Language of document : ECLI:EU:T:2016:480

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Settembru 2106 (*)

“REACH – Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva – Determinazzjoni tad-daqs tal-impriża – Setgħa tal-ECHA”

Fil-Kawża T‑675/13,

K Chimica Srl, stabbilita f’Mirano (l-Italja), irrappreżentata minn R. Buizza u M. Rota, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inizjalment irrappreżentata minn M. Heikkilä, A. Iber, E. Bigi u E. Maurage u J.‑P. Trnka, sussegwentement minn Heikkilä, Bigi, Maurage u Trnka, bħala aġenti, assistiti minn C. Garcia Molyneux, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni SME(2013) 3665 tal-ECHA, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li tikkonstata li r-rikorrenti ma pproduċietx il-provi neċessarji sabiex tibbenefika mit-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar u li timponilha spiża amministrattiva u, fit-tieni lok, talba intiża sabiex lir-rikorrenti jingħarfilha l-istatus ta’ impriża żgħira u li tiġi applikata għaliha l-ispiża korrispondenti u, fit-tielet lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-fatturi maħruġa mill-ECHA,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-10 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti, K Chimica Srl, wettqet ir-reġistrazzjoni ta’ sustanza abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2        Waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti indikat li hija kienet impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (iktar ’il quddiem l-“SMEs”) (ĠU L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlas dovut għal kull talba għal reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 74(1) tal-istess regolament, l-imsemmi ħlas ġie ddefinit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6). L-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 jinkludi l-ammonti tal-ħlasijiet dovuti għal talbiet għal reġistrazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll it-tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija tal-obbligu, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA adotta, fit-12 ta’ Novembru 2010, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi li fir-rigward tagħhom jinġabru l-ispejjeż (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MB/D/29/2010”). Fl-Artikolu 2 u fit-Tabella 1 annessa ma’ din id-deċiżjoni, kif emendata bid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA MB/21/2012/D, tat-12 ta’ Frar 2013, hemm indikat li l-ispiża amministrattiva msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 hija ta’ EUR 19 900 għall-impriżi l-kbar, ta’ EUR 13 900 għal impriża ta’ daqs medju u ta’ EUR 7 960 għal impriża żgħira.

3        Fl-10 ta’ Novembru 2011, l-ECHA ħarġet il-fattura Nru 10029302 li kienet tammonta għal EUR 9 300. Dan l-ammont kien jikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 kif applikabbli fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti, għall-ħlas dovut minn impriża żgħira, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni konġunta, għas-sustanzi fi kwantità ta’ iktar minn 1 000 tunnellata.

4        Fil-15 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-ECHA sabiex tipprovdi ċertu numru ta’ dokumenti sabiex tivverifika d-dikjarazzjoni li fiha hija kienet indikat li kienet impriża żgħira.

5        Fl-14 ta’ Ġunju 2013, wara skambju ta’ dokumenti u ta’ ittri elettroniċi, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SME(2013) 2249 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, l-ECHA qieset li ma kinitx irċeviet il-provi neċessarji sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kienet impriża żgħira u li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, hija kellha tħallas il-ħlas applikabbli għal impriża kbira. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ECHA informat lir-rikorrenti li kienet ser tibatilha fattura li tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet magħmula inizjalment u l-ħlasijiet finalment dovuti u fattura ta’ EUR19 900 għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva.

6        Fis-17 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti bagħtet ittra elettronika lill-ECHA li magħha kien hemm mehmuża dokumenti ġodda. Ir-rikorrenti talbet ukoll lill-ECHA tipprovdilha kjarifiki dwar il-kalkolu tad-daqs tagħha.

7        Fit-2 ta’ Lulju 2013, l-ECHA rrispondiet lir-rikorrenti li hija kienet qed tinterpreta t-talba tagħha bħala, effettivament, intiża sabiex terġa’ teżamina l-pożizzjoni tagħha. Fid-dawl, b’mod partikolari tal-isforzi magħmula mir-rikorrenti sabiex tiċċara s-sitwazzjoni fattwali tal-każ, l-ECHA indikat li kienet iddeċidiet, b’mod eċċezzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni addizzjonali li tista’ tiġi prodotta quddiemha.

