Language of document : ECLI:EU:T:2021:4

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Jannar 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni – Kompetizzjoni ġenerali EUIPO/AD/01/17 – Deċiżjoni li isem ir-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla – Stabbiltà – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑548/18,

Lars Helbert, residenti f’Alicante (Spanja), irrappreżentat minn H. Tettenborn, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Lukošiūtė u K. Tóth, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EUIPO/AD/01/17 – Amministraturi (AD 6) fil-qasam tal-proprjetà intellettwali tal‑1 ta’ Diċembru 2017 li isem ir-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva kkostitwita għar-reklutaġġ ta’ amministraturi mill-EUIPO u, it-tieni nett, tad-deċiżjoni ta’ dan l-istess Bord tal-Għażla tas‑7 ta’ Marzu 2018 li tiċħad it-talba għal reviżjoni tar-rikorrent, fil-forma finali tagħha, wara d-deċiżjoni tal-EUIPO tat‑8 ta’ Ġunju 2018 li tiċħad l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba f’hekk,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑12 ta’ Jannar 2017, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/01/17 – Amministraturi (AD 6) fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2017, C 9 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). Din il-kompetizzjoni, organizzata mill-EPSO, kienet intiża sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Dan l-avviż kien is-suġġett ta’ rettifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali C 315A tat‑22 ta’ Settembru 2017.

2        L-avviż ta’ kompetizzjoni indika, taħt it-titolu “Kif nintgħażel?”, li l-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u li kisbu waħda mill-aħjar marki waqt is-selezzjoni preliminari bbażata fuq tal-kwalifiki jiġu mistiedna għaċ-“ċentru ta’ evalwazzjoni tal-EPSO” fejn huma jiġu evalwati, permezz ta’ sensiela ta’ testijiet tat-tip “mistoqsijiet b’għażla multipli”, dwar il-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tar-raġunament verbali, numeriku u astratt imbagħad, permezz ta’ intervista, ta’ test e-tray, ta’ eżerċizzju fi grupp u ta’ test bil-miktub, fuq tmien kompetenzi ġenerali u finalment, permezz ta’ intervista, fuq il-kompetenzi speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-kompetizzjoni.

3        L-avviż ta’ kompetizzjoni ppreċiża li l-kompetenzi ġenerali kienu evalwati fuq 80 punt, fejn il-marka minima meħtieġa għal dawn il-kompetenzi ġenerali kienet ta’ 40 punt, u li l-kompetenzi speċifiċi kienu evalwati fuq 100 punt, fejn il-marka minima meħtieġa għal dawn il-kompetenzi speċifiċi kienet ta’ 50 punt.

4        L-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar ir-“Regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet ġenerali” jindika, fil-punt 6.4 tiegħu, li l-kandidati setgħu jitolbu r-reviżjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla u, fil-punt 6.5 tiegħu, li huma kellhom id-dritt iressqu lment amministrattiv quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, jiġifieri d-direttur eżekuttiv tal-EUIPO.

5        Ir-rikorrent, Lars Helbert, applika għall-kompetizzjoni inkwistjoni. Fit‑12 ta’ Lulju 2017, huwa ġie informat mill-EPSO li huwa kien mistieden għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, fejn għadda mill-eżamijiet fil‑11 u fit‑12 ta’ Ottubru 2017.

6        Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Diċembru 2017, l-EPSO informa lir-rikorrent li l-Bord tal-Għażla kien iddeċieda li ma jinkludihx fil-lista ta’ riżerva tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla”). Ir-raġuni kienet li, peress li kiseb 99.5 punt għall-eżamijiet magħmula fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrent ma kienx jagħmel parti mill-kandidati li kisbu l-aħjar marki. Il-marka globali miksuba mill-aħħar kandidat inkluż fil-lista ta’ riżerva, wara l-imsemmija eżamijiet, kienet tammonta għal 102 punti minn 180.

7        Mal-ittra tal-EPSO tal‑1 ta’ Diċembru 2017, ġie mehmuż dokument intitolat “passaport ta’ kompetenza”. Minn dan id-dokument kien jirriżulta li r-rikorrent kien kiseb total ta’ 44.5 punt minn 80 wara l-eżamijiet intiżi sabiex jevalwaw il-kompetenzi ġenerali tiegħu u 55 punt minn 100 għall-intervista dwar il-kompetenzi speċifiċi, jiġifieri marka globali ta’ 99.5 punt minn 180 għall-imsemmija eżamijiet kollha.

8        Fl‑10 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent ressaq talba għal reviżjoni quddiem il-Bord tal-Għażla.

