Language of document : ECLI:EU:T:2012:142

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Marzu 2012 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball ta’ evalwazzjoni — Oneru u grad tal-prova”

Fil-Kawżi magħquda T-439/10 u T-440/10,

Fulmen, stabbilita f’Teheran (Iran),

Fereydoun Mahmoudian, residenti f’Teheran,

irrappreżentati minn A. Kronshagen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u É. Cujo, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa waħda, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, talba għar-rikonoxximent tad-dannu subit minn dawn tal-aħħar minħabba l-adozzjoni tal-atti msemmija iktar ’il fuq,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti fil-Kawża T-439/10, Fulmen, hija kumpannija Iranjana, attiva b’mod partikolari fis-settur tat-tagħmir tal-elettriku.

2        Ir-rikorrent fil-Kawża T-440/10, Fereydoun Mahmoudian, huwa azzjonist maġġoritarju u president tal-bord tad-diretturi ta’ Fulmen.

 Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

3        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex hija ttemm l-attivitajiet nukleari b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

4        Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ġew adottati l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 4M, p. 155), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969).

5        L-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi kollha ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet. Il-lista ta’ dawn il-persuni u entitajiet kienet tinsab fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

6        Sa fejn kienu kkonċernati l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-korpi li huma rrikonoxxuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala parteċipanti fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Il-lista ta’ dawn il-persuni, ta’ dawn l-entitajiet u ta’ dawn il-korpi kienet tifforma l-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

7        Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 39).

8        L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ entitajiet. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, lill-“persuni u entitajiet […] li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal[l-proliferazzjoni nukleari], jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, […] kif elenkati fl-Anness II”.

9        L-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi, barra minn hekk, restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri fir-rigward tal-persuni elenkati fl-Anness II tad-deċiżjoni.

10      Skont l-Artikolu 24(2) sa (4) tad-Deċiżjoni 2010/413:

“2. Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b), huwa għandu jamenda l-Anness II skont il-każ.

3. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew entità msemmija fil-paragrafi 1 u 2, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, jew b’mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna jew entità opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

4. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.”

11      Il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, deċiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81).

12      Ir-Regolament Nru 423/2007 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 281, p. 1).

13      Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, [mil]l-entitajiet u [mil]l-korpi elenkati fl-Anness VIII għandhom ikunu ffriżati. L-Anness VIII għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, […] li f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [2010/413], ġew identifikati li:

a) huma impenjati, huma direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għal[l-proliferazzjoni nukleari], […] jew li jkunu propjetà ta’, jew ikkontrollati minn, tali persuna, entità jew korp, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom;

[…]”

14      Skont l-Artikolu 36(2) sa (4) tar-Regolament Nru 961/2010:

“2. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 16(2), huwa għandu jamenda l-Anness VIII kif adatt.

3. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fil-paragraf[u] 2, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

4. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif adatt.”

 Miżuri restrittivi diretti lejn ir-rikorrenti

15      Sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, fis-26 ta’ Lulju 2010, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-tabella I tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

16      Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-tabella I tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 permezz tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25). L-adozzjoni tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010 kellha bħala konsegwenza l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti.

17      Fid-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill adotta l-motivi segwenti fir-rigward ta’ Fulmen: “Fulmen kien implikat fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettroniku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo [Iran] fi żmien meta l-eżistenza ta’ dan is-sit kienet għadha mhiex magħrufa”. Fir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, intużat il-formulazzjoni segwenti: “Fulmen kien involut fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettriku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo fi żmien meta l-eżistenza ta’ dan is-sit kienet għadha mhux magħrufa”.

18      F’dak li jikkonċerna lil F. Mahmoudian, kemm id-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010 ġew immotivati b’dan il-mod: “Direttur ta’ Fulmen”.

19      Il-Kunsill informa lil Fulmen bl-inklużjoni ta’ isimha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 b’ittra tat-28 ta’ Lulju 2010.

20      B’ittri rispettivi tas-26 ta’ Awwissu u tal-14 ta’ Settembru 2010, F. Mahmoudian u Fulmen talbu lill-Kunsill sabiex jikkunsidra mill-ġdid l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Huma stiednu wkoll lill-Kunsill sabiex jibgħatilhom il-provi li kien ibbaża ruħu fuqhom sabiex jadotta l-miżuri restrittivi fir-rigward tagħhom.

21      L-inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ma ġietx affettwata mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644.

