Language of document : ECLI:EU:T:2016:335





SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

2 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Unità ekonomika – Parteċipazzjoni diretta fil-ksur – Responsabbiltà dderivata tal-kumpanniji parent – Suċċessjoni ta’ impriżi – Ksur kumpless – Ksur wieħed u kontinwu – Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ nulla poena sine lege – Ċirkustanzi attenwanti – Kapaċità ta’ ħlas – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Talba ta’ evalwazzjoni mill-ġdid – Assenza ta’ evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt – Ittra ta’ rifjut – Inammissibbiltà”

Fil-Kawżi magħquda T‑426/10 sa T‑429/10, T‑438/12 sa T‑441/12,

Moreda-Riviere Trefilerías, SA, stabbilita f’Gijón (Spanja), irrappreżentata, fil-Kawża T‑426/10, minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco u, fil-Kawża T‑440/12, inizjalment minn González Díaz u P. Herrero Prieto, sussegwentement minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco, avukati,

rikorrenti fil-Kawżi T‑426/10 u T‑440/12,

Trefilerías Quijano, SA, stabbilita f’Los Corrales de Buelna (Spanja), irrappreżentata, fil-Kawża T‑427/10, minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco u, fil-Kawża T‑439/12, inizjalment minn F. González Díaz u P. Herrero Prieto, sussegwentement minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco,

rikorrenti fil-Kawżi T‑427/10 u T‑439/12,

Trenzas y Cables de Acero PSC, SL, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata, fil-Kawża T‑428/10, minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco u, fil-Kawża T‑441/12, inizjalment minn F. González Díaz u P. Herrero Prieto, sussegwentement minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco,

rikorrenti fil-Kawżi T‑428/10 u T‑441/12,

Global Steel Wire, SA, stabbilita f’Cerdanyola del Vallés (Spanja), irrappreżentata, fil-Kawża T‑429/10, minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco u, fil-Kawża T‑438/12, inizjalment minn F. González Díaz u P. Herrero Prieto, sussegwentement minn F. González Díaz u A. Tresandi Blanco,

rikorrenti fil-Kawżi T‑429/10 u T‑438/12,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawżi T‑426/10, T‑427/10, T‑429/10, T‑438/12 sa T‑441/12, minn V. Bottka, F. Castillo de la Torre u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, assistiti minn L. Ortiz Blanco u A. Lamadrid de Pablo, avukati, u, fil-Kawża T‑428/10, minn V. Bottka u F. Castillo de la Torre, assistiti minn L. Ortiz Blanco u A. Lamadrid de Pablo,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat‑30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/38344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269 finali, tal‑4 ta’ April 2011, kif ukoll bl-ittra tad-direttur ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, tal‑25 ta’ Lulju 2012,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

 II – Fuq it-tielet serje ta’ kawżi

[omissis]

 B – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi

539    Il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tat-tielet serje ta’ kawżi permezz ta’ eċċezzjoni. Dawn l-eċċezzjonijiet, ikkontestati mir-rikorrenti, huma magħquda fil-mertu.

540    Għandu jitfakkar li kull manifestazzjoni ta’ opinjoni bil-miktub minn istituzzjoni tal-Unjoni ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ natura li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li ma tistax tipproduċi effetti legali jew ma għandhiex l-intenzjoni li tipproduċi tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1980, Sucrimex u Westzucker vs Il‑Kummissjoni, 133/79, EU:C:1980:104, punti 15 sa 19, u tas‑27 ta’ Settembru 1988, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, 114/86, EU:C:1988:449, punti 12 sa 15).

541    Bl-istess mod, kull ittra mibgħuta minn korp tal-Unjoni bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mid-destinatarju tagħha, ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Jannar 1993, Miethke vs Il‑Parlament, C‑25/92, EU:C:1993:32, punt 10).

542    Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħhom jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ April 2008, Cestas vs Il‑Kummissjoni, T‑260/04, EU:T:2008:115, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

543    Barra minn hekk, hemm lok li wieħed jiffoka fuq is-sustanza ta’ miżura li jintalab l-annullament tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk din tistax tkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, bil-forma li biha din il-miżura ġiet adottata tkun, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-17 ta’ April 2008, Cestas vs Il‑Kummissjoni, T‑260/04, EU:T:2008:115, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

544    Huwa biss l-att li bih korp tal-Unjoni jiddetermina l-pożizzjoni tiegħu b’mod mhux ekwivoku u definittiv, taħt forma li tippermetti li tiġi identifikata n-natura tiegħu, li jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, bil-kundizzjoni madankollu li din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix biss il-konferma ta’ att preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 1982, Il‑Ġermanja u Bundesanstalt für Arbeit vs Il‑Kummissjoni, 44/81, EU:C:1982:197, punt 12).

