Language of document : ECLI:EU:C:2024:362

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

25 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Klawżola li tipprevedi li l-ispejjeż marbuta mal-kuntratt għandhom jitħallsu mill-konsumatur – Deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonstata n-natura inġusta ta’ din il-klawżola u li tannullaha – Azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa abbażi tal-klawżola inġusta – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal ħlas lura”

Fil-Kawża C‑561/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

GP,

BG

vs

Banco Santander SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu‑Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Banco Santander SA, minn M. Á. Cepero Aránguez u M. García‑Villarrubia Bernabé, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–         għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa GP u BG, żewġ konsumaturi, u min-naħa l-oħra, Banco Santander SA, istituzzjoni ta’ kreditu, dwar talba għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Iddritt Spanjol

5        Il-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi fl-Artikolu 1303:

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-partijiet għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-oġġetti li kienu s-suġġett tal-kuntratt u l-profitti prodotti minn dawn l-oġġetti, jew il-prezz flimkien mal-interessi, bla ħsara għall-artikoli sussegwenti.”

6        L-Artikolu 1896(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“Kull min jaċċetta ħlas indebitu għandu, jekk huwa jkun aġixxa b’mala fide, iħallas l-interessi legali fil-każ ta’ kapital jew il-profitti miksuba jew li jkollhom jinkisbu fil-każ li l-oġġett irċevut ikun jipproduċihom.”

7        Skont l-Artikolu 1964 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali:

“L-azzjoni ipotekarja għandha tiġi preskritta wara għoxrin sena u l-azzjonijiet in personam li ma jkunux suġġetti għal terminu speċifiku ta’ preskrizzjoni għandhom jiġu preskritti wara ħmistax‑il sena.”

8        L-Artikolu 1969 tal-Kodiċi Ċivili huwa redatt kif ġej:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-kategoriji kollha ta’ azzjonijiet għandu jiġi kkalkolat mill-jum li fih dawn setgħu jiġu eżerċitati.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        Fid‑29 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew, bħala konsumaturi, ma’ Banco Santander kuntratt ta’ self ipotekarju li kien jinkludi klawżola li timponi fuqhom il-ħlas tal-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“klawżola dwar l-ispejjeż”).

10      Fit‑28 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-klawżola dwar l-ispejjeż u għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa abbażi tagħha.

11      Il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat il-klawżola dwar l-ispejjeż nulla u kkundannat lil Banco Santander iħallas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-ammonti li huma kienu ħallsu bħala spejjeż notarili, spejjeż ta’ reġistrazzjoni u spejjeż għal servizzi ta’ ġestjoni kif ukoll l-interessi legali fuq dawn l-ammonti mid-data li fiha dawn kienu tħallsu.

12      L-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja) laqgħet parzjalment l-appell ippreżentat minn Banco Santander kontra d-deċiżjoni tal-ewwel istanza, fejn dik il-qorti ddikjarat li t-talba relatata mal-ammonti mħallsa abbażi tal-klawżola dwar l-ispejjeż kienet saret preskritta. Fil-fatt, il-qorti tal-appell qieset li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas lura ta’ dawn l-ammonti kien jikkorrispondi għad-data li fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu wettqu l-ħlasijiet indebiti, jiġifieri fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self ipotekarju tagħhom, fl‑1999, u li kienu għaddew iktar minn ħmistax‑il sena minn dan il-mument.

13      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza tal-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma jsostnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa abbażi ta’ klawżola inġusta ma jistax jiġi ffissat għall-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt li kien jinkludi din il-klawżola.

14      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa abbażi ta’ klawżola inġusta fil-kuntest tad-Direttiva 93/13.