22      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar bir-Regolament Nru 961/2010, isem Fulmen ġie inkluż mill-Kunsill fil-punt 13 tat-tabella B tal-Anness VIII ta’ dan l-aħħar Regolament, filwaqt li dak ta’ F. Mahmoudian ġie inkluż fil-punt 14 tat-tabella A tal-istess Anness. Konsegwentement, il-fondi tar-rikorrenti ġew iffriżati abbażi tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010.

23      Fir-rigward tal-inklużjoni ta’ Fulmen, ir-Regolament Nru 961/2010 huwa mmotivat b’dan il-mod: “Fulmen kien involut fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettroniku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo qabel ma ġiet mikxufa l-eżistenza tiegħu”. F’dak li jirrigwarda lil F. Mahmoudian, intuża l-motiv segwenti: “Direttur ta’ Fulmen”.

24      Permezz ta’ ittri tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill irrisponda l-ittri tar-rikorrenti tas-26 ta’ Awwissu u tal-14 ta’ Settembru 2010 billi indika li, wara eżami mill-ġdid, kien qiegħed jiċħad it-talba tar-rikorrenti sabiex isimhom jitneħħa mil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u minn dik tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem il-“listi kkontestati”). Huwa speċifika, f’dan ir-rigward, li, sa fejn il-proċess ma kellux elementi ġodda li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tiegħu, ir-rikorrenti kellhom ikomplu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi pprovduti mill-imsemmija regolamenti. Barra minn hekk, il-Kunsill indika li d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward taż-żamma tal-ismijiet tar-rikorrenti fil-listi kkontestati kienet ibbażata biss fuq l-elementi msemmija fil-motivazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      B’rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn il-kawżi.

26      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’dawn il-kawżi insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digrieti tat-8 ta’ Marzu 2011, il-president tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

27      Permezz ta’ digriet tal-president tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2011, il-Kawżi T-439/10 u T-440/10 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

28      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Novembru 2011.

29      Fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010 sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lilhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

30      Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti estendew il-kapijiet tat-talbiet tagħhom, billi talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010 sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lilhom;

–        tirrikonoxxi d-dannu li sofrew minħabba l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

31      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħhom. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ dritt marbut man-nuqqas ta’ deċiżjoni preliminari ta’ awtorità nazzjonali kompetenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tar-rikorrenti fil-proliferazzjoni nukleari. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq dannu finanzjarju u morali subit mir-rikorrenti minħabba l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

33      Fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjaraw li kienu ser jirrinunzjaw għat-tieni motiv tagħhom, u ttieħed nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

34      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi invokati mir-rikorrenti.

35      Qabel ma jiġu diskussi l-motivi mqajma mir-rikorrenti, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ xi wħud mill-kapijiet tat-talbiet, mill-motivi u mill-argumenti tagħhom.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010

36      Hekk kif jirriżulta mill-punti 11 u 12 iktar ’il fuq, mill-preżentata tar-rikorsi, il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, stabbilita bid-Deċiżjoni 2010/644, u r-Regolament Nru 423/2007 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 961/2010. Ir-rikorrenti talbu sabiex jaġġustaw it-talbiet inizjali tagħhom b’mod li r-rikorsi tagħhom ikunu intiżi għall-annullament ta’ dawn l-erba’ atti (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”).

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent li jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex taffronta l-kritika li tinstab f’rikors ippreżentat lill-Qorti tal-Unjoni kontra att, taġġusta l-att ikkontestat jew tissostitwixxih u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra l-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplimentari kontra dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra p. II-3019, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għalhekk, skont din il-ġurisprudenza, it-talbiet tar-rikorrenti f’din il-kawża għandhom jintlaqgħu u għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorsi tagħhom jitolbu wkoll, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali, l-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom, u l-partijiet għandhom jitħallew jifformulaw mill-ġdid it-talbiet, il-motivi u l-argumenti tagħhom fid-dawl ta’ dan l-element ġdid, li jimplika, għalihom, id-dritt li jippreżentaw talbiet, motivi u argumenti addizzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, punt 37 iktar ’il fuq, punt 47).

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti u tar-raba’ motiv

39      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrikonoxxi d-dannu li sofrew minħabba l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

40      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li t-tieni kap tat-talbiet kien intiż għal sentenza dikjaratorja u li r-raba’ motiv kien invokat sabiex isostnih.