545    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, rikors ippreżentat kontra att purament konfermattiv ta’ deċiżjoni oħra li saret definittiva, huwa inammissibbli. Att jitqies bħala purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti u ma kienx preċedut b’eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 44; tat‑22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globale vs Il‑Kummissjoni, T‑6/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:245, punt 22, u tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Euro-Link Consultants u European Profiles vs Il‑Kummissjoni, T‑199/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:848, punt 40).

546    Madankollu, in-natura konfermattiva jew le ta’ att ma tistax tiġi evalwata biss skont il-kontenut tiegħu meta mqabbel ma’ dak tad-deċiżjoni preċedenti li huwa jikkonferma. Fil-fatt, hemm lok ukoll li tiġi evalwata n-natura tal-att ikkontestat meta mqabbel man-natura tat-talba li għaliha dan l-att jikkostitwixxi tweġiba (sentenzi tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T-186/98, EU:T:2001:42, punt 45; tat-22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globale vs Il‑Kummissjoni, T‑6/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:245, punt 23, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Euro-Link Consultants u European Profiles vs Il‑Kummissjoni, T‑199/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:848, punt 41).

547    B’mod partikolari, għalkemm l-att jikkostitwixxi t-tweġiba għal talba li fiha qegħdin jiġu invokati fatti ġodda u sostanzjali u li permezz tiegħu l-amministrazzjoni qiegħda tintalab tipproċedi għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti, dan l-att ma jistax jitqies li huwa ta’ natura purament konfermattiva, sa fejn huwa jirregola dawn il-fatti u jinkludi, għalhekk, element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti (sentenzi tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T-186/98, EU:T:2001:42, punt 46; tat-22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globale vs Il‑Kummissjoni, T‑6/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:245, punt 24, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Euro-Link Consultants u European Profiles vs Il‑Kummissjoni, T‑199/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:848, punt 42).

548    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali tista’ tiġġustifika s-sottomissjoni ta’ talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva. Jekk talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li saret definittiva hija bbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali, l-istituzzjoni inkwistjoni għandha tipproċedi dwar dan. Wara dan l-eżami mill-ġdid, l-istituzzjoni jkollha tieħu deċiżjoni ġdida, li l-legalità tagħha tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, jekk it-talba għall-eżami mill-ġdid ma tkunx ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali, l-istituzzjoni ma hijiex obbligata tilqagħha (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Euro-Link Consultants u European Profiles vs Il‑Kummissjoni, T‑199/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:848, punt 43).

549    Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tirrifjuta li jsir eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li saret finali għandu jiġi ddikjarat ammissibbli jekk jidher li t-talba kienet effettivament ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali. Min-naħa l-oħra, jekk jidher li t-talba ma kinitx ibbażata fuq tali fatti, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jsir l-eżami mill-ġdid mitlub jiġi ddikjarat inammissibbli (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T-186/98, EU:T:2001:42, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Euro-Link Consultants u European Profiles vs Il‑Kummissjoni, T‑199/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:848, punt 44).

550    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ skont liema kriterji l-fatti għandhom jiġu kklassifikati bħala “ġodda” u “sostanzjali”, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jitqies bħala “ġdid”, huwa neċessarju li la r-rikorrenti u lanqas l-amministrazzjoni ma kellhom jew ma seta’ kellhom għarfien tal-fatt inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T-186/98, EU:T:2001:42, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Euro-Link Consultants u European Profiles vs Il‑Kummissjoni, T‑199/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:848, punt 45).

551    Sabiex ikollu natura “sostanzjali”, huwa neċessarji li l-fatt inkwistjoni jkun jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-awtur tat-talba inizjali li tat lok għad-deċiżjoni preċedenti li saret definittiva (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T-186/98, EU:T:2001:42, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Euro-Link Consultants u European Profiles vs Il‑Kummissjoni, T‑199/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:848, punt 46).

552    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi, sa fejn huma diretti kontra l-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2012.

553    Għandu jiġi osservat l-ewwel nett li, sabiex jirrifjuta t-tieni domanda, id-direttur ġenerali bbaża ruħu, fl-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2012, fuq l-istess motivi bħal dawk li bbaża ruħu fuqhom il-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

554    Għalhekk, f’dan il-każ, id-direttur ġenerali qies li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienu juru li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kienet tjiebet meta mqabbla ma’ dik li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni meta qieset li huma setgħu jaffaċċjaw il-ħlas tal-multa billi jirrikorru, jekk ikun il-każ, għal stabbilimenti ta’ kreditu.

