Language of document : ECLI:EU:T:2012:58

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

7 ta’ Frar 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta iljunfanti f’rettangolu — Trade marks internazzjonali u nazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw iljunfant u trade mark nazzjonali verbali preċedenti elefanten — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tas-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Karattru distintiv tat-trade marks preċedenti”

Fil-Kawża T‑424/10,

Dosenbach‑Ochsner AG Schuhe und Sport, stabbilita f’Dietikon (l-Isvizzera), irrappreżentata minn O. Rauscher, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Mannucci, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Sisma SpA, stabbilita f’Mantova (l-Italja), irrappreżentata minn F. Caricato, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-15 ta’ Lulju 2010 (Każ R 1638/2008‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Dosenbach‑Ochsner AG Schuhe und Sport u Sisma SpA,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Frar 2011,

wara li rat id-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2011, li tirrifjuta li tawtorizza l-preżentata ta’ replika,

wara li rat li ma tressqitx talba sabiex tinżamm seduta min-naħa tal-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li għalhekk iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-intervenjenti, Sisma SpA, hija l-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja figurattiva rreġistrata bin-numru 4279295 (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”), li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha kienet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) fid-9 ta’ Frar 2005, taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. It-trade mark ikkontestata kienet irreġistrata fit-30 ta’ Novembru 2006, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 24 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 24: “Tessuti; tessuti elastiċi; tessuti adeżivi li jeħlu bis-sħana; tessuti li jimitaw il-ġilda ta’ annimali; tessuti tas-suf; kutri; kutri għall-ivvjaġġar; tvalji; oġġetti tat-tessut; tapizzerija tat-tessut; imkatar tal-but (ta’ materjali tat-tessut); purtieri; face cloths tat-tessut u tat-tessut mhux minsuġ; srievet tat-tessut li jintużaw fuq il-mejda; srievet ta’ materjal tat-tessut li jintużaw fuq il-medja; ċraret sintetiċi użati għat-tibdil tat-trabi”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ għal irġiel, nisa u żgħażagħ b’mod ġenerali, inklużi l-ħwejjeġ tal-ġilda; qomos; blużi; dbielet; ilbiesi; ġkieket; qliezet; qliezet qosra; ġerżijiet; T-shirts; ħwejjeġ tas-sodda; kalzetti; flokkijiet ta’ taħt; kurpett; lastku biex iżomm il-kalzetti; tajts; riċipetti; qliezet ta’ taħt; kpiepel; xalpi; ingravajjet; ġkieket li jifilħu għall-ilma; surtun; kowts; malji tal-għawm; ħwejjeġ li jintlibsu fuq ħwejjeġ oħra; anoraks; ħwejjeġ tal-iski; ċinturini; kowt bil-fur; xalpi, ingwanti; ħwejjed tal-irqad; żraben b’mod ġenerali, inklużu papoċċi ta’ ġewwa, żraben, żraben tal-isport, boots u sandlijiet; ħrieqi tat-tessut; vavalori għal trabi”.

2        It-trade mark ikkontestata hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Fl-20 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti, Dosenbach-Ochsner AG Schuhe und Sport, ressqet quddiem l-UASI talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009].

4        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tikkonċerna r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti elenkati fil-punt 1 iktar ’il fuq. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], bejn it-trade mark imsemmija u t-trade marks preċedenti segwenti:

–        it-trade mark Ġermaniża verbali elefanten, li għaliha saret applikazzjoni fl-14 ta’ Marzu 1987 u li kienet irreġistrata fl-24 ta’ Jannar 1989, bin-numru 1133678, li tidentifika l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Żraben”;

–        it-trade mark internazzjonali figurattiva riprodotta hawnhekk, li tkopri b’mod partikolari r-Repubblika Ċeka, irreġistrata fid-29 ta’ Mejju 1999, bin-numru 715019, li tidentifika l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Żraben u oġġetti relatati”:

Image not found

–        it-trade mark Ġermaniża figurattiva, riprodotta hawnhekk, li għaliha saret applikazzjoni fid-9 ta’ Novembru 2000 u li kienet irreġistrata fit-22 ta’ Jannar 2001, bin-numru 30082400, li tidentifika b’mod partikolari l-“kutri għat-tfal, lożor għat-tfal, xugamani għat-tfal, kutri għat-tfal; bagalji tat-tessut u basktijiet tat-trasport tat-tessut għat-tfal” li jaqgħu fil-klassi 24 u l-“ħwejjeġ għat-tfal, kpiepel għat-tfal; ċinturini għat-tfal” li jaqgħu fil-klassi 25:

Image not found

5        Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba n-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti. Fit-12 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell.

7        L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti kien kompost minn utenti medji, normalment informati u raġonevolmanet attenti u sensibbli, stabbiliti fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka.

8        It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qabel, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, mal-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fis-sens li wħud mill-prodotti koperti, minn naħa, mit-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, mit-trade marks preċedenti, kienu identiċi jew jixxiebhu, filwaqt li oħrajn kienu differenti.

9        It-tielet nett, fil-punti 20 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tixbah lit-trade marks preċedenti mill-aspett viżwali, fid-dawl b’mod partikolari tad-differenzi li hemm bejn ir-rappreżentazzjonijiet tal-figura tal-iljunfant fit-trade mark ikkontestata u fit-trade marks figurattivi preċedenti.

10      Ir-raba’ nett, fil-punti 25 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade marks inkwistjoni ma kinux jixxiebhu mill-aspett fonetiku sa fejn, minn naħa, it-trade marks figurattivi, fosthom it-trade mark ikkontestata, ma jiġux ippronunzjati u sa fejn, min-naħa l-oħra, id-deskrizzjonijiet orali tat-trade marks ikkonċernati ma jikkoinċidux.

11      Il-ħames nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ xebh kunċettwali marbut mar-referenza għal iljunfant f’kull waħda mit-trade marks ikkonċernati.

12      Is-sitt nett, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 30 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa, li r-rikorrenti ma kinitx invokat karattru distintiv partikolari tat-trade marks preċedenti u, min-naħa l-oħra, li, minħabba l-modalitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, kellha tingħata importanza ikbar lill-paragun mill-aspett viżwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li x-xebh kunċettwali kkonstatat ma kienx suffiċjenti sabiex tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      L-intervenjenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedimenti quddiem l-UASI.

 Id-dritt

16      Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji ta’ liġi kif ukoll żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkonkluda li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti.

17      Skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata invalida fuq talba mressqa quddiem l-UASI meta jkun hemm trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-istess regolament u meta, b’mod partikolari, ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, meta ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku tat-territorju li fih tkun protetta t-trade mark preċedenti. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru u t-trade marks li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’effett fi Stat Membru, li d-data tal-preżentata tagħhom tkun preċedenti għal dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

19      F’dan il-każ, ir-rikorrenti la qiegħda tikkritika d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti adottata mill-Bord tal-Appell, kif esposta fil-punt 7 iktar ’il fuq, u lanqas l-eżami tax-xebh tal-prodotti, espost fil-punt 8 iktar ’il fuq. Sa fejn, barra minn hekk, dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ivvizzjati bi żball, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami ta’ dan ir-rikors.

20      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali, it-tieni nett, in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti u, it-tielet nett, l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfuzzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tar-relazzjoni bejn id-diversi elementi misluta mill-paragun bejn is-sinjali kunfliġġenti.

21      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

22      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà msemmija. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, bejniethom ikun hemm ugwaljanza minn tal-inqas parzjali fir-rigward ta’ aspett jew ta’ diversi aspetti rilevanti [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tas-26 ta’ Jannar 2006, Volkswagen vs UASI — Nacional Motor (Variant), T-317/03, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 46].