41      Fil-proċeduri kontenzjużi tal-Unjoni ma hemmx rimedji legali li jippermettu li l-Qorti tadotta pożizzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni ġenerali jew ta’ prinċipju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il-Kummissjoni, T-33/01, Ġabra p. II-5897, punt 171, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Settembru 2008, Cofra vs Il-Kummissjoni, T-477/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21). Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda, peress li l-Qorti Ġenerali manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwarhom.

 Fuq l-ammissibbiltà, fil-Kawża T-439/10, tal-argument li jgħid li Fulmen ma intervjenietx fis-sit ta’ Qom/Fordoo

42      Fil-Kawża T-439/10, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li Fulmen ma ċaħditx b’mod speċifiku l-fatt li intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo qabel l-istadju tar-replika. Konsegwentement, l-argumentazzjoni tagħha fuq dan il-punt tikkostitwixxi motiv ġdid, u għalhekk huwa inammissibbli abbażi tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

43      Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-punt 3 tar-rikors tagħha, Fulmen osservat li hija “qatt ma [kienet] b’xi mod ipparteċipat […] f’attivitajiet marbuta mal-programm nukleari jew ta’ missili ballistiċi fl-Iran”. Din il-formulazzjoni neċessarjament timplika li Fulmen ikkontestat l-intervent tagħha fis-sit ta’ Qom/Fordoo, li huwa l-uniku aġir li ġie lmentat kontriha mill-Kunsill abbażi tal-involviment tagħha fl-attivitajiet ikkonċernati.

44      L-istess konklużjoni tintlaħaq fid-dawl tal-punti 30 u 31 tar-rikors, fejn Fulmen tikkontesta r-realtà u n-natura serja tar-raġunijiet imressqa mill-Kunsill sabiex jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tagħha. Fil-fatt, l-allegat intervent ta’ Fulmen fis-sit ta’ Qom/Fordoo hija l-unika raġuni invokata minn din l-istituzzjoni sabiex tinkludiha fil-listi kkontestati.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li Fulmen ikkontestat ir-realtà tal-intervent tagħha fis-sit ta’ Qom/Fordoo fir-rikors, liema ħaġa timplika li l-argumentazzjoni tagħha fuq dan il-punt ma tikkostitwixxix motiv ġdid fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

46      Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

47      Ir-rikorrenti jsostnu li l-atti kkontestati ma humiex suffiċjentement motivati fir-rigward tagħhom, li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ma ġewx osservati fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u li, meta naqas milli jikkomunikalhom il-provi użati kontrihom, il-Kunsill kiser ukoll id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-Kawża T-440/10, F. Mahmoudian invoka wkoll il-fatt li l-ewwel atti li bihom ġew iffriżati l-fondi tiegħu ma ġewx innotifikati lilu individwalment.

–       Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

48      L-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-Qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermettilha teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, Ġabra p. II-3967, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant, sa kemm il-kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, jew mat-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jkunux jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi, il-Kunsill huwa marbut, abbażi tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 u tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, li jinforma lill-entità kkonċernata minn miżura adottata, skont il-każ, abbażi tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jew tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010, bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn jikkunsidra li din id-dispożizzjoni kienet tapplika għaliha. B’hekk, dan għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 48 iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura adottata fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 48 iktar ’il fuq, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta, minn naħa waħda, li Fulmen hija milquta minn miżuri restrittivi minħabba l-fatt li hija forniet tagħmir elettriku fis-sit ta’ Qom/Fordoo u, min-naħa l-oħra, li F. Mahmoudian huwa milqut bħala direttur ta’ Fulmen.

52      Għalkemm din il-motivazzjoni hija qasira, din tissodisfa r-regoli tal-ġurisprudenza esposti iktar ’il fuq. Fil-fatt, din ippermettiet lir-rikorrenti li jifhmu liema atti kienu lmentati kontra Fulmen u li jikkontestaw jew ir-realtà tal-atti, jew ir-rilevanza tagħhom. Bl-istess mod, il-motivazzjoni pprovduta tippermetti li jinftiehem li F. Mahmoudian huwa milqut minn miżuri restrittivi minħabba l-influwenza li huwa jitqies li jeżerċita fi ħdan Fulmen fil-kwalità allegata tiegħu bħala direttur ta’ din il-kumpannija.