8        Fil-15 ta’ Ottubru 2013, wara skambji ġodda ta’ dokumenti u ta’ ittri elettroniċi, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SME(2013) 3665 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni l-ECHA qieset li l-elementi prodotti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249 ma kinux ta’ natura li jibdlu l-konklużjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, l-ECHA speċifikat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet informazzjoni dwar “l-impriża msieħba indiretta” Compagnie d’Investissement des Alpes SA. Abbażi ta’ dan, l-ECHA kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-provi neċessarji li jippermettu li jitqies li hija kienet impriża żgħira. L-ECHA informat ukoll lir-rikorrenti li d-data ta’ skadenza tal-fatturi maħruġa wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249 kienet skadiet u li, konsegwentement, kienet ser tibgħatilha fatturi ġodda.

9        Fil-15 ta’ Ottubru 2013, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA ħarġet il-Fattura Nru 10045647 li tammonta għal EUR 13 950 u l-Fattura Nru 10045649 li tammonta għal EUR 19 900.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Dan ir-rikors jifforma parti minn serje ta’ kawżi konnessi.

11      L-ewwel kawża ta’ din is-serje ta’ kawżi konnessi kienet is-suġġett tas-sentenza ta’ annullament tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849).

12      Fit-8 ta’ Jannar 2015, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali rilevanza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, Ġabra, EU:T:2014:849), fuq il-kawża preżenti u sabiex iwieġbu mistoqsija. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

13      Fit-13 ta’ Novembru 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet iwieġbu mistoqsija u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

14      Fit-8 ta’ Jannar 2016, b’estensjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-13 ta’ Novembru 2015, l-ECHA pproduċiet provi ġodda. Dawn il-provi ġew miżjuda mal-proċess.

15      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2016.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrikonoxxilha l-istatus ta’ SME fid-dawl tad-dokumenti prodotti quddiem l-ECHA, billi tordna li l-investigazzjoni tkun limitata għal erba’ kumpanniji;

–        tapplika t-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-SMEs;

–        tannulla l-Fattura Nru 10029302, bl-ammont ta’ EUR 9 300, mitlub bħala d-differenza dovuta għall-ħlasijiet b’rata sħiħa li ġew applikati għaliha;

–        tannulla l-Fattura Nru 10043954 maħruġa mill-ECHA bħala ħlas għall-ispiża amministrattiva.

17      Fir-replika, minbarra l-ewwel talbiet iċċitati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Fattura Nru 10045647, tal-15 ta’ Ottubru 2013, bl-ammont ta’ EUR 13 950, mitlub bħala d-differenza mal-ħlasijiet sħaħ li ġew applikati għaliha, u tikseb ir-rimbors tas-somma mħallsa fl-24 ta’ Jannar 2014;

–        tannulla l-Fattura Nru 10045649, tal-15 ta’ Ottubru 2013, maħruġa mill-ECHA bħala ħlas għall-ispiża amministrattiva;

–        tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

18      Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-13 ta’ Novembru 2015 (punt 13 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti speċifikat li rrinunċjat għat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tal-Fatturi Nru 10029302 u Nru 10043954.

19      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti talbiet

20      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet talbiet tar-rikorrenti intiżi, minn naħa, sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ SME lir-rikorrenti fid-dawl tad-dokumenti prodotti quddiem l-ECHA, billi jiġi ordnat li l-investigazzjoni tkun limitata għal erba’ kumpanniji, u, min-naħa l-oħra, li jiġi applikat it-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-SMEs, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea ma hijiex kompetenti, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita, li tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxi ruħha ma’ dawn tal-aħħar, iżda huwa l-obbligu tal-amministrazzjoni kkonċernata li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, EU:T:1998:198, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant it-tieni u t-tielet talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli.

