Language of document : ECLI:EU:C:2012:777

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi piena ta’ multa li tista’ tiġi ssostitwita b’piena ta’ tkeċċija jew b’piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju”

Fil-Kawża C‑430/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Rovigo (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Awwissu 2011, fil-proċeduri kriminali kontra

Md Sagor,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Levits, J.‑J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Sagor, minn C. Tessarin u L. Masera, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u L. Prete, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98) kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra M. Sagor dwar is-soġġorn illegali tiegħu fit-territorju Taljan.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi:

“1. Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a) huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul […] jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari […] tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru […];

(b) huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…].”

4        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(4)      “deċiżjoni ta’ ritorn” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 4(3) tal-istess Direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

6        L-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“Artikolu 6

Deċiżjoni ta’ ritorn

1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[...]

6.      Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju [...]

Artikolu 7

Tluq volontarju

1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4.[...]

[...]

4.      Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju [...]

Artikolu 8

Tneħħija

1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[...]

3.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

[...]”

7        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprovdi:

“1.      Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)      jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)      jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.      It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

[...]”

8        L-Artikoli 15 u 16 tal-istess Direttiva huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 15

Detenzjoni

1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a) jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b) iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

[...]

5. Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

[...]

Artikolu 16

Kundizzjonijiet tad-detenzjoni

1.      Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

[...]”

9        Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115/KE, l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010.

 Id-dritt Taljan

 Id-Digriet leġiżlattiv Nru°286/1998

10      Id-Digriet leġiżlattiv Nru°286/1998, tal-25 ta’ Lulju 1998, li jistabbilixxi test uniku li jiġbor flimkien id-dispożizzjoniji tad-dritt tal-immigrazzjoni u r-regoli dwar il-kundizzjoni tal-barrani (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 191, tat-18 ta’ Awwissu 1998, (iktar ’il quddiem “id-Digriet leġiżlattiv Nru 286/1998”), jistabbilixxi r-regoli applikabbli fir-Repubblika Taljana fil-qasam tal-immigrazzjoni.

11      L-imsemmi Digriet ġie emendat, b’mod partikolari, bil-liġi Nru 94, tal-15 ta’ Lulju 2009, dwar dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà pubblika (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 170, tal-24 ta’ Lulju 2009), kif ukoll bid-Digriet Liġi Nru 89/2011, tat-23 ta’ Ġunju 2011, dwar dispożizzjonijiet urġenti għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin f’sitwazzjoni illegali (GURI Nru 144, tat-23 ta’ Ġunju 2011), mibdul f’liġi permezz tal-Liġi Nru 129 tat-2 ta’ Awwissu 2011, (GURI Nru 181, tal-5 ta’ Awwissu 2011).

12      L-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprovdi:

“Il-barrani li […], mingħajr ġustifikazzjoni, ma josservawx l-ordni li jippreżenta l-passaport tiegħu jew dokument ieħor ta’ identifikazzjoni u l-permess tiegħu ta’ soġġorn jew dokument ieħor li jikkonferma l-preżenza regolari tiegħu fit-territorju nazzjonali, jiġi ssanzjonat b’detenzjoni sa sena u b’multa sa EUR 2 000.”

13      L-Artikolu 10 bis tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv jipprovdi:

“1. Ħlief fil-każ fejn il-fatti jikkostitwixxu reat iktar gravi, il-barrani li jidħol jew jissoġġorna fit-territorju tal-Istat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tat-test uniku preżenti […], jiġi ssanzjonat b’multa ta’ bejn EUR 5 000 u EUR 10 000. […]

[…]

4. Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tat-tkeċċija tal-barrani mħarrek taħt il-paragrafu 1, l-għoti tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 13(3) mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex tikkonstata dan ir-reat ma hijiex meħtieġa. Il-Questore jikkomunika l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija […] lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex tikkonstata r-reat.

5. Il-qorti, wara li tiġi informata bl-eżekuzzjoni tat-tkeċċija […] tħabbar li ma hemmx lok li tingħata sentenza […]

[…]”.