9        Il-lista ta’ riżerva ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali C 14 A tas‑16 ta’ Jannar 2018.

10      Fis‑26 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent ressaq ilment quddiem l-EUIPO taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kontra d-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla.

11      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2018, il-President tal-Bord tal-Għażla informa lir-rikorrent li l-Bord tal-Għażla kien irreveda l-fajl tiegħu wara t-talba għal reviżjoni u kkonferma d-deċiżjoni inizjali tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni meħuda wara reviżjoni”).

12      Fid‑29 ta’ April 2018, ir-rikorrent, fuq is-suġġeriment tal-EUIPO, ippreżenta suppliment għall-ilment tiegħu quddiem dan tal-aħħar kontra d-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla, ikkonfermata bid-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2018, innotifikata lir-rikorrent f’din l-istess data, l-EUIPO ċaħad dan l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2019 meħuda skont l-Artikolu 27(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fl-Ewwel Awla.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Ottubru 2019 meħuda skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, din il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lir-Raba’ Awla.

17      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li talbithom iwieġbu għalihom bil-miktub jew waqt is-seduta. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti lilhom.

18      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2020.

19      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla u d-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni, fil-forma finali tagħha, wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tikkundanna lill-EUIPO jħallsu danni bħala kumpens għad-dannu “morali u mhux materjali” imġarrab minħabba d-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla u d-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

20      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq it-talba għal annullament

1.      Fuq is-suġġett tat-talba għal annullament

21      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla u tad-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni, fil-forma finali tagħha, wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Ir-rikors jippreċiża li d-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla u d-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni jifformaw flimkien id-“deċiżjoni kkontestata”.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl‑10 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent ressaq talba għar-reviżjoni tad-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla, konformement mal-punt 6.4 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Permezz tad-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni, il-Bord tal-Għażla kkonferma d-deċiżjoni inizjali tiegħu.

23      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta persuna li t-talba tagħha għall-ammissjoni għal kompetizzjoni tkun ġiet miċħuda titlob ir-reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni abbażi ta’ dispożizzjoni preċiża li torbot lill-amministrazzjoni, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla, wara reviżjoni, li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Nerantzaki vs Il-Kummissjoni, T‑813/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:335, punt 25; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2017, GX vs Il-Kummissjoni, T‑556/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:139, punt 21, u s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 29).

24      B’dan il-mod, id-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Nerantzaki vs Il-Kummissjoni, T‑813/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:335, punt 25; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2017, GX vs Il-Kummissjoni, T‑556/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:139, punt 22, u s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 29).

25      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal annullament għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda d-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2.      Fuq il-mertu

26      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent iqajjem, essenzjalment, erba’ motivi bbażati rispettivament fuq:

–        l-assenza ta’ stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla matul l-eżamijiet orali tal-kompetizzjoni u tal-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ koordinazzjoni implimentati sabiex jiġu żgurati evalwazzjoni koerenti u oġġettiva, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati;

–        ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni komparattiva u oġġettiva tal-kandidati, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet;

–        żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tar-rikorrent;

–        ksur, b’mod partikolari, tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

27      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jikkritika b’mod partikolari l-assenza ta’ stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla matul l-eżamijiet orali, sa fejn il-membri kollha tal-Bord tal-Għażla ma kinux preżenti għal dawn l-eżamijiet kollha u li, minflok, huma “kumitati ta’ evalwazzjoni” komposti minn xi membri biss li eżaminaw, kull wieħed minnhom, numru limitat ta’ kandidati. Huwa jqis għalhekk li ġie mistoqsi, waqt l-intervista tiegħu dwar il-kompetenzi speċifiċi, minn kumitat ta’ evalwazzjoni li eżamina biss 20 % tal-kandidati. Fil-fehma tiegħu, evalwazzjoni oġġettiva u uniformi tal-kandidati kienet tirrikjedi, għall-inqas, il-preżenza kontinwa ta’ nukleu ta’ eżaminaturi matul l-eżamijiet kollha. Huwa jinvoka wkoll l-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ koordinazzjoni implimentati sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni koerenti u oġġettiva, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipji ta’ koerenza tal-Bord tal-Għażla, ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, ta’ oġġettività tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll il-punti 2.4 u 3.1 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġew miksura.

29      Dan l-argument huwa kkontestat mill-EUIPO.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u li, f’dan il-kuntest, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-miżura neċessarja sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla mwettqa bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 63).

31      Barra minn hekk, l-obbligu li jiġu rreklutati uffiċjali li għandhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, jimplika min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-Bordijiet tal-Għażla li huma jiżguraw, kull wieħed fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, li l-kompetizzjonijiet jiżvolġu fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, ta’ koerenza tal-immarkar u ta’ oġġettività tal-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 64).

