Language of document : ECLI:EU:C:2009:225

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

2 ta’ April 2009(*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘materji ċivili’ – Deċiżjoni dwar il‑kura u t‑tqegħid ta’ minuri barra mill‑familja oriġinali – Residenza abitwali tal‑minuri – Miżuri kawtelatorji – Ġurisdizzjoni”

Fil‑kawża C‑523/07,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l‑Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill‑Korkein hallinto‑oikeus (il‑Finlandja), permezz tad‑deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2007, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑istess ġurnata, fil‑kawża mibdija minn

A,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal‑Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall‑Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u A. Guimaraes‑Purokoski, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall‑Gvern tar‑Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn C. Howard, QC,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn P. Aalto u V. Joris, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tad‑29 ta’ Jannar 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament”).

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest tar‑rikors ippreżentata minn A, omm it‑tfal C, D u E, fir‑rigward tad‑deċiżjoni tal‑Kuopion hallinto‑oikeus [tribunal amministrattiv ta’ Kuopio (il‑Finlandja)] li kkonfermat id‑deċiżjoni li permezz tagħha l‑perusturvalautakunta (Kummissjoni għall‑garanzija tad‑drittijiet soċjali fundamentali, iktar ’il quddiem il‑“Kummissjoni għall‑garanzija”) ipproċediet għat‑teħid urġenti tal‑kura ta’ dawn it‑tfal u għat‑tqegħid tagħhom f’istitut professjonali fejn jilqgħu lit‑tfal.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt Komunitarju

3        Il‑premessi 12 u 13 tar‑Regolament huma fformulati kif ġej:

“(12) Ir‑raġunijiet ta’ l‑ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l‑ġenituri stabbiliti fir‑Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l‑aqwa interessi għall‑minuri, u partikolarment dwar il‑kriterju ta’ l‑qrubija. Dan ifisser li l‑ġurisdizzjoni għandha toqgħod l‑ewwelnett ma’ l‑Istat Membru tar‑residenza abitwali ta’ l‑minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir‑residenza ta’ l‑minuri jew skond ftehim bejn dawk il‑ġenituri li huma d‑detenturi tar‑responsabilità.

(13) Fl‑interess ta’ l‑minuri, dan ir‑Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l‑qorti li għandha l‑ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il‑qorti hija f'pożizzjoni aħjar biex tisma’ l‑każ. […]”

4        L‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament jiddisponi:

“1.      Dan ir‑Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in‑natura ta’ l‑qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

b)      l‑attribuzzjoni, l‑ezerċizzju, id‑delegazzjoni, ir‑restrizzjoni jew it‑terminazzjoni tar‑responsabbilità ta’ l‑ġenituri.”

5        L‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament jipprovdi:

“Il‑qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il‑ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l‑ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l‑Istat Membru fiż‑żmien li l‑qorti tkun ħadet il‑pussess.”

6        L‑Artikolu 13(1) ta’ dan ir‑regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fejn ir‑residenza abitwali ta’ l‑minuri ma tistax tiġi stabbilita u l‑ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il‑bażi ta’ l‑Artikolu 12, il‑qrati ta’ l‑Istat Membru fejn il‑minuri huma preżenti għandu jkollhom il‑ġurisdizzjoni.”

7        L‑Artikolu 15(1) tar‑Regolament jiddisponi:

“B’mod ta’ eċċezzjoni, il‑qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il‑ġurisdizzjoni dwar is‑sostanza ta’ l‑kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l‑minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl‑aħjar interessi ghall‑minuri, tkun f’pożizzjoni aħjar biex jisimgħu l‑każ, jew parti speċifika minnu:

a)      twaqqaf l‑każ jew parti minnu fil‑kwistjoni u tistieden lill‑partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il‑qorti ta’ dak l‑Istat Membru l‑ieħor skond il‑paragrafu 4; jew

b)      titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l‑ġurisdizzjoni skond il‑paragrafu 5.”

8        Skont l‑Artikolu 17 ta’ dan ir‑regolament:

“Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l‑pussess dwar każ li m’għandiex il‑ġurisdizzjoni taħt dan ir‑Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l‑ġurisdizzjoni bis‑saħħa ta’ dan ir‑Regolament, għandha tiddikjara b'mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

9        L‑Artikolu 20(1) ta’ dan ir‑regolament jiddisponi:

“F’każijiet urgenti, id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑Regolament mhux se jħallu l‑qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il‑miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji] fir‑rigward ta’ persuni jew assi f’dak l‑Istat kif huma disponibbli taħt il‑liġi ta’ dak l‑Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir‑Regolament, il‑qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l‑ġurisdizzjoni nkwantu għas‑sustanza ta’ l‑kwistjoni.”