14      L-Artikolu 13 tal-istess Digriet Leġiżlattiv jipprovdi taħt l-intestatura “Tkeċċija amministrattiva”:

“[…]

2.      It-tkeċċija hija deċiża mill-prefett, każ b’każ, meta l-barrani:

[…]

b) ikun baqa’ fit-territorju tal-Istat […] mingħajr ma jkun talab għall-permess ta’ soġġorn fit-terminu mogħti […]

[…]

3.      Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ttieħdet fi kwalunkwe każ permezz ta’ digriet motivat eżegwibbli immedjatament, anki jekk tali miżura tiġi kkontestata mill-parti kkonċernata. Meta l-barrani jkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali u ma jinsabx f’detenzjoni preventiva, il-Questore jitlob, qabel ma jeżegwixxi t-tkeċċija, l-awtorizzazzjoni sabiex jeżegwixxi din it-tkeċċija lill-awtorità ġudizzjarja […]. Wara li jikseb l-awtorizzazzjoni, il-Questore jipproċedi bit-tkeċċija skont il-metodi previsti fil-paragrafu 4. […]. Fil-waqt li jkun qiegħed jistenna d-deċiżjoni dwar din it-talba ta’ awtorizzazzjoni, il-Questore jista’ jqiegħed lill-barrani f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja, skont l-Artikolu 14.

[…]

4.      Il-Questore għandu jwettaq it-tkeċċija permezz tal-forzi tal-ordni abbażi ta’ ordni ta’ deportazzjoni:

a)      fil-każ previst fl-ewwel u fil-paragrafi 1 u 2(c), tal-artikolu preżenti […]

b)      jekk hemm riskju li jaħrab skont il-paragrafu 4 bis […];

[…]

f)      fil-każijiet previsti fl-Artikoli 15 u 16 u fil-każijiet l-oħra fejn it-tkeċċija tal-barrani kienet ġiet prevista bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali; […]

[…]

4 bis Ir-riskju ta’ ħarba msemmi fil-paragrafu 4(b) huwa kkonkretizzat mill-preżenza ta’ minn tal-inqas waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin li fuq il-bażi tagħhom il-prefett jevalwa, każ b’każ, ir-riskju li ċ-ċittadin barrani jista’ jaħrab mill-eżekuzzjoni volontarja tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija:

a)      l-assenza ta’ passaport jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor simili li huwa validu;

[…]

5.      Il-barrani li huwa destinatarju ta’ miżura ta’ tkeċċija, fl-assenza tar-rekwiżiti għad-deportazzjoni immedjat tiegħu kif previsti fil-paragrafu 4, jista’ jitlob lill-prefett, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tat-tkeċċija, l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju tiegħu […]. Il-Questura, wara li tkun kisbet il-prova tar-ritorn effettiv taċ-ċittadin barrani, tinforma lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex tikkonstata t-twettiq tar-reat previst fl-Artikolu 10 bis, għall-finijiet previsti fil- paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu […]”.

15      L-Artikolu 14(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprovdi:

“Meta ma jkunx possibbli li t-tkeċċija permezz tad-deportazzjoni jew tar-refoulement tiġi eżegwita immedjatament minħabba sitwazzjonijiet tranżittorji li jostakolaw il-preparamenti tar-ritorn jew tat-tneħħija, il-questore jiddeċiedi li jqiegħed lill-barrani f’detenzjoni għal terminu strettament neċessarju fl-eqreb ċentru ta’ detenzjoni […]”.

16      L-Artikolu 16 tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv, intitolat “Tkeċċija bħala sanzjoni sostituttiva jew minflok detenzjoni”, jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tiegħu:

“Meta qorti […] tagħti kundanna għar-reat previst fl-Artikolu 10 bis u fl-assenza tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) tat-test uniku preżenti, li jipprekludu l-eżekuzzjoni immedjata tat-tkeċċija permezz ta’ deportazzjoni mill-forzi tal-ordni, hija għandha l-għażla li tissostitwixxi s-sanzjoni b’miżura ta’ tkeċċija għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin […]”.

 Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000

17      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000, dwar dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza kriminali tal-Qorti Distrettwali, f’konformità mal-Artikolu 14 tal-liġi Nru 468 tal-24 ta’ Novembru 1999 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 234, tal-10 ta’ Ottubru 2000), fil-verżjoni applikabbli tiegħu għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000”), jipprovdi fl-Artikolu 6(2) tiegħu:

“Meta, fil-każ ta’ proċeduri konnessi, uħud minn dawn il-proċeduri jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Distrettwali u oħrajn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Għolja jew tat-Tribunal, hija l-iktar qorti superjuri li jkollha l-ġurisdizzjoni għall-proċeduri kollha.”

