Language of document : ECLI:EU:C:2017:276

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

6 ta’ April 2017(*)

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 3 – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi – Ftehimiet kollettivi applikabbli għaċ-ċessjonarja u għaċ-ċedenti – Terminu ta’ preavviż supplementari mogħti lill-ħaddiema mkeċċija – Teħid inkunsiderazzjoni tas-servizz imwettaq maċ-ċedenti”

Fil-Kawża C-336/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbetsdomstolen (qorti industrijali, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Unionen

vs

Almega Tjänsteförbunden,

ISS Facility Services AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, E. Levits (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Unionen, minn U. Dalén, S. Forssman u M Wulkan, kif ukoll minn D. Hellman,

–        għal Almega Tjänsteförbunden u ISS Facility Services AB, minn J. Stenmo u J. Hettne,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Unionen, sindakat, u Almega Tjänsteförbunden, organizzazzjoni ta’ persuni li jħaddmu (iktar ʼil quddiem “Almega”), u ISS Facility Services AB, kumpannija rregolata mid-dritt Svediż (iktar ʼil quddiem “ISS”), dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, wara t-trasferiment ta’ impriżi, it-tul ta’ servizz li erba’ ħaddiema kienu wettqu maċ-ċedenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat‑trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

[…]

3.      Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftehma f’kull ftehim kollettiv skont l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini w kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.”

[…]”

 Id-dritt Svediż

5        Skont l-Artikolu 6b tal-lagen (1982:80) om anställningsskydd [Liġi (1982:80) dwar il-protezzjoni tal-impjieg], fit-trasferiment ta’ impriża, ta’ stabbiliment jew ta’ parti minn stabbiliment minn persuna li timpjega għal oħra, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg u tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg fis-seħħ fid-data tat-trasferiment, huma ttrasferiti lill-persuna li timpjega l-ġdida.

6        L-Artikolu 28 tal-lagen (1976:580) om medbestämmande i arbetslivet [Liġi (1976/580) dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fid-deċiżjonijiet innegozzjati], jittrasponi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 fid-dritt Svediż kif ġej:

“Fit-trasferiment ta’ impriża, stabbiliment jew parti minn stabbiliment minn persuna li timpjega marbuta bi ftehim kollettiv lil persuna li timpjega oħra permezz ta’ trasferiment kif previst fl-Artikolu 6b tal-Liġi (1982:80), il-partijiet ikkonċernati tal-imsemmi ftehim japplikaw għall-persuna li timpjega l-ġdida, sakemm il-persuna li timpjega l-ġdida ma tkunx diġà marbuta fi ftehim kollettiv ieħor applikabbli għall-ħaddiema ttrasferiti.

[…]

Meta l-kuntratti ta’ impjieg u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema jiġu ttrasferiti lill-persuna li timpjega l-ġdida skont l-Artikolu 6b tal-liġi(1982:80), din għandha tapplika, matul perijodu ta’ sena li jibda jiddekorri mid-data tat-trasferiment, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg previsti mill-ftehim kollettiv applikabbli għall-persuna li timpjega ta’ qabel. L-imsemmija kundizzjonijiet għandhom jiġi applikati bl-istess mod kif kellha tapplikahom il-persuna li timpjega preċedenti. Madankollu, dan ma japplikax ladarba l-ftehim kollettiv ma jibqax fis-seħħ jew meta jibda japplika ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati li jkunu ġew ittrasferiti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Il-ħaddiema BSA, JAH, JH u BL huma membri ta’ Unionen. BSA kienet impjegata ma’ Apoteket AB, JAH, JH kif ukoll BL kienu impjegati minn AstraZeneca AB qabel ma ISS saret il-persuna li timpjegahom wara t-trasferiment ta’ impriżi.

8        Fis-27 ta’ Lulju 2011, ISS keċċiet lil BSA, minħabba raġunijiet ekonomiċi, wara li skada terminu ta’ preavviż ta’ sitt xhur. Fil-mument tat-tkeċċija, BSA kellha iktar minn 55 sena. It-tul ta’ servizz tagħha ma’ Apoteket u ma’ ISS kien ta’ iktar minn għaxar snin.