21      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talbiet imressqa għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u intiżi għall-annullament tal-Fattura Nru 10045647, kif ukoll għar-rimbors tas-somma mħallsa fl-24 ta’ Jannar 2014, u għall-annullament tal-Fattura Nru 10045649, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 44(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrent għandu jindika t-talbiet tiegħu fir-rikors promotur. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jippermetti l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda biss jekk dawn ikunu bbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li ħarġu matul il-proċedura, jirregola a fortiori kull bdil tat-talbiet. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ punti ta’ dritt u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura bil-miktub, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il‑Kummissjoni, T‑73/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:433, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont kliem ir-rikorrenti stess u kif jirriżulta mill-anness tar-replika, il-Fatturi Nru 10045647 u Nru 10045649 huma tal-15 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri l-istess data tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda element li jippermetti li jitqies li l-imsemmija fatturi ġew irċevuti wara l-preżentata tar-rikors preżenti. Għalhekk, ma jeżistu ebda punti ta’ dritt u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura bil-miktub li jistgħu jiġġustifikaw it-talbiet tardivi fir-rigward tal-imsemmija fatturi.

23      Barra minn hekk, u f’kull każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jeffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; digriet tal-4 ta’ Ottubru 1991, Bosman vs Il‑Kummissjoni, C‑117/91, EU:C:1991:382, punt 13, u s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il‑Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6, punt 77).

24      Hemm lok li tiġi eżaminata s-sustanza tal-miżura li tagħha qed jintalab l-annullament sabiex jiġi ddeterminat jekk din tistax tkun is-suġġett ta’ rikors, peress li l-forma tagħha hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tat-28 ta’ Novembru 1991, Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament, C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449, punt 15, u tal-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑3/93, EU:T:1994:36, punti 43 u 57).

25      Barra minn hekk, deċiżjoni li sempliċement tikkonferma deċiżjoni preċedenti ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li rikors ippreżentat kontra tali deċiżjoni huwa inammissibbli (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 4, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, EU:C:1998:192, punti 27 u 28; ara, ukoll, id-digriet tal-10 ta’ Ġunju 1998, Cementir vs Il‑Kummissjoni, T‑116/95, EU:T:1998:120, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fir-rigward tal-kunċett ta’ att konfermattiv, mill-ġurisprudenza jirriżulta li att jitqies bħala purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti u ma kienx preċedut b’eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 44, u d-digriet tad-29 ta’ April 2004, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T‑308/02, EU:T:2004:119, punt 51).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, b’kuntrast mal-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849), id-Deċiżjoni SME(2013) 2249, li għaliha tagħmel riferiment id-deċiżjoni kkontestata, tagħmel speċifikament riferiment għad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, kif emendata bid-Deċiżjoni MB/21/2012/D, u li fiha huwa seċifikat li “L-ECHA għandha toħroġ […] fattura għal spiża amministrattiva li tammonta għal EUR 19 000”. Fid-Deċiżjoni SME(2013) 2249 huwa indikat ukoll li l-ECHA għandha toħroġ fattura addizzjonali permezz ta’ preżentazzjoni sabiex tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet inizjalment imħallsa u l-ħlasijiet previsti mir-Regolament Nru 340/2008 għal impriża kbira. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-ECHA speċifikat li kienet ser tibgħat fatturi ġodda lir-rikorrenti biex jissostitwixxu l-Fatturi Nru 10043953 u Nru 10043954 maħruġa wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249 u li kienu skadew. Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249, fiha l-elementi essenzjali tal-obbligi tar-rikorrenti fil-konfront tal-ECHA. Għalhekk, il-Fatturi Nru 10045647 u Nru 10045649 għandhom in-natura ta’ atti ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u jikkostitwixxu atti konfermattivi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq (ara, b’analoġija, id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑106/08, mhux ippubblikat, EU:T:2009:228, punt 32).

28      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-talbiet imressqa għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u intiżi għall-annullament tal-Fattura Nru 10045647, kif ukoll għar-rimbors tas-somma mħallsa fl-24 ta’ Jannar 2014, u għall-annullament tal-Fattura Nru 10045649, għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli.