18      L-Artikolu 53 tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv intitolat “Detenzjoni fid-domiċilju”, jipprovdi:

“Is-sanzjoni tad-detenzjoni fid-domiċilju tinkludi l-obbligu li wieħed jgħix f’post ta’ abitazzjoni jew f’post ieħor ta’ residenza privata jew f’post fejn wieħed jirċievi l-kura, l-għajnuna jew ta’ akkoljenza kull nahar ta’ Sibt u kull nahar ta’ Ħadd; il-qorti, wara li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-familja, tax-xogħol, tal-istudju jew tas-saħħa tal-persuna kkundannata, tista’ tordna li s-sanzjoni tiġi eżegwita waqt ġranet differenti tal-ġimgħa jew, fuq talba tal-persuna kkundannata, b’mod kontinwu.

2. It-terminu tad-detenzjoni fid-domiċilju ma jistax ikun ta’ inqas minn sitt ijiem u lanqas iktar minn 45 ġurnata; il-persuna kkundannata ma hijiex ikkunsidrata bħala li tinsab fi stat ta’ detenzjoni”.

19      L-Artikolu 55 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000 jipprovdi, taħt it-titolu “Konverżjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji”:

“1.      Għal dak li jirrigwarda r-reati li jirrigwardaw il-kompetenza tal-Qorti Distrettwali, jekk is-sanzjoni pekunjarja ma tiġix implementata minħabba fl-istat ta’ insolvenza tal-persuna kkundannata, huwa jista’ minflok jingħata fuq talba tagħha stess, xogħol li għandha twettaq matul perijodu ta’ mhux inqas minn xahar u mhux iktar minn sitt xhur […].

[…]

5.      Jekk l-imsemmija persuna kkundannata ma titlobx li twettaq xogħol minflok is-sanzjoni pekunjarja, il-pieni pekunjarji li ma jiġux eżegwiti minħabba l-insolvenza tal-persuna kkundannata jiġu kkonvertiti f’detenzjoni fid-domiċilju, fil-forma u skont il-metodi previsti fl-Artikolu 53(1) […]”

6. Għall-finijiet tal-konverżjoni, […] it-terminu tad-detenzjoni fid-domiċilju ma jistax ikun ta’ iktar minn 45 ġurnata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Fit-13 ta’ Awwissu 2009, f’Rosolina Mare (l-Italja), individwu interrogat mill-pulizija ddikjara li kien jismu Md Sagor u li kien twieled fl-10 ta’ Ottubru 1990 fil-Bangladesh.

21      Wara evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ M. Sagor irriżulta li l-persuna kkonċernata, li ma għandiex post ta’ residenza fiss fl-Italja u li taħdem bħala bejjiegħ fit-triq, ma għandhiex u qatt ma kellha permess ta’ soġġorn. Skont ir-rapport imħejji mill-pulizija, Md.Sagor kien iddikjara li daħal fit-territorju Taljan fix-xahar ta’ Marzu 2009.

22      Fit-22 ta’ Lulju 2010, M. Sago tressaq quddiem it-Tribunale di Rovigo għar-reat ta’ dħul jew soġġorn illegali fis-sens tal-Artikolu 10 bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, kif ukoll għar-reat imsemmi fl-Artikolu 6(3) tal-istess Digriet Leġiżlattiv.

23      Skont din il-qorti, ma huwiex stabbilit li M. Sagor kien daħal fl-Italja b’mod illegali. Fil-fatt, ma ġiex ippruvat, suffiċċjentement skont il-liġi, li l-persuna kkonċernata kienet evitat il-kontrolli tal-fruntiera.

24      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-soġġorn illegali, l-imsemmija qorti tikkonstata li l-eżistenza ta’ dan ir-reat hija ppruvata b’mod xieraq. Barra minn hekk, hija tippreċiża li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmi reat. Ċertament, ir-reat imsemmi fl-Artikolu 10 bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Distrettwali. Madankollu, peress li l-imsemmi reat huwa relatat mar-reat imsemmi fl-Artikolu 6(3) tal-istess Digriet Leġiżlattiv li, min-naħa tiegħu, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati, M. Sagor kien ġie mressaq kif suppost quddiem it-Tribunale di Rovigo.

