Language of document : ECLI:EU:T:2009:372

Kawża T-341/07

Jose Maria Sison

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u Regolament (KE) Nru 2580/2001 — Rikors għal annullament — Adattament tat-talbiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Motivazzjoni — Kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi

(Artikolu 253 KE; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(6); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

2.      Rikors għal annullament — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Motiv distint minn dak dwar il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat

(Artikoli 230 KE u 253 KE)

3.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

4.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, premessa 1 u Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

5.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4) u (6); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

1.      Kemm il‑motivazzjoni għal deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, kif ukoll il‑motivazzjoni għal deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jittrattaw mhux biss il‑kundizzjonijiet legali għall‑applikazzjoni tar‑Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu, b’mod partikolari l‑eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ awtorità kompetenti, iżda wkoll ir‑raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il‑Kunsill jikkunsidra, fl‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l‑parti kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi.

Barra minn hekk, mill‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, li għalih jirreferi wkoll l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, jirriżulta li, għalkemm id‑deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandhom ikunu ppreċeduti minn reviżjoni tas‑sitwazzjoni tal‑parti kkonċernata, dan isir sabiex jiġi żgurat li ż‑żamma tagħha fil‑lista kkontestata tibqa’ ġġustifikata, jekk ikun il‑każ, abbażi ta’ informazzjoni jew ta’ provi ġodda. Madankollu, meta r‑raġunijiet għal deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu essenzjalment l‑istess bħal dawk diġà invokati fl‑okkażjoni ta’ deċiżjoni preċedenti, tkun biżżejjed sempliċi dikjarazzjoni f’dan is‑sens, b’mod partikolari meta l‑parti kkonċernata tkun grupp jew entità.

F’dan ir‑rigward, is‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l‑Kunsill, fir‑rigward tal‑elementi li għandhom jitqiesu sabiex jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, testendi għall‑evalwazzjoni tat‑theddida li persuna jew entità, li fil‑passat tkun wettqet atti terroristiċi, tista’ tkun għadha tirrappreżenta, minkejja s‑sospensjoni tal‑attivitajiet terroristiċi tagħha matul perijodu xi ftit jew wisq twil. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Kunsill ma għandux ikun obbligat li jindika, b’mod iktar speċifiku, kif l‑iffriżar tal‑fondi tar‑rikorrent jikkontribwixxi, b’mod konkret, għall‑ġlieda kontra t‑terroriżmu jew li jipproduċi provi sabiex juri li l‑parti kkonċernata tista’ tuża l‑fondi tagħha sabiex twettaq jew tiffaċilita atti terroristiċi fil‑futur.

(ara l‑punti 60‑62, 65, 66)

2.      Fil‑kuntest ta’ rikors għal annullament, l‑obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill‑kwistjoni tal‑fondatezza tal‑motivazzjoni, peress li din tirrigwarda l‑legalità sostantiva tal‑att ikkontestat. Għalhekk, kontestazzjoni tal‑fondatezza ta’ din il‑motivazzjoni ma tistax tiġi eżaminata fl‑istadju tal‑istħarriġ tal‑osservanza tal‑obbligu previst fl‑Artikolu 253 KE.

(ara l‑punt 67)

3.      Fil‑kuntest tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi skont ir‑Regolament Nru 2580/2001 u l‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, il‑Kunsill jindirizza l‑espożizzjoni tal‑motivi tagħha lill‑persuni msemmija min din id‑deċiżjoni. Meta f’din l‑espożizzjoni tal‑motivi l‑Kunsill jirreferi għal diversi deċiżjoniijiet nazzjonali li fir‑rigward tagħhom jista’ jiġi allegat a priori li ttieħdu minn awtoritajiet kompetenti, fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑imsemmija pożizzjoni komuni, sabiex wara, fir‑risposta tiegħu, isostni, u, matul is‑seduta, jikkonferma, li wħud minn dawn id‑deċiżjonijiet nazzjonali biss intużaw bħala bażi għad‑deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, fir‑rigward ta’ din id‑dispożizzjoni tal‑aħħar, spjegazzjonijiet bħal dawn huma ekwivalenti għal ammissjoni ġudizzjarja li għandha tibbenefika lir‑rikorrent, peress li mhumiex manifestament inkompatibbli mal‑kliem stess tad‑deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni.

(ara l‑punti 100‑103)

4.      Sabiex tiġi interpretata l‑portata ta’ dispożizzjoni tad‑dritt Komunitarju, għandhom jitqiesu, fl‑istess ħin, it‑termini, il‑kuntest u l‑għanijiet tagħha. Fid‑dawl kemm tat‑termini, tal‑kuntest u tal‑għanijiet tad‑dispożizzjonijiet rilevanti għall‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu (ara, b’mod partikolari, il‑premessa 1 tal‑motivi ta’ din il‑pożizzjoni komuni) u tar‑Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu, kif ukoll tar‑rwol predominanti tal‑awtoritajiet nazzjonali fil‑proċess ta’ ffriżar tal‑fondi previst mill‑Arikolu 2(3) tal‑imsemmi regolament, deċiżjoni ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni” għandha, sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill‑Kunsill b’mod validu, tittieħed fil‑kuntest ta’ proċeduri nazzjonali intiżi b’mod dirett u prinċipalment sabiex jimponu miżura ta’ natura preventiva jew repressiva kontra l‑parti kkonċernata, minħabba l‑ġlieda kontra t‑terroriżmu u l‑involviment tagħha fih. Dan ir‑rekwiżit ma jiġix sodisfatt minn deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali li tiddeċiedi biss b’mod anċillari u inċidentali fuq l‑involviment possibbli tal‑parti kkonċernata f’attività bħal din, fil‑kuntest ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda, pereżempju, drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili.

(ara l‑punti 110, 111)

5.      Meta, wara eżami mill‑ġdid, il‑Kunsill ikun beħsiebu jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont ir‑Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu, abbażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni” għal att terroristiku, il‑Kunsill ma jistax jinjora l‑iżviluppi ulterjuri ta’ dawn l‑investigazzjonijiet jew ta’ din il‑prosekuzzjoni. Għaldaqstant, jista’ jiġri li investigazzjoni tal‑pulizija jew ta’ sigurtà tingħalaq mingħajr ma mbagħad tittieħed azzjoni ġudizzjarja, minħabba li ma jkunux tħallew jinġabru provi suffiċjenti jew minħabba li ma tkunx saret inkjesta ġudizzjarja għall‑istess raġunijiet. Bl‑istess mod, deċiżjoni li tinbeda prosekuzzjoni tista’ twassal sabiex jingħata tmiem għal dawn il‑proċeduri jew li l‑akkużat jiġi lliberat minn kull akkuża kriminali. Huwa inammissibbli li l‑Kunsill ma jqisx tali elementi li jagħmlu parti mill‑informazzjoni kollha rilevanti li għandha titqies għall‑evalwazzjoni tas‑sitwazzjoni. Jekk jiġi deċiż mod ieħor, il‑Kunsill u l‑Istati Membri jkunu qegħdin jingħataw is‑setgħa eżorbitanti li jiffriżaw il‑fondi ta’ persuna, b’mod indefinit, mingħajr ebda stħarriġ ġudizzjarju u jkun xi jkun l‑eżitu tal‑proċeduri legali eventwalment mibdija.

(ara l‑punt 116)