24      F’dan il-każ, ir-rikorrenti qiegħda tikkritika l-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-paragun viżwali, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks ikkonċernati.

 Fuq il-paragun viżwali

25      Fil-punti 20 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade marks preċedenti kienu kkostitwiti, minn naħa, mill-kelma “elefanten” u, min-naħa l-oħra, mir-rappreżentazzjoni stilizzata ta’ iljunfant Asjatiku mbaċċaċ, b’saqajn qosra ħafna, irrappreżentat mill-profil. Min-naħa tagħha, it-trade mark ikkontestata kienet tikkostitwixxi f’tikketta rettangolari bil-kantunieri ġejjin għat-tond li fiha sensiela ta’ iljunfanti Afrikani ta’ qisien differenti, irrappreżentati mill-profil, bit-tromba tagħti kemmxejn ’il fuq u rranġati f’fillieri dijagonali.

26      Fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punti 22 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks ikkonċernati kienu differenti mill-aspett viżwali minkejja l-fatt li kemm fit-trade mark ikkontestata u kif ukoll fit-trade marks figurattivi preċedenti kienu rrappreżentati iljunfanti mill-profil fejn tidher għajn waħda biss.

27      Ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-konklużjoni fir-rigward tal-paragun tat-trade mark ikkontestata mat-trade marks figurattivi preċedenti.

28      L-ewwel nett, hija ssostni li l-Bord tal-Appell strieħ, b’mod żbaljat, fuq differenzi li jikkonċernaw elementi tat-trade marks inkwistjoni li ma humiex ipperċepiti bħala distintivi mill-pubbliku rilevanti.

29      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, ġustament, li r-rettangolu bil-kantunieri ġejjin għat-tond li hemm madwar ir-rappreżentazzjoni tal-iljunfanti fit-trade mark ikkontestata ser jiġi pperċepit bħala sempliċi bordura għat-trade mark. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li dan l-element ma għandu ebda influwenza fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark ikkontestata mill-aspett viżwali. Fil-fatt, ir-rettangolu kkonċernat jiddetermina l-marġni tas-sinjal inkwistjoni, kif juri l-fatt li l-linji tiegħu “jaqtgħu” ir-rappreżentazzjoni ta’ diversi iljunfanti, li għalhekk jidhru biss parzjalment fis-sinjal imsemmi.

30      Għall-kuntrarju, kif issostni r-rikorrenti, l-eżami magħmul mill-pubbliku rilevanti ma jwasslux sabiex jikkunsidra l-arranġament eżatt tad-diversi rappreżentazzjonijiet ta’ iljunfanti fit-trade mark ikkontestata u lanqas sabiex jikkunsidra d-differenzi bejn iljunfant Asjatiku u iljunfant Afrikan. Għaldaqstant, il-fatt li t-trade mark ikkontestata tinkludi iljunfanti rranġati f’linji dijagonali u l-fatt li l-iljunfanti rrappreżentati fit-trade mark msemmija eventwalment ma jagħmlux parti mill-istess speċi bħal dawk irrappreżentati fit-trade marks figurattivi preċedenti, huma irrilevanti fil-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

31      It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni elementi ta’ xebh importanti. Fil-fatt, kemm it-trade mark ikkontestata u kif ukoll it-trade marks figurattivi preċedenti jinkludu r-rappreżentazzjoni simplistika ta’ iljunfant żgħir, bi statura mbaċċa u b’saqajn qosra ħafna rrappreżentati fil-forma ta’ żewġ rettangoli.

32      Issa, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punti 22 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, minkejja li kemm it-trade mark ikkontestata u t-trade marks figurattivi preċedenti jinkludu rappreżentazzjonijiet stilizzati ta’ iljunfant mill-profil, dawn ir-rappreżentazzjonijiet xorta waħda għandhom differenzi kunsiderevoli.