25      Fit-22 ta’ Frar 2011, il-proċedura kontra Md Sagor ġiet imħassra sa fejn kienet tirrigwarda reat imsemmi fl-imsemmi Artikolu 6(3).

26      Peress li t-Tribunale di Rovigo kien, bħala prinċipju, marbut li jissanzjona s-soġġorn illegali ta’ M. Sagor permezz tas-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 10 bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, iżda peress li kellu dubji dwar il-kompatibbilità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal di Rovigo, fil-15 ta’ Lulju 2011, iddeċida li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

1)      Fid-dawl tal-prinċipji tal-kooperazzjoni leali u tal-effettività tad-direttivi, l-Artikoli 2, 4, 6, 7 u 8 tad-[Direttiva 2008/115/KE] jipprekludu l-possibbiltà li, saħansitra qabel in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni ta’ tkeċċija [tneħħija] maħruġa mill-awtorità amministrattiva, ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza tiegħu titqies illegali mill-Istat Membru jiġi ssanzjonat b’multa ssostitwita, bħala sanzjoni kriminali, b’piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju (“detenzione domiciliare”) minħabba s-sempliċi fatt li dan iċ-ċittadin daħal u baqa’ f’dan l-Istat Membru b’mod illegali?

2)      Fid-dawl tal-prinċipji tal-kooperazzjoni leali u tal-effettività tad-direttivi, l-Artikoli 2, 15 u 16 tad-[Direttiva 2008/115/KE] jipprekludu l-possibbiltà li, sussegwentement għall-promulgazzjoni ta’ [din] id-Direttiva, Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza tiegħu titqies illegali mill-Istat Membru għandu jiġi ssanzjonat b’multa ssostitwita, bħala sanzjoni kriminali, bit-tkeċċija eżegwibbli immedjatament mingħajr osservanza tal-proċedura u tad-drittijiet tal-persuni barranin previsti [mill-imsemmija] Direttiva?

3)      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun adottata matul it-terminu għat-traspożizzjoni [tal-istess] direttiva bil-għan li tiġi evitata jew, fi kwalunkwe każ, limitata, l-applikazzjoni tad-Direttiva, u liema miżuri għandha tieħu l-qorti jekk tikkonstata dan l-għan?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

27      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/115 għandiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiskoraġġixxi s-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ piena ta’ multa li tista’ tiġi ssostitwita b’piena ta’ tkeċċija jew b’piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju.

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Il-Gvern Taljan iqis li dawn id-domandi huma ipotetiċi fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, inammissibbli. Dawn huma bbażati fuq il-premessa li M. Sagor huwa fi stat ta’ insolvenza u barra minn hekk ma huwiex interessat f’xogħol minflok il-piena ta’ multa ladarba din tingħata. Peress li l-eżattezza ta’ din il-premessa ma hijiex stabbilita, l-inizzjattiva tal-qorti tar-rinviju li titlob interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115 li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-legalità tal-piena ta’ multa u tal-konverżjoni tagħha f’piena ta’ tkeċċija jew f’piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju, hija prematura.

29      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li M. Sagor għadu, sal-lum il-ġuranta, ma ġiex ikkundannat għall-piena ta’ multa prevista fl-Artikolu 10 bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 u li, konsegwentement, għadu mhux possibbli li wieħed ikun jaf, fil-każ ta’ għotja ta’ din il-piena, jekk ir-rekwiżiti għall-konverżjoni tal-piena ta’ multa f’piena ta’ tkeċċija jew ta’ detenzjoni fid-domiċilju humiex issodisfatti, huwa preċiżament dovut għall-fatt li l-qorti tar-rinviju qed għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-varji sanzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni u għalhekk tastjeni ruħha milli tapplikahom fl-assenza ta’ ċarezza f’dan ir-rigward. Id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi li l-eżistenza tar-reat ta’ soġġorn illegali hija fil-każ preżenti ppruvata u li l-mekkaniżmu ta’ sanzjoni previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, sakemm tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiġi applikata għal M. Sagor. Minn dan jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni u l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni huma rilevanti fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, Ġabra p. I‑12695, punt 42).