10      L‑Artikolu 53 tar‑Regolament jistabbilixxi:

“Kull Stat Membru għandu jiddenomina wieħed jew aktar mill‑awtoritajiet ċentrali biex jassistu bl‑applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament u għandu jispeċifika l‑ġurisdizzjoni ġeografika jew funżjonali ta’ kull wieħed. Fejn Stat Membru ddenomina aktar minn awtorità ċentrali waħda, il‑komunikazzjonijiet għandhom normalment jiġu mibgħuta direttament lill‑awtorità ċentrali rilevanti li għandha l‑ġurisdizzjoni. Fejn il‑komunikazzjoni tiġi mibgħuta lill‑awtorità ċentrali mingħajr ġurisdizzjoni, din ta’ l‑aħħar għandha tkun responsabbli biex tibgħata lill‑awtorità ċentrali bil‑ġurisdizzjoni u li tinforma lil min bagħtaha skond dan.”

11      L‑Artikolu 55 ta’ dan ir‑regolament jipprovdi b’mod partikolari:

“L‑awtoritajiet ċentrali għandhom, fuq talba minn awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor jew minn min għandu r‑responsabbilità tal‑ġenituri, jikkoperaw dwar il‑każijiet speċifiċi biex jakkwistaw l‑iskopijiet ta’ dan ir‑Regolament. Għal dan il‑għan, għandhom, jaġixxu direttament jew permezz ta’ l‑awtoritajiet pubbliċi jew ta’ korpi oħra, jieħdu l‑passi neċessarji kollha skond il‑liġi ta’ dak l‑Istat Membru fi kwistjonijiet tal‑protezzjoni personali tad‑data biex:

a)      jiġbru u jaqsmu l‑informazzjoni:

i)      dwar is‑sitwazzjoni tal‑minuri;

ii)      dwar kwalsijasi proċedimenti li jkunu għaddejjin; jew

iii)      dwar id‑deċiżjonijiet meħuda li jikkonċernaw lill‑minuri;

[…]

ċ)      jiffaċilitaw il‑komunikazzjonijiet bejn il‑qrati, u partikolarment għall‑applikazzjoni ta’ l‑Artikolu 11(6) and (7) u l‑Artikolu 15;

[…]”

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Skont l‑Artikolu 15(1) tal‑liġi dwar l‑għajnuna soċjali [sosiaalihuoltolaki (710/1982), iktar ’il quddiem il‑“Liġi 710/1982”)], fil‑verżjoni tagħha fis‑seħħ fid‑data tal‑fatti fil‑kawża prinċipali, f’każijiet urġenti jew fejn iċ‑ċirkustanzi jirrikjedu dan, il‑komun għandu wkoll jieħu ħsieb l‑organizzazzjoni tal‑kura fi ħdan l‑istituzzjoni u ta’ servizzi soċjali oħra għal persuni li jirrisjedu fil‑komun iżda li mhumiex domiċiljati hemmhekk.

13      Permezz tal‑Artikolu 16 tal‑liġi dwar il‑protezzjoni tal‑minuri [lastensuojelulaki (683/1983), iktar ’il quddiem il‑“Liġi 683/1983”)], fil‑verżjoni tagħha fis‑seħħ fid‑data tal‑fatti fil‑kawża prinċipali, korp ta’ azzjoni soċjali tal‑komun għandu jieħu miżuri immedjati ta’ għajnuna meta l‑kundizzjonijiet li fihom ikun qed jikber il‑minuri jew l‑adoloxxent jheddu jew ma jipproteġixxux saħħtu jew l‑iżvilupp tiegħu.

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14      Matul ix‑xahar ta’ Diċembru 2001, it‑tfal C, D u E stabbilew ruħhom fl‑Isvezja, flimkien ma’ ommhom, A, kif ukoll mal‑missier tar‑rispett tat‑tfal, F. Qabel, D u E kienu ttieħdu taħt il‑kura tal‑belt ta’ X, fil‑Finlandja. Dan it‑teħid taħt il‑kura kien motivat mill‑vjolenza tal‑missier tar‑rispett tagħhom, u wara, ġie sospiż. Matul is‑sajf 2005, din il‑familja telqet mill‑Isvezja sabiex tgħaddi l‑vaganzi fil‑Finlandja. Hija baqgħet fit‑territorju Finlandiż, billi toqgħod f’karavans, f’diversi kampijiet, mingħajr mat‑tfal kienu jmorru l‑iskola. Fit‑30 ta’ Ottubru 2005, din il‑familja għamlet talba lis‑servizzi soċjali tal‑belt Y (il‑Finlandja) sabiex tikseb akkomodazzjoni soċjali.

15      B’deċiżjonijiet tal‑kummissjoni ta’ garanzija tas‑16 ta’ Novembru 2005, adottati abbażi tal‑Liġi 683/1983, it‑tfal C, D u E ttieħdu b’urġenza taħt il‑kura u tqiegħdu ma’ familja tar‑rispett fil‑Finlandja minħabba li kienu ġew abbandunati.

