Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fl-14 ta' Jannar 2013 - "MAKS PEN" EOOD vs Direktor na Direktsia "Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto" Sofia

(Kawża C-18/13)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: "Maks Pen" EOOD

Konvenuta: Direktor na Direktsia "Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto"

Domandi preliminari

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-VAT fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu ttrattati bħala li jirreferu għal "evażjoni fiskali", ċirkustanzi fattwali li fihom il-fornitur indikat fil-fattura, jew is-sottokuntrattur tiegħu, ma jkollux il-persunal, ir-riżorsi materjali u l-attivi neċessarji biex jipprovdi s-servizz, fejn l-ispejjeż għall-provvista effettiva tas-servizz ma jkunux ġew iddokumentati u lanqas inklużi fir-rekords tal-kontabbilità tal-fornitur u fejn dokumenti foloz dwar dak li jikkonċerna l-identità tal-persuni li ffirmawhom bħala fornituri - jiġifieri kuntratt u dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni - ġew stabbiliti u ppreżentati bħala prova tal-provvisti dovuti b'mod reċiproku u tat-twettiq tal-provvista tas-servizz li għalih tkun inħarġet fattura fiskali u li kien ġie eżerċitat id-dritt għal tnaqqis?

L-obbligu tal-qorti - li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja - li tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fil-każ ta' evażjoni fiskali, jirriżulta wkoll fl-obbligu tal-qorti nazzjonali - fid-dawl tal-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża, tosserva l-projbizzjoni ta' bdil tal-pożizzjoni tar-rikorrenti, tosserva l-prinċipji ta' drittijiet għal difiża u taċ-ċertezza legali u li tapplika ex officio r-regoli tad-dritt rilevanti - li tevalwa ex officio jekk hemmx evażjoni fiskali fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni billi tanalizza elementi ġodda ta' fatt invokati għall-ewwel darba quddiemha kif ukoll il-provi kollha, b'mod partikolari dawk relatati ma' tranżazzjonijiet fittizji, dokumenti foloz u dokumenti b'kontenut ineżatt?

Fid-dawl tal-obbligu tal-qorti li tirrifjuta dritt għal tnaqqis tal-VAT fil-każ ta' evażjoni fiskali, l-Artikolu 178(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE , tat-28 ta' Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, jeżiġi li l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-provvista tkun ġiet effettivament ipprovduta mill-fornitur indikat fil-fattura jew mis-sottokuntrattur tiegħu?

Ir-rekwiżit fl-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112, li jeħtieġ li jinżamm rekord iddettaljat biżżejjed tal-kontabbiltà sabiex jiġi kkontrollat id-dritt għal tnaqqis, ifisser li għandhom ukoll jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà korrispondenti tal-Istat Membru, li jeħtieġu konformità mal-prinċipji internazzjonali ta' kontabbiltà skont id-dritt tal-Unjoni, jew dan ir-rekwiżit sempliċement jeħtieġ iż-żamma tad-dokumenti tal-kontabbiltà relatati mal-VAT li huma previsti minn din id-direttiva, jiġifieri l-fatturi, id-dikjarazzjonijiet u r-rendikonti?

Fil-każ tat-tieni ipoteżi:

Fid-dawl tar-rekwiżit tal-Artikolu 226(1)(6) tad-Direttiva 2006/112, li jgħid li l-fattura trid tinkludi "il-limitu u n-natura tas-servizzi mogħtija", dan jimplika li, fl-ipoteżi ta' provvista ta' servizzi, il-fatturi - jew id-dokument maħruġ relatat ma' dawn - għandhom ikun fihom informazzjoni dwar il-provvista effettiva tas-servizz, jiġifieri fatti oġġettivi u verifikabbli, u li jipprovaw li s-servizz korrispondenti ġie effettivament ipprovdut, u dan, mill-fornitur indikat fil-fattura?

Interpretat fid-dawl tal-Artikoli 63 u 273 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 242 ta' din id-direttiva, li jinżammu rekords tal-kontabbiltà ddettaljati biżżejjed sabiex jiġi kkontrollat id-dritt għal tnaqqis, jawtorizza dispożizzjoni nazzjonali li taħtha servizz huwa kkunsidrat bħala li ġie pprovdut fid-data li fiha ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tad-dħul idderivat minn din il-provvista ta' servizz skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-kontabbiltà applikabbli li tipprovdi għall-osservanza mar-regoli internazzjonali ta' kontabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u l-osservanza mal-prinċipji ta' dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi, tal-prevalenza tas-sustanza fuq il-forma u tat-tqabbil tad-dħul u tal-ispejjeż?

____________

1 - ĠU L 347, p. 1.