Language of document : ECLI:EU:C:2017:77

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl-1 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C-336/15

Unionen

vs

Almega Tjänsteförbunden

ISS Facility Services AB

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbetsdomstolen (l-Iżvezja)]

“Politika soċjali – Direttiva 2001/23/KE – Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet minn impriżi jew negozji – Artikolu 3(1) u (3) – Drittijiet ta’ natura pekunjarja – Perijodi ta’ servizz li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit it-tul tal-avviż ta’ tkeċċija mill-impjieg”






1.        Fl-2005, l-impjieg ta’ BSA mad-ditta Apoteket AB ġie ttrasferit lil ISS Facility Services AB (it-“tieni konvenuta”) u fl-2008 u l-2009 l-impjieg ta’ JAH, JH u BL mad-ditta AstraZeneca AB kien ukoll ġie ttrasferit lit-tieni konvenuta. Madankollu, fl-2011 it-tieni konvenuta keċċiet lill-erba’ impjegati.

2.        Il-kwistjoni li qamet f’din il-kawża hija dwar jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (id-“Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi”) (2) jobbligax lit-tieni konvenuta li meta tiġi biex tikkalkula l-perijodi tal-avviż ta’ tkeċċija mill-impjieg ta’ dawk l-erba’ impjegati, għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni s-servizz li dawn kienu taw liċ-ċedenti AstraZeneca AB u Apoteket AB, jew jekk dawn il-perijodi ta’ avviż għandhomx ikunu kkalkolati b’riferiment għall-impjieg ikkompletat mat-tieni konvenuta bħala ċessjonarja?

3.        Il-punti legali li jeħtieġu soluzzjoni f’dan il-każ għandhom karatteristika oħra. Abbażi tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi, id-dritt Żvediż jobbliga biss liċ-ċessjonarji bħalma hija t-tieni konvenuta biex josservaw il-ftehim kollettiv li jkun jorbot liċ-ċedenti għal sena mid-data tat-trasferiment (l-“għażla tas-sena waħda”). Sakemm BSA, JAH, JH u BL ingħataw l-avviż ta’ tkeċċija tagħhom mill-impjieg mat-tieni konvenuta, dan il-perijodu kien diġà għadda. Madankollu, il-ftehim kollettiv li mbagħad beda jirregola r-relazzjonijiet bejn l-erba’ impjegati u t-tieni konvenuta jidher, mill-proċess, li ġie nnegozjat fi jew qabel id-data tat-trasferiment, u kien fih dispożizzjonijiet ifformulati b’mod identiku dwar ir-rwol li t-tul fis-servizz għandu fil-kalkolu tal-perijodi ta’ avviż ta’ tkeċċija mill-impjieg (3). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni taħt id-dritt Żvediż tal-għażla tas-sena waħda pprovduta fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi tagħmel differenza għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 3(1)?

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi, bit-titolu, “Is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati” fih l-Artikolu 3. L-Artikolu 3(1) u (3) jipprovdu li:

“1. Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

[…]

3. Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftehma f’kull ftehim kollettiv skont l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini w kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda”.

[…]”

B.      Id-dritt Żvediż

5.        Skont id-digriet tar-rinviju, il-paragrafu 6b tal-lagen (1982:80) om anställningsskydd [il-Liġi (1982:80) dwar il-protezzjoni tal-impjieg; anställningsskyddslagen; iktar ’il quddiem “LAS”] ġie introdott biex jimplementa d-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi fid-dritt Żvediż. Il-LAS tipprovdi, b’mod partikolari, li meta impriża, attività jew parti minn attività tiġi ttrasferita minn persuna li tħaddem għal oħra, id-drittijiet u obbligi li joħorġu mill-kuntratt ta’ impjieg u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg li jkunu japplikaw fil-ħin tat-trasferiment jiġu ttrasferiti wkoll lill-persuna l-ġdida li tħaddem.