15      Skont dik il-qorti, il-fatt li l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu jkun jikkorrispondi għad-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tistabbilixxi n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali kkonċernata u li tiddikjara n-nullità tagħha jidher inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li, fil-prattika, din is-soluzzjoni tkun tagħti lill-azzjoni għal ħlas lura natura impreskrittibbli. Fil-fatt, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ din l-azzjoni ma jistax, ipotetikament, jibda jiddekorri sakemm ma tkunx intlaqgħet l-azzjoni għal nullità ta’ tali klawżola u peress li din l-aħħar azzjoni hija stess hija impreskrittibbli taħt id-dritt nazzjonali, peress li din hija nullità assoluta, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal ħlas lura jista’ qatt ma jibda jiddekorri. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jiġi serjament kompromess jekk din kienet tagħti lok għal ilmenti relatati ma’ kuntratti li l-effetti tagħhom jistgħu jkunu ntemmu għexieren ta’ snin ilu.

16      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal ħlas lura għandux jiġi ffissat għad-data li fiha din il-qorti tkun tat sensiela ta’ sentenzi uniformi li fihom hija tkun ikkonstatat in-natura inġusta tal-klawżoli li jimponu fuq il-konsumatur il-ħlas tal-ispejjeż kollha relatati ma’ kuntratt ta’ kreditu u tkun ddeċidiet dwar il-mod kif tali spejjeż kellhom jitqassmu wara l-annullament ta’ tali klawżola. Ikun ukoll possibbli li dan il-bidu tad-dekorrenza jiġi ffissat għad-data tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkunu interpretaw id-Direttiva 93/13 fis-sens li din tal-aħħar ma tipprekludix li tali azzjoni għal ħlas lura tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni sakemm il-prinċipju ta’ effettività jkun osservat. L-imsemmija qorti madankollu għandha dubju dwar jekk konsumatur medju raġonevolment attent u avżat ikunx informat bil-ġurisprudenza tagħha jew b’dik tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari sussegwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 93/13] fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal restituzzjoni tas-somom imħallsa abbażi ta’ klawżola inġusta jibda jiddekorri biss minn meta tiġi kkonstatata l-invalidità tal-imsemmija klawżola permezz ta’ sentenza definittiva, hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali?

2)      Fil-każ li tali interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-Artikoli msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 93/13 jipprekludu interpretazzjoni li abbażi tagħha t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data tas-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li stabbilew il-ġurisprudenza dwar l-effetti restituttivi [li jirriżultaw mill-annullament ta’ tali klawżola] (sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2019)?

3)      Jekk l-[Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13] jipprekludu tali interpretazzjoni, jipprekludu wkoll dik li abbażi tagħha t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data tas-sentenzi tal-[Qorti tal-Ġustizzja] li fihom din tal-aħħar iddeċidiet li l-azzjoni għal restituzzjoni [tas-somom imħallsa abbażi ta’ klawżola inġusta] tista’ tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni (b’mod partikolari s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/1[8] u 699/18, jew is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, li tikkonferma s-sentenza preċedenti)?”

 Fuq iddomandi preliminari

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza tal-imsemmija klawżola (sentenzi tal ‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt  61, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 57).

19      Minn dan isegwi li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li teskludi klawżola kuntrattwali inġusta li tkun timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li huma indebiti għandu, bħala prinċipju, effett ta’ ħlas lura korrispondenti fir-rigward ta’ dawn is-somom (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 62, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 58).

20      Fil-fatt, l-assenza ta’ tali effett ta’ ħlas lura tkun tista’ timmina l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, huwa intiż li jorbot mal-konstatazzjoni tal-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 63, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 58).

21      Ċertament, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma jkunux jorbtu lill-konsumaturi “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom” (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 57, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 64).

22      Madankollu, ir-regolizzazzjoni mid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma tistax tbiddel il-portata u konsegwentement is-sustanza ta’ din il-protezzjoni, u permezz tagħha timmina t-tisħiħ tal-effettività tal-imsemmija protezzjoni permezz tal-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kien mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, hekk kif indikat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 65, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 60).

23      Konsegwentement, għalkemm huma l-Istati Membri li, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom għandha tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt u li fil-kuntest tagħhom jimmaterjalizzaw l-effetti ġuridiċi konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għad-dritt ta’ ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 66, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 61).

 Fuq lewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, jibda jiddekorri mid-data ta din id-deċiżjoni.