16      A u F talbu li jitħassru d‑deċiżjonijiet dwar it‑teħid urġenti tal‑kura.

17      Bid‑deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2005 il‑kummissjoni ta’ garanzija ċaħdet it‑talba għal annullament imressqa u, skont l‑Artikolu 16 tal‑Liġi 683/1983, ħadet il‑kura tat‑tfal u ordnat it‑tqegħid tagħhom f’istitut professjonali fejn jilqgħu lit‑tfal.

18      A ppreżentat rikors quddiem il‑Kuopion hallinto‑oikeus, għall‑annullament ta’ dawn id‑deċiżjonijiet u sabiex tingħata lura l‑kustodja tat‑tfal tagħha. A ppreċiżat li, minn meta telqet mill‑Isvezja flimkien ma’ F f’nofs Novembru 2005, it‑tfal tagħha baqgħu ġewwa l‑Finlandja fid‑dar ta’ oħt il‑missier tar‑rispett tat‑tfal. B’deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2006, din il‑qorti ċaħdet dan ir‑rikors u kkonfermat id‑deċiżjonijiet ikkontestati. Hija mmotivat id‑deċiżjoni tagħha billi enfasizzat li, fid‑dawl tal‑Artikolu 15(1) tal‑Liġi 710/1982, il‑kummissjoni ta’ garanzija intervjeniet fi kwistjoni li kienet taqa’ taħt il‑kompetenzi tagħha. Din il‑qorti żiedet li l‑kundizzjonijiet li fihom kienu qed jgħixu t‑tfal ikkonċernati kienu qegħdu b’mod serju fil‑perikolu l‑istat fiżiku tagħhom, saħħithom u l‑iżvilupp tagħhom. Il‑miżuri fuq il‑kura u l‑kustodja ta’ dawn it‑tfal ippermettielhom jirċievu l‑kura psikjatrika li kienu jeħtieġu u tathom il‑possibbiltà ta’ tagħlim fi skola kif ukoll ambjent protett u stabbli.

19      A appellat minn din id‑deċiżjoni quddiem il‑Korkein hallinto‑oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema), fejn allegat in‑nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal‑awtoritajiet Finlandiżi. F’dan ir‑rigward, A indikat li t‑tfal C, D u E għandhom, sa mit‑2 ta’ April 2007, il‑kwalifika ta’ ċittadini Svediżi li għandhom ir‑residenza permanenti tagħhom għal żmien twil fl‑Isvezja. Għalhekk, konsegwentement jirriżulta li l‑kawża taqa’ taħt il‑ġurisdizzjoni tal‑qrati Svediżi.

20      Billi hemm bżonn tal‑interpretazzjoni tar‑Regolament sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il‑kwistjoni quddiemha, il‑Korkein hallinto‑oikeus iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal‑Gustizzja:

“1)      a)     Ir‑Regolament […] japplika għall‑infurzar ta’ deċiżjoni bħal dik li ttieħdet fil‑kawża preżenti, li tordna t‑teħid immedjat taħt kura u t‑tqegħid ta’ minuri barra mill‑familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar‑rispett, meta dik id‑deċiżjoni tieħu l‑forma ta’ deċiżjoni unika adottata fil‑kuntest tar‑regoli tad‑dritt pubbliku dwar il‑protezzjoni tat‑tfulija?

         b)     Fin‑nuqqas ta’ dan, ir‑Regolament, fid‑dawl tal‑Artikolu 1(2)(d) tiegħu, japplika biss għal dik il‑parti tad‑deċiżjoni dwar it‑tqegħid barra mill‑familja oriġinali?

2)      B’liema mod jeħtieġ jiġi interpretat, fid‑dritt Komunitarju, il‑kunċett ta’ ‘abitwalment residenti [residenza abitwali]’ fl‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament u fl‑Artikolu 13(1), li huwa marbut, b’mod partikolari fid‑dawl ta’ sitwazzjoni li fiha minuri għandu residenza permanenti fi Stat Membru iżda jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, li fih ma għandhux residenza fissa?

3)      a)     Jekk wieħed jikkunsidra li r‑residenza abitwali tal‑minuri mhijiex f’dan l‑aħħar Stat Membru, meta tista’ madankollu tittieħed miżura kawtelatorja urġenti (teħid taħt kura) f’dak l‑Istat Membru abbażi tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament?

         b)     Miżura kawtelatorja kif imsemmija fl‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament hija biss miżura li tista’ tiġi applikata skont il‑liġi nazzjonali, u d‑dispożizzjonijiet tal‑liġi nazzjonali dwar din il‑miżura huma vinkolanti meta l‑artikolu jiġi applikat ?

         c)     Wara l‑implementazzjoni tal‑miżura kawtelatorja, il‑każ għandu jiġi ttrasferit ex officio lill‑qorti kompetenti tal‑Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni?