29      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-eżami tar-rikors għandu jiġi limitat għat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

30      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ SME lir-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Rakkomandazzjoni 2003/361

31      Ir-rikorrenti, filwaqt li tfakkar id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, tindika li, għall-kalkolu tad-daqs ta’ impriża, mad-data ta’ din l-impriża għandha tiżdied id-data tal-eventwali impriżi msieħba (kif ukoll dik tal-impriżi assoċjati ma dawn tal-aħħar) u d-data tal-eventwali impriżi assoċjati (kif ukoll dik tal-impriżi msieħba ma’ dawn tal-aħħar, li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tagħhom). F’dan il-każ l-ECHA żbaljatament qieset li Medini Ltd u A.L.O. Immobilien GmbH kienu impriżi “msieħba” tar-rikorrenti. Dawn l-impriżi huma effettivament imsieħba ta’ I.C.B. Srl, fejn din tal-aħħar hija impriża assoċjata mar-rikorrenti. Barra minn hekk, la Compagnie d’Investissement des Alpes u lanqas l-eventwali impriżi msieħba ta’ Medini, li fir-rigward tagħhom l-ECHA talbet informazzjoni, ma huma impriżi msieħba ta’ I.C.B. u ma jinsabux, a fortiori, immedjatament upstream jew downstream ta’ din l-aħħar impriża. Għalhekk, għad-determinazzjoni tad-daqs tar-rikorrenti għandha tittieħed esklużivament inkunsiderazzjoni d-data tar-rikorrenti, dik ta’ I.C.B. (inkwantu impriża assoċjata) u dik ta’ Medini u ta’ A.L.O. Immobilien (inkwantu impriżi msieħba ta’ I.C.B). Ir-rikorrenti bagħtet lill-ECHA l-informazzjoni kollha rilevanti dwar dawn l-impriżi. Fir-rigward tal-interpretazzjoni, li l-ECHA għamlet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, ir-rikorrenti tenfasizza li t-terminu “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jidhirx fil-verżjoni Taljana tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-ECHA twassal sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ impriżi msieħba jew assoċjati “b’mod infinit”. Din l-interpretazzjoni hija wiesgħa żżejjed. Ir-rikorrenti ma tifformax parti minn grupp ta’ impriżi li jinkludi lill-Compagnie d’Investissement des Alpes jew l-eventwali impriżi msieħba ta’ Medini. Il-gwida tal-utent dwar id-definizzjoni tal-SMEs, ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea u disponibbli fuq l-internet (iktar ’il quddiem il-“gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs”, invokata mill-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tikkonferma l-interpretazzjoni tar-rikorrenti.

32      L-ECHA l-ewwel nett tindika li l-impriżi Medini u A.L.O. Immobilien ma ġewx meqjusa li huma msieħba tar-rikorrenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata semmiet lill-Compagnie d’Investissement des Alpes inkwantu impriża msieħba “indirettament” mar-rikorrenti. It-talbiet għal informazzjoni dwar din l-impriża kif ukoll dwar dawk l-impriżi potenzjalment assoċjati ma Medini huma bbażati fuq l-Artikolu 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. B’mod partikolari, abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, l-ECHA pprovat tevalwa d-data taż-żewġ impriżi msieħba ta’ I.C.B. (jiġifieri Medini u A.L.O. Immobilien). Għal dan il-għan, l-ECHA tindika li applikat l-ewwel subparagrafu l-Artikolu 6(3), li jipprevedi indikazzjonijiet dwar il-mod ta’ kif għandha tiġi stabbilita d-data ta’ impriża msieħba ta’ impriża assoċjata. Konsegwentement l-ECHA talbet lir-rikorrenti tipprovdilha d-data ta’ A.L.O. Immobilien u ta’ Medini kif ukoll dik tal-impriżi assoċjati magħhom (jiġifieri Compagnie d’Investissement des Alpes). Barra minn hekk din it-talba hija konformi mal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 li ma jipprevedix, b’kuntrast ma dak li huwa previst għall-impriżi awtonomi, li d-determinazzjoni tad-data tal-impriżi msieħba tal-impriżi assoċjati mal-impriża kkonċernata għandha ssir “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] abbażi tal-kontabbiltà ta’ dawn l-impriżi. L-ECHA tenfasizza li t-terminu “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jinsab f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. L-ECHA għalhekk tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 bħala li jimponilha tieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-kumpanniji kollha assoċjati mal-impriżi msieħba li għalihom jagħmel riferiment l-imsemmi artikolu. Interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex l-istatus ta’ SME ta’ impriża jvarja skont jekk l-impriżi msieħba tal-impriżi assoċjati mal-impriża kkonċernata humiex inklużi jew le fil-karti tal-bilanċ ikkonsolidati tal-impriżi li magħhom huma assoċjati (f’dan il-każ Compagnie d’Investissement des Alpes). Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-kriterju ta’ interpretazzjoni stretta li għandha tiġi adottata fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Din hija wkoll konformi mal-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs u, b’mod partikolari, man-nota ta’ spjega u mal-annessi tal-imsemmija gwida. L-ECHA tkompli tgħid li l-kunċett ta’ “grupp ta’ impriżi”, kif ippreżentat mir-rikorrenti, imur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. L-appartenenza ta’ impriża fi grupp tiddependi fuq ir-relazzjonijiet li hija għandha ma impriżi oħra u mhux fuq l-eżistenza ta’ holding. L-ECHA tenfasizza li, f’dan il-każ, wieħed mill-azzjonisti u mill-amministraturi ta’ I.C.B. huwa wkoll il-president tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti u amministratur ta’ A.L.O. Immobilien. Għalhekk huwa neċessarju li tiġi analizzata d-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes qabel ma tingħata deċiżjoni dwar l-istatus ta’ SME tar-rikorrenti.