25      Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li dawn ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, l-uniku prinċipju inkwistjoni f’din il-kawża, hemm lok li jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fir-rigward tal-analiżi tal-karatteristiċi ta’ terminu ta’ preskrizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-analiżi għandha tirrigwarda t-tul ta’ tali terminu kif ukoll il-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu, inkluż l-avveniment meqjus sabiex jingħata bidu għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba mressqa mill-konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u bejjiegħ jew fornitur ma tista’ tkun suġġetta għal ebda terminu ta’ preskrizzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija ppreċiżat li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni t-talba ta’ tali konsumatur intiża li tinforza l-effetti ta’ ħlas lura ta’ din il-konstatazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet ta’ ħlas lura, imressqa minn konsumaturi bil-għan li jinforzaw drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 ma tmurx, fiha nnifisha, kontra l-prinċipju ta’ effettività, sakemm l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika ma tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tat-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni li għalih hija suġġetta talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament abbażi ta’ klawżoli inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, b’mod partikolari fis-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 62 u 64), tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 87), u tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin) (C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 92), dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività ta’ termini ta’ preskrizzjoni rispettivament ta’ tlieta, ta’ ħames u ta’ għaxar snin, li kienu ġew applikati għal azzjonijiet intiżi li jinforzaw l-effetti ta’ ħlas lura ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, peress li tali termini huma, bil-kundizzjoni li dawn jiġu stabbiliti u magħrufa minn qabel, suffiċjenti sabiex jippermettu lill-konsumatur ikkonċernat jipprepara u jippreżenta rikors effettiv.

32      Konsegwentement, għandu jitqies li, sa fejn ikun stabbilit u magħruf minn qabel, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħmistax‑il sena, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikat għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, terminu ta’ tali tul huwa, bħala prinċipju, materjalment suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta rikors effettiv sabiex jinforza d-drittijiet li huwa jislet minn din id-direttiva, u dan, b’mod partikolari, fil-forma ta’ talbiet, ta’ natura ta’ ħlas lura, ibbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’valuti barranin), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 93).

33      Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dgħjufija tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumaturi jaċċettaw il-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq il-kontenut tagħhom. Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-konsumaturi jistgħu ma jkunux jafu dwar in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju jew ma jkunux jipperċepixxu l-portata tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt, sa fejn din timplika li l-konsumatur jista’ jitlob il-ħlas lura tal-ħlasijiet imwettqa b’eżekuzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali meqjusa inġusta biss matul terminu speċifikat wara l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwa kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola, hija ta’ natura li tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dan il-konsumatur mogħtija mid-Direttiva 93/13 u, għaldaqstant, li tikser il-prinċipju ta’ effettività moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 91; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 63).

35      Għall-kuntrarju, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fid-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali kkonċernata u li tiddikjara n-nullità tagħha għal din ir-raġuni tkun saret definittiva, il-konsumatur ikun ċertament jaf dwar l-irregolarità ta’ din il-klawżola. Huwa għalhekk, bħala prinċipju, minn din id-data li dan il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li effettivament jinforza d-drittijiet li tagħtih id-Direttiva 93/13 u li, għaldaqstant, ikun jista’ jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal ħlas lura, li l-għan prinċipali tagħha huwa l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali tal-konsumatur li huwa kien ikun jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola, hekk kif jirriżulta mill-punti 18 u 23 ta’ din is-sentenza.

36      Fil-fatt, f’dan il-mument, minħabba l-fatt li din hija deċiżjoni ġudizzjarja li għandha saħħa ta’ res judicata u li din hija indirizzata lill-konsumatur ikkonċernat, dan tal-aħħar huwa mqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf bin-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni u li jevalwa huwa stess il-possibbiltà li jressaq azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa abbażi ta’ din il-klawżola fit-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali jew, jekk id-dritt proċedurali nazzjonali jkun jipprevedi dan, id-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva dwar in-nullità tal-klawżola inġusta tippermetti lill-qorti tilqa’ l-azzjoni għal ħlas lura li hija l-korollarju tagħha.

