Language of document : ECLI:EU:T:2021:601

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

22 ta’ Settembru 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea chic água ALCALINA 9,5 PH – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea CHIC BARCELONA – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑195/20,

Sociedade da Água de Monchique, SA, stabbilita f’Caldas de Monchique (il-Portugall), irrappreżentata minn M. Osório de Castro, avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, I. Ribeiro da Cunha u J. Crespo Carrillo, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Pere Ventura Vendrell, residenti f’Sant Sadurni d’Anoia (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑20 ta’ Jannar 2020 (Każ R 2524/2018-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn P. Ventura Vendrell u Sociedade da Água de Monchique,

Il-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović (Relatur), President, F. Schalin u P. Škvařilová-Pelzl, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April 2020,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2020,

wara s-seduta tal‑15 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil‑25 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti, Sociedade Água de Monchique, SA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 32 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “xarbiet mhux alkoħoliċi; ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea Nru 2017/199 tad‑19 ta’ Ottubru 2017.

5        Fis‑17 ta’ Jannar 2018, Pere Ventura Vendrell, ippreżenta oppożizzjoni, abbażi tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trademark verbali preċedenti tal-Unjoni CHIC BARCELONA, irreġistrata fl‑1 ta’ Novembru 2017 taħt in-numru 16980195 għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra), inbid, inbid frizzanti; likur; spirti (xorb); brandi”.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak indikat fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

8        Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2018, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni sa fejn din kienet diretta kontra x-“xarbiet mhux alkoħoliċi” fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, hija rrilevat b’mod partikolari li kien hemm xebh dgħajjef bejn ix-“xarbiet mhux alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u x-“xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)” li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

9        Għall-kuntrarju, hija ċaħdet l-oppożizzjoni, minħabba nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, sa fejn l-oppożizzjoni kienet diretta kontra l-prodotti “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)” li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, essenzjalment, qieset b’mod partikolari li dawn il-prodotti kienu differenti mill-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade mark preċedenti. Dawn huma prodotti li għandhom natura, skop u użu differenti. Barra minn hekk, dawn il-prodotti jiġu ikkonsmati f’okkażjonijiet differenti, jikkorrispondu għal segmenti ta’ prezzijiet differenti, u ma għandhomx l-istess oriġini kummerċjali.

10      Fid‑19 ta’ Diċembru 2018, P. Ventura Vendrell ippreżenta appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fejn talab li din id-deċiżjoni tiġi annullata sa fejn l-oppożizzjoni tiegħu kienet ġiet miċħuda. Insostenn tar-rikors tiegħu, P. Ventura Vendrell invoka b’mod partikolari l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)” li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade mark preċedenti. Fil-fehma tiegħu, għandu għalhekk jiġi konkluż li teżisti wkoll probabbiltà ta’ konfużjoni għall-prodotti li għalihom id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni.

11      B’deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell u ċaħad l-oppożizzjoni kollha kemm hi. Essenzjalment, l-ewwel, huwa qies li kien hemm xebh dgħajjef bejn il-prodotti “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)” li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u x-“xarbiet alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 33 indikati mit-trade mark preċedenti. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies li t-trade marks kunfliġġenti kellhom livell għoli ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali. Abbażi ta’ dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2017/1001, li, fil-fehma tiegħu, huwa applikabbli f’dan il-każ.

 Talbiet tal-partijiet

12      Wara rinunzja parzjali matul is-seduta, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors bħala ammissibbli;

–        tikkundanna lill-partijiet għall-ispejjeż fil-proporzjonijiet dovuti lilhom rispettivament.

 Fid-dritt

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet tal-EUIPO

14      L-ewwel kap tat-talbiet tal-EUIPO (“tilqa’ l-appell bħala ammissibbli”) jitlob l-osservazzjonijiet li ġejjin.

15      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-EUIPO ma jistax ikun obbligat jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta’ Bord tal-Appell jew li jitlob neċessarjament iċ-ċaħda ta’ kull appell ippreżentat kontra tali deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2019, mobile.de vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ karozza f’bużżieqa tal-komiks), T‑629/18, EU:T:2019:292, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li xejn ma jipprekludi lill-EUIPO milli jaqbel ma’ talba tar-rikorrenti jew inkella milli sempliċement iħalli f’idejn il-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li jressaq l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jiggwidaw lill-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, l-EUIPO ma jistax iressaq talbiet favur l-annullament jew favur il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fir-rikors jew jippreżenta motivi li ma jkunux tqajmu fir-rikors (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2020, Lidl Stiftung vs EUIPO – Plásticos Hidrosolubles (green cycles), T‑78/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:166, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      F’dan il-każ, l-ewwel kap tat-talbiet tal-EUIPO huwa ammissibbli sa fejn dan u l-argumenti mressqa insostenn tiegħu ma joħorġux mill-ambitu tat-talbiet u tal-motivi mressqa mir-rikorrenti.