4)      Jekk il‑qorti ta’ Stat Membru ma għandhiex ġurisdizzjoni, għandha tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli jew għandha tittrasferixxi dan lill‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ewwel domanda

21      Din id‑domanda essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament għandux jiġi interpretat fis‑sens li, minn naħa, huwa japplika għal deċiżjoni unika li tordna t‑teħid immedjat taħt kura kif ukoll it‑tqegħid ta’ minuri barra mill‑familja oriġinali tiegħu, u, min‑naħa l‑oħra, din id‑deċiżjoni tirriżulta mill‑kunċett ta’ “materji ċivili”, fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni, meta dik id‑deċiżjoni tkun adottata fil‑kuntest tar‑regoli tad‑dritt pubbliku dwar il‑protezzjoni tat‑tfulija.

22      Din id‑domanda ġiet magħmula mill‑istess qorti tar‑rinviju, hija bbażata fuq l‑istess motivazzjoni u hija fformulata eżattament fl‑istess kliem bħal dik li tat lok għas‑sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, Ġabra p. I‑10141). F’dawn iċ‑ċirkstanzi, hija għandha tingħata l‑istess risposta bħal dik mogħtija lill‑ewwel domanda tas‑sentenza C, iċċitata iktar ’il fuq.

23      Fil‑fatt, l‑Artikolu 2(7) tar‑Regolament jistabbilixxi li r‑responsabbilità tal‑ġenituri tinkludi d‑drittijiet u r‑responsabbilitajiet kollha dwar il‑persuna jew il‑proprjetà tal‑minuri li huma moghtija lil persuna fiżika jew persuna legali b’deċiżjoni, bl‑operazzjoni tal‑liġi jew b’xi ftehim li għandu effetti legali.

24      Skont l‑Artikolu 1(2)(d) tar‑Regolament, it‑tqegħid tal‑minuri ma’ familja tar‑rispett jew f’kustodja istituzzjonali tagħmel parti mill‑oqsma li jirrigwardaw ir‑responsabbiltà tal‑ġenituri.

25      Barra minn dan, mill‑premessa 5 tar‑Regolament jirriżulta li, sabiex l‑ugwaljanza għal minuri kollha tiġi żgurata, dan ir‑regolament ikopri d‑deċizjonijiet kollha dwar ir‑responsabbilità tal‑ġenituri, inklużi l‑miżuri ta’ protezzjoni għall‑minuri.

26      Deċiżjoni ta’ teħid taħt kura ta’ minuri, bħal dik fil‑kawża prinċipali, naturalment, taqa’ fil‑kuntest ta’ azzjoni pubblika li l‑għan tagħha huwa li tissodisfa l‑bżonnijiet ta’ protezzjoni u ta’ assistenza tal‑minuri.

27      F’dak li jirrigwarda l‑kunċett ta’ “materji ċivili”, dan għandu jkun interpretat fis‑sens li jista’ wkoll jinkludi miżuri li, mill‑perspetiva tad‑dritt ta’ Stat Membru, jaqa’ taħt id‑dritt pubbliku.

28      Din l‑interpretazzjoni hija sostnuta mill‑premessa 10 tar‑Regolament, li tgħid li dan ir‑regolament mhuwiex maħsub biex japplika “[għall‑]miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali fi kwistjonijiet ta’ edukazzjoni jew saħħa”. Din l‑esklużjoni tikkonferma li l‑leġiżlatur Komunitarju ma kienx bi ħsiebu jeskludi l‑miżuri kollha li jaqgħu taħt id‑dritt pubbliku tal‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament.

29      Huwa meħtieġ li lill‑ewwel domanda tingħata r‑risposta li l‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament għandu jiġi interpretat fis‑sens li deċiżjoni unika li tordna t‑teħid immedjat taħt kura u t‑tqegħid ta’ minuri barra mill‑familja oriġinali tiegħu, meta dik id‑deċiżjoni tiġi adottata fil‑kuntest tar‑regoli tad‑dritt pubbliku dwar il‑protezzjoni tat‑tfulija, jaqa’ taħt il‑kunċett ta’ “materji ċivili” fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

 Fuq it‑tieni domanda

30      Permezz tat‑tieni domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qed tistaqsi dwar l‑interpretazzjoni li għandha tingħata lill‑kunċett ta’ “residenza abitwali” fis‑sens tal‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament, b’mod partikolari f’sitwazzjoni li fiha minuri jkollu residenza permanenti fi Stat Membru iżda jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fejn fih ma jkollux residenza fissa.

31      L‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament jistabbilixxi l‑prinċipju li l‑ġurisdizzjoni tal‑Istati Membri f’materji ta’ responsabbilità tal‑ġenituri hija stabbilita skont il‑post fejn tinsab ir‑residenza abitwali tal‑minuri fiż‑żmien li l‑qorti tkun ħadet il‑pussess, iżda mingħajr ma tiddefinixxi l‑kontenut ta’ dan il‑kunċett.