555    F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv użat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-possibbiltà ta’ rikors għall-azzjonisti persuni ġuridiċi u fiżiċi, id-direttur ġenerali ħa approċċ identiku, billi qies li l-mewt tas-Sur Rub., li seħħet matul l-eżami tat-tieni talba, ma kellhiex natura sostanzjali, peress li l-patrimonju personali tiegħu kien ġie trażmess lill-aventi kawża tiegħu.

556    Minkejja li l-Kummissjoni ma hijiex fondata ssostni li huwa biss jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tmur għall-agħar li tista’ tiġġustifika li impriża tippreżenta talba ġdida għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha, għandu madankollu jitqies li, meta l-unika bidla meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ fatt eżaminata mill-Kummissjoni fil-mument meta hija evalwat il-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża tikkonsisti fit-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, ma huwiex ammissibbli li hija titlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni li hija kienet adottat qabel. F’tali sitwazzjoni, konsegwentement, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni ta’ din it-talba għal evalwazzjoni mill-ġdid ma tikkostitwixxix att li jista’ jwassal għal azzjoni legali.

557    Għandha għalhekk issir distinzjoni, meta l-amministrazzjoni tkun adita b’talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni adottata qabel, bejn il-kwistjoni tal-eżami tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt li fiha tkun tinsab il-persuna kkonċernata u dik tal-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti. Huwa biss meta, matul l-eżami tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, l-amministrazzjoni tikkonstata bidla sostanzjali, fil-fatt jew fid-dritt, tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li hija jkollha għalhekk tipproċedi għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt, l-amministrazzjoni ma tistax tiġi obbligata tagħmel eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tagħha u t-teħid ta’ pożizzjoni li permezz tagħha hija tiċħad talba għall-eżami mill-ġdid ippreżentata f’dawn il-kundizzjonijiet ma għandhiex natura deċiżjonali, b’tali mod li rikors ippreżentat kontra tali teħid ta’ pożizzjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, għaliex indirizzat kontra att li ma jistax iwassal għal azzjoni legali. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni li tgħid li l-persuna kkonċernata ma qiegħda tippreżenta ebda fatt ġdid u ma tistabbilixxix il-bidla sostanzjali tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt tagħha, tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni.

558    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, bħalma tippretendi l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti tjibitx meta mqabbla ma’ dik li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fatt li r-rikorrenti jikkontestaw.

559    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kienet fondata li tieħu inkunsiderazzjoni, meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kif kienet tidher fl-aħħar kontijiet annwali disponibbli, li kienu dwar is-sena finanzjarja 2009 (ara l-punt 518 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentaw diversi elementi dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom insostenn tat-tieni talba (ara l-punt 532 iktar ’il fuq). L-ewwel elementi ġew ippreżentati fid-data ta’ dawn it-talbiet, jiġifieri f’Lulju 2011, u kienu jirrigwardaw il-bidu tal‑2011. L-analiżi tat-tieni domanda damet kważi sena, li matulha l-Kummissjoni talbet u kisbet xi informazzjoni, b’tali mod li, fl-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2012, id-direttur ġenerali bbaża ruħu fuq id-data finanzjarja eżistenti fl-aħħar tas-sena 2011.

560    Issa, ir-rikorrenti, insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li tgħid li s-sitwazzjoni tagħhom marret għall-agħar wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jipparagunawx id-data tal-aħħar tal‑2011 – jiġifieri l-aħħar disponibbli meta d-direttur ġenerali ħa deċiżjoni – ma’ dik tal‑2009 – jiġifieri dik li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata – iżda d-data tal-bidu tal‑2011 ma’ dik tal‑2008, sena tal-quċċata tal-kriżi ekonomika.

561    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-paragun bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kif setgħet tkun magħrufa f’Lulju 2012 ma’ dik, dwar l‑2009, li ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata juri titjib sinjifikattiv. Issa, id-data ppreżentata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

562    Għalhekk, minkejja li l-ammont totali tal-multi, inklużi interessi, kien ta’ EUR 54.26 miljun fl‑2010 u ta’ EUR 58.6 miljun fl-aħħar tal‑2011, id-dħul mill-bejgħ mondjali ta’ GSW tela’, matul l-istess perijodu, minn EUR 543 miljun għal EUR 823 miljun. Ir-rata bejn l-ammont ta’ multi u d-dħul mill-bejgħ ta’ GSW għalhekk naqas minn 10 %, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għal 7.1 % fid-data li fiha d-direttur ġenerali ħa deċiżjoni.

563    Matul dan l-istess perijodu, għandu jiġi kkonstatat li r-rata bejn l-ammont tal-multi u l-valur tal-assi ta’ GSW u ta’ TQ flimkien baqgħet stabbli u bejn 6 u 7 %.