53      In-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni pprovduta hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-kontenut tar-rikorsi. Fil-fatt, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, fir-rigward tal-fondatezza tal-inklużjoni tagħhom fil-listi kkontestati, tikkonċerna, ġustament, ir-realtà tal-intervent ta’ Fulmen fis-sit ta’ Qom/Fordoo u l-pożizzjoni ta’ F. Mahmoudian fi ħdan Fulmen.

54      Madankollu, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilmenti supplimentari.

55      Minn naħa, kemm Fulmen kif ukoll F. Mahmoudian jallegaw li l-motivazzjoni ma hijiex sostnuta minn provi, b’tali mod li din ma ppermettitilhomx li jevalwaw mhux biss il-portata tal-miżuri adottati fir-rigward tagħhom, iżda anki l-fondatezza tagħhom.

56      Issa, il-kwistjoni tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija distinta minn dik tal-prova tal-aġir ilmentat kontra r-rikorrenti, jiġifieri l-fatti msemmija f’dawn l-atti u l-kwalifika ta’ dawn l-atti bħala atti li jikkostitwixxu sostenn għall-proliferazzjoni nukleari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C-548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punt 88).

57      Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hijiex sostnuta minn provi hija rilevanti fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tar-rikorrenti fil-proliferazzjoni nukleari. Madankollu, din hija irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

58      Min-naħa l-oħra, F. Mahmoudian josserva li d-dettalji li jirrigwardaw il-persuna tiegħu, imsemmija fil-motivazzjoni tal-listi kkontestati, huma milquta minn diversi żbalji; b’mod partikolari, huwa ma għadux id-direttur ta’ Fulmen.

59      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ tagħrif fir-rigward ta’ F. Mahmoudian.

60      B’hekk, minn naħa waħda, f’dak li jirrigwarda t-tagħrif ta’ identifikazzjoni ta’ F. Mahmoudian, jiġifieri dak dwar il-passaport u n-naturalizzazzjoni tiegħu, il-fatt li huwa ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonferma li huwa fehem li kien milqut mill-atti kkontestati. Bl-istess mod, F. Mahmoudian ma jippreżentax argumenti intiżi sabiex jistabbilixxi li n-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-informazzjoni kkonċernata, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill, irrenda iktar diffiċli l-komprensjoni tal-provi użati kontrih mill-Kunsill. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni.

61      Min-naħa l-oħra, meta jikkontesta li huwa d-direttur ta’ Fulmen, F. Mahmoudian ipoġġi indiskussjoni l-materjalità tal-fatti użati kontrih mill-Kunsill. Issa, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 56 iktar ’il fuq, il-kwistjoni tan-natura allegatament insuffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija distinta minn dik tal-fondatezza ta’ din l-istess motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 47), b’tali mod li l-argument ibbażat fuq il-fatt li F. Mahmoudian ma għadux id-direttur ta’ Fulmen huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

–       Fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010 lil F. Mahmoudian

63      F. Mahmoudian isostni li l-ewwel atti li bihom ġew iffriżati l-fondi tiegħu, jiġifieri d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, ma ġewx innotifikati lilu b’mod individwali, iżda ġew ippubblikati biss f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

64      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, li kien fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, kien jobbliga lill-Kunsill sabiex jagħti r-raġunijiet individwali u speċifiċi għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7(2) tar-regolament imsemmi u jinforma lill-persuni, lill-entitajiet u lill-korpi kkonċernati dwar dawn ir-raġunijiet. Dispożizzjoni simili tinsab fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413.

65      Għalkemm, bħala prinċipju, il-Kunsill kien marbut li jwettaq l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 permezz ta’ komunikazzjoni individwali, id-dispożizzjoni msemmija ma kienet tistabbilixxi l-ebda forma preċiża, peress li din kienet issemmi biss l-obbligu li “jagħmilhom magħrufa [jgħarraf]” lill-persuna kkonċernata bir-raġunijiet tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, punti 52 u 56). Bl-istess mod, l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 tillimita ruħha sabiex tistabbilixxi li l-Kunsill “għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu”.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa importanti li ngħata effett utli lid-dispożizzjonijiet ikkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, punt 56).

67      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li ma saritx komunikazzjoni individwali tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 6682010 lil F. Mahmoudian. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk il-Kunsill kienx jaf l-indirizz ta’ F. Mahmoudian u, jekk ikun il-każ, jekk kienx marbut li jfittxu ex officio.