6.        Id-digriet ta’ rinviju jgħid ukoll li l-paragrafu 28 tal-lagen (1976:580) om medbestämmande i arbetslivet [il-Liġi (1976:580) dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fid-deċiżjonijiet; medbestämmandelagen; iktar ’il quddiem “MBL”] ittrasponiet fid-dritt Żvediż l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi. L-MBL fiha dispożizzjonijiet dwar l-effetti li jkun hemm li jirrigwardaw il-ftehim kollettivi fuq dawk it-trasferimenti ta’ impriżi li huma koperti mill-paragrafu 6b tal-LAS. Skont id-digriet tar-rinviju, mill-MBL jirriżulta li l-punt tat-tluq huwa dak li ċ-ċessjonarja ssir obbligata bil-partijiet applikabbli mill-ftehim kollettiv li bih kienet marbuta ċ-ċedenti. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tad-dispożizzjoni, dan ma japplikax meta ċ-ċessjonarja tkun diġà marbuta bi ftehim kollettiv ieħor li jista’ jiġi applikat għall-impjegati li jiġu ttrasferiti lill-impriża.

7.        Id-digriet tar-rinviju jgħid ukoll li f’din is-sitwazzjoni, iċ-ċessjonarja hija, madankollu, meħtieġa, skont it-tielet paragrafu tad-dispożizzjoni, li għal sena wara t-trasferiment, tapplika l-kundizzjonijiet ta’ impjieg fil-ftehim kollettiv li kien japplika għal min kien iħaddem qabel. Skont dik id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet għandhom jiġu applikati bl-istess mod bħalma kien meħtieġ li japplikahom min kien iħaddem qabel. Madankollu, dan ma japplikax ladarba l-ftehim kollettiv ma jibqax fis-seħħ jew meta jibda japplika ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati li jkunu ġew ittrasferiti.

II.    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8.        Unionen, li huwa sindakat (iktar ’il quddiem is-“sindakat rikorrent”) fetaħ kawża quddiem l-Arbetsdomstolen (il-qorti tax-xogħol, l-Iżvezja) fejn sostna li t-tieni konvenuta għandha tiġi ordnata tħallas kumpens lilu u lil AB, JAH, JH u BL, għad-dannu li jirriżulta minn, b’mod partikolari, in-nuqqas li tosserva l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi.

9.        Almega Tjänsteförbunden (iktar ’il quddiem l-“ewwel konvenuta”) hija organizzazzjoni ta’ persuni li jħaddmu li tagħha hija membru t-tieni konvenuta. Kemm l-ewwel u kif ukoll it-tieni konvenuta jsostnu li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi ma jobbligax liċ-ċessjonarji li jieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-perijodu ta’ impjieg li jkunu għamlu maċ-ċedenti meta jiġu biex jistabbilixxu l-perijodi ta’ avviż ta’ tkeċċija mill-impjieg, filwaqt li s-sindakat rikorrent jargumenta li dan fil-fatt jobbligahom. Il-konvenuti jipprovaw jinvokaw l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi, u l-fatt li kienet għaddiet iktar minn sena mid-dati tat-trasferiment tal-impjieg ta’ AB, JAH, JH u BL rispettivament sa meta nħareġ l-avviż ta’ tkeċċija mill-impjieg, b’mod li t-tieni konvenuta ċessjonarja ma kienx għadha marbuta bil-ftehim kollettiv li kien jorbot liċ-ċedenti.

10.      BSA, JAH, JH u BL huma membri tas-sindakat rikorrent u huma impjegati mat-tieni konvenuta.

11.      BSA bdiet taħdem ma’ Apoteket AB fl-1997. Fid-9 ta’ Mejju 2005, l-impjieg tagħha ġie ttrasferit lit-tieni konvenuta. Għaldaqstant, kienet ilha impjegata ma’ Apoteket AB għal 7 snin fil-mument tat-trasferiment tal-impjieg tagħha lit-tieni konvenuta u kellha 49 sena (4).

12.      Fis-27 ta’ Lulju 2011, it-tieni konvenuta temmet l-impjieg ta’ BSA u tagħtha sitt xhur avviż ta’ tkeċċija. Meta hija tagħtha l-avviż ta’ tkeċċija, hija kellha 56 sena u kienet ilha impjegata kontinwament ma’ Apoteket AB u wara, mat-tieni konvenuta, flimkien, għal iktar minn 10 snin, iżda għal 6 snin biss mat-tieni konvenuta.