17      Barra minn hekk, huwa minnu li, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-argumenti invokati mir-rikorrenti fir-rikors tagħha u r-risposti tal-EUIPO f’dan ir-rigward, il-partijiet jaqblu fuq ċerti punti relatati mal-mertu tal-kawża (ara l-punti 37 u 38 iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, l-imsemmija punti komuni tal-partijiet jistgħu jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 79 iktar ’il quddiem). Minkejja dawn l-elementi, ir-rikors madankollu ma tilifx l-iskop tiegħu. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata, fl-istat tal-proċess, la ġiet emendata u lanqas irtirata mill-Bord tal-Appell. L-EUIPO ma għandux is-setgħa li jagħmel dan u lanqas is-setgħa li jagħti struzzjonijiet f’dan is-sens lill-Bordijiet tal-Appell, li l-indipendenza tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu 166(7) tar-Regolament 2017/1001. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma hijiex eżentata milli teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-motivi fformulati fir-rikors promotur u għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu.

 Fuq il-mertu

18      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-data ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l‑25 ta’ Lulju 2017, li hija determinanti sabiex jiġi identifikat id-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti f’din il-kawża huma rregolati bid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 12 u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Primart vs EUIPO, C‑702/18 P, EU:C:2020:489, punt 2 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Sa fejn id-dispożizzjonijiet sostantivi rilevanti applikabbli f’dan il-każ huma identiċi fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta, rispettivament, mir-Regolament Nru 207/2009 u mir-Regolament 2017/1001, il-fatt li l-partijiet irreferew għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament ma għandux effett għall-finijiet ta’ din il-proċedura u l-argumenti tagħhom għandhom jiġu interpretati bħala li huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, nanoPET Pharma vs EUIPO – Miltenyi Biotec (viscover), T‑264/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:470, punt 23).

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

21      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun probbabbli li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak bejn il-prodotti jew servizzi koperti (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Meta l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tkun mifruxa mal-Unjoni Ewropea kollha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti mill-konsumatur tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni f’dan it-territorju. Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, huwa biżżejjed li raġuni relattiva għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tkun teżisti f’parti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-prodotti li huma s-suġġett tar-rikors

25      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li x-“xarbiet mhux alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 32 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), ma humiex is-suġġett tar-rikors. Dawn il-prodotti lanqas ma kienu s-suġġett tar-rikors fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Dan huwa l-każ peress li, l-ewwel, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet laqgħet l-oppożizzjoni ta’ Pere Ventura Vendrell, b’tali mod li, skont l-Artikolu 67 tar-Regolament 2017/1001, applikabbli fid-data tal-preżentata tal-appell tiegħu quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri d‑19 ta’ Diċembru 2018 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), dan ir-rikors ma kienx isemmi dawn il-prodotti. Skont l-Artikolu 67 tar-Regolament 2017/1001, essenzjalment, jista’ jsir rikors quddiem il-Bord tal-Appell kontra deċiżjoni meħuda mill-istanza inferjuri biss sa fejn din id-deċiżjoni tkun ċaħdet pretensjoni jew talba. It-tieni, ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, ma ppreżentatx appell — prinċipali jew inċidentali — quddiem il-Bord tal-Appell li seta’ jwessa’ l-portata tal-appell lil hinn mill-prodotti kollha li kienu diġà s-suġġett tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell minħabba l-preżentata tal-appell ta’ P. Ventura Vendrell. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni saret definittiva sa fejn din id-deċiżjoni kienet tkopri x-“xarbiet mhux alkoħoliċi” li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

26      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-Bord tal-Appell irrefera għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 li kellhom jiġu pparagunati mal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, huwa qies ix-xorb kollu msemmi fil-punt 6 iktar ’il fuq u mhux biss ix-“xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)”.

27      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-fajl tal-EUIPO, fir-rikors tiegħu tad‑19 ta’ Diċembru 2018, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet mhux biss semmiet “xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)”, iżda kienet insistiet fuq l-eżitu tal-paragun tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod partikolari mal-inbejjed. Dan il-fatt ġie rrapportat mill-Bord tal-Appell fil-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li, fil-fehma tiegħu, “[b]l-espressjoni ‘xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)’ it-trade mark preċedenti [kienet] tipproteġi mhux biss prodotti b’kontenut għoli ta’ alkoħol, iżda wkoll prodotti b’livell baxx ta’ alkoħol, bħas-sangria, is-sidru jew it-taħlitiet tax-xarbiet alkoħoliċi u mhux alkoħoliċi, bħall-vermouth mas-soda, il-whisky coka jew il-pastis mal-ilma”.

28      Issa, il-prodotti msejħa “spirti (xorb); brandi”, koperti mit-trade mark preċedenti, huma prodotti b’kontenut alkoħoliku għoli, filwaqt li l-prodotti msejħa “inbid, inbid frizzanti; likur” huma prodotti b’rata baxxa ta’ alkoħol. Il-loġika sottostanti tad-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk li jiġi kkunsidrat li x-“xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)” jappartjenu għall-kategorija usa’ ta’ numru ta’ prodotti li fosthom għandhom jingħaddu, ukoll u neċessarjament, il-prodotti msejħa “inbid, inbid frizzanti; likur; spirti (xorb); brandi”.

29      Huwa għalhekk, barra minn hekk, li r-rikorrenti tifhimha, kif jirriżulta mill-punti 23 u 25 tar-rikors.

30      Għandu jingħad ukoll li ġie deċiż li mit-test ċar u mhux ambigwu tal-klassi 33 jirriżulta li din il-klassi tinkludi x-xarbiet alkoħoliċi kollha bl-unika eċċezzjoni tal-birer (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2008, Coca-Cola vs UASI – San Polo (MEZZOPANE), T‑175/06, EU:T:2008:212, punt 74).