30      Konsegwentement, id-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Dwar il-piena ta’ multa li tista’ tiġi ssostitwita b’piena ta’ tkeċċija

31      Id-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li qegħdin fil-pajjiż illegalment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjoni kollha tal-Istati Membri dwar is-soġġorn tal-barranin. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix lid-dritt ta’ Stat Membru milli jikklassifika s-soġġorn illegali bħala reat u jistabbilixxi sanzjonijiet tal-liġi kriminali sabiex jiddiswadi u jiskoraġġixxi t-twettiq ta’ tali ksur. (sentenza Achughbabian, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

32      Madankollu, Stat Membru ma jistax japplika leġiżlazzjoni kriminali li tista’ li tippreġudika l-applikazzjoni tal-istandards u tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 u li b’dan il-mod tnaqqas mill-effettività tagħha (ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, Ġabra p. I‑3015, punt 55, u Achughbabian, iċċitat iktar’il fuq, punt 39).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkazjoni li tippreċiża li l-imsemmija standards u proċeduri jiġu ppreġudikati jekk, wara li jiġi kkonstata s-soġġorn illegali taċ-ċittadini minn pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat qabel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-ritorn, jew saħansitra qabel l-adozzjoni nnifisha ta’ din id-deċiżjoni, iressak proċeduri kriminali li jistgħu iwasslu għal piena ta’ priġunerija matul il-proċedura ta’ ritorn. Fil-fatt, tali proċedura tirriskja li ttawwal it-tneħħija (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq El Dridi, punt 59, kif ukoll Achughbabian, punti 37 sa 39 u 45).

34      Issa, hekk kif osservaw il-Gvernijiet tal-Italja, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, leġiżlazzjoni li tipprovdi, taħt kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, it-tressieq ta’ proċedura kriminali li tista’ twassal għal piena ta’ multa li tista’ tiġi ssostitwita b’piena ta’ tkeċċija għandha effetti kunsiderevolment differenti minn dawk ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi it-tressieq ta’ proċedura kriminali li tista’ twassal għal piena ta’ priġunerija matul il-proċedura ta’ ritorn.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ ritorn imsemmija fid-Direttiva 2008/115 ma humiex imdewwma jew b’xi mod ieħor imfixxkla miċ-ċirkustanza li proċedura kriminali bħal dik prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 tkun pendenti. Fil-fatt, ir-ritorn previst fl-Aritkoli 13 u 14 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jista’ jitwettaq indipendentement minn din il-proċedura kriminali u mingħajr ma din tkunu ntemmet. Din il-konstatazzjoni hija kkorraborata mill-Artikolu 10 bis(5) tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv, li jgħid li l-qorti għandha, wara li tkun ġiet informata dwar ir-ritorn tal-persuna konċernata, tagħlaq il-proċedura kriminali billi tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

36      It-tieni nett, għandu jiġi nnotat, li l-possibbiltà li l-imsemmija proċedura kriminali twassal għal piena ta’ multa lanqas ma tista’ tfixkel il-proċedura ta’ ritorn stabbilita fid-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja bl-ebda mod ma tfixkel it-teħid u l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fl-osservanza kompleta tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva 2008/115 u lanqas ma tippreġudika l-istandards komuni fil-qasam ta’ privazzjoni tal-libertà previsti fl-Artikoli 15 u 16 ta’ din id-direttiva.

37      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-għażla mogħtija lill-qorti kriminali li tissostitwixxi l-piena ta’ multa b’piena ta’ tkeċċija flimkien ma’ ċaħda ta’ dħul ta’ mill-inqas ħames snin, mill-Artikolu 16(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jirriżulta li l-leġiżlatur Taljan illimita din l-għażla għal sitwazzjonijiet fejn huwa possibbli li r-ritorn tal-persuna kkonċernata jitwettaq immedjatament.

38      Għandu jiġi kkonstatat li għażla bħal din lanqas ma hija, fiha nnifisha, ipprojbita mid-Direttiva 2008/115.

39      Fil-fatt, hekk kif tikkorabora d-definizzjoni flessibbli tal-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ ritorn” li jissemma’ fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, din ma tipprekludix li d-deċiżjoni li timponi l-obbligu ta’ ritorn tittieħed, f’ċerti ipoteżi stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat, fil-forma ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ta’ natura kriminali. Bl-istess mod, xejn fid-Direttiva 2008/115 ma jipprekludi li t-tneħħija msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’din id-direttiva titwettaq fil-kuntest ta’ proċedura kriminali. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li piena ta’ tkeċċija, bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinkludi obbligu ta’ ritorn immedjatament eżekutorju u għalhekk ma teżiġix l-adozzjoni ulterjuri ta’ deċiżjoni separata dwar it-tneħħija tal-persuna kkonċernata, lanqas ma tikkonfliġġix mal-istandards u mal-proċeduri komuni stabbiliti fid-Direttiva 2008/115, kif turi l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva u t-terminu “jistgħu” użat fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.