13.      JAH beda jaħdem ma’ AstraZeneca AB f’Awwissu 1969 u JH beda jaħdem ma’ AstraZeneca AB f’Ottubru 1972. L-impjieg tagħhom ġie ttrasferit lit-tieni konvenuta fl-1 ta’ Mejju 2009. Għaldaqstant, fil-ħin tat-trasferiment, JAH kien impjegat minn AstraZeneca AB għal 39 sena u JH għal 36 sena (5). Kemm JAH u kif ukoll JH kellhom iktar minn 55 sena fil-mument tat-trasferiment.

14.      Il-kollega tagħhom BL beda jaħdem ma’ AstraZeneca AB f’Marzu 1976 u l-impjieg tiegħu kien ittrasferit mat-tieni konvenuta fl-1 ta’ Mejju 2008, f’liema data huwa kellu età ta’ 54 sena u 11-il xahar. Fil-mument tat-trasferiment BL kien ilu impjegat ma’ AstraZeneca AB għal ftit iktar minn 32 sena.

15.      Kif semmejt iktar 'il fuq, BSA kien intemmilha l-impjieg tagħha fis-27 ta’ Lulju 2011. JAH, JH u BL kienu tkeċċew fil-31 ta’ Ottubru 2011. Fil-bidu, il-konvenuta tat sitt xhur avviż ta’ avviż ta’ tkeċċija. Sussegwentement, il-perijodu tal-avviż ġie estiż b’ħames xhur għal JAH, JH u BL. Kollha kemm huma kellhom iktar minn 55 sena meta ngħataw l-avviż ta’ tkeċċija u kienu ħadmu ħafna iktar minn għaxar snin kontinwi jew għal Apoteket AB jew AstraZeneca AB u t-tieni konvenuta.

16.      Madankollu, fil-mument tal-avviż ta’ tkeċċija, kollha kemm huma kienu impjegati għal perijodi ħafna iqsar mit-tieni konvenuta meqjusa waħidha. Fil-każ ta’ JAH u JH, it-tnejn li huma kienu ilhom impjegati għal sentejn u sitt xhur, BL tliet snin u sitt xhur u, kif ġie nnutat qabel, BSA sitt snin u kważi tliet xhur.

17.      Meta seħħew it-trasferimenti, kemm Apoteket AB u AstraZeneca AB kienu marbutin bi ftehim kollettivi li kellhom klawżoli fuq id-dritt li l-perijodu ta’ avviż jiżdied b’sitt xhur oħra fil-każ tal-impjegati li jkunu tkeċċew u li jkunu laħqu l-età ta’ 55 sena fil-mument tal-avviż ta’ tkeċċija u li jkollhom tul ta’ servizz kontinwu ta’ 10 snin. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tas-sindakat rikorrent, il-ftehim li jorbot lil AstraZeneca AB kien intlaħaq mas-sindakat rikorrent u ma’ organizzazzjoni ta’ min iħaddem li fiha kienet membru AstraZeneca.

18.      Fid-dati tat-trasferiment tal-impjiegi rispettivi, l-ewwel u t-tieni konvenuti kienu marbutin bi ftehim kollettiv mas-sindakat rikorrent li kien fih klawżoli dwar it-tul ta’ servizz u t-tkeċċija li kienu fformulati b’mod identiku għal dawk tal-ftehim kollettiv li kien jorbot lil Apoteket AB u lil AstraZeneca AB. Il-ftehim bejn is-sindakat rikorrent u l-ewwel konvenuta fih, b’mod partikolari, il-klawżoli li ġejjin.

14.3.2 Perijodu ta’ avviż

Il-perijodu ta’ avviż għal min iħaddem huwa kif ġej, sakemm ma jkunux japplikaw kundizzjonijiet oħra taħt 14.4 jew li jsegwu minn 14.4-14.6.

Il-perijodu ta’ avviż li jrid jagħti min iħaddem f’xhur

Tul ta’ servizz      Perijodu ta’ avviż

mal-kumpannija

Inqas minn sentejn (2)

1 xahar

Bejn 2 u 4 snin

Xahrejn (2)

Bejn 4 u 6 snin

3 xhur

Bejn 6 u 8 snin

4 xhur

Bejn 8 u 10 snin

5 xhur

iktar minn 10 snin

6 xhur

14.3.3 Perijodu ta’ avviż estiż f’ċerti każijiet

Meta impjegat li jkun ingħata avviż ta’ tkeċċija jkun laħaq l-età ta’ 55 sena fid-data tal-avviż u jkun ħadem kontinwament għal perijodu ta’ 10 snin, il-perijodu ta’ avviż għandu jkun estiż b’sitt xhur. [Din id-dispożizzjoni hija marbuta mal-Omställningsavtalet (Tmiem il-ftehim ta’ assistenza tal-impjieg)]. Dan ma japplikax għal impjegat li jkun laħaq l-età ta’ 65 sena meta jingħata l-avviż ta’ tkeċċija”.