9        Fil-31 ta’ Ottubru 2011, ISS keċċiet, ukoll għal raġuni ekonomika u permezz ta’ preavviż ta’ sitt xhur, estiż sussegwentement b’ħames xhur suppelementari, lit-tliet ħaddiema l-oħra, JAH, JH u BL. Huma wkoll, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, kienu għalqu l-età ta’ 55 sena u kellhom, kull wieħed minnhom, tul ta’ servizz fl-impjieg tagħhom ma’ AstraZeneca AB u sussegwentement ISS, ta’ iktar minn għaxar snin.

10      Meta sar it-trasferiment ta’ impjiegi ta’ erba’ ħaddiema lil ISS, iċ-ċedenti, f’dan il-każ Apoteket u AstraZeneca, kienu marbuta bi ftehimiet kollettivi. Skont dawn il-ftehimiet, meta impjegat li jitkeċċa għal raġuni ekonomika jkun għalaq, fid-data tat-tkeċċija tiegħu, bejn 55 u 64 sena inkluż u jkollu tul ta’ servizz mhux interrott ta’ iktar minn 10 snin, it-tul tat-terminu ta’ preavviż f’każ ta’ tkeċċija għandu jiġi estiż b’sitt xhur.

11      ISS kienet, hi wkoll, marbuta bi ftehim kollettiv, f’dan il-każ dak konkluż bejn l-organizzazzjoni tal-persuni li jħaddmu Almega u s-sindakat Unionen. Skont dan il-ftehim l-impjegat li jitkeċċa għal raġunijiet ekonomiċi kien jibbenefika minn terminu ta’ preavviż identiku għal dak previst, fl-istess kundizzjonijiet, mill-ftehimiet kollettivi li japplikaw għaċ-ċedenti.

12      Fit-tkeċċija tagħhom, ISS ma tatx lill-ħaddiema BSA, JAH, JH u BL terminu ta’ preavviż estiż ta’ sitt xhur. Fil-fatt, skont ISS, il-ħaddiema kkonċernati ma kellhomx tul ta’ servizz mhux interrott ta’ għaxar snin maċ-ċessjonarja u, għaldaqstant, ma kinux jissoddisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ estensjoni ta’ dan it-terminu.

13      Unionen tikkunsidra li dan l-approċċ jikser id-dritt tal-membri tagħha. Fil-fatt, ISS kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ servizz rispettiv li l-ħaddiema BSA, JAH, JH u BL kienu kull wieħed minnhom wettqu maċ-ċedenti.

14      Adita b’rikors tal-imsemmi sindakat, intiż sabiex ISS tiġi kkundannata tħallas kumpens għad-dannu sostnut mill-ħaddiema li hija kienet keċċiet mingħajr ma estendiet it-terminu ta’ preavviż tagħhom, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jħallu xi dubji. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirreleva b’mod partikolari li din il-kawża hija differenti fil-fehma tagħha, minn dawk li diġà wasslu għall-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li kienu jikkonċernaw ħaddiema li d-drittijiet tagħhom kienu affettwati mit-trasferiment tal-impjieg tagħhom immedjatament, u mhux, iktar minn sena wara t-trasferiment, wara li kien skada perijodu ta’ protezzjoni tranżitorja.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbetsdomstolen (qorti industrijali, l-Isvezja) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Huwa kompatibbli mad-Direttiva 2001/23 li, iktar minn sena mit-trasferiment ta’ impriża u fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ klawżola tal-ftehim kollettiv fis-seħħ taċ-ċessjonarju li għandha l-effett li ċertu tul tas-servizz mhux interrott ma’ persuna li timpjega waħda jkun meħtieġ sabiex wieħed jibbenefika mill-estensjoni tal-perijodu ta’ preavviż fil-każ ta’ tkeċċija, l-imsemmi ċessjonarju ma jiħux inkunsiderazzjoni t-tul tas-servizz magħmul minn ħaddiema ta’ ċedent, minkejja li skont il-ftehim kollettiv fis-seħħ taċ-ċedent li jinkludi klawżola identika, il-ħaddiema kellhom dritt li dan it-tul tas-servizz jittieħed inkunsiderazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċessjonarju għandu jinkludi, fit-tkeċċija ta’ ħaddiem iżjed minn sena wara t-trasferiment tal-impriża, fil-kalkolu tat-tul ta’ servizz tal-ħaddiem, rilevanti għad-determinazzjoni tal-preavviż li dan tal-aħħar għandu dritt għalih, it-tul ta’ servizz tal-imsemmi ħaddiem maċ-ċedent.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li d-Direttiva 2001/23 tipprevedi, skont il-premessi 1 u 3 tagħha, il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata ż-żamma tad-drittijiet tagħhom.