31      Konsegwentement, għall-finijiet ta’ ċarezza, il-prodotti li huma s-suġġett tar-rikors f’din il-kawża huma x-xarbiet “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)” li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u l-prodotti kollha l-oħra li jaqgħu fil-klassi 33 koperti mit-trade mark preċedenti, kif imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“prodotti inkwistjoni”).

 Fuq il-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni tiegħu

32      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade mark preċedenti kienu indirizzati lill-pubbliku ġenerali. Dan il-pubbliku huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Mill-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Bord tal-Appell, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma indirizzati wkoll għall-pubbliku ġenerali. Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, il-pubbliku ġenerali jkollu livell ta’ attenzjoni medju u normalment baxx waqt il-konsum u l-akkwist tagħhom. Fl-aħħar nett, mill-punti 31 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta impliċitament li l-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku li jitkellem bl-Ispanjol u li t-territorju rilevanti huwa t-territorju tal-Unjoni.

34      Dawn l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li, barra minn hekk, ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, għandhom jiġu kkonfermati.

 Fuq il-paragun tal-prodotti

35      Fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li kien hemm xebh dgħajjef bejn il-“prodotti kkontestati li [kienu] is-suġġett tar-rikors” quddiemha, jiġifieri, l-“ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)” li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u x-“xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)” li jaqgħu fil-klassi 33, filwaqt li jitfakkar li din il-kategorija ta’ prodotti tinkludi b’mod partikolari l-prodotti msejħa “inbid, inbid frizzanti; likur; spirti (xorb); brandi”, kif koperti minn din l-istess trade mark (ara l-punti 26 sa 31 iktar ’il fuq).

36      Sabiex jasal għall-konklużjoni indikata fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, il-Bord tal-Appell iddikjara li x-xarbiet imsejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)” u wħud mill-prodotti li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni, jiġifieri x-“xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)”, kienu prodotti likwidi intiżi għall-konsum mill-bniedem. Minħabba f’dan il-fatt, huma kollha għandhom l-istess natura (ara l-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, skont il-Bord tal-Appell, uħud mill-prodotti koperti mill-espressjoni “xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra)” huma għalhekk parzjalment prodotti li jservu b’mod partikolari sabiex jaqtgħu l-għatx u li għalhekk, sa ċertu punt, huma kompetituri (ara l-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, il-fatt li l-prodotti inkwistjoni huma alkoħoliċi jew huma mingħajr alkoħol, minkejja li huwa rilevanti, ma jistax jitqies bħala deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, il-prodotti inkwistjoni jistgħux ikollhom oriġini kummerċjali identika jew konnessa (ara l-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Ċertament, ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark preċedenti huwa ġeneralment ikkonsmat f’okkażjonijiet speċjali u f’laqgħat soċjali jew familjari, filwaqt li l-ilma minerali u tal-flixkun huwa, għal numru kbir ta’ persuni, prodott ta’ konsum ta’ kuljum. Madankollu, dan il-fatt ma jfissirx li ma hemm l-ebda “tip ta’ xebh” bejn il-prodotti inkwistjoni (ara l-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, skont il-Bord tal-Appell, anki jekk il-konsumatur medju huwa sensittiv għad-distinzjoni bejn l-ilma u x-xorb alkoħoliku (inkluż dak b’grad alkoħoliku baxx), il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li dawn id-differenzi kienu insuffiċjenti sabiex jeskludu l-eżistenza ta’ xebh dgħajjef bejn ix-xorb alkoħoliku u l-ilmijiet minerali u tal-flixkun. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell irrefera għall-punt 46 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2005, Osotspa vs UASI – Distribuzzjoni Marketing (Hai) (T‑33/03, EU:T:2005:89), u għall-punti 31 u 32 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Cooperativa Vitivinícola Arousana vs UASI – Sotelo Ares (ROSALIA DE CASTRO) (T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565) (ara l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Ir-rikorrenti tqis li dawn l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma vvizzjati bi żball. Hija tosserva li n-natura tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u tax-xarbiet alkoħoliċi koperti mit-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra, hija differenti minħabba l-preżenza jew l-assenza ta’ alkoħol fil-kompożizzjoni tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-ingredjenti bażiċi tagħhom, il-mod ta’ produzzjoni tagħhom, il-kulur tagħhom, ir-riħa tagħhom u t-togħma tagħhom. Kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell, dawn id-domandi jegħlbu, skont ir-rikorrenti, għall-konsumatur rilevanti, l-eventwali għan u metodu ta’ użu komuni. Fir-rigward tal-iskop u tal-użu tal-ilmijiet u tax-xorb mhux alkoħoliku, dejjem skont ir-rikorrenti, il-konsum ta’ xorb alkoħoliku — anki b’kontenut baxx ta’ alkoħol — ma jeskludix il-konsum ta’ xorb mhux alkoħoliku (ilma) u viċe versa, iżda l-konsum ta’ wieħed minn dawn ix-xarbiet ma jimplikax neċessarjament il-konsum tal-oħra. Barra minn hekk, ix-xorb alkoħoliku — anki dak b’kontenut baxx ta’ alkoħol — huwa ġeneralment intiż sabiex titgawda t-togħma u mhux biss biex jaqta’ l-għatx, u wisq inqas sabiex jippreżerva s-saħħa tal-bniedem, filwaqt li x-xarbiet mhux alkoħoliċi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma ġeneralment, jew anki esklużivament, fil-każ ta’ ilma minerali u tal-ilma effervexxenti, intiżi sabiex jaqtgħu l-għatx u sabiex jippreżervaw is-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, il-konsumatur jikkonsma iktar u iktar ilma, mhux biss għaliex ikollu l-għatx, iżda wkoll taħt l-influwenza tal-motto “spirtu b’saħħtu f’ġisem b’saħħtu”. Fl-aħħar nett, fil-fehma tar-rikorrenti, il-prodotti inkwistjoni la għandhom natura komplementari u lanqas natura kompetittiva.

