Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-13 ta’ Frar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad – il-Bulgarija) – Maks Pen EOOD vs Direktor na Direktsia „Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika“ Sofia, anciennement Direktor na Direktsia „Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto“ Sofia

(Kawża C-18/13) 1

(Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Servizzi pprovduti – Stħarriġ – Fornitur li ma jkollux il-mezzi meħtieġa – Kunċett ta’ evażjoni fiskali – Obbligu li tikkonstata ex officio l-evażjoni fiskali – Rekwiżit ta’ provvista effettiva tas-servizz – Obbligu li tinżamm kontabbiltà suffiċjentement dettaljata – Kontenzjuż – Projbizzjoni għall-qorti li tistabbilixxi bħala ksur kriminali l-evażjoni u li taggrava s-sitwazzjoni tar-rikorrent)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Maks Pen EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Sofia, li kien Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Sofia

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Administrativen sad Sofia-grad - Interpretazzjoni tal-Artikoli 63, 178(1)(a), 226(1)(6) kif ukoll 242 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) - Kunċett ta’ “evażjoni fiskali” - Indikazzjoni fuq il-fattura ta’ fornitur li ma għandux persunal, materjali u attivi neċessarji għall-provvista tas-servizz - Assenza ta’ provi ta’ kontabbiltà - Elaborazzjoni ta’ dokumenti foloz sabiex jiġi ġġustifikat it-twettiq tal-provvista - Obbligu għall-qorti nazzjonali li tikkonstata ex officio l-eżistenza ta’ evażjoni fiskali - Dritt għal tnaqqis bil-kundizzjoni tal-provvista effettiva ta’ servizz - Rekwiżit tal-osservanza tar-regoli internazzjonali ta’ kontabbiltà sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet ta’ kontabbiltà ddettaljata biżżejjed sabiex jiġi kkontrollat id-dritt għal tnaqqis - Neċessità sussegwenti li titqiegħed fuq il-fatturi informazzjoni fuq il-provvista effettiva tas-servizz - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra s-servizz bħala pprovdut fid-data tat-twettiq tal-kundizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tad-dħul idderivat minn din il-provvista ta’ servizz skont il-leġiżlazzjoni rilevanti

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li persuna taxxabbli tagħmel it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud li tinsab fil-fatturi maħruġa minn fornitur meta, minkejja li l-provvista tkun saret, jirriżulta li effettivament ma tkunx saret minn dan il-fornitur jew minn subkuntrattur tiegħu b’mod partikolari għaliex dawn tal-aħħar ma kellhomx il-persunal, ir-riżorsi materjali u l-attiv meħtieġ, l-ispejjeż tal-provvista tagħhom ma ġewx inklużi fir-rekords tal-kontabbiltà tagħhom jew l-identità tal-persuni li ffirmaw ċerti dokumenti inkwantu fornituri rriżultat li ma hijiex eżatta, bil-kundizzjoni doppja li tali fatti jikkostitwixxu aġir frawdolenti u li jiġi stabbilit, abbażi tal-fatturi oġġettivi pprovduti mill-awtoritajiet tat-taxxa, li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni li abbażi tagħha ġie invokat id-dritt għal tnaqqis kienet involuta f’tali frodi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Meta l-qrati nazzjonali jkollhom l-obbligu jew il-fakultà li jopponu ex officio l-motivi bbażati fuq regola vinkolanti tad-dritt nazzjonali, huma għandhom jagħmlu dan fir-rigward ta’ regola vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni bħalma hija dik li titlob li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jirrifjutaw li jagħtu l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, jekk jiġi stabbilit, abbażi ta’ fatturi oġġettivi, li dan id-dritt huwa invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv. Huma dawn il-qrati li għandhom, fl-evalwazzjoni tan-natura frawdolenti jew abbużiva tal-invokazzjoni ta’ dan id-dritt għal tnaqqis, jinterpretaw id-dritt nazzjonali sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-għanijiet tad-Direttiva 2006/112, sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, u dan jeżiġi li huma jagħmlu dak kollu li jaqa’ fil-kompetenza tagħhom filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u filwaqt li japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu.

Id-Direttiva 2006/112, meta titlob b’mod partikolari, skont l-Artikolu 242 tagħha, li l-persuni taxxabbli kollha għandu jkollhom kontabbiltà suffiċjentement dettaljata sabiex tippermetti l-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-istħarriġ tagħha mill-amministrazzjoni fiskali, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-Istat Membru kkonċernat jitlob, fil-limiti previsti fl-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva, li l-persuni taxxabbli kollha jirrispettaw f’dan ir-rigward ir-regoli nazzjonali kollha dwar il-kontabbiltà li jkunu konformi man-normi internazzjonali dwar il-kontabbiltà, sakemm il-miżuri adottati f’dan is-sens ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2006/112 tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li s-servizz jitqies bħala pprovdut fid-data li fiha jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tad-dħul mill-provvista kkonċernata.

____________

1 ĠU C 79, 16.3.2013.