Language of document : ECLI:EU:C:2017:928

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2017 (1)

Kawża C147/16

Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen VZW

vs

Susan Romy Jozef Kuijpers

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vredegerecht te Antwerpen (qorti tal-maġistrati ta’ Antwerpen, il-Belġju))

“Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, dwar jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ ‘bejjiegħ jew fornitur’”






1.        Meta istituzzjoni edukattiva mingħajr skop ta’ lukru toffri lill-istudenti tagħha kreditu li jippermettilhom iħallsu l-miżati ta’ reġistrazzjoni tagħhom u l-ispiża tal-vjaġġi ta’ studju fil-forma ta’ pjan ta’ ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi, din tkun qed taġixxi bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tad-Direttiva 93/13/KEE? (2) Barra minn hekk, f’ċirkustanzi fejn l-istudent ikkonċernat ma kellux rwol attiv fil-proċeduri sussegwenti biex jiġi rkuprat id-dejn pendenti flimkien ma’ interessi u indennizz tal-ispejjeż, qorti nazzjonali għandha l-obbligu li teżamina ex officio jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

2.        Dawn il-kwistjonijiet tqajmu fil-kuntest ta’ tilwima bejn istituzzjoni edukattiva u waħda mill-istudenti ta’ din l-istituzzjoni. Huma jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddefinixxi b’mod iktar preċiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, u s-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali bis-saħħa tagħha.

 Leġiżlazzjoni

 Id-Direttiva 93/13

3.        Id-Direttiva 93/13 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 100a tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 114 TFUE). L-għanijiet tagħha jinkludu li jiġi żgurat li l-kuntratti konklużi mill-konsumatur ma jkunx fihom klawżoli inġusti u li l-konsumaturi jiġu protetti minn abbuż ta’ poter minn bejjiegħa jew fornituri (3). L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li huma iktar stretti minn dawk tad-Direttiva (4).

4.        L-għaxar premessa tad-Direttiva tiddikjara li r-regoli dwar klawżoli inġusti għandhom japplikaw għal “kuntratti kollha” konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi. Hija tindika b’mod espliċitu li, bħala konsegwenza, inter alia, kuntratti relatati ma’ impjieg, drittijiet ta’ suċċessjoni, drittijiet taħt id-dritt tal-familja u l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpanniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, id-Direttiva għandha tapplika għas-snajja’, in-negozji jew il-professjonijiet kollha inklużi dawk ta’ natura pubblika (5).

5.        L-Artikolu 1(1) jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

6.        L-Artikolu 2(b) u (ċ) jiddefinixxi t-termini “konsumatur” bħala “kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti [mid-Direttiva 93/13], tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha” u “bejjiegħ jew fornitur” (6) bħala “kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti [mid-Direttiva 93/13], tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”.

7.        L-Artikolu 3(1) jipprovdi li “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”.

 Il-leġiżlazzjoni Belġjana

8.        Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tal-Marktpraktijkenwet (il-liġi dwar il-prattiki tas-suq) tas-6 ta’ April 2010. Din il-liġi introduċiet it-terminu “impriża”, minflok it-terminu “bejjiegħ jew fornitur” użat mill-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, sabiex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu I.1(1) tal-Wetboek Economisch Recht (il-kodiċi dwar id-dritt ekonomiku) jiddefinixxi impriża bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika li ssegwi għan ekonomiku fit-tul, inkluż kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ tali persuni”.

9.        L-Artikolu 806 tal-Gerechtelijk Wetboek (il-kodiċi ġudizzjarju) jistabbilixxi l-obbligi tal-qorti fil-każ ta’ sentenza fil-kontumaċja: “f’sentenza fil-kontumaċja, il-qorti għandha tippermetti t-talbiet jew id-difiżi tal-parti preżenti, ħlief sa fejn il-proċedura legali jew it-talbiet jew il-motivi jistgħu jkunu kuntrarji għall-ordni pubbliku”.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.      Susan Kuijpers kienet studenta fil-Karel de Grote Hogeschool (Kulleġġ Universitarju Karel de Grote, iktar ’il quddiem il-“KdG”). Fit‑3 ta’ Frar 2014, hija ġiet mitluba tħallas ammont totali ta’ EUR 1 546 lil KdG li jirrappreżenta l-miżata ta’ reġistrazzjoni tagħha għas-snin akkademiċi 2012‑13 u 2013‑14 u l-kontribuzzjoni tagħha għal vjaġġ ta’ studju. Peress li ma setgħetx tħallas dan l-ammont bħala somma f’daqqa, hija ngħatat pjan ta’ ħlas lura bin-nifs bla interessi mill-KdG studievoorzieningsdienst (servizz ta’ faċilità għall-istudju tal-KdG, (iktar ’il quddiem il-“KdG Stuvo”). Taħt dan il-pjan, il-KdG Stuvo ħallas lil S. Kuijpers l-ammont li kellha bżonn sabiex tkun tista’ tħallas lill-KdG. Mill-25 ta’ Frar 2014, S. Kuijpers kellha tħallas lura EUR 200 fix-xahar, għal seba’ xhur, lill-KdG Stuvo. L-aħħar pagament ta’ EUR 146 kellu jitħallas sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Settembru 2014.