68      Issa, għandu jiġi osservat li, minkejja n-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali, F. Mahmoudian kien kapaċi li jikkomunika lill-Kunsill l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu, b’ittra tas-26 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri fit-terminu mogħti għal dan il-għan. Huwa ppreżenta wkoll rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fit-terminu stabbilit, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010. Barra minn hekk, huwa ma jinvokax argumenti konkreti intiżi sabiex juru li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali tal-atti kkonċernati rrenda iktar diffiċli d-difiża tiegħu fil-konfront tal-Kunsill, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew quddiem il-Qorti Ġenerali.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-Kunsill kienx jaf l-indirizz ta’ F. Mahmoudian jew jekk kienx marbut li jfittxu, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 ma pprekludiex lil dan tal-aħħar milli jsir jaf ir-raġunijiet individwali u speċifiċi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010 lil F. Mahmoudian ma tistax, f’dan il-każ, tiġġustifika l-annullament ta’ dawn l-atti.

70      Għaldaqstant, l-argumentazzjoni ta’ F. Mahmoudian fuq dan il-punt għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

–       Fuq il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża

71      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ entità li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 48 iktar ’il fuq, punt 91).

72      Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ, min-naħa waħda, li l-provi użati kontra l-entità interessata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza PMOI”, punt 93).

73      Preliminarjament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża f’dan il-każ. B’riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il-Kunsill (T-181/08, Ġabra p. II-1965, punti 121 sa 123), huma josservaw li r-rikorrenti ma ġewx milquta minn miżuri restrittivi minħabba l-attivitajiet proprji tagħhom, iżda minħabba li jappartjenu għal kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet. Konsegwentement, il-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi ma nfetħitx fil-konfront tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, u huma ma jistgħux, b’hekk, jinvokaw drittijiet tad-difiża, jew jistgħu jinvokawhom biss b’mod ristrett.

74      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

75      Fil-fatt, minn naħa waħda, mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti hija ġġustifikata mill-allegat intervent ta’ Fulmen fis-sit ta’ Qom/Fordoo u mill-influwenza li F. Mahmoudian kien jeżerċita fi ħdan Fulmen. B’hekk, diversament mill-kawża li wasslet għas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 73 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti huma milquta minn miżuri restrittivi għaliex huma ssuspettati li huma involuti huma stess fil-proliferazzjoni nukleari, u mhux għaliex huma jappartjenu għal kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet marbuta mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

76      Konsegwentement, il-punti 121 sa 123 tas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 73 iktar ’il fuq, ma humiex transponibbli għal dan il-każ.

77      Min-naħa l-oħra, f’kull każ, l-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010 jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jiżguraw id-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dawn it-testi. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet hija s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 48 iktar ’il fuq, punt 37).

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jista’ jiġi invokat mir-rikorrenti f’dan il-każ.

79      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill ma kkomunikalhomx il-provi kontra tagħhom u ma tahomx il-possibbiltà li jinvokaw il-perspettiva tagħhom b’mod utli.

80      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, il-komunikazzjoni tal-provi kontra tagħha għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew l-iktar malajr possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar tista’ wkoll tesprimi l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi ladarba l-att jiġi adottat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 342, u s-sentenza PMOI, punt 72 iktar ’il fuq, punt 137).

81      F’dan il-każ, l-adozzjoni tal-atti inizjali li bihom ġew iffriżati l-fondi tar-rikorrenti, jiġifieri d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, ġiet ikkomunikata b’mod individwali lil Fulmen fit-28 ta’ Lulju 2010. Fir-rigward ta’ F. Mahmoudian, mill-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq jirriżulta li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali tal-atti kkonċernati ma pprekludiehx milli jkun jaf ir-raġunijiet individwali u speċifiċi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, liema ħaġa timplika li dan il-fatt ma kellux effett fuq id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

82      Fir-rigward tal-kontenut tal-komunikazzjoni tal-provi kontra tagħhom, ir-rikorrenti jindikaw li, minkejja t-talbiet ifformulati fl-ittri tagħhom tas-26 ta’ Awwissu u tal-14 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill ma kkomunikalhomx il-provi, b’mod partikolari d-dokumenti, li dan ibbaża ruħu fuqhom sabiex jadotta l-miżuri restrittivi kontrihom.

83      F’dan ir-rigward, il-Kunsill indika, fir-risposti tiegħu għall-ittri msemmija iktar ’il fuq, li l-fajl tiegħu ma kienx jinkludi provi iktar minn dawk esposti fl-atti kkontestati.