33      Fil-fatt, filwaqt li l-figura ta’ iljunfant irrappreżentata fit-trade mark ikkontestata għandha natura pjuttost infantili, it-trade marks figurattivi preċedenti jippreżentaw disinn astratt u sempliċi, bl-użu ta’ linji minimalistiċi. Bl-istess mod, it-trade mark ikkontestata tinkludi iljunfanti bojod b’linji suwed, filwaqt li t-trade marks figurattivi preċedenti jikkonsistu f’iljunfant iswed bil-linji bojod.

34      It-tielet nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li t-trade mark ikkontestata fiha r-rappreżentazzjoni ta’ diversi iljunfanti ma huwiex irrilevanti fil-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat u, għaldaqstant, fl-impressjoni viżwali globali prodotta mit-trade mark imsemmija. Fil-fatt, kif osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trade mark ikkontestata, fil-perċezzjoni viżwali globali, hija kkaratterizzata mir-rappreżentazzjoni ta’ diversi iljunfanti f’tikketta rettangolari bil-kantunieri ġejjin għat-tond. Għaldaqstant, ir-rappreżentazzjoni ta’ diversi iljunfanti tikkostitwixxi parti inerenti mit-trade mark imsemmija.

35      Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi, għandu jiġi osservat li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, hija kkostitwita minn grupp ta’ regoli, issegwi għanijiet speċifiċi għaliha u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Għaldaqstant, l-UASI u, meta jkun il-każ, il-qorti tal-Unjoni, ma humiex marbuta mid-deċiżjonijiet li jkunu ngħataw fil-livell tal-Istati Membri [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata], deċiżjonijiet li jikkostitwixxu biss element li, mingħajr ma huwa determinanti, jista’ sempliċement jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-konfront ta’ trade mark Komunitarja [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Tablet tonda ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata].

36      Issa, id-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrenti jikkonċernaw il-multiplikazzjoni ta’ element verbali fi trade mark, filwaqt li l-element inkwistjoni hawnhekk huwa wieħed figurattiv. Peress li l-multiplikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ tipijiet ta’ elementi ma għandhiex, bħala regola ġenerali, l-istess impatt fuq l-impressjoni globali prodotta minn trade mark, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu ttrasposti għall-każ ineżami u għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

37      Ir-rikorrenti ssostni wkoll, f’dan il-kuntest, li huwa possibbli li hija tirripproduċi t-trade marks figurattivi preċedenti diversi drabi u f’qisien differenti fuq il-prodotti tagħha. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-użanzi fis-settur tal-moda u, b’mod partikolari, għall-“prodotti monogrammi” ta’ ċerti trade marks ta’ lussu.

38      Madankollu, dan l-argument imur lil hinn mill-kuntest tal-paragun tat-trade mark ikkontestata mat-trade marks preċedenti sa fejn jikkonċerna l-użu ta’ dawn it-trade marks tal-aħħar. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 29 iktar ’il fuq, it-trade mark ikkontestata ma tikkonsistix fir-rappreżentazzjoni ta’ numru indeterminat ta’ iljunfanti iżda fi spazju ddefinit li jinkludi r-rappreżentazzjoni totali jew parzjali ta’ diversi iljunfanti.

39      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tissostanzjax l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-użanzi fis-settur tal-moda. Hija lanqas ma tispjega r-rilevanza tal-eżempju tal-“prodotti monogrammi” sa fejn it-trade marks ikkonċernati fil-każ ineżami ma humiex ippreżentati bħala monogrammi.

40      Peress li ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ diversi iljunfanti fit-trade mark ikkontestata ma jista’ jintlaqa’, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-element pjuttost jiddifferenza, mill-aspett viżwali, it-trade mark ikkontestata mit-trade marks figurattivi preċedenti, li fihom biss rappreżentazzjoni waħda tal-annimal imsemmi.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonkluda, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, it-trade mark ikkontestata u t-trade marks figurattivi preċedenti kienu differenti mill-aspett viżwali.