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbetsdomstolen (il-qorti tax-xogħol, l-Iżvezja) għamlet id-domanda li ġejja sabiex tingaħata deċiżjoni preliminari:

“Huwa kompatibbli mad-Direttiva [dwar it-trasferimenti ta’ impriżi] li, iktar minn sena mit-trasferiment ta’ impriża u fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ klawżola tal-ftehim kollettiv fis-seħħ taċ-ċessjonarju li għandha l-effett li ċertu tul tas-servizz mhux interrott ma’ persuna li timpjega waħda jkun meħtieġ sabiex wieħed jibbenefika mill-estensjoni tal-perijodu ta’ preavviż fil-każ ta’ tkeċċija, l-imsemmi ċessjonarju ma jiħux inkunsiderazzjoni t-tul tas-servizz magħmul minn ħaddiema ta’ ċedent, minkejja li skont il-ftehim kollettiv fis-seħħ taċ-ċedent li jinkludi klawżola identika, il-ħaddiema kellhom dritt li dan it-tul tas-servizz jittieħed inkunsiderazzjoni?”

20.      Ir-rikorrenti, il-konvenuti, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Kollha kemm huma ħlief għall-Gvern Franċiż ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fis-17 ta’ Novembru 2016.

III. Analiżi

A.      Introduzzjoni

21.      Is-sindakat rikorrent jargumenta li skont interpretazzjoni tajba tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi, BSA, JAH, JH u BL huma intitolati għall-perijodu ta’ avviż estiż kif imsemmi fil-klawżola 14.3.3 (riprodotta iktar ’il fuq). Dan huwa kkontestat mill-ewwel u t-tieni konvenuti minħabba li, b’mod partikolari, ebda wieħed minn BSA, JAH, JH u BL ma kienu impjegati mat-tieni konvenuta għal iktar minn għaxar snin u minħabba li r-regoli dwar it-tul tal-avviż ta’ tkeċċija fi ftehim kollettiv ma humiex “drittijiet” li huma protetti mill-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi.

B.      Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-trasferimenti ta’ impriżi

22.      Nammetti li d-Direttiva 2001/23 għandha l-għan biss ta’ armonizzazzjoni parzjali f’dan il-qasam u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni uniformi għall-Komunità kollha skont kriterji komuni (6). Bl-istess mod, madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li d-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi hija “intiża li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema f’każ li jinbidel min iħaddimhom billi tagħmilielhom possibbli li jkomplu jaħdmu mal-prinċipal il-ġdid bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jkunu miftehma maċ-ċedenti” (7).

23.      Għaldaqstant, għalkemm it-tul fis-servizz maċ-ċedenti ma jikkostitwixxix dritt li l-impjegati jistgħu jagħmlu użu minnu fir-rigward tal-prinċipal il-ġdid taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi, it-tul fis-servizz “[i]servi, jekk ikun il-każ, sabiex jiġu ddeterminati ċerti drittijiet prekunjarji tal-ħaddiema u li dawn id-drittijiet għandhom għalhekk, bħala prinċipju, jiġu ggarantiti miċ-ċessjonarju bl-istess mod bħal ma kien jiggarantihom iċ-ċedent” (8). Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet xi eżempji ta’ dawn id-drittijiet. Dawn jinkludu, u b’mod speċifiku, “ħlas għat-tmiem tal-kuntratt” (9).

24.      Għaldaqstant, fil-kalkolu tal-ħlas għat-tmiem tal-kuntratt, “iċ-ċessjonarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tul fis-servizz kollu tal-impjegati ttrasferiti, inkwantu l-obbligu tiegħu biex jagħmel hekk joħroġ mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn dawk l-impjegati u ċ-ċedent, u skont it-termini miftehma f’dik ir-relazzjoni” (10).