37      Għalhekk, terminu ta’ preskrizzjoni li jibda jiddekorri mid-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u li tannullaha għal din ir-raġuni ssir definittiva huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, peress li l-konsumatur għandu l-possibbiltà li jkun jaf id-drittijiet tiegħu qabel ma dan it-terminu jibda jiddekorri jew jiskadi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 93/13 tipprekludi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa minn konsumatur abbażi ta’ klawżola kuntrattwali inġusta jkun jista’ jibda jiddekorri indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-konsumatur kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola, din id-direttiva ma tipprekludix li l-bejjiegħ jew fornitur ikollu l-possibbiltà jipprova li l-imsemmi konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment ikun jaf b’dan il-fatt qabel l-għoti ta’ sentenza li tikkonstata n-nullità tal-imsemmija klawżola.

39      Fl-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni għal tali mument jistax imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li dan iqiegħed lill-bejjiegħ jew fornitur f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tad-data tal-bidu tal-imsemmi terminu, għandu jitfakkar li t-termini ta’ preskrizzjoni huma effettivament intiżi li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Madankollu, hekk kif enfasizza, essenzjalment, il-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, billi jinkludi klawżola inġusta f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur, il-bejjiegħ jew fornitur huwa stess joħloq sitwazzjoni li d-Direttiva 93/13 tipprojbixxi u hija intiża li tevita, billi jibbenefika mill-pożizzjoni ta’ superjorità tiegħu sabiex jimponi unilateralment fuq il-konsumaturi obbligi kuntrattwali mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ bona fide imposti minn din id-direttiva, u b’hekk joħloq żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u fl-obbligi kuntrattwali tal-partijiet għad-detriment tal-konsumaturi.

41      Fi kwalunkwe każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-bejjiegħ jew il-fornitur għandu l-possibbiltà li jipprova li l-konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata qabel l-għoti ta’ sentenza li tikkonstata n-nullità tagħha , billi jipproduċi provi speċifiċi relatati mar-relazzjonijiet tiegħu ma’ dan il-konsumatur skont ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-provi.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, jibda jiddekorri mid-data li fiha din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, bla ħsara għall-possibbiltà, għall-bejjiegħ jew fornitur, li jipprova li dan il-konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment jkun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata qabel l-għoti tal-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq ittieni domanda

43      Permezz tat-tieni domanda tagħha, moqrija fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, jibda jiddekorri mid-data preċedenti li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat, f’kawżi separati, sentenzi li jiddikjaraw inġusti klawżoli standardizzati li jkunu jikkorrispondu għall-klawżola kkonċernata ta’ dan il-kuntratt.

44      Minkejja li l-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fl-ipoteżi fejn l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni għad-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tkun ikkonstatat in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali kkonċernata u li tkun annullatha abbażi ta’ dan ma kienx konformi mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, għandha madankollu tingħata risposta għaliha, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda. Fil-fatt, peress li din tirriżerva l-possibbiltà, għall-bejjiegħ jew fornitur, li jipprova li l-konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola qabel l-għoti ta’ din id-deċiżjoni, hemm lok li l-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta b’ċerti elementi ta’ interpretazzjoni f’dan ir-rigward, li jidhru utli għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha.

45      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata preliminarjament u fil-kuntest tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż imħallsa abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ġudizzjarjament stabbilita sussegwentement, għad-data li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat sentenzi li jiddikjaraw inġusti klawżoli standardizzati li jkunu jikkorrispondu għal din il-klawżola kuntrattwali ma jistax, bħala prinċipju, ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

46      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 18 u 23 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 93/13 hija intiża li tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għad-dritt ta’ ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi ta’ din il-klawżola.

47      Issa, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż imħallsa minn konsumatur, abbażi ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, għad-data li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat sentenzi li jiddikjaraw inġusti klawżoli standardizzati li jkunu jikkorrispondu għall-klawżola inkluża fil-kuntratt kontenzjuż, ikun jippermetti, f’ħafna każijiet, lill-bejjiegħ jew fornitur iżomm is-somom miksuba indebitament għad-detriment tal-imsemmi konsumatur abbażi tal-klawżola inġusta, fatt li jkun inkompatibbli mar-rekwiżit li jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li dan il-bidu ta’ dekorrenza ma jistax jiġi ffissat indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-istess konsumatur kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din l-aħħar klawżola li fuqha huwa bbażat id-dritt għal ħlas lura u mingħajr ma jiġi impost fuq il-bejjiegħ jew fornitur obbligu ta’ diliġenza u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-konsumatur, u b’hekk tiġi enfasizzata s-sitwazzjoni ta’ dgħjufija ta’ dan tal-aħħar li d-Direttiva 93/13 hija intiża li ttaffi.

