Language of document : ECLI:EU:F:2015:118

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It‑Tieni Awla)

8 ta’ Ottubru 2015

Kawżi magħquda F‑106/13 u F‑25/14

DD

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-FRA – Membru tal-persunal temporanju – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Appell intern – Akkużi ta’ diskriminazzjoni – Akkużi ta’ vittimizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/43 – Investigazzjoni amministrattiva – Proċedura dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Twissija – Artikoli 2, 3 u 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal – Xoljiment tal-kuntratt għal żmien indeterminat – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Dritt għal smigħ – Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu DD jikkontesta t-twissija li ġiet imposta fuqu mid-direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), kif ukoll id-deċiżjoni ta’ dan id-direttur li jxolji l-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, u jitlob li l-FRA tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li huwa kien ġarrab minħabba dawn l-atti.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2013 li permezz tagħha d-direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali impona twissija fuq DD hija annullata. Id-deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 li permezz tagħha d-direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali xolja l-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat ta’ DD hija annullata. Il‑kumplament tar-rikorsi fil-Kawżi magħquda F‑106/13 u F‑25/14 huma miċħuda. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn DD.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċedura dixxiplinari – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni matul l-istess smigħ – Assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni minn qabel li serviet bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u għall-adozzjoni tas-sanzjoni – Ksur tad-drittijiet tad-difiża

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 2, 3 u 11)

2.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Legalità – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Ksur – Konsegwenzi – Annullament – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 9)

3.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari – Żvolġiment fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni fil-qasam – Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110 u Anness IX, Artikolu 2)

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Adozzjoni tad-deċiżjoni mingħajr ma tingħata l-possibbiltà minn qabel lill-persuna kkonċernata li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha – Ksur tad-dritt għal smigħ – Konsegwenzi

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

5.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Adozzjoni tad-deċiżjoni mingħajr ma tingħata l-possibbiltà minn qabel lill-persuna kkonċernata li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha – Ksur tad-dritt għal smigħ – Possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni a posteriori fil-kuntest tal-proċedura ta’ tressiq ta’ lment – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2)); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

6.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju – Talba għal kumpens tar-rikorrent fir-rigward tad-dannu materjali mġarrab – Natura prematura tat-talba (Artikolu 266 TFUE)

1.      L-Artikoli 2(2) u 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunali jobbligaw lill-Awtorità tal-Ħatra, meta jkollha intenzjoni li tiftaħ proċedura dixxiplinari abbażi ta’ rapport stabbilit fi tmiem investigazzjoni amministrattiva, li tikkomunika minn qabel il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni kif ukoll id-dokumenti tal-fajl kollha lill-uffiċjal ikkonċernat sabiex dan ikun jista’, permezz ta’ terminu raġonevoli sabiex jipprepara d-difiża tiegħu, jifformula kull osservazzjoni utli.

F’dan ir-rigward, meta l-Awtorità tal-Ħatra tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva sabiex tiftaħ proċedura dixxiplinari u tadotta immedjatament sanzjoni dixxiplinari matul l-uniku smigħ, il-fatt li l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni huma oralment miġjuba għall-għarfien tal-uffiċjal ikkonċernat matul dan is-smigħ ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tali komunikazzjoni ma hijiex ta’ natura li tiggarantixxi informazzjoni adegwata ta’ dan l-uffiċjal u li tippermettilu li jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu b’mod effettiv.

Minbarra dan, sabiex tingħata effettività għad-dritt għal smigħ iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni hija obbligata, meta hija jkollha l-intenzjoni li timponi s-sanzjoni tat-twissija bil-miktub jew taċ-ċanfira, li tqiegħed lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal ikkonċernat fil-pożizzjoni li jipprepara d-difiża tiegħu, li jimplika li huwa jkollu, fi żmien xieraq, l-informazzjoni kollha li tikkonċernah li tinsab fil-fajl fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura dixxiplinari u sussegwentement li timponi sanzjoni fi tmien l-uniku smigħ, in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ, kif iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għalhekk, billi naqset milli tikkomunika lil uffiċjal il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni amministrattiva qabel is-smigħ tiegħu, li għandu preċiżament bħala għan li jinstemgħa fir-rigward ta’ dawn il-konklużjonijiet u li matulu ġiet adottata deċiżjoni ta’ sanzjoni, mingħajr ma ppermettietlu li jipprepara d-difiża tiegħu, l-amministrazzjoni kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3 u 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 57 sa 60, 62 u 63)

2.      Sabiex ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jwassal għall-annulllament ta’ deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni dixxiplinari, huwa wkoll neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti. F’dan ir-rigward, fid-dawl tan-natura fundamentali tar-rispett tad-dritt għal smigħ, kif stabbilit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hija l-Awtorità tal-Ħatra, li adottat id-deċiżjoni ta’ sanzjoni u li, minħabba dan il-fatt, għandha l-aħjar għarfien tal-elementi li kienu l-bażi tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li għandha turi li, anki jekk il-persuna kkonċernata kienet instemgħet regolarment, hija ma setgħetx tadotta deċiżjoni differenti.