11.      Il-kuntratt kien jinkludi l-klawżola li ġejja:

Jekk is-somma mislufa ma titħallasx lura (kompletament jew parzjalment) fil-ħin, għandhom jitħallsu awtomatikament u mingħajr intimazzjoni interessi ta’ 10 % fis-sena, ikkalkolati fuq l-ammont tad-dejn pendenti mill-jum ta’ wara d-data ta’ skadenza. Indennizz biex ikopri l-ispejjeż tal-ġbir tad-dejn għandu wkoll jitħallas f’każ bħal dan, li huwa stabbilit b’dan il-kuntratt għal 10 % tad-dejn pendenti, b’minimu ta’ EUR 100.”

12.      Minkejja li rċeviet ittra ta’ intimazzjoni, S. Kuijpers baqgħet inadempjenti fil-ħlasijiet lura tagħha.

13.      Fis-27 ta’ Novembru 2015, il-KdG ħareġ ċitazzjoni kontra S. Kuijpers, biex jikseb (skont il-kuntratt konkluż mill-KdG Stuvo) is-somma prinċipali (EUR 1 546), l-interessi moratorji ta’ 10 % mill-25 ta’ Frar 2014 (EUR 269.81) u l-ispejjeż (EUR 154.60) u ressaq kawża quddiem il-Vredegerecht te Antwerpen (qorti tal-maġistrati ta’ Antwerpen, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza provviżorja tal-4 ta’ Frar 2016, din il-qorti tat is-somma prinċipali ta’ EUR 1 546 lill-KdG. Madankollu, hija reġgħet fetħet il-proċedura dwar il-kwistjoni tal-interessi u l-ispejjeż, sabiex tisma’ l-pożizzjoni tal-KdG dwar il-possibbiltà li ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-KdG ippreżenta sottomissjonijiet orali dwar din il-kwistjoni. S. Kuijpers ma dehritx għas-seduta.

14.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, bis-saħħa tal-Artikolu 806 tal-kodiċi ġudizzjarju, peress li S. Kuijpers ma dehritx għas-seduta, hija kellha tilqa’ t-talba tal-KdG ħlief sa fejn il-proċedura legali jew it-talba jistgħu jkunu kuntrarji għall-ordni pubbliku. Dan iqajjem il-kwistjoni, l-ewwel nett, jekk il-qorti nazzjonali tistax teżamina ex officio jekk il-kuntratt li fuqu hija bbażata t-talba jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li timplementa d-Direttiva 93/13 u, it-tieni nett, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi tali eżami, għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti ma humiex ta’ natura mandatorja, hijiex konformi ma’ din id-direttiva (7). Il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti għal kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-“impriżi” (8) hijiex konformi mad-Direttiva 93/13.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal gwida dwar id-domandi li ġejjin:

“(1)      Meta hija adita b’azzjoni imressqa kontra konsumatur li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u li għandha biss is-setgħa, skont ir-regoli interni tal-proċedura, li teżamina ex officio jekk it-talba hijiex kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, il-qorti nazzjonali għandha bl-istess mod is-setgħa li teżamina u tistabbilixxi ex officio, anki fil-kontumaċja tal-konsumatur, jekk il-kuntratt ikkonċernat jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [93/13], kif trasposta fid-dritt Belġjan?

(2)      Istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi edukazzjoni sussidjata lil konsumatur għandha titqies li hija impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kuntratt għall-provvista ta’ dan it-tagħlim bi ħlas ta’ miżata ta’ reġistrazzjoni li possibbilment tista’ tiżdied b’ammonti intiżi għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjoni edukattiva?

(3)      Kuntratt konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni edukattiva awtonoma ssussidjata għall-provvista ta’ tagħlim issussidjat ipprovdut minn din l-istituzzjoni jaqa’ taħt id-Direttiva [93/13] u istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi edukazzjoni ssussidjata lil konsumatur għandha titqies li hija bejjiegħ jew fornitur fis-sens ta’ din id-direttiva fil-kuntest tal-kuntratt dwar il-provvista ta’ dan it-tagħlim?”

