Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-28 ta’ Frar 2024 – STM Srl vs Ministero della Giustizia

(Kawża C-156/24, STM)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: STM Srl

Konvenut: Ministero della Giustizia

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikol 4(3) TUE, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (riformulazzjoni) 1 u, b’mod partikolari l-punt 1 tal-Artikolu 2 tagħha u l-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li: (i) teskludi mill-klassifikazzjoni bħala “transazzjonijiet kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas mill-fornituri ta’ servizzi ta’ kiri tat-tagħmir intiż għall-interċettazzjoni fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku; (ii) teskludi, konsegwentement, mir-regoli relattivi għall-interessi previsti mid-Direttiva, il-kreditu invokat mill-fornituri ta’ servizzi ta’ kiri għall-provvisti mwettqa għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku?

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-Direttiva 2011/7/UE u, b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li ma tipprevedix perijodu ta’ żmien determinat għall-ħlas tal-ammonti dovuti lil fornitur ta’ servizzi u/jew li barra minn hekk tipprevedi li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu invokati biss fil-kuntest ta’ rimedji previsti mid-decreto del Presidente della Repubblica n. 115/2002 - Testo Unico in materia di spese di giustizia (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 115 – Test Uniku dwar l-Ispejjeż Legali), u b’mod partikolari, sempliċement bir-rimedju tal-oppożizzjoni kontra l-ordni għall-ħlas?

____________

1     ĠU 2011, L 48, p. 1.