Madankollu, f’ċirkustanzi fejn l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura dixxiplinari u sussegentement timponi sanzjoni fi tmiem l-unika seduta, mingħajr ma tkun ikkomunikat lill-uffiċjal ikkonċernat il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni amministrattiva, li jitqies li l-amministrazzjoni kienet tadotta l-istess deċiżjoni bħal dik li hija ħadet, anki wara li semgħet lill-persuna kkonċernata dwar il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport kif ukoll dwar l-abbozz ta’ sanzjoni, ma jwassal għal xejn ħlief li d-dritt fundamentali għal smigħ jispiċċa fix-xejn, peress li l-kontenut stess ta’ dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

(ara l-punti 65 u 67)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 79

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-14 ta’ Mejju 2014, Delcroix vs SEAE, F‑11/13, EU:F:2014:91, punt 44

3.      Fil-qasam dixxiplinari, iċ-ċirkustanza li investigazzjoni amministrattiva twettqet minn aġenzija tal-Unjoni mingħajr ma din tal-aħħar kienet minn qabel adottat dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk iddefinixxiet il-kuntest proċedurali tal-investigazzjoni ma hijiex ta’ natura li tivvizzja din l-investigazzjoni b’irregolarità. Ċertament, l-Artikolu 2(3) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni li tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-artikolu, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, l-assenza ta’ adozzjoni ta tali dispożizzjonijiet ma tipprekludix, waħedha, il-ftuħ u t-twettiq ta’ investigazzjoni amministrattiva, fejn fi kwalunkwe każ din għandha titmexxa fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

(ara l-punt 75)


4.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju meħuda mingħajr ma l-amministrazzjoni, qabel l-adozzjoni tagħha, espressament informat lill-persuna kkonċernata li hija kienet qed taħseb dwar din il-possibbiltà u tistedinha sabiex tifformula kwalunkwe osservazzjoni f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi validament jiġi sostnut li l-persuna kkonċernta kienet instemgħet debitament minħabba li hija kienet diġà taf il-fatti li kienet akkużata bihom u li kellha l-okkażjoni li turi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar l-inċidenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ xoljiment. Fil-fatt, id-dritt għal smigħ għandu preċiżament jippermetti lill-persuna kkonċernata mhux biss li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar l-aġir tagħha u r-raġunijiet għalih, iżda wkoll li ssostni argumenti dwar il-miżura maħsuba fir-rigward tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-amministrazzjoni li għandha turi li, anki jekk id-dritt għal smigħ kien ġie rrispettat, id-deċiżjoni ta’ xoljiment kienet madankollu tiġi adottata. F’dan ir-rigward, sempliċi argument ibbażat fuq terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja mal-persuna kkonċernata bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi eskluż li, fl-ipoteżi fejn id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata ma nkisirx mill-amministrazzjoni, l-ispjegazzjonijiet eventwalment ipprovduti minnha setgħu jkollhom bħala effett li jikkonvinċu lil din l-awtorità li tirrinunzja li xxolji l-kuntratt tal-persuna kkonċernata.

Minbarra dan, deċiżjoni ta’ xoljiment tikkostitwixxi att ta’ gravità estrema għall-membru tal-persunal ikkonċernat, li għalhekk jitlef l-impjieg tiegħu u fejn il-karriera tiegħu tista’ tiġi affettwata negattivament matul diversi snin. Minbarra l-fatt li d-dritt għal smigħ qabel ma miżura individwali li taffettwah b’mod żvantaġġuż tittieħed fir-rigward tiegħu huwa dritt fundamentali ta’ dan il-membru tal-persunal, l-eżerċizzju minn dan tal-aħħar tad-dritt li jesprimi ruħu b’mod effettiv fuq id-deċiżjoni ta’ xoljiment maħsuba jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, responsabbiltà li hija għandha tiżgura skrupulożament.

(ara l-punti 90, 91, 93 u 95)

5.      Ma jistax jiġi validament sostnut li d-drittijiet tad-difiża ta’ membru tal-persunal, li ġew miksura qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt tiegħu, kienu madankollu ġew irrispettati a posteriori tal-fatt li l-persuna kkonċernata setgħet issostni l-argumenti tagħha kontra din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ tressiq ta’ lment prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, ilment imressaq skont l-Artikolu 90(2) ta’ dawn ir-regolamenti ma għandux bħala effett li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod li, minkejja l-ilment imressaq mill-persuna kkonċernata kontra d-deċiżjoni ta’ xoljiment, din id-deċiżjoni kellha effetti negattivi immedjati fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li ma kinitx fil-pożizzjoni li tinfluwenza din id-deċiżjoni. Għalhekk, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ xoljiment mingħajr il-persuna kkonċernata nstemgħet qabel tidher manifestament ta’ natura li affettwat il-kontenut essenzjali tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

(ara l-punti 97 u 98)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet tat-22 ta’ Novembru 2006, Milbert et vs Il‑Kummissjoni, T‑434/04, EU:T:2006:359, punt 42

6.      L-annullament ta’ att għandu bħala effett li jelimina retroattivament l-att annullat mill-ordinament ġuridiku u, meta dan ikun diġà ġie eżegwit, it-terminazzjoni tal-effetti tiegħu teħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li r-rikorrent kien jinsab fiha qabel l-adozzjoni tiegħu. Minbarra dan, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null li għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li hija d-destinatarja tagħha.

Fir-rigward ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ xoljiment ta’ membru tal-persunal temporanju minħabba l-ksur, mill-amministrazzjoni, tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżala preġudizzju, meta ma huwiex eskluż li, kieku l-persuna kkonċernata kienet fil-pożizzjoni li ssostni l-perspettiva tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ xoljiment maħsuba, hija setgħet tikkonvinċi lill-amministrazzjoni li ma tadottatx id-deċiżjoni ta’ xoljiment fir-rigward tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tagħti deċiżjoni qabel id-deċiżjoni li l-aġenzija konvenuta kienet ikollha tieħu fid-dawl tas-sentenza ta’ annullament. Għalhekk, it-talbiet intiżi għall-kundanna tal-aġenzija konvenuta li tikkumpensa d-dannu materjali li l-membru tal-persunal ikkonċernat kien ġarrab mill-fatt tal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ xoljiment għandhom jiġu miċħuda bħala prematuri.

(ara l-punti 103 u 104)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, EU:F:2006:112, point 92 u l-ġurisprudenza ċċitata