16.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Belġju, u tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u rrispondew id-domandi li sarulhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 L-ewwel domanda

17.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex is-setgħa teżamina ex officio jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, anki jekk il-konsumatur ma jkunx deher għas-seduta. Din id-domanda hija marbuta mal-eżistenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lill-qrati jeżaminaw ex officio jekk talba hijiex kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku. L-ewwel nett, ser neżamina din il-kwistjoni, peress li l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 93/13 hijiex applikabbli (u jekk l-applikabbiltà tagħha tistax tiġi eżaminata ex officio) loġikament tippreċedi l-kwistjonijiet dwar l-istatus tal-partijiet f’kuntratt partikolari u l-legalità tal-klawżoli ta’ dan.

18.      Il-Kummissjoni ssostni li r-regola li klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur hija ta’ natura mandatorja. Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa u l-obbligu li jeżaminaw ex officio jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, anki jekk il-konsumatur ma jidhirx għas-seduta.

19.      Il-Gvern Belġjan jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni. Huwa jsostni li l-Artikolu 806 tal-kodiċi ġudizzjarju huwa konformi ma’ din l-interpretazzjoni, peress li fil-proċess li tikkunsidra jekk tqajjimx ex officio kwistjoni ta’ ordni pubbliku, qorti nazzjonali għandha l-ewwel tiddetermina jekk id-dispożizzjoni taqax fil-fatt taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ordni pubbliku. Il-prinċipju ta’ effett ekwivalenti jeżiġi li l-istess raġunament jiġi applikat għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi, bħad-Direttiva 93/13.

20.      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li qorti nazzjonali għandha teżamina ex officio jekk klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, jekk dan ikun il-każ, jekk tali klawżola hijiex inġusta (9).

21.      Madankollu, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali għandhiex l-istess obbligu meta l-konsumatur ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura.

22.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jitfakkru diversi prinċipji diġà stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      L-ewwel nett, “is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva [93/13] hija fil-fatt ibbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur sabiex jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom” (10).

24.      It-tieni nett, id-dispożizzjoni li klawżoli inġusti ma humiex vinkolanti fuq il-konsumatur “hija dispożizzjoni imperattiva li, meta tiġi kkunsidrata l-inferjorità ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt bi bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn ta’ l-aħħar” (11). Hija għandha titqies bħala “regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fis-sistema legali nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku” (12). L-eżami dwar jekk id-Direttiva hijiex applikabbli għal sitwazzjoni partikolari loġikament tippreċedi din l-analiżi (ara l-punt 20 iktar ’il fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna).

25.      It-tielet nett, l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur jista’ jiġi kkoreġut biss b’azzjoni pożittiva mhux konnessa mal-partijiet kontraenti attwali (13). Din l-azzjoni pożittiva tikkonsisti fl-eżami ex officio, minn qorti, tal-kwistjoni dwar jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u tal-kwistjoni tan-natura ġusta tal-klawżoli tiegħu. Fil-fatt, il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi permezz ta’ din id-direttiva testendi għall-każijiet fejn il-konsumatur jonqos milli jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola, kemm għaliex ma jafx id-drittijiet tiegħu, jew inkella għaliex huwa dissważ milli jinforzahom minħabba l-ispejjeż li proċeduri ġudizzjarji jinvolvu (14).

26.      Barra minn hekk, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali, ir-regoli ta’ proċedura li jagħmluha possibbli li tittieħed azzjoni pożittiva jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali, iżda bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jagħmlux fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (prinċipju ta’ effettività) (15).

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tindirizza l-kwistjoni ta’ proċeduri mhux kontradittorji fil-kawża Asturcom Telecomunicaciones, li kienet tikkonċerna kuntratt li kellu klawżola ta’ arbitraġġ. Ġiet adottata deċiżjoni arbitrali fl-assenza tal-konsumatur u l-imsemmija konsumatur ma appellatx minnha fit-terminu previst mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, id-deċiżjoni saret finali. Meta Astrucom ipprovat teżegwixxi d-deċiżjoni, il-qorti nazzjonali kompetenti esprimiet il-fehma li l-klawżola ta’ arbitraġġ kienet inġusta. Madankollu, il-liġi nazzjonali applikabbli ma kienet tipprovdi l-ebda possibbiltà għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddetermina jekk klawżola ta’ arbitraġġ hijiex inġusta meta tiddeċiedi dwar azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li saret finali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali saqsiet lil din il-Qorti tal-Ġustizzja jekk setgħetx tiddetermina ex officio li l-ftehim ta’ arbitraġġ kien null u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kieku jkollha tikkonstata li l-ftehim ta’ arbitraġġ kien jinkludi klawżola inġusta ta’ arbitraġġ (16).

28.      Fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tiġi estiża b’tali mod li tfisser li qorti nazzjonali hija obbligata li tagħmel tajjeb kompletament għall-inerzja totali min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat li la pparteċipa fil-proċeduri ta’ arbitraġġ u lanqas ma ppreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni arbitrali, li għalhekk saret finali (17).