 Fuq il-paragun fonetiku

42      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ġustament tinvoka inkoerenza fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tax-xebh fonetiku. Fil-fatt, il-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li t-trade marks figurattivi ma humiex ser ikunu ppronunzjati, huwa, prima facie, inkonċiljabbli mal-punt 26 tal-istess deċiżjoni, fejn jingħad li, fi kwalunkwe każ, id-deskrizzjoni orali tat-trade mark ikkontestata hija differenti minn dik tat-trade marks preċedenti.

43      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni essenzjalment l-UASI, ma jidhirx li l-argument espost fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata sar sempliċement għal finijiet ta’ kompletezza. Fil-fatt, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikat għall-evalwazzjoni globali tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell irrefera espliċitament għad-differenzi fonetiċi kkonstatati bejn it-trade marks ikkonċernati.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivi dwar l-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku.

45      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li paragun fonetiku ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tax-xebh ta’ trade mark figurattiva mingħajr elementi verbali ma’ trade mark oħra [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2010, Nestlé vs UASI — Master Beverage Industries (Golden Eagle u Golden Eagle Deluxe), T-5/08 sa T-7/08, Ġabra p. II-1177, punt 67].

46      Fil-fatt, trade mark figurattiva li ma jkollhiex elementi verbali ma tistax tiġi ppronunzjata bħala tali. L-iktar l-iktar, il-kontenut viżwali jew kunċettwali tagħha jista’ jiġi deskritt oralment. Issa, tali deskrizzjoni tikkoinċidi neċessarjament jew mal-perċezzjoni viżwali jew mal-perċezzjoni kunċettwali tat-trade mark ikkonċernata. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata, b’mod awtonomu, il-perċezzjoni fonetika ta’ trade mark figurattiva li ma jkollhiex elementi verbali u lanqas ma hemm lok li titqabbel mal-perċezzjoni fonetika ta’ trade marks oħra.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li t-trade mark ikkontestata hija trade mark figurattiva mingħajr elementi verbali, la hemm lok li jiġi konkluż li hemm xebh fonetiku u lanqas ma hemm lok li jiġi konkluż li ma hemmx xebh fonetiku bejn din it-trade mark tal-aħħar u t-trade marks preċedenti.

 Fuq il-paragun kunċettwali

48      Fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata, minn naħa, li t-trade mark verbali preċedenti kienet tfisser “iljunfanti” bil-Ġermaniż, il-lingwa tat-territorju fejn kienet irreġistrata. Min-naħa l-oħra, skont il-Bord tal-Appell, it-trade marks figurattivi kkonċernati kienu jirreferu b’mod ċar għall-kunċett ta’ “iljunfant”. Madankollu, sa fejn it-trade marks preċedenti juru biss iljunfant wieħed, filwaqt li t-trade mark ikkontestata tinkludi diversi iljunfanti, ta’ qisien differenti, ippreżentati f’pożizzjoni partikolari u inkwadrati ġo tikketta rettangolari bil-kantunieri ġejjin għat-tond, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm xebh kunċettwali iktar minn identità kunċettwali.

49      Ir-rikorrenti ssostni li x-xebh kunċettwali huwa iktar kundiserevoli minn dak ikkonstatat mill-Bord tal-Appell. Hija ssostni, b’mod partikolari, li hemm identità kunċettwali bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark verbali preċedenti.