32      Skont l‑Artikolu 13(1) tar‑Regolament, fejn ir‑residenza abitwali tal‑minuri ma tistax tiġi stabbilita, il‑qrati tal‑Istat Membru fejn il‑minuri huma preżenti għandhom ikollhom il‑ġurisdizzjoni.

33      Għalhekk, il‑preżenza fiżika tal‑minuri fi Stat Membru, sa fejn din hija regola tal‑ġurisdizzjoni sussidjarja fir‑rigward ta’ dik stabbilita fl‑Artikolu 8 tar‑Regolament, waħedha mhijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi r‑residenza abitwali tal‑minuri.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mir‑rekwiżiti kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad‑dritt Komunitarju kif ukoll tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali, li l‑kliem ta’ dispożizzjoni tad‑dritt Komunitarju, li ma jinvolvu ebda riferiment espress għal‑liġi tal‑Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t‑tifsira u l‑portata tiegħu, għandu normalment ikollhom, fil‑Komunità Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħed in kunsiderazzjoni l‑kuntest ta’ din id‑dispożizzjoni u l‑għan imfittex mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring, C‑98/07, Ġabra p. I‑1281, punt 17).

35      Billi l‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament ma jagħmel l‑ebda riferiment espress għad‑dritt tal‑Istati Membri fir‑rigward tad‑determinazzjoni tal‑portata tal‑kunċett ta’ “residenza abitwali”, din għandha tiġi ddeterminata fid‑dawl tal‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet u tal‑għan tar‑Regolament, b’mod partikolari dak li jirriżulta mill‑premessa 12 tiegħu, li tgħid li r‑regoli rigward ġurisdizzjoni li jistabbilixxi huma magħmula fl‑aqwa interessi tal‑minuri u b’mod partikolari tal‑kriterju ta’ qrubija.

36      Il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar il‑kunċett ta’ “residenza abitwali” f’oqsma oħra tad‑dritt tal‑Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑15 ta’ Settembru, 1994, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, C‑452/93 P, Ġabra p. I‑4295, punt 22, tal‑11 ta’ Novembru 2004, Adanez‑Vega, C‑372/02, Ġabra p. I‑10761, punt 37, u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, Ġabra p. I‑6041), ma għandhiex tiġi direttament trasposta fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tar‑residenza abitwali tal‑minuri, fis‑sens tal‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament.

37      Ir‑“residenza abitwali” tal‑minuri, fis‑sens tal‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament, għandha tiġi stabbilita fuq il‑bażi taċ‑ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

38      Minbarra l‑preżenza fiżika tal‑minuri fi Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu jindikaw li din il‑preżenza fl‑ebda mod ma hija waħda ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li r‑residenza tal‑minuri tirrifletti ċerta integrazzjoni f’ambjent soċjali u familjari.

39      B’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t‑tul, ir‑regolarità, il‑kundizzjonijiet u r‑raġunijiet tar‑residenza fit‑territorju ta’ Stat Membru u tat‑trasferiment tal‑familja f’dan l‑Istat, iċ‑ċittadinanza tal‑minuri, il‑post u l‑kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il‑konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir‑rapporti familjari u soċjali tal‑minuri f’dan l‑Istat.

40      Hekk kif l‑Avukat Ġenerali qieset fil‑punt 44 tal‑konklużjonijiet tagħha, l‑intenzjoni tal‑ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal‑minuri fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ miżuri tanġibbli, bħall‑akkwist jew il‑kirja ta’ reżidenza fl‑Istat Membru tat‑trasferiment, tista’ tindika l‑intenzjoni ta’ bidla fir‑residenza abitwali. Indikazzjoni oħra tista’ tkun ikkostitwita permezz ta’ talba għal akkomodazzjoni soċjali mingħand id‑dipartiment ikkonċernat ta’ dan l‑Istat.

41      Min‑naħa l‑oħra, iċ‑ċirkustanza li l‑minuri jirrisjedu fi Stat Membru fejn, matul perijodu qasir, ikollhom ħajja ta’ persuna li ma għandhiex residenza fissa tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni li r‑residenza abitwali ta’ dawn il‑minuri mhijiex f’dan l‑Istat.

42      Huwa fid‑dawl tal‑kriterji stabbiliti fil‑punti 38 sa 41 ta’ din is‑sentenza u fuq il‑bażi ta’ evalwazzjoni sħiħa li l‑qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi l‑post tar‑residenza abitwali tal‑minuri.