25.      Kif osserva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, estensjoni tal-perijodu ta’ avviż b’sitt xhur hija ekwivalenti għal sitt xhur paga. Għaldaqstant, peress li t-tul fis-servizz huwa ċentrali biex tiġi stabbilita s-somma tal-ħlas għat-tmiem tal-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi jipproteġi neċessarjament lil BSA, JAH, JH u BL fir-rigward tal-fatturi li huma rilevanti għal dak il-kalkolu (11).

26.      Nammetti li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jippermettu li r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi mibdula b’mod sfavorevoli għall-impjegati wara t-trasferiment, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni (12). Madankollu, dan hu suġġett għall-proviso stretta li “it-trasferiment tal-impriża nnifsu ma jista’ qatt jikkostitwixxi r-raġuni għal dak il-bdil” (13).

27.      Ir-raġuni għall-bidla fir-remunerazzjoni trid neċessarjament tkun it-trasferiment meta, bħalma huwa dan il-każ, ma kien hemm ebda rinegozjar, indipendentement mit-trasferiment, tat-tul fis-servizz li min iħaddem irid jieħu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-perijodi ta’ avviż għat-terminazzjoni tal-impjieg. Fi kliem ieħor, ir-relazzjoni ta’ impjieg ma ġietx “mibdula b’mod sfavorevoli għall-impjegati […] fir-rigward ta’ […] kundizzjonijiet għar-remunerazzjoni” (enfasi tiegħi) (14). Il-ftehim kollettivi li jorbtu liċ-ċedent u liċ-ċessjonarju, fid-data tat-trasferimenti rispettivi, kien fihom klawżoli fformulati b’mod identiku, u għaldaqstant ma ntlaħaq ebda ftehim biex ma jkunux iggarantiti ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol wara data partikolari (15).

28.      L-ewwel u t-tieni konvenuti jargumentaw li, minħabba li l-ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedenti ma kien jagħmel ebda riferiment espress għall-perijodu ta’ impjieg ma’ persuni li jħaddmu preċedenti bħala li huwa rilevanti għall-kalkolu tal-perijodi ta’ avviż għat-tmiem tal-impjieg, allura t-tieni konvenuta ċessjonarja ma tistax tkun marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni t-tul fis-servizz maċ-ċedenti.

29.      Madankollu, tali interpretazzjoni tal-marġni ta’ manuvrar inerenti fid-Direttiva għat-trasferiment ta’ impriżi li jippermetti li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun mibdula b’mod sfavorevoli għall-impjegati wara t-trasferiment, sakemm it-trasferiment ma jkunx ir-raġuni għal dik il-bidla (16), tkun inkonsistenti mal‑għanijiet li għandha d-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi. Dawn huma riflessi fil-premessa 3, li tgħid li huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni tal-impjegati fil-każ li jinbidel min iħaddem, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati (17).

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-għan tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi jikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi evitat li l-ħaddiema jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli sempliċiment minħabba t-trasferiment” (18).

31.      Kif spjega r-rappreżentant legali tas-sindakat rikorrent waqt is-seduta, kieku l-impjegati kkonċernati baqgħu fl-impjieg maċ-ċedenti, huma kienu jkunu ntitolati għal perijodu ta’ avviż estiż li jissemma fiż-żewġ ftehim kollettivi. Fin-nuqqas ta’ evidenza ta’ xi avveniment kawżali li twassal għat-tnaqqis tal-perijodu ta’ avviż, bħalma huwa ftehim li jintlaħaq wara negozjati li ma humiex marbutin mat-trasferiment, it-tnaqqis tal-perijodu ta’ avviż ikollu inevitabbilment jiġi attribwit lit-trasferiment.

C.      Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi

32.      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi (19), u l-għażla tas-sena waħda li huwa jagħti fir-rigward tal-perijodu li fih iċ-ċessjonarja tkun obbligata tosserva l-pattijiet u kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent, bl-ebda mod ma jbiddlu l-konklużjonijiet tiegħi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi. L-ewwel nett, kif diġà ġie nnutat, il-ftehim kollettiv bejn is-sindakat rikorrent u l-ewwel u t-tieni konvenuta ma jbiddilx il-formulazzjoni tal-klawżoli dwar it-tul fis-servizz u l-perijodi ta’ avviż ta’ tkeċċija li kienu jidhru fil-ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent. Għaldaqstant, il-fatt li ftehim kollettiv wieħed jieqaf ikollu effett wara sena u jibda wieħed ieħor huwa irrilevanti.