32      Sabiex jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni, il-Bord tal-Għażla għandu jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-kandidati kollha billi jiżgura b’mod partikolari l-istabbiltà fil-kompożizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑92/01, EU:T:2002:220, punti 24 sa 26, u tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 65).

33      Skont il-ġurisprudenza, dan ir-rekwiżit huwa impost b’mod partikolari fl-eżamijiet orali, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, peress li dawn l-eżamijiet huma min-natura tagħhom inqas standardizzati mill-eżamijiet bil-miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T‑165/03, EU:T:2004:331, punt 39; tad‑29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑5/08, EU:F:2010:111, punti 38 sa 41; u tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 66).

a)      Fuq il-modalitajiet tal-kompetizzjoni

34      F’dan il-każ, mill-punt 2.4 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta li l-korp inkarigat mill-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni għandu “konsistentement japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs fil-proċeduri tas-selezzjoni tiegħu sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kandidati kollha”.

35      Skont il-punt 3.1 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, “[j]iġi maħtur bord tas-selezzjoni biex iqabbel lill-kandidati u jagħżel l-aħjar fosthom fuq il-bażi tal-kompetenzi, il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni”, “[i]l-bordijiet ta’ selezzjoni huma magħmula minn uffiċjali, nofshom maħtura mill-amministrazzjoni (servizzi tal-HR) u n-nofs l-ieħor mill-kumitati tal-persunal” u “[l]-ismijiet tal-membri tal-bord tas-selezzjoni huma ppubblikati fuq il-websajt tal-EPSO (www.eu-careers.eu)”.

36      Skont id-deċiżjoni ADM-16-60, tat‑23 ta’ Novembru 2016, dwar in-nomina tal-membri tal-Bord tal-Għażla għall-kompetizzjoni, kif emendata l-aħħar bid-deċiżjoni ADM-16-60-Rev4, tad‑19 ta’ Settembru 2017, dwar in-nomina tal-membri tal-Bord tal-Għażla għall-kompetizzjoni, l-EUIPO kkostitwixxa Bord tal-Għażla li jinkludi President, Viċi President, tmien membri permanenti u tliet membri supplenti. Il-President, il-Viċi President, it-tmien membri permanenti u tnejn mit-tliet membri supplenti kienu aġenti tal-EUIPO, filwaqt li t-tielet membru supplenti kien aġent tal-Kummissjoni Ewropea.

37      L-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni kienu jinkludu b’mod partikolari żewġ intervisti, dak dwar il-kompetenzi speċifiċi kif ukoll dak intiż għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali tal-kandidati (iktar ’il quddiem l-“intervista dwar il-kompetenzi ġenerali”).

38      Bejn il-partijiet, huwa paċifiku li l-membri tal-Bord tal-Għażla ma kinux kollha preżenti għal kull intervista. Mill-informazzjoni pprovduta mill-EUIPO fit-tweġibiet tiegħu tat‑28 ta’ Frar u tad‑9 ta’ April 2020 għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tal-EUIPO tat‑28 ta’ Frar 2020” u t-“tweġiba tal-EUIPO tad‑9 ta’ April 2020”), jirriżulta li l-kumitati ta’ evalwazzjoni magħmula minn żewġ membri tal-Bord tal-Għażla evalwaw il-kompetenzi ta’ kull wieħed mill-kandidati waqt l-imsemmija intervisti. Dan kien il-każ, b’mod partikolari, għar-rikorrent, waqt l-intervista dwar il-kompetenzi speċifiċi.

39      B’kollox, 196 kandidat għaddew mill-eżamijiet orali taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni li jinkludu, għal kull kandidat, minn naħa, l-intervista dwar il-kompetenzi speċifiċi u, min-naħa l-oħra, l-intervista dwar il-kompetenzi ġenerali, jiġifieri b’kollox 392 intervista. Dawn l-eżamijiet seħħew fuq perijodu ta’ 20 jum mifruxa fuq seba’ ġimgħat. Huma ġew imqassma b’mod ugwali bejn żewġ ċentri ta’ evalwazzjoni.

40      Fl‑20 jum iddedikati għall-eżamijiet orali, erba’ kumitati ta’ evalwazzjoni, jiġifieri tnejn f’kull ċentru ta’ evalwazzjoni, qasmu kull jum l-intervisti bejniethom. B’kollox, 80 kumitat ta’ evalwazzjoni għalhekk evalwaw il-kandidati matul l‑20 jum ta’ eżamijiet. Għalkemm parti minn dawn il-kumitati kellhom, diversi drabi matul dan il-perijodu, kompożizzjoni identika, mir-risposti tal-EUIPO tat‑28 ta’ Frar u tad‑9 ta’ April 2020 jirriżulta li, matul l-imsemmi perijodu, mhux inqas minn 26 kumitat ta’ evalwazzjoni differenti evalwaw il-kompetenzi tal‑196 kandidat mistiedna għall-imsemmija eżamijiet.