43      Mhuwiex madankollu eskluż li, wara din l‑evalwazzjoni, ikun impossibbli li jiġi stabbilit l‑Istat Membru li fih tinsab ir‑residenza abitwali tal‑minuri. F’każ eċċezzjonali bħal dan, u jekk ma jkunx japplika l‑Artikolu 12 tar‑Regolament, li jirrigwarda l‑ġurisdizzjoni tal‑qrati nazzjonali għal kwistjonijiet li jirrigwardaw ir‑responsabbilità tal‑ġenituri meta dawn il‑kwisjtonijiet ikunu marbuta ma’ talba għal divorzju, separazzjoni legali tal‑konjuġi jew annullament ta’ żwieġ, il‑qrati nazzjonali tal‑Istat Membru li fih jinsab il‑minuri għandu l‑ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fuq il‑mertu tal‑kawża skont l‑Artikolu 13(1) tar‑Regolament.

44      Konsegwentement, lit‑tieni domanda għandha tingħata r‑risposta li l‑kunċett ta’ “residenza abitwali”, skont l‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament, għandu jiġi interpretat fis‑sens li din ir‑residenza tikkorrispondi mal‑post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal‑minuri f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il‑għan, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni t‑tul, ir‑regolarità, il‑kundizzjonijiet u r‑raġunijiet tar‑residenza fit‑territorju ta’ Stat Membru u tat‑trasferiment tal‑familja f’dan l‑Istat, iċ‑ċittadinanza tal‑minuri, il‑post u l‑kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il‑konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir‑rapporti familjari u soċjali tal‑minuri f’dan l‑Istat. Hija l‑qorti nazzjonali li tistabbilixxi r‑residenza abitwali tal‑minuri billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

 Fuq it‑tielet domanda

45      Permezz ta’ din id‑domanda, il‑qorti tar‑rinviju l‑ewwel nett tistaqsi għal liema kundizzjonijiet hija suġġetta l‑adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja, bħal dik tat‑teħid taħt kura ta’ minuri, skont l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament. It‑tieni nett, hija tistaqsi dwar il‑kwistjoni jekk tali miżura tistax tiġi applikata b’mod konformi għad‑dritt nazzjonali u jekk ir‑regoli ta’ dan id‑dritt dwar din il‑miżura humiex vinkolanti. It‑tielet nett, hija tistaqsi jekk, wara l‑implementazzjoni tal‑miżura kawtelatorja, il‑każ għandux jiġi ttrasferit lill‑qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkollha ġurisdizzjoni.

46      Permezz tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament, f’każ urġenti, id‑dispożizzjonijiet ta’ dan tal‑aħħar mhux se jħallu l‑qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji, rigward persuni jew assi f’dak l‑Istat, kif huma disponibbli taħt il‑liġi ta’ dak l‑Istat Membru, anki jekk, taħt dan ir‑Regolament, il‑qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l‑ġurisdizzjoni inkwantu għas‑sustanza tal‑kwistjoni.

47      Jirriżulta mill‑formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni li l‑adozzjoni ta’ miżuri f’materja ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri minn qrati ta’ Stati Membri li ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il‑mertu huma suġġetti għall‑osservanza ta’ tliet kundizzjonijiet, li huma:

–        il‑miżuri kkonċernati għandhom ikunu urġenti;

–        għandhom jittieħdu fir‑rigward ta’ persuni u ta’ proprjetà preżenti fl‑Istat Membru tal‑qorti li qed tiddeċiedi dwar il‑kawża, u

–        għandhom ikunu ta’ natura provviżorja.

48      Dawn il‑miżuri huma applikabbli għall‑minuri li għandhom ir‑residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru, jirrisjedu b’mod temporanju jew okkażjonali fi Stat Membru ieħor u jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ tkun ta’ ħsara għalihom, inkluża saħħithom jew l‑iżvilupp tagħhom, u li għalhekk jiġġustifikaw l‑adozzjoni immedjata ta’ miżuri ta’ protezzjoni. In‑natura provviżorja ta’ dawn il‑miżuri tirriżulta mill‑fatt li, skont l‑Artikolu 20(2) tar‑Regolament, dawn ma jibqgħux ikollhom effett mill‑mument li fih il‑qorti tal‑Istat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il‑mertu tieħu l‑miżuri li tikkunsidra xierqa.

49      Ir‑Regolament ma jinkludix dispożizzjonijiet materjali rigward it‑tip ta’ miżuri urġenti li għandhom jiġu applikati.

50      L‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament jiddisponi li l‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji li l‑qrati ta’ Stat Membru huma mitluba jieħdu fil‑każ ta’ urġenza huma dawk “kif huma disponibbli taħt il‑liġi ta’ dak l‑Istat Membru”.

51      F’dan il‑kuntest, huwa għal‑leġiżlatur nazzjonali li għandu jħabbar il‑miżuri li l‑awtoritajiet nazzjonali għandhom jadottaw sabiex jipproteġu l‑aqwa interessi tal‑minuri u jiffissaw il‑metodi proċedurali tal‑infurzar tagħhom.