33      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li kemm ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 340/2008 fil-premessa 9 u fl-Artikolu 2 tiegħu, jagħmlu riferiment għar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361 għad-definizzjoni tal-SMEs.

34      Ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 fiha anness, li l-Titolu 1 tiegħu jikkonċerna d-“[d]efinizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju adottatta mill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 2 tal-imsemmi titolu huwa intitolat “L-għadd ta’ persunal u l-limiti stabbiliti finanzjarji li jiddeterminaw il-kategoriji tal-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]..

35      Fil-każ ta’ impriża awtonoma, jiġifieri impriża li ma hijiex ikklassifikata bħala “impriża msieħba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “impriża assoċjata” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-Artikolu 3(2) u (3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, id-determinazzjoni tad-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, issir esklużivament fuq il-bażi tal-kontabbiltà ta’ din l-impriża, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi anness.

36      Fil-każ ta’ impriża li għandha impriżi msieħba jew assoċjati, id-determinazzjoni tad-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, issir biss fuq il-bażi tal-kontabbiltà u ta’ data oħra tal-impriża jew, jekk jeżistu, fuq kontabbiltà kkonsolidata tal-impriża jew fuq kontabbiltà kkonsolidata fejn l-impriża tkun meħuda inkunsiderazzjoni b’konsolidazzjoni, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, ma’ din id-data għandha tiżdied, minn naħa, id-data tal-impriżi msieħba (li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni) b’mod proporzjonali għas-sehem fil-kapital azzjonarju jew għal perċentwali tad-drittijiet ta’ vot, fejn jingħażel l-għola minn fost dawn il-perċentwali, u, min-naħa l-oħra, 100 % tad-data tal-impriżi direttament jew indirettament assoċjati mal-impriża inkwistjoni u li ma tkunx diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni.

37      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, id-data tal-impriżi msieħba mal-impriża inkwistjoni tirriżulta mill-kontabbiltà u minn data oħra, ikkonsolidati jekk jeżistu, li magħha tiżdied 100 % tad-data tal-impriżi assoċjati ma dawn l-impriżi msieħba, ħlief jekk id-data tagħhom tkun diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni, u dan abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Fir-rigward tad-data tal-impriżi assoċjati mal-impriża inkwistjoni din tirriżulta mill-kontabbiltà tagħhom u minn data oħra, ikkonsolidati jekk jeżistu. Ma’ din tiżdied b’mod proporzjonali d-data ta’ eventwali impriżi msieħba ma’ dawn l-impriżi assoċjati, li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tagħha, jekk din ma tkunx diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kontabbiltà kkonsolidata, fi proporzjoni minn tal-inqas identika għall-perċentwali tas-sehem kapitali jew tas-sehem tad-drittijiet ta’ vot, fejn jingħażel l-għola minn fost dawn il-perċentwali, u dan abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

38      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-ECHA indikat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet informazzjoni dwar “l-impriża msieħba indiretta” Compagnie d’Investissement des Alpes. Abbażi ta’ dan, l-ECHA ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-provi neċessarji sabiex jitqies li hija kienet impriża żgħira.