50      Fir-rigward, f’dan il-kuntest, tal-perċezzjoni kunċettwali tat-trade mark ikkontestata, ġie kkonstatat, l-ewwel nett, fil-punt 30 iktar ’il fuq, li l-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet tinkludi linji dijagonali ta’ iljunfanti kien irrilevanti fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti ma huwiex ser ikun imwassal sabiex jipperċepixxi arranġament partikolari kwalunkwe fis-sensiela ta’ iljunfanti rrappreżentata fit-trade mark ikkontestata. It-tieni nett, mill-punt 29 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rettangolu bil-kantunieri ġejjin għat-tond madwar ir-rappreżentazzjoni tal-iljunfanti fit-trade mark ikkontestata ser jiġi pperċepit bħala bordura li tistabbilixxi l-limiti tal-ispazju tat-trade mark. Issa, f’dan id-dawl, ebda kontenut kunċettwali partikolari ma huwa ser jingħata lil dan l-element. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li l-konsumatur medju għandu, bħala regola ġenerali, jafda fl-immaġni imperfetta li huwa jiftakar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Shuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26), il-perċezzjoni kunċettwali tat-trade mark ikkontestata ma hijiex ser tkun affettwata mill-preżenza ta’ iljunfanti ta’ qisien differenti.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti ser jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala li tirreferi, mill-aspett kunċettwali, sempliċement għall-iljunfanti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġustament sostniet l-eżistenza ta’ identità kunċettwali bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark verbali preċedenti.

52      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks figurattivi preċedenti, ma huwiex ikkontestat li dawn tal-aħħar ser jiġu pperċepiti bħala riferiment għall-kunċett ta’ “iljunfant”. Issa, minħabba l-qrubija li hemm bejn il-kunċett ta’ “iljunfant” u dak ta’ “iljunfanti”, għandu jiġi konkluż, kif għamel il-Bord tal-Appell, li hemm xebh kunċettwali bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks figurattivi preċedenti.

53      Finalment, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji fir-rigward tal-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku u tax-xebh kunċettwali.

54      Madankollu, l-impatt ta’ dawn l-iżbalji fuq il-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u, għaldaqstant, fuq il-fondatezza tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jiġi evalwat biss fl-istadju tal-eżami globali tal-fatturi rilevanti kollha. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade marks ikkonċernati huma differenti mill-aspett viżwali, li l-paragun fonetiku tagħhom huwa irrilevanti u li, mill-aspett kunċettwali, it-trade mark ikkontestata hija identika għat-trade mark verbali preċedenti u tixbah lit-trade marks figurattivi preċedenti.

 Fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv kunsiderevoli tat-trade marks preċedenti

55      Fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li r-rikorrenti ma kinitx invokat espliċitament, quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti minħabba l-użu intensiv tagħhom. Fil-fatt, l-osservazzjonijiet u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu jikkonċernaw biss il-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade marks imsemmija, imqajma mill-intervenjenti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma eżaminax jekk it-trade marks preċedenti kinux kisbu karattru distintiv imsaħħaħ minħabba l-użu tagħhom. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn it-trade marks kellhom karattru distintiv ta’ livell normali.

56      Ir-rikorrenti tikkontesta li hija qatt ma sostniet il-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-osservazzjonijiet li ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fil-11 ta’ Ottubru 2007.

57      Il-paġna 11 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, fit-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-UASI, kif ippreżentata quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fis-7 ta’ Novembru 2007, tinkludi din is-silta:

“3.      Għall-kuntrajru tal-fehma tal-opponenti, [it-trade marks preċedenti] lanqas ma għandhom karattru distintiv dgħajjef. Għall-kuntrarju: [m]inħabba l-użu intensiv u dewwiemi tagħhom, li ġie ppreżentat iktar ’il fuq, fis-suq Ġermaniż, dawn kisbu karattru distintiv ogħla mill-medja.”

58      Minn din is-silta jirriżulta li r-rikorrenti invokat espliċitament il-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti minħabba l-użu preċedenti tagħhom. Għaldaqstant, kemm id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li kien fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni tagħha, u kif ukoll il-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kienu obbligati jeżminaw il-fondatezza ta’ din l-invokazzjoni fid-deċiżjonijiet tagħhom.

59      L-argumenti invokati mill-UASI ma humiex ta’ natura li jegħlbu din il-konstatazzjoni.

60      B’hekk, l-ewwel nett, l-UASI jsostni li r-rikorrenti la invokat il-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti fil-formula standard tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa fl-20 ta’ Frar 2007, u lanqas fl-osservazzjonijiet mibgħuta ma’ din il-formula.