40      Huwa minnu, hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, li piena ta’ tkeċċija bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-assenza ta’ kull possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tingħata terminu għat-tluq volontarju fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115.

41      Madankollu huwa xieraq li jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 7(4) jagħti l-opportunità lill-Istati Membri li ma jagħtux terminu għat-tluq volontarju, b’mod partikolari, meta jeżisti riskju li l-persuna kkonċernata taħrab sabiex tevita l-proċedura ta’ ritorn. Kull evalwazzjoni f’dan ir-rigward għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ tal-persuna kkonċernata.

42      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li sabiex dispożizzjoni fformulata abbażi tat-termini tal-Artikolu 16 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 tkun konformi mad-Direttiva 2008/115, din għandha tiġi applikata b’tali mod li t-terminu tal-projbizzjoni ta’ dħul li hija timponi jikkorrispondi għal dak previst fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva.

 Dwar il-piena ta’ multa li tista’ tiġi ssostitwita b’piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju

43      Kemm mid-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri kif ukoll mill-eżiġenzi ta’ effikaċja mfakkra fid-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-obbligu impost mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva fuq l-Istati Membri sabiex jipproċedu bit-tneħħija għandu jiġi ssodisfatt mill-iktar fis possibbli (sentenza Achughbabian, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

44      Ċertament, l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ ritorn prevista mid-Direttiva 2008/115 ma tikkontribwixxix għat-twettiq tat-tneħħija mfittex minn din il-proċedura, jiġifieri t-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-Istat Membru kkonċernat. Piena bħal din ma tikkostitwixxix għaldaqstant “miżura” jew “miżura koersiva” skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115 (ara, b’analoġija, is-sentenza Achughbabian, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

45      Barra minn hekk, il-piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju tista’ ddewwem u, għaldaqstant, tfixkel il-miżuri, bħall-ordni ta’ deportazzjoni u r-ritorn furzat permezz tal-ajru, li jikkontribwixxu għat-twettiq tat-tneħħija. Tali riskju li l-proċedura ta’ ritorn tiġi preġudikata jeżisti b’mod partikolari jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix li l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju imposta fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment għandha tieqaf hekk kif ikun possibbli li titwettaq it-tneħħija tal-imsemmija persuna.

46      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk teżistix, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, dispożizzjoni li tagħti lit-tneħħija preċedenza fuq l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni bħal din, għandu jiġi konkluż li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi mekkaniżmu fejn piena ta’ multa tiġi ssostitwita b’piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju, bħal dik prevista fl-Artikolu 53 u fl-Artikolu 55 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000, milli jiġi applikat fuq ċittadini ta’ pajjiżi terz li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretatat fis-sens li

–      ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiskoraġġixxi s-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz permezz ta’ piena ta’ multa li tista’ tiġi ssostitwita b’piena ta’ tkeċċija, u

–      tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiskoraġġixxi s-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz permezz ta’ piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju mingħajr ma tagħti garanzija li l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena għandha tieqaf hekk kif it-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-imsemmi Stat Membru jkun possibbli.

 Fuq it-tielet domanda

48      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju jkollha, abbażi tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi u wara l-evalwazzjonijiet deskritti fil-punti 41 u 46 ta’ din is-sentenza, tikkonkludi li l-kawża inkwistjoni ma tikkorrispondix għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 u li l-għażla offerta mill-Artikolu 16 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 ma tistax għalhekk tintuża, jew tikkonkludi li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi l-applikazzjoni, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, tal-Artikoli 53 u 55 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000, hija ma għandhiex tapplika dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

49      Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni, ma għadx fadal bżonn li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment għandha tiġi interpretata fis-sens li hija

–        ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiskoraġġixxi s-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz permezz ta’ piena ta’ multa li tista’ tiġi ssostitwita b’piena ta’ tkeċċija, u

–        tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiskoraġġixxi s-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz permezz ta’ piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju mingħajr ma tagħti garanzija li l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena għandha tieqaf hekk kif it-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-imsemmi Stat Membru jkun possibbli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.