38      L-EUIPO jaqbel, min-naħa tiegħu, mal-perspettiva tar-rikorrenti u jqis li l-prodotti inkwistjoni ma jixxiebhux. F’dan ir-rigward, l-EUIPO jaċċetta li, fil-punti 31 u 32 tas-sentenza tiegħu tal‑5 ta’ Ottubru 2011, ROSALIA DE CASTRO (T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565), il-Qorti Ġenerali qieset li kien jeżisti xebh dgħajjef bejn ix-xarbiet alkoħoliċi u l-ilmijiet minerali u tal-flixkun. Madankollu, fil-punti 77 sa 85 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Asolo vs EUIPO – Red Bull (FLÜGEL) (T‑150/17, EU:T:2018:641), il-Qorti Ġenerali ddevjat minn din l-evalwazzjoni. Bl-istess mod, fid-Deċiżjoni tiegħu R 1720/2017 G tal‑21 ta’ Jannar 2019, il-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO ddeċieda li l-prodotti “ilma minerali u bil-gass; xarbiet mhux alkoħoliċi; xorb ibbażat fuq il-frott u meraq”, li jaqgħu taħt il-klassi 32, ma humiex simili għall-“vodka” li taqa’ taħt il-klassi 33.

39      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-rabta bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, fost l-oħrajn, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. Fatturi oħra jistgħu jiġu kkunsidrati, bħalma huma l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fl-ewwel lok, kif issostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba l-assenza ta’ alkoħol fil-kompożizzjoni tagħhom, in-natura tal-prodotti msejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hija differenti min-natura tal-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti.

41      Diġà ġie deċiż li l-preżenza jew le ta’ alkoħol f’xarba hija pperċepita bħala differenza importanti, f’dak li jirrigwarda n-natura tax-xarbiet inkwistjoni, mill-pubbliku ġenerali tal-Unjoni kollu. Il-pubbliku ġenerali tal-Unjoni huwa attent u jagħmel id-differenza bejn xarbiet li fihom l-alkoħol u xarbiet mingħajr alkoħol anki meta jagħżel xarba skont ix-xewqa tal-mument (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Super bock group vs EUIPO – Agus (Crystal), T‑648/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:857, punti 32).

42      Ġie deċiż ukoll li d-distinzjoni bejn ix-xarbiet alkoħoliċi u dawk mhux alkoħoliċi kienet neċessarja, peress li ċerti konsumaturi ma xtaqux, jew saħansitra ma setgħux, jikkonsmaw alkoħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (LINDENHOF), T‑296/02, EU:T:2005:49, punt 54; tat‑18 ta’ Ġunju 2008, MEZZOPANE, T‑175/06, EU:T:2008:212, punti 79 sa 81, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, FLÜGEL, T‑150/17, EU:T:2018:641, punt 82). Ċertament, dawn l-aħħar evalwazzjonijiet saru b’rabta mal-konsumaturi Ġermaniżi u Awstrijaċi (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF, T‑296/02, EU:T:2005:49, punt 45; tat‑18 ta’ Ġunju 2008, MEZZOPANE, T‑175/06, EU:T:2008:212, punt 21, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, FLÜGEL, T‑150/17, EU:T:2018:641, punt 69). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li din l-evalwazzjoni ma tapplikax ukoll għall-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol ukoll imdorri u attent għad-distinzjoni bejn ix-xarbiet alkoħoliċi koperti mit-trade mark preċedenti u l-“ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għalhekk, minn naħa, għall-parti kbira tal-konsumaturi – dawk li jitkellmu bl-Ispanjol jew tal-Unjoni b’mod ġenerali –, il-konsum tal-alkoħol jista’, skont il-kwantità kkonsmata, iwassal għal stat ta’ intossikazzjoni li jista’ jimmanifesta ruħu bit-tnaqqis ta’ ċerti riflessi jew b’livell ta’ attenzjoni mnaqqas. Dan jista’ jwassal għal bidla fil-ħiliet motriċi (problemi tal-ekwilibriju, tad-diskors) kif ukoll għal tnaqqis tal-kamp ta’ viżjoni u għal diffikultà fl-evalwazzjoni tad-distanzi, li jista’ jkun importanti fil-ħajja komuni b’mod partikolari meta l-konsumaturi jkollhom l-intenzjoni li jeżerċitaw attività partikolari li teżiġi ċertu livell ta’ attenzjoni, bħas-sewqan ta’ vettura. Issa, dawn l-effetti tal-konsum tal-alkoħol ma japplikawx għall-konsum tal-ilma tal-flixkun jew tal-ilma minerali. Min-naħa l-oħra, għal parti mhux negliġibbli tal-pubbliku li jitkellem bl-Ispanjol – jew tal-Unjoni b’mod ġenerali – il-konsum tal-alkoħol jista’ joħloq problema ġenwina tas-saħħa.