52      Billi l‑adozzjoni ta’ dawn il‑miżuri sseħħ fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali, in‑natura vinkolanti tagħhom tirriżulta mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

53      Għad irid jiġi vverifikat jekk, wara l‑implementazzjoni ta’ miżura kawtelatorja, il‑kawża għandhiex tiġi mibgħuta ex officio lill‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li jkollha ġurisdizzjoni.

54      Skont l‑Artikolu 15(1)(b) tar‑Regolament, il‑qrati ta’ Stat Membru li għandhom il‑ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il‑mertu jistgħu, jekk iqisu li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l‑minuri għandu rabta partikolari qiegħed f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedi dwar il‑kawża, jitolbu lill‑qorti ta’ dan l‑Istat jeżerċita l‑ġurisdizzjoni tiegħu.

55      Fil‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet dwar ir‑regoli rigward ġurisdizzjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri, l‑Artikolu 15 huwa l‑uniku li jipprovdi talba lill‑qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex teżerċita l‑ġurisdizzjoni tagħha.

56      Ir‑regolament ma jimponix fuq il‑qrati nazzjonali jadottaw miżuri provviżorji jew kawtelatorji li jirreferu l‑kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor wara l‑infurzar ta’ dawn il‑miżuri.

57      Għal kollox differenti hija l‑kwistjoni li jsir magħruf jekk l‑qrati nazzjonali li implementaw miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandhomx jinformaw lill‑qrati ta’ Stat Membru ieħor li għandhom ġurisdizzjoni.

58      Hekk kif huwa indikat fil‑punt 48 ta’ din is‑sentenza, skont l‑Artikolu 20(2) tar‑Regolament, il‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji ma jibqgħux ikollhom effett mill‑mument li fih il‑qorti tal‑Istat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il‑mertu tieħu l‑miżuri li tikkunsidra xierqa.

59      Peress li l‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji huma ta’ natura tranżitorja, ċirkustanzi marbuta mal‑evoluzzjoni fiżika, psikoloġika u intellettwali tal‑minuri jistgħu jirrendu neċessarju l‑intervent iktar kmieni tal‑qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex jiġu adottati miżuri definittivi.

60      Il‑bżonn u l‑urġenza tal‑miżuri definittivi għandhom jiġu evalwati fir‑rigward tas‑sitwazzjoni tal‑minuri, tal‑evoluzzjoni prevedibbli tagħha u tal‑effettività tal‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji meħuda.

61      F’dan il‑kuntest, il‑protezzjoni tal‑aqwa interessi tal‑minuri tista’ jitlob li l‑qorti nazzjonali li implementat miżuri provviżorji jew kawtelatorji tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal‑awtorità ċentrali maħtura skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament, il‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li jkollha ġurisdizzjoni.

62      Il‑kooperazzjoni fil‑kuntest ta’ kawżi speċifiċi ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri hija prevista fl‑Artikolu 55 tar‑Regolament u din b’mod partikolari tinkludi l‑ġbir kif ukoll l‑iskambju ta’ informazzjoni dwar is‑sitwazzjoni tal‑minuri, il‑proċeduri li jkunu għaddejja u kull deċiżjoni oħra li tirrigwarda l‑minuri.

63      L‑Artikolu 55(ċ) tar‑Regolament jipprovdi għal komunikazzjoni bejn il‑qrati tal‑Istati Membri sabiex jiġi applikat dan ir‑regolament.

64      Minn dan jirriżulta li sa fejn dan huwa mitlub mill‑protezzjoni tal‑aqwa interessi tal‑minuri, il‑qorti nazzjonali li implementat miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tinforma, direttament jew permezz tal‑awtorità ċentrali maħtura skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament, il‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

65      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, hemm lok li lit‑tielet domanda tingħata r‑risposta li miżura kawtelatorja, bħal dik tat‑teħid taħt kura ta’ minuri, tista’ tiġi deċiża minn qorti nazzjonali skont l‑Artikolu 20 tar‑Regolament malli jiġu ssodisfatti l‑kundizzjonijiet li ġejjin:

–        din il‑miżura trid tkun urġenti;

–        trid tittieħed fir‑rigward ta’ persuni preżenti fl‑Istat Membru kkonċernat, u

–        għandha tkun ta’ natura provviżorja.

L‑implementazzjoni ta’ din il‑miżura kif ukoll in‑natura vinkolanti ta’ din tal‑aħħar jiġu stabbiliti b’mod konformi mad‑dritt nazzjonali. Wara l‑implementazzjoni tal‑miżura kawtelatorja, il‑qorti nazzjonali ma għandhiex għalfejn tirreferi l‑kawża lill‑qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni. Madankollu, sa fejn dan huwa mitlub għall‑protezzjoni tal‑aqwa interessi tal‑minuri, il‑qorti nazzjonali li implementat il‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal‑awtorità ċentrali maħtura skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament, il‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

 Fuq ir‑raba’ domanda

66      Permezz ta’ din id‑domanda, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil‑każ fejn il‑qorti ta’ Stat Membru ma jkollha l‑ebda ġurisdizzjoni, hija għandhiex tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni jew għandhiex tirreferi l‑kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor.