33.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-implementazzjoni mill-Istat Membri tal-fakultà mogħtija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi biex jiġu ssostitwiti, b’effett immedjat, il-kundizzjonijiet li minnhom ibbenefikaw l-impjegati ttrasferiti skont il-ftehim kollettiv maċ-ċedent ma’ dawk previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarju ma jistax ikollha bħala għan jew bħala effett li timponi lill-imsemmija impjegati kundizzjonijiet globalment inqas favorevoli minn dawk applikabbli qabel it-trasferiment (20). L-istess irid neċessarjament ikun il-każ fir-rigward tal-għażla ta’ sena waħda meta t-termini rilevanti tal-ftehim kollettivi jkunu fformulati b’mod identiku (21).

D.      Applikazzjoni orizzontali tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi

34.      Finalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-konvenuti jsostnu li jekk id-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi tiġi interpretata b’mod differenti minn dak sostnut minnhom, dan ikun iwassal għall-ksur taċ-ċertezza legali, impożizzjoni pprojbita ta’ obbligu fuq il-privat minħabba l-applikazzjoni orizzontali (illegali) ta’ direttiva, u interpretazzjoni contra legem daqstant pprojbita tad-dritt nazzjonali (22).

35.      Mill-proċess ma jidhirx li tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali peress li la l-ftehim kollettivi inkwistjoni u lanqas ir-regoli statutorji rilevanti (il-LAS u l-MBL) ma jimponu li mill-kalkolu tal-perijodu ta’ avviż ta’ tkeċċija mill-impjieg li jorbot liċ-ċessjonarji jitnaqqas il-perijodu ta’ impjieg maċ-ċedenti (23).

36.      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li la l-effetti negattivi fuq il-persuni privati u lanqas il-fatt li ma tkunx ser tiġi segwita l-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita ma jistgħu jkunu impedimenti għall-obbligu tal-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jilħqu r-riżultat imfittex mid-Direttiva kkonċernata u konsegwentement josservaw it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Ir-regoli dettaljati dwar kif dan irid jintlaħaq mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-direttivi fi kwistjoni ta’ natura orizzontali ġew ikkunsidrati reċentement mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża tad-19 ta’ April 2016, C–441/14, DI (EU:C:2016:278).

IV.    Konklużjoni

37.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda magħmula mill-Arbetsdomstolen (il-qorti tax-xogħol, l-Iżvezja) f’dan is-sens:

“Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar it-trasferiment ta’ impriżi teżiġi li fil-kalkolu tat-tul ta’ servizz rilevanti għad-determinazzjoni tal-perijodu ta’ avviż ta’ tkeċċija li ċ-ċessjonarju huwa obbligat josserva, jiġu inklużi, anki wara li tgħaddi sena mid-data tat-trasferiment ta’ impriża, il-perijodi ta’ servizz li impjegat ikun għamel maċ-ċedent”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 98).


3      Skont id-digiret tar-rinviju. Fis-seduta r-rappreżentant tal-ewwel konvenuta qal li l-klawżoli kienu ftit differenti, iżda mingħajr ma elabora f’dettall.


4      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti.


5      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti.


6      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Osterreichischer Gewerkschaftsbund (C-328/13, EU:C:2014 2197, punt 22) u l-ġurisprudenza ċċitata.


7      Sentenza Collino u Chiappero (C-343/98, EU:C:2000:441, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din is-sentenza u s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattalon (C-108/10, EU:C:2011:542) huma ċentrali biex tiġi solvuta din il-kwistjoni u t-tnejn li huma kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 77/187/KE tal-14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (ĠU 1977 L 61, p. 26) iktar milli d-direttiva suċċessiva tagħha, id-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi. Madankollu, l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi jikkorrispondu essenzjalment għall-Artikolu 3(1) u 3(2) tad-Direttiva 77/187.


8      Idem, il-paragrafu 50. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattalon (C-108/10, EU:C:2011:542, punti 69 u 70).