18      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tiżgura ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ bdil fit-tmexxija tal-impriża biex tippermettilhom jibqgħu fis-servizz tal-persuna li timpjega l-ġdida bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma maċ-ċedent (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Juuri, C-396/07, EU:C:2008:656, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għan tal-imsemmija direttiva huwa li tiġi ggarantita, sa fejn ikun possibbli, il-kontinwazzjoni tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, mingħajr tibdil, maċ-ċessjonarju, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema kkonċernati jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli sempliċiment minħabba dan it-trasferiment (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C-108/10, EU:C:2011:542, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għan tal-imsemmija direttiva huwa wkoll dak li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tal-ħaddiema, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li ċ-ċessjonarju għandu jkun f’pożizzjoni li jwettaq l-aġġustamenti u l-adattamenti neċessarji għat-tkomplija tal-attività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-328/13, EU:C:2014:2197, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kwistjonijiet ta’ rikonoxximent tat-tul ta’ servizz f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi fid-dawl tal-kalkolu ta’ drittijiet pekunjarji tal-ħaddiema li jkunu ġew ittrasferiti fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C-343/98, EU:C:2000:441, u tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C-108/10, EU:C:2011:542).

21      F’dawn is-sentenzi, hija ddeċidiet li għalkemm it-tul ta’ servizz maċ-ċedent ma jikkostitwixxix, fih innifisu, dritt li l-ħaddiema ttrasferiti jistgħu jagħmlu użu minnu fir-rigward taċ-ċessjonarju, xorta jibqa’ l-fatt li jservi, jekk ikun il-każ, sabiex jiġu ddeterminati ċerti drittijiet pekunjarji tal-ħaddiema u li dawn id-drittijiet għandhom għalhekk, bħala prinċipju, jiġu ggarantiti miċ-ċessjonarju bl-istess mod bħalma kien jiggarantihom iċ-ċedent (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C-108/10, EU:C:2011:542, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      B’hekk, filwaqt li fakkret li ċ-ċessjonarju jista’, għal motiv differenti minn trasferiment ta’ impriżi u sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettilu, jibdel il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni f’sens inqas favorevoli għall-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187/KEE, dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar iż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ stabbilimenti jew ta’ partijiet minn stabbilimenti (ĠU 1977, L 61, p. 26), li l-kliem tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-kalkolu ta’ drittijiet ta’ natura pekunjarja, iċ-ċessjonarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-snin kollha ta’ servizz mogħtija mill-persunal ittrasferit sa fejn dan l-obbligu kien jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil dan il-persunal maċ-ċedent u kif miftiehem fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C‑343/98, EU:C:2000:441, punti 51 u 52).

23      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-estensjoni tat-terminu ta’ preavviż ta’ sitt xhur, mitluba minn Unionen, tiftah id-dritt għal ħlas ta’ sitt xhur ta’ salarju. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi dritt għal preavviż, iddeterminat mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi applikabbli għall-ħaddiema taċ-ċedenti fit-trasferiment tal-impriżi, għandu jiġi kkwalifikat bħala dritt ta’ natura pekunjarja.

24      Din il-konklużjoni hija kkorraborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ʼil fuq, minn fejn jirriżulta b’mod espliċitu li t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ servizz maċ-ċedent ta’ impriża għandu jsir mhux biss għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiem (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C-108/10, EU:C:2011:542, punt 81), iżda wkoll għall-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C-343/98, EU:C:2000:441, punt 53).

