Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Lecce (l-Italja) fl-24 ta’ Marzu 2022 – BU vs Comune di Copertino

(Kawża C-218/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Lecce

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BU

Konvenut: Comune di Copertino

Domandi preliminari

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol 1 , u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik diskussa fil-kawża prinċipali, (jiġifieri l-Artikolu 5(8) tad-decreto-legge 6 luglio 2012, n. 95 - Disposizioni urgenti per la revisione della spesa pubblica con invarianza dei servizi ai cittadini nonché misure di rafforzamento patrimoniale delle imprese del settore bancario (id-Digriet-Liġi tas-6 ta’ Lulju 2012, Nru 95 - Dispożizzjonijiet Urġenti għal Reviżjoni tal-Infiq Pubbliku b’Nuqqas ta’ Varjanza ta’ Servizzi liċ-Ċittadini Kif Ukoll Miżuri għat-Tisħiħ tal-Kapital tal-Impriżi fis-Settur Bankarju) - ikkonvertit, b’emendi, bl-Artikolu 1(1) tal-legge 7 agosto 2012, n.º 135) (il-Liġi Nru 135 tas-7 ta’ Awwissu 2012) li, għal rekwiżiti ta’ kontroll tal-infiq pubbliku kif ukoll organizzattivi tal-persuna pubblika li timpjega, tipprevedi l-projbizzjoni tal-pagament ta’ kumpens finanzjarju għal leave fil-każ ta’ riżenja volontarja tal-uffiċjal pubbliku?

u, barra minn hekk,

fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-uffiċjal pubbliku jipproduċi l-prova tal-impossibbiltà li jibbenefika mil-leave matul ir-relazzjoni ta’ xogħol?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.