29.      Madankollu, hija ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li meta l-qorti nazzjonali li tintalab tiddeċiedi dwar rikors għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni arbitrali finali jkollha, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali tagħha, tevalwa ex officio jekk klawżola ta’ arbitraġġ tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija marbuta wkoll li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ din il-klawżola fid-dawl tad-direttiva, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (18).

30.      Fil-kawza VB Pénzügyi Lízing, il-qorti nazzjonali riedet tiċċara jekk kinitx obbligata li tagħmel investigazzjoni ex officio bil-għan li tistabbilixxi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tevalwa jekk klawżola li tikkonferixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva kinitx inġusta, fejn ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali kienu jippermettu tali investigazzjoni biss jekk waħda mill-partijiet titlob dan (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-qorti nazzjonali għandha, f’kull każ u indipendentement mir-regoli tad-dritt intern tagħha, tiddetermina jekk il-klawżola kkontestata kinitx ġiet innegozjata jew le individwalment bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, b’tali mod li tistabbilixxi jekk hija taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 (20).

31.      Dan l-approċċ ġie kkonfermat fil-kawża Banco Español de Crédito (kawża li tirrigwarda n-natura inġusta ta’ klawżola dwar l-interessi moratorji ta’ ħlasijiet bin-nifs ta’ self). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola proċedurali li tipprevjeni kompletament lill-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat rikors għall-ordni ta’ ħlas milli tevalwa ex officio jekk il-klawżoli kuntrattwali humiex inġusti meta dak il-konsumatur ma jkunx ressaq oġġezzjoni, minkejja li hija diġà jkollha f’idejha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, tista’ tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni intiża mid-Direttiva 93/13 (21).

32.      Fil-kawża Bank ERSTE Hungary, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat din id-dikjarazzjoni billi spjegat li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq il-premessa li l-qrati nazzjonali jiġu aditi minn qabel minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt (22). Ninnota li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur, jekk ma huwiex il-parti li bdiet il-proċedura, x’aktarx isib ruħu jbati l-konsegwenzi hu; u s-sentenza taffettwa s-sitwazzjoni legali tiegħu, kemm jekk ikun ipparteċipa fil-proċedura kif ukoll jekk le.

33.      Fil-fehma tiegħi, il-prinċipji li ġejjin jistgħu jinstiltu mill-ġurisprudenza: (i) il-prinċipju ta’ effettività ma jirrikjedix li s-sistema ġudizzjarja nazzjonali tintervjeni fejn l-ebda waħda mill-partijiet fil-kuntratt ma tkun ressqet proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali; (ii) meta tkun tressqet azzjoni, dawn il-qrati għandhom jeżaminaw ex officio, f’kull każ u indipendentement mir-regoli tad-dritt intern tagħhom, jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13; (iii) jekk dan ikun il-każ, huma għandhom, ukoll ex officio, jivverifikaw jekk il-klawżoli ta’ dawn il-kuntratt humiex inġusti; (iv) in-natura mandatorja tar-regoli li din id-direttiva tistabbilixxi tfisser li dawn għandhom jiġu applikati indipendentement mill-istatus mogħti lir-regoli nazzjonali li jimplementawhom mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u indipendentement mill-azzjonijiet jew is-sottomissjonijiet proċedurali tal-partijiet.

34.      Il-fatt li l-konsumatur ma jkunx il-parti li bdiet il-kawża, li huwa ma dehrx waqt is-seduta jew li ma invokax id-Direttiva 93/13 ma jistax jibdel din il-konklużjoni.

35.      F’dan il-kuntest, il-fatt li l-leġiżlazzjoni Belġjana tawtorizza lill-qrati jeżaminaw ex officio jekk talba hijiex kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma jkunu intitolati fl-istess ħin li jivverifikaw jekk it-talba inkwistjoni tiksirx il-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 93/13, jista’ jidher problematiku.

36.      Madankollu, dawn ir-regoli għandhom jiġu interpretati skont id-dritt tal-Unjoni. Meta l-qorti nazzjonali jkollha s-setgħa, taħt ir-regoli ta’ proċedura interni, li teżamina ex officio l-validità ta’ miżura legali fid-dawl tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandha teżerċita ukoll dik is-setgħa fir-rigward tar-regoli mandatorji tal-Unjoni, b’mod konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Bla ħsara għal din l-interpretazzjoni, naqbel mal-approċċ tal-Gvern Belġjan, ibbażat fuq il-kawża Asbeek Brusse u de Man Garabito (23), li, skont l-Artikolu 806 tal-kodiċi ġudizzjarju, il-qorti nazzjonali hija obbligata tevalwa ex officio jekk klawżola hijiex inġusta fid-dawl tad-Direttiva 93/13, bl-istess mod kif hija tagħmel għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku.

37.      Għaldaqstant nikkonkludi li qorti nazzjonali għandha s-setgħa u l-obbligu li teżamina ex officio jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, anki meta ma tkunx ġiet speċifikament mitluba li tagħmel dan, fost l-oħrajn minħabba li l-konsumatur ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura.