43      Fit-tieni lok, kif ġustament issostni wkoll ir-rikorrenti, l-iskop u l-użu tal-prodotti inkwistjoni huma differenti. Qabelxejn, ix-xarbiet alkoħoliċi, inklużi dawk b’kontenut baxx ta’ alkoħol, huma ġeneralment intiżi sabiex titgawda t-togħma u mhux sabiex jaqtgħu l-għatx. Sussegwentement, il-konsum ta’ xarbiet alkoħoliċi bħal dawk koperti mit-trade mark preċedenti ma jikkorrispondix għal ħtieġa vitali u jista’ wkoll jagħmel ħsara lis-saħħa. Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament ir-rikorrenti, ix-xarbiet alkoħoliċi koperti mit-trade mark preċedenti, anki dawk b’kontenut baxx ta’ alkoħol, huma ġeneralment inqas ħfief u kunsiderevolment iktar għaljin mix-xarbiet imsejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”. Fl-aħħar nett, numru kbir ta’ xarbiet koperti mit-trade mark preċedenti jiġu kkonsmati f’okkażjonijiet speċjali u mhux ta’ kuljum.

44      Għall-kuntrarju, ix-xarbiet imsejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma b’mod partikolari intiżi sabiex jaqtgħu l-għatx (ara, għall-inbejjed frizzanti, minn naħa, u għall-ilmijiet minerali u effervexxenti u għax-xarbiet mhux alkoħoliċi, min-naħa l-oħra, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF, T‑296/02, EU:T:2005:49, punt 55). Issa, il-konsum ta’ ilma li jikkorrispondi għal ħtieġa vitali u l-inġestjoni tiegħu diversi drabi kuljum jagħmel minnu bżonn bażiku (ara wkoll il-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ilmijiet minerali huma biss subkategorija tal-kategorija tal-ilma. Dawn huma oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum.

45      Fit-tielet lok, il-prodotti inkwistjoni ma humiex komplementari.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi taqa’ fuq l-istess impriża (sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T‑169/03, EU:T:2005:72, punt 60, u tal‑11 ta’ Lulju 2007, PiraÑAM diseño original Juan Bolaños, T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 48; ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, easyHotel, T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Issa, il-prodotti inkwistjoni ma għandhomx rabta stretta fis-sens li x-xiri ta’ wieħed minnhom huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li x-xerrej ta’ wieħed mill-prodotti li jaqa’ taħt il-klassi 32 u msejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, kif indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikun obbligat jixtri prodott li jaqa’ taħt il-klassi 33 kopert mit-trade mark preċedenti u viċe versa (ara, għall-inbejjed, minn naħa, u għall-ilmijiet minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, min-naħa l-oħra, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2008, MEZZOPANE, T‑175/06, EU:T:2008:212, punt 84).

48      Ċertament, mill-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li x-“xarbiet b’kontenut alkoħoliku għoli” jista’ “jitħallat mal-ilma, […], sabiex itaffi l-għatx jew għall-idratazzjoni”. Madankollu, skont il-Bord tal-Appell, “[i]l-fatt li l-ilma [huwa] prodott miksub direttament min-natura u li x-xarbiet alkoħoliċi [jkunu] għaddew minn trasformazzjoni għall-manifattura tagħhom, lanqas ma jfisser li l-pubbliku ġenerali ma jkunx jista’ jqis li l-oriġini kummerċjali tagħhom [hija] l-istess jew li teżisti rabta ekonomika bejniethom”. B’tali argument u fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li l-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni japplika b’mod partikolari l-kriterju ta’ “komplementarjetà”, kif żviluppat fil-ġurisprudenza, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, hija pprovat turi li, minħabba l-fatt li x-xarbiet alkoħoliċi jistgħu jitħalltu, bl-eċċezzjoni tal-birer koperti mit-trade mark preċedenti, minn naħa, mal-ilmijiet minerali koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, min-naħa l-oħra, kien jeżisti rapport ta’ komplementarjetà bejn dawn il-prodotti, b’tali mod li kien hemm bejniethom “xebh dgħajjef” (ara l-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Madankollu, dan ir-raġunament ma jistax jiġi aċċettat f’dan il-każ.

50      Fil-fatt, l-ewwel, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komplementarjetà bħala li jirreferi għas-sempliċi possibbiltà li xarbiet alkoħoliċi jitħalltu ma’ ilmijiet minerali diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-kunċett ta’ komplementarjetà kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 466 iktar ’il fuq.

51      Il-kunċett ta’ komplementarjetà ma jirreferix għas-sempliċi possibbiltà li l-prodotti jiġu mħallta, iżda jirrigwarda l-eżistenza ta’ “rabta stretta” iddefinita fil-punt 46 iktar ’il fuq. Din ir-“rabta stretta” għandha tinftiehem fis-sens li wieħed mill-prodotti huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, SISSI ROSSI, T‑169/03, EU:T:2005:72, punt 60).