48      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ obbligu ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward impost fuq il-bejjiegħ jew fornitur, ma jistax jiġi preżunt li l-konsumatur seta’ raġonevolment ikun jaf bil-fatt li klawżola inkluża fil-kuntratt tiegħu għandha portata ekwivalenti għal klawżola standardizzata li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata mill-qorti suprema nazzjonali.

49      Fil-fatt, għalkemm il-ġurisprudenza ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru tista’ tippermetti, bla ħsara għal pubblikazzjoni suffiċjenti, lil konsumatur isir jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola standard inkluża fil-kuntratt tiegħu ma’ bejjiegħ jew fornitur, ma jistax madankollu jiġi mistenni minn dan il-konsumatur, li lilu d-Direttiva 93/13 hija intiża li tipproteġi fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ dgħjufija tiegħu meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur, li huwa jwettaq passi li jaqgħu taħt ir-riċerka legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali), C‑265/22, EU:C:2023:578, punt 60).

50      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li tali ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex neċessarjament ta’ natura li tippermetti ipso facto li jiġu ddikjarati inġusti l-klawżoli kollha ta’ dan it-tip inklużi fil-kuntratti kollha bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur f’dan l-Istat Membru. Meta klawżola standardizzata tkun ġiet iddikjarata inġusta mill-qorti suprema nazzjonali, ikun neċessarju wkoll, bħala prinċipju, li jiġi ddeterminat, każ b’każ, sa fejn klawżola inkluża f’kuntratt partikolari tkun ekwivalenti għal din il-klawżola standardizzata u jkollha, bl-istess mod bħal din tal-aħħar, tiġi ddikjarata inġusta.

51      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, l-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jimplika li jiġi ddeterminat jekk din toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, għandu jsir fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan ikun ġie konkluż. Tali eżami każ b’każ jirriżulta iktar u iktar importanti peress li n-natura inġusta ta’ klawżola tista’ tirriżulta minn nuqqas ta’ trasparenza tagħha. Għalhekk, bħala prinċipju, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali speċifika ma tistax tiġi preżunta, peress li tali klassifikazzjoni tista’ tiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-konklużjoni ta’ kull kuntratt u b’mod partikolari mill-informazzjoni speċifika pprovduta minn kull bejjiegħ jew fornitur lil kull konsumatur.

52      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma jistax jiġi meħtieġ li konsumatur medju raġonevolment attent u avżat, mhux biss iżomm ruħu informat regolarment, fuq inizjattiva tiegħu stess, bid-deċiżjonijiet tal-qorti suprema nazzjonali dwar il-klawżoli standardizzati li jkunu jinsabu fil-kuntratti tal-istess natura bħal dawk li huwa seta’ jikkonkludi ma’ bejjiegħa jew fornituri, iżda wkoll li huwa jiddetermina, abbażi ta’ sentenza ta’ qorti suprema nazzjonali, jekk klawżoli bħal dawk inklużi f’kuntratt speċifiku humiex inġusti.