84      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din l-indikazzjoni ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-fatt, il-Kunsill ma għamilx iktar diffiċli d-difiża tar-rikorrenti bil-ħabi tal-eżistenza jew tal-kontenut tal-provi li l-allegazzjonijiet tiegħu kienu bbażati fuqhom. B’mod kuntrarju, meta ammetta li ma kienet teżisti ebda prova rilevanti oħra fil-fajl tiegħu, dan ippermetta lir-rikorrenti li jinvokaw dan il-fatt, hekk kif għamlu fil-kuntest tat-tielet motiv.

85      F’dak li jirrigwarda d-dritt tar-rikorrenti li jinvokaw b’mod utli l-perspettiva tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-adozzjoni tal-atti inizjali li bihom ġew iffriżati l-fondi tar-rikorrenti, fis-26 ta’ Lulju 2010, huma bagħtu lill-Kunsill l-ittri tas-26 ta’ Awwissu u tal-14 ta’ Settembru 2010, fejn esponew l-argumentazzjoni tagħhom u talbu sabiex jitneħħew il-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tagħhom. Il-Kunsill irrisponda għal dawn l-ittri fit-28 ta’ Ottubru 2010. Konsegwentement, ma hemmx lok għalfejn jiġi kkonstatat ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jinvokaw b’mod utli l-perspettiva tagħhom.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

87      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1). L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija marbuta li tikkomunika l-motivi ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun adottata din il-miżura, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, u dan sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini stabbiliti, id-dritt għal rimedju legali tagħha. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija motivi hija fil-fatt neċessarja, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ dwar il-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Unjoni u kemm sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni kif tkun mitluba tagħmel (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punti 335 sa 337 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’dan il-każ, jirriżulta, qabel kollox, mill-punti 51 sa 62 iktar ’il fuq, li l-atti kkontestati kienu jinkludu informazzjoni preċiża biżżejjed dwar il-motivi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti.

89      Sussegwentement, dawn il-motivi ġew ikkomunikati b’mod individwali lil Fulmen. Fir-rigward ta F. Mahmoudian, mill-punti 67 sa 69 jirriżulta li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni b’mod individwali tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010 ma affettwax id-drittijiet proċedurali tiegħu, fosthom id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

90      Finalment, il-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-atti kkontestati.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jiġi miċħud bħala infondat.

92      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tar-rikorrenti fil-proliferazzjoni nukleari

93      Bit-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti josservaw li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li huma kienu offrew sostenn għall-proliferazzjoni nukleari.

94      Ir-rikorrenti jressqu żewġ argumenti sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom. Permezz tal-ewwel argument, invokat fiż-żewġ kawżi, huma jikkontestaw li Fulmen intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo u jsostnu li l-Kunsill ma ressaqx il-prova tal-allegazzjonijiet tiegħu fuq dan il-punt.

95      Il-Kunsill isostni li Fulmen kienet involuta fl-installazzjoni ta’ tagħmir elettriku fis-sit ta’ Qom/Fordoo. Waqt is-seduta, il-Kunsill żied jgħid li ma setax jinħtieġ min-naħa tiegħu li jressaq il-prova ta’ din l-allegazzjoni. Fil-fatt, skont il-Kunsill, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-verifika li l-motivi invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi jkunu “verosimili”. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, fid-dawl tal-fatt li Fulmen hija kumpannija li ilha għal ħafna żmien attiva fis-suq tat-tagħmir elettriku Iranjan u li għandha numru kunsiderevoli ta’ impjegati.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità, jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li jkollu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 48 iktar ’il fuq, punti 37 u 107).

97      Għalhekk, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni l-Kunsill, l-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi eżerċitat f’dan il-każ ma huwiex limitat għall-verifika tal-“verosimiljanza” astratta tal-motivi invokati, iżda għandu jinkludi l-kwistjoni jekk dawn tal-aħħar humiex sostnuti, b’mod suffiċjenti fil-liġi, minn provi u informazzjoni konkreta.

98      Il-Kunsill lanqas ma jista’ jsostni li huwa ma huwiex marbut li jippreżenta tali provi.

99      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kunsill isostni li l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti ġew adottati fuq proposta ta’ Stat Membru, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413. Issa, din iċ-ċirkustanza ma tbiddel xejn mill-fatt li l-atti kkontestati huma atti tal-Kunsill, li għandu, għaldaqstant, jiżgura ruħu li l-adozzjoni tagħhom tkun iġġustifikata, jekk ikun il-każ billi jitlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jippreżentalu l-provi u l-informazzjoni neċessarja għal dan il-għan.

