premessa 25 kif ukoll l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 20 tal-proposta għal regolament.


41      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35, punt 48, korsiv miżjud minni).


42      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35, punt 49).


43      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35, punt 50).


44      Jew b’effett mid-deċiżjoni finali fuq l-appell jew ir-reviżjoni meta l-effett sospensiv jingħata skont l-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament.


45      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35, punt 50).


46      Skont din id-dispożizzjoni, it-talba għat-teħid lura ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ma ġietx miċħuda b’deċiżjoni finali, għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-“hit” mill-Eurodac.


47      Ara t-tieni domanda preliminari (korsiv miżjud minni).


48      F’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huma u jibqgħu, minkejja l-proċedura għat-teħid lura mibdija, l-Istat Membru responsabbli li jeżamina t-tieni applikazzjoni, dik li fil-kuntest tagħha kien għadu pendenti appell quddiem l-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Amministrattiv Kontenzjuż tal-Kunsill tal-Istat) fil-mument tal-preżentazzjoni tat-tielet applikazzjoni fl-Italja.


49      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


50      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ eżami xieraq u eżawrjenti u jiżguraw li din il-proċedura tingħalaq fl-iqsar żmien. Fil-prinċipju, it-terminu huwa ta’ sitt xhur b’effett mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Meta l-applikazzjoni hija suġġetta għall-proċedura ddefinita fil-kuntest tar-Regolament Dublin III, dan it-terminu jibda jiddekorri b’effett mill-mument li fih l-Istat Membru responsabbli jkun ġie ddeterminat u li fih l-applikant ikun jinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat u jkun ittieħed inkarigu mill-awtorità kompetenti. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-proċedura ta’ eżami f’perijodu massimu ta’ 21 xahar mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.


51      Ara l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva.


52      Ara, f’dan ir-rigward, il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva.


53      C-360/16, EU:C:2018:35 (punt 50).


54      Skont l-Artikolu 34(1) u (2)(g) tar-Regolament Dublin III, Stat Membru huwa għaldaqstant obbligat li jibgħat id-data ta’ natura personali tal-applikant kif ukoll kull informazzjoni dwar id-“id-data li fiha kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali preċedenti kienet iddepożitata, id-data li fiha l-applikazzjoni preżenti kienet iddepożitata, l-istadju milħuq fil-proċeduri u d-deċiżjoni meħuda” lil kull Stat Membru “li jitlob hekk”. Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li r-riferiment għall-“istadju milħuq fil-proċeduri” jirreferi għall-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali preċedenti.


55      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C-360/16, EU:C:2018:35, punt 50).


56      Nimmaġina li dawn il-kliem jirreferu għas-sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li jeħtieġ it-teħid lura, fejn dan l-aħħar Stat Membru ma għandux neċessarjament id-data li tikkonċerna l-istadju milħuq fil-proċeduri fl-ewwel Stat Membru.


57      Skont l-Artikolu 22(3)(a)(ii) tar-Regolament Dublin III, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kumitat previst fl-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament il-mudelli ta’ tipi differenti ta’ dokumenti amministrattivi, skont it-tipoloġija stabbilita fil-lista ta’ provi formali.


58      Korsiv miżjud minni.


59      Korsiv miżjud minni.


60      Il-kliem jikkoinċidu essenzjalment ma’ dawk tal-klawżola ta’ sovranità li tinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 109).


61      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 53), kif ukoll il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz [COM(2001) 447 finali].


62      C-578/16 PPU, EU:C:2017:127.


63      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 88, korsiv miżjud minni).


64      Għaldaqstant, f’każ fejn l-Istat Membru rikjedenti kellu joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-applikant, li jeżiġi mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jaħtruh bħala responsabbli, u li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-applikant, li jikkonsenjah sabiex iseħħu l-proċeduri kriminali, l-Istat Membru rikjedenti jkun jista’ jagħżel li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali billi jagħmel użu mill-klawżola diskrezzjonali prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. Dan ikun jippermetti, b’mod partikolari, li jinġabru l-proċeduri kollha, ta’ natura kriminali u amministrattivi, f’post wieħed u jiġi evitat trasferiment ġdid tal-persuna kkonċernata, li fuq kollox ikun tardiv. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, indipendentement mill-benefiċċji ċerti li tali ġbir ta’ proċeduri jġib miegħu, l-Istat Membru rikjedenti ma huwiex obbligat japplika din il-klawżola diskrezzjonali.