39      L-ECHA speċifikat il-motivazzjoni tagħha, f’dak li jirrigwarda t-talba għal informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes, f’ittra elettronika tas-17 ta’ Lulju 2013 u f’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013, bir-referenza SME(2013) 3666, annessa mad-deċiżjoni kkontestata.

40      Fl-ittra elettronika tas-17 ta’ Lulju 2013, l-ECHA indikat li Compagnie d’Investissement des Alpes kellha titqies li hija impriża msieħba tar-rikorrenti, peress li kienet assoċjata direttament ma’ A.L.O. Immobilien, li min-naħa tagħha kienet imsieħba tar-rikorrenti. Konsegwentement, skont l-ECHA, id-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-daqs tar-rikorrenti. L-ECHA semmiet, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 3 u 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

41      Fl-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013, annessa mad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA fakkret l-importanza li l-Artikolu 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 għandu, fit-totalità tiegħu, fir-rigward tad-data ta’ Medini, ta’ A.L.O. Immobilien u ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes. L-ewwel nett, filwaqt li ċċitat id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, l-ECHA qieset li l-użu tat-termini “immedjatament upstream jew downstream” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kienx jillimita r-relazzjonijiet għall-impriża meħuda inkunsiderazzjoni. Sussegwentement, l-ECHA indikat, “iktar minn hekk”, li d-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes kienet intalbet abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, “sa fejn, skont dan l-artikolu, id-data tal-impriżi msieħba (jiġifieri Medini u A.L.O. Immobilien) tal-impriża inkwistjoni [kienet] tirriżulta mill-kontabbiltà u minn data oħra, ikkonsolidati jekk [kienu] jeżistu” u sa fejn, “magħha tiżdied 100 % tad-data tal-impriżi [li kienu] assoċjati (jiġifieri Compagnie d’Investissement des Alpes) ma’ dawn l-impriżi msieħba (jiġifieri A.L.O. Immobilien), ħlief jekk id-data tagħhom tkun diġà ttiħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni”. Fl-aħħar nett, l-ECHA qieset li sa fejn Compagnie d’Investissement des Alpes kienet assoċjata ma’ A.L.O. Immobilien, li kienet imsieħba ta’ I.C.B., li min-naħa tagħha kienet assoċjata mar-rikorrenti, id-data tal-impriża “msieħba indiretta” Compagnie d’Investissement des Alpes kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita d-data globali tar-rikorrenti. “Għal din ir-raġuni”, l-ECHA indikat lir-rikorrenti li kienet qed tirċievi d-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk tikkonferma li ma kinitx intitolata għat-tnaqqis ta’ ħlasijiet.

42      Mill-motivi tal-ECHA jirriżulta, minn naħa, li l-bażi legali invokata mill-ECHA sabiex titlob lir-rikorrenti tikkomunikalha informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes kienet l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni mir-rikorrenti ġġustifikat l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward għandhom jitfakkru r-rabtiet li r-rikorrenti kellha, metta seħħew il-fatti inkwistjoni, ma’ impriżi oħra u li ma humiex ikkontestati mill-partijiet, kif ikkonfermaw matul is-seduta. L-ewwel nett, ir-rikorrenti kienet assoċjata ma I.C.B., li kellha l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tar-rikorrenti. Imbagħad, I.C.B. kienet imsieħba ta’ żewġ impriżi, Medini u A.L.O. Immobilien, fejn kellha iktar minn 25 % iżda inqas minn 50 % tal-kapital azzjonarju tagħhom. Fl-aħħar nett, A.L.O. Immobilien kienet assoċjata ma’ Compagnie d’Investissement des Alpes, sa fejn din tal-aħħar kellha l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju u, għalhekk, a priori, tad-drittijiet ta’ vot tal-azzjonisti tal-ewwel waħda.