9      Ibid, il-paragrafu 51.


10      Ibid.


11      L-istess konklużjoni ngħatat mill-Qorti EFTA fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Enes Deveci et vs Scandanavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden (E–10/14, punt 83) f’kuntest fejn it-tul ta’ servizz kien rilevanti fir-rigward tal-kalkolu tas-salarji. Hemmhekk ingħad li “L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprekludi l-possibbiltà li l-impjegati ttrasferiti jsofru telf sostanzjali fid-dħul, f’paragun mas-sitwazzjoni tagħhom immedjatament qabel it-trasferiment, li jirriżulta mill-fatt li t-tul tas-servizz tagħom maċ-ċedent ma jitteħidx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti meta l-pożizzjoni salarjali tagħhom maċ-ċessjonarju tiġi ddeterminata, fid-dawl tat-tul tas-servizz ekwivalenti ta’ dawk l-impjegati li jkunu diġà jaħdmu maċ-ċessjonarju, u meta l-kundizzjonijiet għal remunerazzjoni taħt il-ftehim kollettiv ġdid applikabbli, jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul tas-servizz.


12      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C-343/98, EU:C:2000:441, punt 52). Din hija konsegwenza li toħroġ mill-fatt li d-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi hija miżura ta’ armonizzazzjoni parzjali. Ara Watson, P. EU Social Policy and Employment Law 2014, Oxford University Press, punt 12.24, p. 141.


13      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C-343/98, EU:C:2000:441, punt 52). Ara fl-istess sens is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattalon (C-108/10, EU:C:2011:542, punt 77).


14      Ibid.


15      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Juuri (C-396/07, EU:C:2008:656, punt 33). Peress li fid-dati rispettivi tat-trasferiment tal-impjegati kkonċernati, kemm iċ-ċedenti u ċ-ċessjonarja kienu marbutin bi klawżoli fil-ftehim kollettivi dwar it-tul ta’ servizz u l-kalkolu tal-perijodu tal-avviż ta’ tkeċċija li kienu fformulati b’mod identiku, f’dan il-każ ma hemmx kwistjoni li l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi ser jiġi applikat għal “sempliċi aspettattivi” jew “benefiċċji ipotetiċi li jistgħu jirriżultaw minn bidliet futuri tal-ftehim kollettiv”. Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof (C-499/04, EU:C:2006:168, punt 29). Qabbel is-sitwazzjoni kkunsidrata mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 fil-Kawżi Magħquda (pendenti) Asklepios Kliniken u Asklepios Dienstleistungsgesellschaft, C‑680/15 u C‑681/15, EU:C:2017:30, b’mod partikolari l-punt 94.


16      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C-343/98, EU:C:2000:441, punt 52)


17      Ninnota li l-għan tad-Direttiva 2001/23 huwa li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tal-ħaddiema, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra minn fejn jirriżulta, b’mod iktar partikolari, li ċ-ċessjonarju għandu jkun f’pożizzjoni li jagħmel l-aġġustamenti u t-tibdiliet meħtieġa għat-tkomplija tal-attività tiegħu. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Osterreichischer Gewerkschaftsbund (C-328/13, EU:C:2014:2197, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li f’dak il-każ ma hemmx kwistjoni ta’, pereżempju, iċ-ċessjonarja li hija marbuta bi klawżoli nnegozjati u miftiehma wara d-data tat-trasferiment mingħajr il-parteċipazzjoni taċ-ċessjonarji, il-bilanċ jidher li ntlaħaq. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et (C-426/11, EU:C:2013:521, punti 27 sa 29).


18      Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattalon (C-108/10, EU:C:2011:542, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi ddaħħal fil-liġi bl-emenda li saret lill-Artikolu 3 bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 li temenda d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1998 L 201, p. 88).


20      Scattalon (C-108/10, EU:C:2011:542, punt 76).


21      Ir-regola li tinsab fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ impriżi li żżomm l-effetti ta’ ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent għandha l-għan li fl-interess tal-impjegati “tevita interruzzjoni netta tal-qafas regolamentari li jirregola r-relazzjoni ta’ xogħol”. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Osterreichischer Gewerkschaftsbund (C‑328/13, EU:C:2014:2197, punt 28).


22      Huma jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2).


23      L-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat, sa fejn hu possibbli, skont id-direttiva japplika għall-ftehim kollettiv daqs kemm japplika għal miżuri oħra tad-dritt nazzjonali. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AKT (C‑533/13, EU:C:2014:2392, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).