 It-tieni u t-tielet domanda

 Osservazzjonijiet ġenerali

38.      Qabel ma nindirizza s-sustanza tat-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, għandu jiġi ddefinit il-kontenut tagħhom.

39.      L-użu tat-terminu “impriża” fit-test tat-tieni domanda jidher kurjuż fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur. Nassumi li huwa spjegat mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li fuqhom hija bbażata din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

40.      Kif jispjega l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-leġiżlatur Belġjan uża l-kunċett ta’ “impriża”, li għandu l-oriġini tiegħu fid-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jittrasponi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali t-terminu “bejjiegħ jew fornitur” użat fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt nazzjonali (24). Jidher probabbli li huwa dak li wassal lill-qorti nazzjonali biex tistaqsi jekk istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi tagħlim issussidjat, bħall-KdG f’dan il-każ, tistax titqies bħala “impriża” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

41.      Madankollu, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, meta dispożizzjoni tiegħu ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha li għandha tqis il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan segwit permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (25).

42.      Id-Direttiva 93/13 fil-fatt tiddefinixxi t-terminu “bejjiegħ jew fornitur”, mingħajr riferiment għad-dritt nazzjonali. Għalhekk, minn dan jirriżulta li din l-espressjoni għandha titqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva, li tindika kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

43.      It-tifsira tat-terminu “bejjiegħ jew fornitur” ma tistax għalhekk tiddependi fuq il-mod li bih il-leġiżlatur nazzjonali għażel li jittrasponi dan it-terminu fid-dritt nazzjonali. Indipendentement minn jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tuża “bejjiegħ jew fornitur”, “negozju”, “kummerċjant”, “impriża” jew “professjonist”, hija għandha tiġi interpretata b’mod uniformi b’mod konformi mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13. Dak li huwa importanti hawnhekk ma huwiex dak li l-kunċett ta’ “impriża” jfisser fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew il-mod kif ġie interpretat fil-ġurisprudenza dwar il-provvista ta’ servizzi. Li huwa importanti huwa jekk kuntratt konkluż bejn konsumatur u korp bħall-KdG jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

44.      F’dan il-kuntest, jidhirli li l-iskop tal-qorti tar-rinviju li tagħmel it-tieni u t-tielet domanda huwa li jiġi ddeterminat jekk istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi tagħlim issussidjat, bħall-KdG, għandhiex titqies bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13.

 Il-portata tat-terminu “bejjiegħ jew fornitur”

45.      Il-Gvern Belġjan isostni li istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi tagħlim issussidjat, bħall-KdG, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “fornitur ta’ servizzi” fis-sens tad-Direttiva 93/13. Kuntratt ta’ “servizzi” jirrikjedi element ta’ remunerazzjoni, li hawnhekk huwa jew assenti jew, jekk ma huwiex assenti, minimu. Dan għaliex l-istituzzjoni pubblika kkonċernata twettaq missjonijiet fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi li huma indirizzati lejn il-popolazzjoni kollha kemm hi. Il-Gvern Awstrijak huwa tal-istess fehma.

46.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk isostni li istituzzjoni edukattiva bħal din hija “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tad-Direttiva. Il-kuntratt bejn istituzzjoni edukattiva u student jaqa’ taħt l-attivitajiet professjonali ta’ din l-istituzzjoni. Jekk tagħmilx profitt jew le bħala riżultat huwa irrilevanti.

47.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn l-attività edukattiva ewlenija tal-KdG u l-attività anċillari okkażjonali tiegħu bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Il-kawża preżenti tikkonċerna din l-attività msemmija l-aħħar. Għalkemm l-attività edukattiva prinċipali tal-KdG hija missjoni ta’ interess ġenerali li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, l-attività anċillari okkażjonali tagħha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

48.      Fil-fehma tiegħi, il-punt tat-tluq għall-interpretazzjoni tat-terminu “bejjiegħ jew fornitur” għandu jkun il-kliem stess tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13. Dan il-kunċett jinkludi l-elementi li ġejjin: “kull persuna naturali jew legali” “sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”, li “tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha” u “f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva”.

49.      Din id-definizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħha u l-għan segwit permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (26). Hija oġġettiva fin-natura tagħha u hija bbażata fuq ċerti elementi verifikabbli (27). It-terminu “bejjiegħ jew fornitur” huwa speċifiku għad-Direttiva 93/13 (fil-verżjoni tagħha bl-Ingliż) u, fil-fehma tiegħi, usa’ mit-termini użati minn diversi strumenti oħra tad-dritt tal-konsumatur (28).