44      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali tal-każ preżenti, il-bażi legali invokata mill-ECHA ma kinitx tippermetti li r-rikorrenti tintalab informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes. Fil-fatt, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tapplika għall-evalwazzjoni tad-data tal-impriżi msieħba “tal-impriża inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri l-impriża li hija s-suġġett ta’ eżami fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 sabiex jiġi ddeterminat id-daqs tagħha. Issa, f’dan il-każ, u bil-kontra ta’ dak li indikat l-ECHA fl-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013, Medini u A.L.O. Immobilien ma humiex impriżi msieħba tar-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Barra minn hekk, l-ECHA rrikonoxxiet dan il-fatt waqt is-seduta. Fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża msieħba “indiretta”, invokat mill-ECHA matul il-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ma huwiex inkluż fir-Rakkomandazzjoni 2003/361.

45      Fit-tielet lok, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mogħtija mill-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li tgħid li hija pprovat tevalwa d-data taż-żewġ impriżi msieħba ta’ I.C.B., jiġifieri Medini u A.L.O. Immobilien, fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u pprovat, għal dan il-għan, tapplika l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi anness, li jipprevedi indikazzjonijiet dwar il-mod li bih għandha tiġi stabbilita d-data ta’ impriża msieħba ta’ impriża assoċjata. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tikkuntrasta mat-termini tal-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013. Minn din l-ittra jirriżulta, minn naħa, li l-ECHA talbet id-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u, min-naħa l-oħra, li l-ECHA applikat din id-dispożizzjoni għall-każ inkwistjoni.

46      Fir-raba’ lok, anki jekk, kif indikat l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-intenzjoni tagħha kienet li tapplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, u wara, f’dan il-kuntest, li tagħmel riferiment għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3), dan ir-raġunament ma jirriżultax b’mod ċar u mhux ekwivoku fl-atti ddepożitati fil-proċess u f’kull każ ma jirrispettax l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-ECHA għandha taħt l-Artikolu 296 TFUE.

47      Fil-ħames lok, u għall-kompletezza, l-interpretazzjoni mogħtija mill-ECHA tad-dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, kif ġie indikat iktar ’il fuq, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jikkonċerna biss id-data tal-impriżi msieħba tal-“impriża inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax l-impriżi msieħba tal-impriża assoċjata mal-impriża inkwistjoni, li jissemmew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 ma jistax iservi għad-determinazzjoni tad-data tal-impriżi msieħba msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 huwa intiż, kif indikat b’mod ċar fil-parti inizjali tiegħu, “[g]ħall-implementazzjoni tal-Artikolu 6(2)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-Artikolu 6 tal-imsemmi anness u mhux għall-implementazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan l-anness. Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument, magħmul mill-ECHA matul is-seduta, li jgħid li, essenzjalment, it-termini “impriża inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jistgħu jiġu interpretati bħala li jkopru l-impriżi kollha li fir-rigward tagħhom għandha tinġabar id-data u, b’mod partikolari, f’dan il-każ, A.L.O. Immobilien. Minbarra l-fatt li din l-interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-għan tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li huwa dak li jiġi ddeterminat id-daqs tal-impriża inkwistjoni u mhux dak tal-imriżi li għandhom rabtiet ma din l-impriża, tali interpretazzjoni tista’ twassal sabiex, f’ċerti każijiet, tittieħed inkunsiderazzjoni mingħajr limiti data ta’ impriżi li jinsabu upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni, fatt li l-ECHA rrikonoxxiet matul is-seduta. Issa, tali interpretazzjoni tmur manifestament lil hinn mit-test tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, f’ċerti limiti previsti espliċitament fl-imsemmija rakkomandazzjoni, tad-data ta’ impriżi oħra apparti d-data tal-impriża inkwistjoni.