61      Madankollu, minn naħa, il-formula standard ma tinkludix taqsima ddedikata għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti iżda tinkludi taqsima biss fir-rigward tal-eventwali reputazzjoni tagħhom, li ma ġietx invokata fil-każ ineżami.

62      Min-naħa l-oħra, la mir-Regolament Nru 40/94 u lanqas mir-Regolament Nru 207/2009 ma jirriżulta li, sabiex tkun ammissibbli, l-invokazzjoni tal-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade mark preċedenti għandha ssir fil-mument meta titressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

63      It-tieni nett, skont l-UASI, is-silta ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq tikkostitwixxi affermazzjoni waħda u qasira, ippreżentata b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-intervenjenti fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-kwistjoni tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti.

64      Issa, minn naħa, għalkemm is-silta kkonċernata hija qasira, is-sens tagħha huwa suffiċjentement ċar u preċiż.

65      Min-naħa l-oħra, ma jistax jingħad li l-invokazzjoni tar-rikorrenti saret fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-prova tal-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti. Fil-fatt, din il-kwistjoni tal-aħħar kienet indirizzata fil-punti I u II tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-11 ta’ Ottubru 2007, filwaqt li s-silta ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq hija meħuda mill-punt III tal-istess dokument, iddedikat għall-argumenti l-oħra mressqa mill-intervenjenti. Kif jammetti l-UASI stess, dawn l-argumenti kienu jinkludu l-kwistjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti.

66      It-tielet nett, l-UASI jsostni li r-rikorrenti naqset milli tindika provi speċifiċi sabiex tissostanzja l-allegat karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, skont l-UASI, il-provi ppreżentati fl-anness mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal-11 ta’ Ottubru 2007 huma intiżi sabiex juru l-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti.

67      F’dan ir-rigward, minn qari kuntestwali tas-silta ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti rreferiet, sabiex tissostanzja l-invokazzjoni tal-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti, għall-elementi kollha ppreżentati minnha sabiex tipprova l-użu ġenwin minn dawn it-trade marks tal-aħħar.

68      Barra minn hekk, dawn l-elementi, jiġifieri materjal pubbliċitarju fejn jidhru t-trade marks preċedenti u affidavits dwar il-volumi ta’ bejgħ tal-prodotti li jġorru dawn it-trade marks, kienu rilevanti, prima facie, mhux biss fir-rigward tal-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti iżda anki fir-rigward tal-eventwali karattru distintiv tagħhom miksub bl-użu.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti identifikat il-provi li fuqhom kienet qiegħda tibbaża ruħha bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex il-fondatezza ta’ dak li kienet qiegħda tinvoka setgħet tiġi eżaminata mill-UASI u sabiex l-intervenjenti setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonstata li r-rikorrenti ma kinitx invokat espliċitament karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade marks preċedenti minħabba l-użu tagħhom. Il-Bord tal-Appell għalhekk żbalja wkoll meta naqas milli jeżamina l-fondatezza ta’ dak li kienet qiegħda tinvoka r-rikorrenti dwar dan il-punt.

71      Dan l-iżball jimplika li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina fattur potenzjalment rilevanti fl-evalwazzjoni globali tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24; tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20).

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-elementi kollha neċessarji sabiex tivverifika l-fondatezza tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kif magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

73      Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-motiv wieħed imressaq mir-rikorrenti u, għaldaqstant, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti dwar l-evalwazzjoni msemmija, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-diversi elementi bbażati fuq il-paragun bejn is-sinjali kunfliġġenti.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

75      Fil-kawża ineżami, l-UASI u l-intervenjenti tilfu. Għaldaqstant, minn naħa, l-UASI għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

76      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-15 ta’ Lulju 2010 (Każ R 1638/2008-4) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk ta’ Dosenbach-Ochsner AG Schuhe und Sport.

3)      Sisma SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Frar 2012.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: it‑Taljan.