52      Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat li x-xiri jew il-konsum tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huwa indispensabbli għax-xiri jew għall-konsum tax-xarbiet alkoħoliċi li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade mark preċedenti, u viċe versa. Bl-istess mod, ma jistax jiġi kkonstatat li l-konsum tal-imsemmija prodotti fil-klassi 32 huwa importanti għall-konsum tax-xarbiet alkoħoliċi li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade mark preċedenti.

53      It-tieni u fi kwalunkwe każ, huwa, bla dubju, veru li x-xarbiet li jaqgħu fil-klassi 32 imsejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, kif koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jistgħu ta’ spiss jitħalltu ma’ ħafna mix-xarbiet li jaqgħu fil-klassi 33, koperti mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, b’mod ġenerali, numru kbir ta’ xarbiet alkoħoliċi u mhux alkoħoliku jistgħu jitħalltu, jiġu kkonsmati jew, anki, jiġu kkummerċjalizzati flimkien, jew fl-istess stabbilimenti jew bħala xarbiet alkoħoliċi mħallta minn qabel.

54      Madankollu, tali possibbiltà ma tħassarx id-differenza dovuta għall-preżenza jew għall-assenza ta’ alkoħol li teżisti bejn il-prodotti inkwistjoni. Barra minn hekk, jekk jitqies li dawn il-kategoriji ta’ prodotti għandhom jiġu kklassifikati bħala simili, għas-sempliċi fatt li l-prodotti jistgħu jitħalltu u jiġu kkunsmati f’taħlitiet, meta ma humiex intiżi li jiġu kkonsmati la fl-istess ċirkustanzi, la fl-istess spirtu, u lanqas, jekk ikun il-każ, mill-istess kategoriji ta’ konsumaturi, iwassal sabiex numru kunsiderevoli ta’ prodotti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “xarbiet” jitqiesu li jiffurmaw parti minn kategorija waħda u unika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF, T‑296/02, EU:T:2005:49, punt 57, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, FLÜGEL, EU:T:2018:641, punt 80).

55      Fl-aħħar nett, sa fejn, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar l-eżistenza ta’ pastis, mingħajr madankollu ma silet konklużjonijiet preċiżi f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġu rrilevati l-elementi li ġejjin. Ċertament, il-pastis jiġi kkonsmat biss wara li jkun neċessarjament tħallat mal-ilma. Madankollu, din ix-xarba ma titħallatx, normalment, mal-ilma minerali (effervexxenti), iżda mal-ilma tal-vit. Issa, ir-rikorrenti ma indikatx li trid tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-ilma tal-vit. Dan huwa l-każ, barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda r-raki u l-absinthe, sa fejn dawn ix-xarbiet jiġu kkonsmati, normalment, wara li jitħalltu mal-ilma tal-vit. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-pastis u l-ilmijiet koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma komplementari.

56      Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura kompetittiva tal-prodotti inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex prodotti jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompetituri, jeħtieġ li dawn ikunu sostitwibbli għal xulxin (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Hernández Zamora vs EUIPO – Rosen Tantau (Paloma), T‑369/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:106, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, l-ewwel, minħabba d-differenza dovuta għall-preżenza jew għall-assenza ta’ alkoħol, li huwa evitat minn numru kbir ta’ konsumaturi għal raġunijiet ta’ saħħa u li jwassal ukoll għal differenza fit-togħma, ma jistax jiġi konkluż li l-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol jikkunsidra l-prodotti inkwistjoni bħala interkambjabbli. Fil-fatt, id-differenza dovuta għall-preżenza jew għall-assenza ta’ alkoħol u d-differenza fit-togħma għandhom bħala konsegwenza li, b’mod ġenerali, il-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol li jipprova jikseb ilma minerali mhux ser iqabbel dan il-prodott max-xarbiet li jaqgħu fil-klassi 33 inkwistjoni. Dan ser jikseb jew l-ilma minerali jew waħda minn dawn ix-xarbiet alkoħoliċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2008, MEZZOPANE, T‑175/06, EU:T:2008:212, punt 85).

58      Din l-aħħar evalwazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF (T‑296/02, EU:T:2005:49), li fiha ġie deċiż li l-inbejjed frizzanti ma setgħux jitqiesu li huma f’kompetizzjoni ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi, peress li l-inbejjed frizzanti kienu jikkostitwixxu biss xarba atipika sostituttiva ta’ xarbiet li jaqgħu fil-klassi 32 imsejħa “birer, taħlita ta’ xarbiet li fihom il-birra, ilma minerali u bil-gass u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xorb ibbażat fuq il-frott u magħmul mill-meraq tal-frott, xorb tal-meraq tal-ħxejjex; ġulepp u preparazzjonijiet oħra għat-tħejjija tax-xorb; xorb tax-xorrox […]” (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF, T‑296/02, EU:T:2005:49, punti 2 u 56).

59      Fl-aħħar lok, din l-istess ġurisprudenza kkunsidrat ukoll li l-konsumatur medju Ġermaniż jikkunsidra bħala normali, u għalhekk jistenna, li l-inbejjed frizzanti, minn naħa, u x-xarbiet imsejħa “ilma minerali u bil-gass u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xorb ibbażat fuq il-frott u magħmul mill-meraq tal-frott”, min-naħa l-oħra, joriġinaw minn impriżi differenti (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF, T‑296/02, EU:T:2005:49, punt 51). Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-inbejjed frizzanti u l-imsemmija xarbiet ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu lill-istess familja ta’ xarbiet, jew bħala elementi ta’ firxa ġenerali ta’ xarbiet li jista’ jkollhom oriġini kummerċjali komuni (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF, T‑296/02, EU:T:2005:49, punt 51).