53      Barra minn hekk, ikun kuntrarju għad-Direttiva 93/13 li l-bejjiegħ jew fornitur ikun jitħalla jibbenefika mill-passività tiegħu quddiem din l-illegalità kkonstatata mill-qorti suprema nazzjonali. Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-bejjiegħ jew fornitur, fil-kwalità tiegħu ta’ istituzzjoni bankarja, ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu, bħala prinċipju, dipartiment legali speċjalizzat f’dan il-qasam, li jkun fassal il-kuntratt inkwistjoni f’din il-kawża u li jkun adattat sabiex isegwi l-iżvilupp tal-ġurisprudenza ta’ din il-qorti u li jislet minnha l-konklużjonijiet li jkunu jirrigwardaw il-kuntratti diġà konklużi minn din l-istituzzjoni bankarja. Tali istituzzjoni bankarja jkollha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha, bħala prinċipju, dipartiment ta’ servizz tal-klijenti li jkollu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jikkuntattja faċilment lill-klijenti kkonċernati.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż jibda jiddekorri mid-data preċedenti li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat, f’kawżi separati, sentenzi li jiddikjaraw inġusti klawżoli standardizzati li jkunu jikkorrispondu għall-klawżola kkonċernata ta’ dan il-kuntratt.

 Fuq ittielet domanda

55      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva jibda jiddekorri mid-data ta’ ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkunu kkonfermaw, bħala prinċipju, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għal ħlas lura sakemm dawn josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

56      Bħat-tieni domanda, it-tielet domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv, sa fejn il-bidu tad-dekorrenza previst fiha huwa simili għal dak imsemmi fit-tieni domanda.

57      Fil-fatt, il-motivi, esposti fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, li jwasslu sabiex jitqies li l-għoti ta’ sentenzi minn qorti suprema nazzjonali li jistabbilixxu n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli standardizzati ma jistax jimplika, fih innifsu, li konsumatur jaf jew jista’ raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola simili ta’ kuntratt li huwa jkun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, japplikaw, mutatis mutandis, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-deċiżjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma ppubblikati b’tali mod li jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom, inkluż għall-konsumaturi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix dwar in-natura inġusta ta’ klawżoli speċifiċi u tħalli sistematikament l-eżami konkret tagħhom għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, peress li dan l-eżami ma jaqax, bħala prinċipju, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Minn dan jirriżulta li konsumatur, anki jekk ikun direttament ikkonċernat mill-proċedura fil-kawża prinċipali, ma jista’ jiddeduċi minn tali deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ebda ċertezza dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tkun tinsab f’kuntratt li huwa jkun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, b’tali mod li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati mill-qorti tar-rinviju ma jistgħux jitqiesu li huma sors ta’ informazzjoni għall-konsumatur medju dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali speċifika.

60      Fi kwalunkwe każ, fis-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), speċifikament imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha tikkonstata li, bħala prinċipju, id-Direttiva 93/13 ma kinitx tipprekludi li t-tressiq tal-azzjoni intiża li jiġu inforzati l-effetti ta’ ħlas lura tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta jkun suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni, sakemm dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jkun jirrigwarda rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm fil-prattika dan ma jagħmilx l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari mid-Direttiva 93/13 (prinċipju ta’ effettività). Barra minn hekk, fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva kienet tipprekludi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, meta jkun preżunt, mingħajr bżonn ta’ verifika, li, f’din id-data, il-konsumatur kellu jkun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni jew meta, għal azzjonijiet simili, ibbażati fuq ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt intern, dan l-istess terminu jkun jibda jiddekorri biss mill-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-kawża ta’ dawn l-azzjonijiet.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva jibda jiddekorri mid-data ta’ ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkunu kkonfermaw, bħala prinċipju, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għal ħlas lura sakemm dawn josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 Fuq lispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn ma jipprekludux li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, jibda jiddekorri mid-data li fiha din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, bla ħsara għall-possibbiltà, għall-bejjiegħ jew fornitur, li jipprova li dan il-konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment jkun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata qabel l-għoti tal-imsemmija deċiżjoni.

2)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija wara l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż jibda jiddekorri mid-data preċedenti li fiha l-qorti suprema nazzjonali tkun tat, f’kawżi separati, sentenzi li jiddikjaraw inġusti klawżoli standardizzati li jkunu jikkorrispondu għall-klawżola kkonċernata ta’ dan il-kuntratt.

3)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-ħlas lura ta’ spejjeż li jkunu tħallsu mill-konsumatur abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva jibda jiddekorri mid-data ta’ ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkunu kkonfermaw, bħala prinċipju, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għal ħlas lura sakemm dawn josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.