67      Skont l‑Artikolu 17 tar‑Regolament, “[f]ejn qorti ta’ Stat Membru għandha l‑pussess dwar każ li ma għandiex il‑ġurisdizzjoni taħt dan ir‑Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l‑ġurisdizzjoni bis‑saħħa ta’ dan ir‑Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni”.

68      Hekk kif ġie kkonstatat fil‑punt 55 ta’ din is‑sentenza, fil‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet dwar ir‑regoli ta’ ġurisdizzjoni fil‑qasam tar‑responsabbiltà tal‑ġenituri, l‑Artikolu 15 tar‑Regolament biss jipprovdi talba lill‑qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex teżerċita l‑ġurisdizzjoni tagħha.

69      Fil‑każ fejn il‑qorti ta’ Stat Membru tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni, ir‑Regolament ma jipprovdix li l‑kawża tintbgħat lil qorti ta’ Stat Membru ieħor.

70      Madankollu, għal raġunijiet identiċi għal dawk indikati fil‑punti 59 sa 63 ta’ din is‑sentenza u sakemm il‑protezzjoni tal‑aqwa interessi tal‑minuri teħtieġ dan, il‑qorti nazzjonali li tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal‑awtorità ċentrali maħtura skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament, il‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

71      Għalhekk lir‑raba’ domanda għandha tingħata r‑risposta li, fil‑każ fejn il‑qorti ta’ Stat Membru ma għandha l‑ebda ġurisdizzjoni, din għandha tiddikjara ex officio li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni, mingħajr ma għandha tirreferi l‑kawża lil qorti oħra. Madankollu, sakemm il‑protezzjoni tal‑aqwa interessi tal‑minuri teħtieġ dan, il‑qorti nazzjonali li tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal‑awtorità ċentrali maħtura skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament, il‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

 Fuq l‑ispejjeż

72      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis‑sens li deċiżjoni unika li tordna t‑teħid immedjat taħt kura u t‑tqegħid ta’ minuri barra mill‑familja oriġinali tiegħu, meta dik id‑deċiżjoni tiġi adottata fil‑kuntest tar‑regoli tad‑dritt pubbliku dwar il‑protezzjoni tat‑tfulija, taqa’ taħt il‑kunċett ta’ “materji ċivili” fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

2)      Il‑kunċett ta’ “residenza abitwali”, skont l‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis‑sens li din ir‑residenza tikkorrispondi mal‑post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal‑minuri f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il‑għan, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni t‑tul, ir‑regolarità, il‑kundizzjonijiet u r‑raġunijiet tar‑residenza fit‑territorju ta’ Stat Membru u tat‑trasferiment tal‑familja f’dan l‑Istat, iċ‑ċittadinanza tal‑minuri, il‑post u l‑kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il‑konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir‑rapporti familjari u soċjali tal‑minuri f’dan l‑Istat. Hija l‑qorti nazzjonali li tistabbilixxi r‑residenza abitwali tal‑minuri billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

3)      Miżura kawtelatorja, bħal dik tat‑teħid taħt kura ta’ minuri, tista’ tiġi deċiża minn qorti nazzjonali skont l‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003 malli jiġu ssodisfatti l‑kundizzjonijiet li ġejjin:

–        din il‑miżura trid tkun urġenti;

–        trid tittieħed fir‑rigward ta’ persuni preżenti fl‑Istat Membru kkonċernat, u

–        għandha tkun ta’ natura provviżorja.

L‑implementazzjoni ta’ din il‑miżura kif ukoll in‑natura vinkolanti ta’ din tal‑aħħar jiġu stabbiliti b’mod konformi mad‑dritt nazzjonali. Wara l‑implementazzjoni tal‑miżura kawtelatorja, il‑qorti nazzjonali ma għandhiex għalfejn tirreferi l‑kawża lill‑qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni. Madankollu, sa fejn dan huwa mitlub għall‑protezzjoni tal‑aqwa interessi tal‑minuri, il‑qorti nazzjonali li implementat il‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal‑awtorità ċentrali maħtura skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament, il‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

4)      Fil‑każ fejn il‑qorti ta’ Stat Membru ma għandha l‑ebda ġurisdizzjoni, din għandha tiddikjara ex officio li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni, mingħajr ma għandha tirreferi l‑kawża lil qorti oħra. Madankollu, sakemm il‑protezzjoni tal‑aqwa interessi tal‑minuri teħtieġ dan, il‑qorti nazzjonali li tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal‑awtorità ċentrali maħtura skont l‑Artikolu 53 tar‑Regolament Nru 2201/2003, il‑qorti tal‑Istat Membru l‑ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Finlandiż.