50.      L-ewwel parti ta’ din id-definizzjoni, jiġifieri kull persuna naturali jew legali sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata, tagħmilha ċara li l-klassifikazzjoni, l-istatus legali u l-karatteristiċi speċifiċi, skont id-dritt nazzjonali, tal-persuna inkwistjoni huma irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala “bejjiegħ jew fornitur” (29).

51.      L-użu tal-kelma “kull” jindika li d-definizzjoni għandha tinftiehem b’mod wiesa’, sabiex tkopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jistgħu jimponu klawżoli kuntrattwali inġusti fuq il-konsumaturi.

52.      It-tieni parti tad-definizzjoni teżiġi li l-bejjiegħ jew il-fornitur ikun qiegħed jaġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tiegħu.

53.      Id-Direttiva bl-ebda mod ma tiddelimita dawn l-attivitajiet; hija sempliċement tindika li huma jikkonsistu fin-negozju ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi (30). L-approċċ huwa funzjonali: il-kuntratt għandu jifforma parti mill-attivitajiet li jsiru bħala parti mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni ta’ persuna. Id-definizzjoni ta’ “konsumatur” u d-definizzjoni ta’ “bejjiegħ jew fornitur” jiddependu t-tnejn li huma fuq l-isfera li fiha taġixxi l-persuna kkonċernata (31). Il-“konsumatur” u l-“bejjiegħ jew il-fornitur” huma fuq naħat opposti tat-tranżazzjoni legali. Il-konsumatur, meqjus vulnerabbli u f’pożizzjoni dgħajfa, jinsab f’tarf wieħed; u l-bejjiegħ jew il-fornitur, li jkun f’pożizzjoni ta’ saħħa li tippermettilu li jimponi l-kundizzjonijiet tiegħu fuq it-tranżazzjoni, jinsab fuq in-naħa l-oħra. Id-definizzjoni ma fiha l-ebda kundizzjoni dwar in-natura jew l-iskop tal-attivitajiet tal-bejjiegħ jew tal-fornitur.

54.      Barra minn hekk, ma hemm xejn fid-Direttiva li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tip partikolari ta’ sengħa, negozju jew professjoni. Huwa minnu li l-għaxar premessa tindika li diversi tipi ta’ kuntratti ma humiex intiżi li jkunu koperti, bħal dawk relatati mad-drittijiet ta’ suċċessjoni (32), iżda ma hemm l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti fir-rigward ta’ kwalunkwe tip partikolari ta’ attività professjonali. Għall-kuntrarju, l-erbatax-il premessa tiddikjara espressament li d-Direttiva tkopri wkoll snajja’, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika.

55.      Fil-kawża Šiba, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li avukat li jipprovdi servizz legali bi ħlas, fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu, lil persuna fiżika li taġixxi għal skopijiet privati huwa “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 u li n-natura pubblika ta’ dawn l-attivitajiet ma tinvalidax din il-konstatazzjoni (33).

56.      Fil-kuntest usa’ ta’ direttivi relatati mad-drittijiet tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-terminu “kummerċjant” użat fil-kuntest tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-korpi li jsegwu missjoni ta’ interess ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li t-terminu “kummerċjant” jinkludi korp tad-dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħall-ġestjoni ta’ skema statutorja ta’ assigurazzjoni għall-mard (34). Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ jista’ leġittimament jiġi traspost għall-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 (li barra minn hekk – kuntrarjament għad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti – tiddikjara espressament li hija tinkludi attivitajiet ta’ natura pubblika fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha).

57.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet hemmhekk għal “kummerċjant” bħala parti li teżerċita attività rremunerata, hija għamlet dan sabiex tenfasizza li ma kinitx qed teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Inġusti korpi li jsegwu missjonijiet ta’ interess ġenerali jew inkella dawk li huma rregolati mid-dritt pubbliku (35). Missjonijiet ta’ natura pubblika u ta’ interess ġenerali spiss jitwettqu mingħajr skop ta’ lukru b’mod ġenerali. Għaldaqstant, inqis li n-natura ta’ lukru jew mingħajr skop ta’ lukru tal-organizzazzjoni hija irrilevanti għad-definizzjoni ta’ “bejjiegħ jew fornitur” għall-finijiet ta’ kuntratt partikolari.

58.      Rigward in-natura tas-servizz ipprovdut, ma nikkunsidrax li l-argument ippreżentat mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni li l-edukazzjoni pubblika ffinanzjata prinċipalment mill-baġit tal-Istat ma tistax titqies bħala servizz fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE jfisser li, bħala riżultat, l-istituzzjonijiet edukattivi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 meta huma jikkonkludu kuntratti li jinkludu klawżoli inġusti.

59.      Naturalment, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li korsijiet offruti minn ċerti istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika ffinanzjata kompletament jew prinċipalment minn fondi pubbliċi huma esklużi mid-definizzjoni ta’ servizzi, billi meta jistabbilixxi u jżomm sistema bħal din l-Istat mhux qed ifittex li jwettaq attività rremunerata, iżda li jwettaq id-dmirijiet tiegħu lejn il-popolazzjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi (36).