25      Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt għal tali kumpens ta’ tmiem il-kuntratt huwa paragunabbli mad-dritt għal estensjoni ta’ terminu ta’ preavviż, li għandu jingħata lill-ħaddiem, meta tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu.

26      Għalkemm minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara trasferiment ta’ impriża, iċ-ċessjonarju għandu jinkludi, f’każ ta’ tkeċċija ta’ ħaddiem, fil-kalkolu tat-tul ta’ servizz tal-ħaddiem, rilevanti għad-determinazzjoni tal-preavviż li dan tal-aħħar għandu dritt għalih, it-tul ta’ servizz mogħti mill-imsemmi ħaddiem liċ-ċedent, xorta għandu jiġi eżaminat jekk din l-interpretazzjoni tapplikax, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva

27      Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tal-ħaddiema, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra, iċ-ċessjonarju jista’, għal raġuni differenti minn trasferiment ta’ impriża u sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettilu, jagħmel l-aġġustamenti neċessarji għall-kontinwazzjoni tal-attività tiegħu.

28      F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur Svediż uża, fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 fid-dritt nazzjonali, il-possibbiltà stabbilita fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, fejn iċ-ċessjonarju jkun, fil-mument tat-trasferiment, diġà marbut bi ftehim kollettiv ieħor, li japplika għalhekk għall-ħaddiema ttrasferiti, l-obbligu tiegħu li jżomm il-kundizzjonijiet ta’ impjieg previsti fil-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċedent, li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema ttrasferiti, huwa llimitat għal perijodu ta’ sena mit-trasferiment tal-impriżi.

29      Issa, għalkemm ISS, marbuta fid-dati tat-trasferimenti tal-impriżi minn ftehim kollettiv ieħor, kellha d-dritt, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sena, għal raġunijiet ekonomiċi, u, għaldaqstant, għal raġuni differenti minn trasferiment ta’ impriżi, li ma żżomx il-kundizzjonijiet ta’ impjieg previsti mill-ftehim kollettiv applikabbli għall-ħaddiema ttrasferiti, madankollu mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha ma jirriżultax li ċ-ċessjonarja wettqet xi aġġustament ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li jmorru f’sens favorevoli għall-ħaddiema ttrasferiti.

30      Fil-fatt, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, il-ftehim kollettiv applikabbli għall-ħaddiema ttrasferiti mid-data tat-trasferiment tagħha, ma ġie la mħassar u lanqas innegozjat mill-ġdid. Lanqas ma skada jew ġie ssostitwit minn ftehim kollettiv ieħor.

31      Konsegwentment, meta, wara li għadda terminu ta’ sena, ma sar ebda aġġustament tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg miċ-ċessjonarja u t-termini tal-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċedenti huma fformulati b’mod identiku għal dak tal-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarja, il-ħaddiema ma jistgħux jiġu imposti kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli qabel it-trasferiment.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument taċ-ċessjonarja, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tas-servizz tal-ħaddiema ttrasferiti qabel it-trasferiment tagħhom ma jistax jirnexxi.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, iċ-ċessjonarja għandha tinkludi, fil-mument tat-tkeċċija ta’ ħaddiem iktar minn sena wara t-trasferiment tal-impriża, fil-kalkolu tat-tul ta’ servizz ta’ dan il-ħaddiem, rilevanti għad-determinazzjoni tal-preavviz li dan tal-aħħar għandu dritt għalih, it-tul ta’ servizz tal-imsemmi ħaddiem maċ-ċedenti.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, iċ-ċessjonarja għandha tinkludi, fil-mument tat-tkeċċija ta’ ħaddiem iktar minn sena wara t-trasferiment tal-impriża, fil-kalkolu tat-tul ta’ servizz ta’ dan il-ħaddiem, rilevanti għad-determinazzjoni tal-preavviz li dan tal-aħħar għandu dritt għalih, it-tul ta’ servizz tal-imsemmi ħaddiem maċ-ċedenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.