100    It-tieni nett, il-Kunsill ma jistax jinvoka li l-provi kkonċernati huma provenjenti minn sorsi kunfidenzjali u li bħala konsegwenza, ma jistgħux jixxandru. Fil-fatt, għalkemm din iċ-ċirkustanza tista’, eventwalment, tiġġustifika restrizzjonijiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi lir-rikorrenti jew lill-avukati tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, il-Qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza ta’ tali miżuri, mingħajr ma jistgħu jiġu invokati kontriha s-sigriet jew il-kunfidenzjalità tal-provi u tal-informazzjoni użati mill-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenza PMOI, punt 72 iktar ’il fuq, punt 155). Barra minn hekk, il-Kunsill ma għandux id-dritt li jibbaża att li jadotta miżuri restrittivi fuq informazzjoni jew fuq provi mill-fajl ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l-Istat Membru ma jkunx dispost li jawtorizza l-komunikazzjoni tagħhom lill-Qorti tal-Unjoni inkarigata mill-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-284/08, Ġabra p. II-3487, punt 73).

101    It-tielet nett, il-Kunsill jiżbalja meta jsostni li ma tistax tintalab mingħandu l-prova dwar l-involviment ta’ entità fil-proliferazzjoni nukleari, fid-dawl tan-natura klandestina tal-aġiri kkonċernati. Min-naħa waħda, is-sempliċi fatt li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi tkun proposta abbażi tal-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413 jippresupponi li l-Istat Membru kkonċernat jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà, skont il-każ, ikollu provi jew informazzjoni li turi, fil-fehma tiegħu, li l-entità kkonċernata hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari. Min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet eventwalment affrontati mill-Kunsill meta jfittex li jipprova dan l-involviment jistgħu, jekk ikun il-każ, ikollhom impatt fuq il-livell ta’ prova meħtieġa mingħandu. Min-naħa l-oħra, dawn ma jistgħux ikollhom il-konsegwenza li jeżentawh totalment mill-oneru tal-prova li għandu.

102    Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dan il-każ, il-Kunsill ma ppreżenta ebda informazzjoni jew prova insostenn tal-motiv invokat fl-atti kkontestati. Hekk kif jammetti, essenzjalment, huwa stess, huwa bbaża ruħu fuq sempliċi allegazzjonijiet mhux sostanzjati li jgħidu li Fulmen installat tagħmir elettriku fis-sit ta’ Qom/Fordoo qabel ma ġiet skoperta l-eżistenza ta’ dan is-sit.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma ressaqx il-prova li Fulmen kienet intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi milqugħ mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ttrattat it-tieni argument, imressaq minn F. Mahmoudian fil-Kawża T-440/10, dwar il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan Fulmen.

104    Peress li l-Kunsill ma invokax, fl-atti kkontestati, ċirkustanzi oħra li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian, l-atti msemmija għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

105    F’dak li jirrigwarda l-effetti fiż-żmien tal-annullament tal-atti kkontestati, għandu jiġi rrimarkat, qabel kollox, li r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 668/2010, li emenda l-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, ma għadux joħloq effetti legali wara t-tħassir ta’ dan l-aħħar regolament imwettaq bir-Regolament Nru 961/2010.

106    Sussegwentement, fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. Il-Kunsill għaldaqstant għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura restrittiva ġdida fil-konfront tar-rikorrenti. F’dan il-każ, ir-riskju ta’ ħsara serja u irriversibbli fuq l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti mir-Regolament Nru 961/2010 ma jidhirx li huwa elevat biżżejjed, fid-dawl tal-effett kbir ta’ dawn il-miżuri fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrenti, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tar-regolament imsemmi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar għal perijodu li jmur lil hinn minn dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T-316/11, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

107    Finalment, f’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010 u dak tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi. B’hekk, l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, għandhom jinżammu f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010 (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadio Morokro vs Il-Kunsill, punt 106 iktar ’il fuq, punt 39).

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

109    Skont l-Artikolu 87(4)(1) tal-istess regoli, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sa fejn jikkonċernaw lil Fulmen u lil Fereydoun Mahmoudian, huma annullati:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK;

–        ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran,

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413;

–        ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, jinżammu f’dak li jirrigwarda lil Fulmen u lil F. Mahmoudian sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Marzu 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.