60      Issa, din l-aħħar evalwazzjoni tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża. Fil-fatt, il-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol — u, barra minn hekk, kull konsumatur medju tal-Unjoni –, fil-preżenza ta’ ilma minerali, bil-gass jew le, minn naħa, u ta’ xarbiet alkoħoliċi koperti mit-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra, ma huwiex ser jistenna li dawn ix-xarbiet ikollhom l-istess oriġini kummerċjali.

61      It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li l-prezz jista’ jkollu effett determinanti fuq il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà tal-prodotti.

62      Għalhekk, ġie deċiż li, fid-dawl tad-differenzi kbar fil-kwalità u, għaldaqstant, fil-prezz, li jeżistu bejn l-inbejjed, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni determinanti bejn il-birra, xarba popolari kkonsmata f’ammonti kbar, u l-inbid kellha tiġi stabbilita mal-inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, li huma, ġeneralment, l-eħfef u l-orħos (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1983, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, 170/78, EU:C:1983:202, punt 8; tad‑9 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 356/85, EU:C:1987:353, punt 10, u tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Socridis, C‑166/98, EU:C:1999:316, punt 18).

63      Issa, dan jgħodd ukoll għall-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, ix-xarbiet li jaqgħu fil-klassi 32 u msejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma, normalment, ħafna irħas mill-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 imsejħa “xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra); inbid, inbid frizzanti; likur; spirti (xorb); brandi”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Jekk ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja espost fil-punt 62 iktar ’il fuq japplika, għandu jiġi konkluż li, mill-perspettiva tal-prezz, il-prodotti inkwistjoni ma humiex sostitwibbli.

64      Għandu jiġi konkluż li l-prodotti inkwistjoni ma humiex ta’ natura kompetittiva.

65      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-fatt, imsemmi mill-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prodotti jistgħu jinbiegħu “fl-istess stabbilimenti” ma jippermettix li tiġi ssostanzjata l-konklużjoni tiegħu li jeżisti xebh dgħajjef bejn l-imsemmija prodotti.

66      Il-Qorti Ġenerali diġà ntalbet tiddeċiedi fuq il-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti inklużi fil-klassijiet 32 u 33 bħala fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ xebh bejn dawn il-prodotti.

67      Għalhekk, ġie kkonstatat li l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 huma normalment is-suġġett ta’ distribuzzjoni ġenerali, li tvarja mill-ixkafef tal-ikel ta’ stabbiliment kummerċjali għall-bars u għall-kafetteriji (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2005, Hai, T‑33/03, EU:T:2005:89, punt 44). Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-prodotti inklużi fil-klassi 33 kienu tant marbuta mal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, li kellhom jitqiesu li huma “simili” (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2005, Hai, T‑33/03, EU:T:2005:89, punt 46).

68      Barra minn hekk, fil-punt 82 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2008, MEZZOPANE (T‑175/06, EU:T:2008:212), il-Qorti Ġenerali kienet essenzjalment irrilevat li l-inbejjed bħala “xarbiet alkoħoliċi” kienu, bħala tali, separati sew mix-“xarbiet mhux alkoħoliċi”, kemm fil-ħwienet kif ukoll fil-listi tax-xorb u li l-konsumatur medju kien imdorri bis-separazzjoni bejn ix-xarbiet alkoħoliċi u dawk mhux alkoħoliċi. Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-inbid u x-xarbiet mhux alkoħoliċi kellhom jitqiesu li ma humiex “simili”.

69      Fl-aħħar nett, fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2011, ROSALIA DE CASTRO (T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565), filwaqt li fakkret il-konstatazzjoni magħmula fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq, jiġifieri li x-xarbiet mhux alkoħoliċi kienu spiss ikkummerċjalizzati u kkonsmati max-xarbiet alkoħoliċi u li kienu s-suġġett ta’ distribuzzjoni ġġeneralizzata, li testendi mill-ixkafef tal-ikel tal-istabbilimenti kummerċjali għall-bars u l-kafetteriji, il-Qorti Ġenerali madankollu enfasizzat li l-imsemmija xarbiet kellhom ukoll karatteristiċi differenti. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li, filwaqt li x-xarbiet alkoħoliċi kienu ġeneralment kkonsmati f’ċirkustanzi speċjali u soċjali, l-ilma u x-xarbiet mhux alkoħoliċi kienu kkonsmati ta’ kuljum. Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-konsum tal-ilma kien jikkorrispondi għal ħtieġa vitali u li l-konsumatur medju, meqjus li huwa normalment informat, raġonevolment attent u avżat, kien sensittiv għad-distinzjoni bejn ix-xarbiet alkoħoliċi u dawk mhux alkoħoliċi, li hija neċessarja, peress li ċerti konsumaturi ma jixtiqux, jew saħansitra ma jistgħux, jikkonsmaw l-alkoħol. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali qieset li x-xebh eżistenti bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti seta’ jiġi kkunsidrat biss bħala “dgħajjef” (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2011, ROSALIA DE CASTRO, T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565, punti 31 u 32).

