Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2023 – LAICO vs Il-Kunsill

(Kawża T-629/22) 1

(“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Libja – -Lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Irtirar tal-isem tar-rikorrent mil-lista ta’ persuni kkonċernati – Tmiem tas-suġġett tat-tilwima– Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Libyan African Investment Company LAICO (Tripli, il-Libja) (rappreżentanti: A. Bahrami u N. Korogiannakis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M.-C. Cadilhac, aġent, assistit minn B. Maingain, avukat)

Suġġett

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament, l-ewwel nett tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1315 tas-26 ta’ Lulju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2022, L 198, p. 19), sa fejn din iżżomm l-isem tar-rikorrenti fil-lista ta’ entitajiet li jinsabu fl-Anness IV tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU 2015, L 206, p. 34), u, t-tieni nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1308 tas-26 ta’ Lulju 2022 li jimplimenta Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2022, L 198, p. 1), sa fejn dan iżomm l-isem tar-rikorrenti fil-lista ta’ entitajiet li jinsabu fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2016, L 12, p. 1).

Dispożittiv

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 451, 28.11.2022.