564    Minkejja li l-fondi tar-rikorrenti stess naqsu bejn l‑2009 u l‑2011, billi naqsu minn EUR 212 miljun għal EUR 196 miljun, b’tali mod li r-rata bejn l-ammont totali tal-multi u l-fondi tagħhom ukoll naqset kemxejn, minn 26 għal 30 %, għandhom madankollu jitqiesu l-prospetti sottomessi mir-rikorrenti lill-Kummissjoni li jgħidu li l-livell ta’ fondi mistennija tagħhom fl‑2015 kien ta’ EUR 244 miljun, jiġifieri livell ogħla minn dak irreġistrat għall‑2009.

565    Matul l-istess perijodu, il-prospetti ta’ profitt ta’ GSW barra minn hekk tjiebu b’mod sostanzjali. Għalhekk, fl‑2009, GSW irreġistrat xi telf wara ħames snin konsekuttivi li matulhom ir-riżultat kien pożittiv. Il-prospetti tar-riżultati għall‑2010 u l‑2011 kienu stabbiliti, fl-aħħar tas-sena 2009, għal telf ta’ EUR 6 miljun u ta’ EUR 5 miljun rispettivament. Issa, ir-riżultati miksuba kienu aħjar minn dawn il-prospetti, jiġifieri profitt ta’ EUR 1 miljun fl‑2010 u ta’ EUR 25 miljun fl‑2011. Bl-istess mod, minkejja li l-“earnings before interest, taxes, depreciation, and amortization” (profitti qabel l-interessi, it-taxxi, l-iżvalutar u l-ammortizzazzjoni tal-assi, EBITDA) kienu ta’ – EUR 20 miljun fl‑2009, huma laħqu EUR 51 miljun fl‑2010 u EUR 90 miljun fl‑2011. Għalhekk, il-profil tar-riskju ta’ GSW, ikkostitwit mir-relazzjoni bejn id-dejn nett tagħha, b’multa jew mingħajr, minn naħa, u l-EBITDA, min-naħa l-oħra, tjieb b’mod kunsiderevoli bejn l‑2009 u l‑2011.

566    Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ flus kontanti tjiebet ukoll bejn l‑2009 u l‑2011, bil-kapital operatorju jgħaddi minn – EUR 51 miljun fl‑2010 għal – EUR 42 miljun fl‑2011. Minkejja li r-riżultat tat-test Z-score ta’ Altmann, indikatur tar-riskju ta’ falliment ibbażat fuq data retrospettiva, kien preokkupanti fl‑2009 (0.59 mingħajr multa u 0.44 bil-multi inklużi), dan ma kienx iktar preokkupanti fl‑2011 (1.35 mingħajr multa u 1.29 bil-multi inklużi), bil-limitu jkun stabbilit, għall-industrija, għal 1.23.

567    Fl-aħħar, minkejja li, fl‑2009, GSW kellha ammont totali ta’ krediti bankarji ta’ iktar minn EUR 160 miljun, li EUR 22 miljun minnhom ma kinux użati fl‑2011, id-dejn bankarju tal-impriża kien ġie nnegozjat mill-ġdid b’suċċess għal ammont ta’ EUR 3 biljun, li l-multi kienu jikkostitwixxu madwar 2 % tiegħu.

568    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżattezza ta’ din id-data finanzjarja. Fil-fatt, huma sempliċement joffru paraguni oħrajn, li jirrigwardaw id-data dwar is-snin differenti. F’dan ir-rigward, għar-raġunijiet indikati fil-punt 559 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hija fondata ssostni li, sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fid-data tal-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2012, it-termini ta’ paragun huma, minn naħa, is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-aħħar tal‑2009 u li ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, dik li kienet teżisti fid-data li fiha d-direttur ġenerali adotta l-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2012. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, bejn dawn iż-żewġ dati, is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti tjiebet b’mod sensittiv.

569    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 556 u 557 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-fatti allegati mir-rikorrenti fit-tieni talba ma setgħux ibiddlu b’mod sostanzjali l-evalwazzjoni dwar il-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-ittra tal‑25 ta’ Lulju 2012 ma għandha ebda natura deċiżjonali, u peress li r-rikorsi li jikkostitwixxu t-tielet serje ta’ kawżi (Kawżi T‑438/12 sa T‑441/12), huma indirizzati kontra l-imsemmija ittra, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

570    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dawn ir-rikorsi kollha għandhom jiġu miċħuda.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Moreda-Riviere Trefilerías, SA, Trefilerías Quijano, SA, Trenzas y Cables de Acero PSC, SL u Global Steel Wire, SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Ġunju 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 – Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.