48      L-argumenti l-oħra mressqa mill-ECHA ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

49      B’mod partikolari, fir-rigward tal-użu tat-terminu “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6(1) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u, essenzjalment skont l-ECHA, fil-verżjoni Taljana tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi osservat li dan huwa intiż li jistabbilixxi distinzjoni bejn impriża awtonoma, fejn l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata biss fuq il-kontabbiltà tagħha, u impriża li ma hijiex awtonoma, fejn l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kontabbiltà u d-data tal-impriżi msieħba jew assoċjati magħha. Għalhekk, l-assenza tat-terminu “esklużivament” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 ma tistax tfisser li l-ECHA tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, mingħajr limitu, data ta’ impriżi li jinsabu upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni.

50      Fir-rigward tal-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs, ippubblikata mill-Kummissjoni fuq l-internet, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-gwida li għaliha tagħmel riferiment l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata. Wara dan, għandu jitfakkar li kemm ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 340/2008 fil-premessa 9 u fl-Artikolu 2 tiegħu, jagħmlu riferiment għar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361 għall-finijiet tad-definizzjoni tal-SMEs u mhux għall-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs. Fl-aħħar nett, l-imsemmija gwida ma tistax tikkonfuta t-termini użati fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

51      Fir-rigward tal-argument, magħmul mill-ECHA quddiem il-Qorti Ġenerali, li jgħid li r-rikorrenti kienet tifforma parti minn “grupp ta’ impriżi”, u minbarra l-fatt li l-ECHA ma spjegatx liema bażi legali kienet tippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni din l-eventwali ċirkustanza fil-każ preżenti, mill-atti ddepożitati fil-proċess, b’mod partikolari mid-Deċiżjoni SME(2013) 2249, mill-ittra elettronika tas-17 ta’ Lulju 2013, mill-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013 u mid-deċiżjoni kkontestata, ma jirriżultax li l-ECHA invokat dan l-element bħala bażi għat-talba tagħha fir-rigward ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes.

52      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li l-bażi legali invokata f’dan il-każ mill-ECHA ma tiġġustifikax it-talba indirizzata lir-rikorrenti fir-rigward ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes.

53      Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi milqugħ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tar-rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ SME lir-rikorrenti

54      Ir-rikorrenti, fid-dawl tal-argumenti esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv, isostni li l-ECHA kellha tieħu inkunsiderazzjoni 100 % tad-data tagħha stess, 100 % tad-data ta’ I.C.B., 40 % tad-data ta’ Medini u 36.66 % tad-data ta’ A.L.O. Immobilien. Id-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes u tal-eventwali impriżi msieħba ta’ Medini ma hijiex rilevanti għad-determinazzjoni tad-daqs tagħha. Għalhekk, l-ECHA ma setgħetx tirrifjutalha l-istatus ta’ SME billi tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ trażmissjoni tad-dokumenti mitluba, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar impriżi.

55      L-ECHA tfakkar li l-interpretazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, kif proposta mir-rikorrenti, la tirrispetta d-dispożizzjonijiet u lanqas l-għanijiet tal-istess rakkomandazzjoni, u saħansitra lanqas l-indikazzjonijiet tal-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs. Għaldaqstant, l-ECHA ma wettqet ebda żball meta qieset li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ SME, peress li ma kinitx kapaċi tipprovdi d-data kollha neċessarja biex turi li kienet intitolata għall-ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni mnaqqsa.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes iġġustifikat id-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, ir-rifjut tal-ECHA li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ta’ ħlasijiet.

57      Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-bażi legali invokata mill-ECHA f’dan il-każ ma kinitx tiġġustifika t-talba indirizzata lir-rikorrenti fir-rigward ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes.

58      Għalhekk, l-ECHA wettqet ukoll żball meta qieset li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes setgħet isservi ta’ bażi, f’dan il-każ, għar-rifjut ta’ għoti ta’ tnaqqis ta’ ħlasijiet lir-rikorrenti.

59      Konsegwentement, għandu jitqies li t-tieni motiv tar-rikors huwa fondat u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata anki abbażi ta’ dan.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-ECHA tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SME(2013) 3665 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tal-15 ta’ Ottubru 2013, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-ECHA hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti minn K Chimica Srl.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.