70      Fid-dawl tar-risposti differenti mogħtija b’applikazzjoni tal-kriterju marbut mal-kanali ta’ distribuzzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, hemm lok li jiġi kkunsidrat għall-finijiet ta’ din is-sentenza li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2005, Hai (T‑33/03, EU:T:2005:89), u tal-punt 32 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2011, ROSALIA DE CASTRO (T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565), is-sempliċi fatt li l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 normalment ikunu s-suġġett ta’ distribuzzjoni ġġeneralizzata, li testendi mill-ixkafef tal-istabbilimenti kummerċjali għall-kafetteriji, ma huwiex biżżejjed bħala tali sabiex jitqies li l-prodotti inklużi fil-klassijiet 32 u 33 “għandhom” jitqiesu li jixxiebhu b’mod dgħajjef, jew li huma saħansitra simili.

71      Fil-fatt, fir-realtà u kif jirriżulta minn ġurisprudenza li ġiet żviluppata fir-rigward tal-kriterju marbut mal-kanali ta’ distribuzzjoni ferm qabel l-għoti tas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2005, Hai (T‑33/03, EU:T:2005:89), u tal‑5 ta’ Ottubru 2011, ROSALIA DE CASTRO (T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565), il-fatt li prodotti jistgħu jinbiegħu fl-istess stabbilimenti kummerċjali, bħal stabbilimenti kummerċjali jew supermarkets, ma huwiex partikolarment sinjifikattiv, peress li huwa possibbli li jinsabu f’dawn il-punti ta’ bejgħ prodotti ta’ natura differenti ħafna, mingħajr ma l-konsumaturi jattribwixxu lilhom awtomatikament l-istess oriġini (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2004, El Corte Inglés vs UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T‑8/03, EU:T:2004:358, punt 43).

72      Peress li din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2010, 2nine vs UASI – Pacific Sunwear of California (nollie), T‑364/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:115, punt 40, u tat‑2 ta’ Lulju 2015, BH Stores vs UASI – Alex Toys (ALEX), T‑657/13, EU:T:2015:449, punt 83), hija tista’ titqies li hija stabbilita sew.

73      Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li hija biss it-tqegħid tal-prodotti fl-istess xkaffa ta’ dawn il-ħwienet li tista’ tkun indikazzjoni tax-xebh tagħhom (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Paloma, T‑369/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:106, punt 28).

74      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-inbejjed frizzanti, minn naħa, u x-xarbiet imsejħa “ilma minerali u bil-gass u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xorb ibbażat fuq il-frott u magħmul mill-meraq tal-frott”, min-naħa l-oħra, jinbiegħu maġenb xulxin, kemm fil-ħwienet kif ukoll fil-lista tax-xorb (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, LINDENHOF, T‑296/02, EU:T:2005:49, punt 50). Dan japplika mhux biss għall-inbejjed frizzanti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, iżda wkoll għax-xarbiet alkoħoliċi kollha koperti mit-trade mark preċedenti inkwistjoni f’dan il-każ.

75      Issa, minbarra f’eċċezzjonijiet rari, ix-xarbiet li jaqgħu fil-klassi 32 u msejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 u msejħa “xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra); inbid, inbid frizzanti; likur; spirti (xorb); brandi”, koperti mit-trade mark preċedenti, jinbiegħu, ċertament, fl-ixkafef kontigwi għal xulxin tas-supermarkets, iżda mhux fl-istess xkafef ta’ dawn tal-aħħar.

76      Fl-aħħar nett, sa fejn il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-bars u għall-kafetteriji (sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2005, Hai, T‑33/03, EU:T:2005:89, punt 44, u tal‑5 ta’ Ottubru 2011, ROSALIA DE CASTRO, T‑421/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:565, punt 31), huwa minnu li dawn l-istabbilimenti ġeneralment iqiegħdu l-prodotti kollha inkwistjoni u ta’ spiss fl-istess xkaffa. Il-konsumatur li jitkellem bl-Ispanjol jibqa’ madankollu attent għad-differenzi li jeżistu bejn dawn il-kategoriji ta’ prodotti, b’mod partikolari għall-preżenza jew għall-assenza ta’ alkoħol, b’tali mod li s-sempliċi fatt li jkunu jinsabu fl-istess xkaffa ma jipprevalix fuq id-differenzi bejn dawn il-prodotti.

77      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-evalwazzjonijiet preċedenti kollha, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jeżistix xebh dgħajjef bejn ix-xarbiet li jaqgħu fil-klassi 32 u msejħa “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 33 u msejħa “xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra); inbid, inbid frizzanti; likur; spirti (xorb); brandi”, koperti mit-trade mark preċedenti. Għall-kuntrarju, dawn il-prodotti għandhom jitqiesu li huma differenti.

78      Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 24 iktar ’il fuq, jiġifieri, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-regola li abbażi tagħha, essenzjalment, il-prova tal-eżistenza ta’ identiċità jew ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti hija kundizzjoni sine qua non tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-iżball ta’ evalwazzjoni li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata għandu bħala konsegwenza li l-motiv tar-rikorrenti għandu jintlaqa’.

79      Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-motiv invokat mir-rikorrenti u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk is-sinjali kunfliġġenti jixxiebhux jew le.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti u mill-EUIPO.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal20 ta’ Jannar 2020 (Każ R 2524/2018-4) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Tomljenović

Schalin

Škvařilová-Pelzl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.