60.      Madankollu, teżisti wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-korsijiet offruti minn istituzzjonijiet edukattivi essenzjalment iffinanzjati minn fondi privati (b’mod partikolari, iżda mhux neċessarjament, mill-istudenti u l-ġenituri tagħhom) jikkostitwixxu servizzi fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, peress li l-għan tagħhom huwa li jiġi offrut servizz bi ħlas (37).

61.      Minn dawn iż-żewġ linji ġurisprudenzjali jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-element essenzjali għad-definizzjoni tas-servizzi għall-finijiet tal-Artikolu 57 TFUE huwa jekk is-servizz huwiex offrut bi ħlas u mhux in-natura tal-missjonijiet imwettqa.

62.      Il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti (38) tikkonferma dan l-approċċ peress li tinkludi korp ta’ dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħall-ġestjoni ta’ skema statutorja ta’ assigurazzjoni għall-mard fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (39). Id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti għandha l-istess bażi legali bħad-Direttiva 93/13, jiġifieri l-Artikolu 95 KE (li qabel kien l-Artikolu 100a KEE, issa l-Artikolu 114 TFUE) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet. Din il-bażi legali tenfasizza espressament il-ħtieġa li tilleġiżla sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (40), għan li ma huwiex indirizzat mill-Artikolu 57 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

63.      Fl-aħħar nett, il-kliem tad-Direttiva 93/13 ma jinkludi l-ebda limitazzjoni fuq in-natura u l-iskop tal-attivitajiet inkwistjoni jew il-mod kif jiġu ffinanzjati. Għall-kuntrarju, huwa jinkludi espressament attivitajiet ta’ natura pubblika fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (41).

64.      Għaldaqstant nikkunsidra li l-fatt li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tipprovdi tagħlim issussidjat ma jipprekludix li tiġi kkunsidrata bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13.

65.      Fir-rigward tat-tielet parti tad-definizzjoni ta’ “bejjiegħ jew fornitur” (kuntratt kopert mid-direttiva), l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jagħmluha ċara li d-Direttiva tapplika għall-klawżoli ta’ “kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur” “li ma jkunux ġew innegozjati individwalment” (42). L-għaxar premessa tad-Direttiva tenfasizza l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan il-kunċett. Il-“[k]untratti kollha” konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi (bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti bħal dawk relatati ma’ impjiegi, drittijiet ta’ suċċessjoni, drittijiet taħt id-dritt tal-familja u għall-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija) huma koperti mid-Direttiva (43). Kuntratt jista’ jkun bil-miktub jew orali (44). L-iskop tal-kuntratt huwa irrilevanti biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (45).

66.      B’mod kruċjali, id-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li tapplika għalihom b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk humiex qed jaġixxu għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħhom. Dan il-kriterju jikkorrispondi għall-idea li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva, jiġifieri li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni dgħajfa fil-konfront tal-bejjiegħ jew il-fornitur, kemm fir-rigward tas-setgħa tan-negozjar tiegħu kif ukoll tal-livell ta’ għarfien tiegħu. Bħala riżultat, il-konsumatur jista’ jsib li jkollu jaqbel mal-klawżoli mfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur mingħajr ma jkun jista’ jinfluwenza l-kontenut ta’ dawn il-klawżoli (46).

67.      Minn dak li ntqal hawn fuq isegwi li “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tad-Direttiva 93/13 huwa persuna fiżika jew ġuridika, pubblika jew privata, indipendentement mill-istatus legali tagħha jew mill-karatteristiċi tagħha li: (i) toffri prodotti jew servizzi ta’ kull tip jew deskrizzjoni; (ii) tidħol f’kuntratt ma’ konsumatur; fejn (iii) dan il-kuntratt huwa relatat mal-attivitajiet professjonali tagħha. In-natura (pubblika jew privata), is-suġġett (missjonijiet pubbliċi jew privati, missjonijiet ta’ interess ġenerali) u r-riżultat (li jsir lukru jew mingħajr skop ta’ lukru) huma kollha irrilevanti. L-iskop tal-kuntratt huwa immaterjali wkoll, sakemm ikun ġie konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur u huwa relatat man-negozju, is-sengħa, jew il-professjoni ta’ dan tal-aħħar.

68.      Għaldaqstant nikkunsidra li istituzzjoni ta’ tagħlim awtonoma li tipprovdi tagħlim issussidjat tista’ titqies bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tad-Direttiva 93/13 meta tidħol f’kuntratt kopert minn din id-direttiva għal skopijiet relatati mal-attivitajiet tagħha. Jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża u jekk il-kuntratt konkluż bejn S. Kuijpers u l-KdG jiksirx ir-regoli mandatorji stabbiliti minn din id-direttiva, huma kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi mill-qorti nazzjonali.

 Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Vredegerecht te Antwerpen (qorti tal-maġistrati ta’ Antwerpen, il-Belġju):

–        Qorti nazzjonali għandha s-setgħa u l-obbligu li teżamina ex officio jekk kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, anki meta ma tkunx ġiet speċifikament mitluba li tagħmel dan, inter alia minħabba li l-konsumatur ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura.

–        Istituzzjoni ta’ tagħlim awtonoma li tipprovdi tagħlim issussidjat tista’ titqies bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tad-Direttiva 93/13 meta tidħol f’kuntratt kopert minn din id-direttiva għal skopijiet relatati mal-attivitajiet tagħha. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, f’kull każ partikolari, jekk dan huwiex il-każ u jekk il-kuntratt inkwistjoni jiksirx ir-regoli mandatorji stabbiliti minn din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3      Ara r-raba’ u d-disa’ premessa.


4      It-tnax-il premessa.


5      L-erbatax-il premessa.


6      Il-verżjonijiet bil-Franċiż u bl-Olandiż jużaw terminu wieħed, jiġifieri “professionnel” u “verkoper” rispettivament.


7      Il-qorti nazzjonali tesprimi dubji fuq in-natura tar-regoli nazzjonali dwar klawżoli kuntrattwali inġusti. Jidher inċert jekk jikkwalifikawx bħala dispożizzjonijiet ta’ “ordni pubbliku” skont id-dritt nazzjonali.


8      Il-kunċett ta’ “impriża” użat fil-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni Belġjana jista’ jinqara bħala li huwa iktar ristrett minn dak ta’ “bejjiegħ jew fornitur” (li jagħmel parti mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rationae personae tad-Direttiva 93/13), u b’hekk bħala li jeskludi kuntratti bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.


9      Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 56). F’din is-sentenza msemmija l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni espliċita, fil-punti 49 sa 52, bejn l-evalwazzjoni jekk il-kuntratt jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 (l-ewwel stadju tar-raġunament) u l-evalwazzjoni tan-natura ġusta tal-klawżoli tiegħu (it-tieni stadju tar-raġunament).


10      Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 52).


13      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 39).


14      Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 29), ara l-punt 20 iktar ’il fuq. Fil-proċeduri preżenti, jekk S. Kuijpers kellha diffikultà finanzjarja biex tosserva l-pjan ta’ ħlas lura bin-nifs ta’ EUR 200 kull xahar mal-KdG Stuvo, hija forsi setgħet qagħdet lura milli tqabbad avukat biex jiddefendiha fil-kawża sussegwenti fil-qorti.


15      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2014:2403, punti 57 sa 59).


16      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 20 sa 27).


17      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 47).


18      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009 (Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 53).


19      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 (VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 45).


20      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 (VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 51).


21      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 53).


22      Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 63).


23      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 45).


24      Ara iktar ’il fuq il-punt 8.


25      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Schottelius, C‑247/16, EU:C:2017:638, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:217, punt 44).


28      It-terminoloġija differenti użata f’dawn l-istrumenti tirrifletti, naturalment, id-differenzi fil-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom. B’dan il-mod, l-Artikolu 1(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Special, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223) jużaw it-terminu “bejjiegħ” u “produttur”; l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22) juża t-terminu “kummerċjant” fil-verżjoni Maltija tiegħu u “trader” fil-verżjoni Ingliża tiegħu; l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66) juża t-terminu “kreditur”; u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p.64) juża t-terminu “kummerċjant” fil-verżjoni Maltija tiegħu u “trader” fil-verżjoni Ingliża tiegħu.


29      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 26).


30      Is-seba’ premessa.


31      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Costea (C‑110/14, EU:C:2015:271, punt 20).


32      Huwa interessanti li ma hemmx dispożizzjoni sostantiva li tagħti effett speċifiku lill-esklużjonijiet li hemm fit-tielet parti ta’ din il-premessa.


33      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, EU:C:2015:14, punti 24 u 25).


34      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punti 37 u 41).


35      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 32).


36      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C‑109/92, EU:C:1993:916, punt 15).


37      Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti, C‑56/09, EU:C:2010:288, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.


38      Ara iktar ’il fuq il-punt 56.


39      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punti 37 u 41).


40      Ara l-Artikolu 100a(3) KEE u l-Artikolu 95(3) KE.


41      L-erbatax-il premessa. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, EU:C:2015:14, punti 24 u 25).


42      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, EU:C:2015:14, punt 19).


43      L-għaxar premessa.


44      Il-ħdax-il premessa.


45      Digriet tal-14 ta’ Settembru 2016, Dumitraș (C‑534/15, EU:C:2016:700, punt 27).


46      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, EU:C:2015:14, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).