41      Mir-risposti tal-EUIPO tat‑28 ta’ Frar u tad‑9 ta’ April 2020 jirriżulta wkoll li ebda membru permanenti jew supplenti ma pparteċipa fl-intervisti kollha, peress li r-rata ta’ preżenza l-iktar għolja kienet ta’ 22 % u l-iktar baxxa ta’ 17 %. Barra minn hekk, ebda kumitat ta’ evalwazzjoni ma evalwa l-kompetenzi ta’ iktar minn 33 kandidat waqt l-eżamijiet orali kollha (jiġifieri b’kollox 392 intervista), li jirrappreżenta inqas minn wieħed minn għaxra tal-kandidati. Għaldaqstant, ebda kumitat ta’ evalwazzjoni ma assista għal iktar minn 7 ijiem ta’ eżamijiet orali u lanqas għal iktar minn tlett ijiem konsekuttivi ta’ eżamijiet. Fost it-tliet membri li pparteċipaw fl-ikbar numru ta’ intervisti, b’rata ta’ preżenza ta’ 22 % għall-ewwel wieħed u ta’ 21.6 % għat-tnejn l-oħra, tnejn biss intervistaw flimkien lill-kandidati, fejn huma għamlu dan waqt tmien intervisti biss, li jirrappreżentaw biss 2 % tal-eżamijiet orali. Bħala eżempju, il-kumitat ta’ evalwazzjoni li evalwa lir-rikorrent waqt l-intervista tiegħu dwar il-kompetenzi speċifiċi ltaqa’ biss dakinhar u, fi kwalunkwe każ, evalwa biss sitt kandidati, matul sitt intervisti, li jirrappreżentaw biss 1.5 % tal-eżamijiet orali.

42      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizza r-rikorrent u kif irrikonoxxa l-EUIPO, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla esperjenzat fluttwazzjoni sinjifikattiva ħafna matul l-eżamijiet orali.

b)      Fuq l-impossibbiltà li tiġi żgurata l-preżenza tal-membri kollha tal-Bord tal-Għażla fl-eżamijiet kollha

43      L-EUIPO jsostni li, f’dan il-każ, il-fluttwazzjoni fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla kienet neċessarja minħabba l-impossibbiltà li tiġi żgurata l-preżenza tal-membri kollha tal-Bord tal-Għażla f’kull eżami.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, l-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla għandha tiġi żgurata “sa fejn huwa possibbli” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 66).

45      B’mod eċċezzjonali, problemi loġistiċi, pereżempju, jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li kull membru tal-Bord tal-Għażla ma jkunx preżenti f’kull eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑5/08, EU:F:2010:111, punt 41, u tad‑29 ta’ Settembru 2010, Honnefelder vs Il-Kummissjoni, F‑41/08, EU:F:2010:112, punt 36).

46      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta, f’kompetizzjoni li tinvolvi diversi kandidati, l-organizzazzjoni ta’ eżamijiet orali tqajjem diffikultajiet kbar marbuta, minn naħa, mal-organizzazzjoni ta’ eżamijiet multipli għal kandidati li jappartjenu għal gruppi lingwistiċi differenti u, min-naħa l-oħra, man-neċessità, għall-membri tal-Bord tal-Għażla jew, fi kwalunkwe każ, uħud minnhom, li josservaw ir-rekwiżiti tas-servizz tagħhom, meta l-kompetizzjonijiet jiżvolġu fuq perijodu relattivament twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 196).

47      F’tali ċirkustanzi, in-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku tista’ tiġġustifika flessibbiltà fir-rigorożità tar-regola tal-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Martin vs Il-Kummissjoni, 24/78, EU:C:1979:37, punt 10).

48      F’dan il-każ, l-EUIPO jinvoka tliet raġunijiet sabiex jiġġustifika li l-karatteristiċi partikolari tar-reklutaġġ organizzat u r-restrizzjonijiet li ltaqgħet magħhom fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni kienu jeħtieġu flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regola tal-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla.

49      Fl-ewwel lok, l-EUIPO jsostni li kellhom jiġu implimentati kumitati ta’ evalwazzjoni differenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-lingwi li fihom kellhom isiru l-intervisti u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ intervisti b’mod parallel f’żewġ ċentri ta’ evalwazzjoni sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni testendi fuq perijodu twil wisq.

50      F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta mill-EUIPO jirriżulta li, mit‑392 intervista inkwistjoni, 342, jiġifieri kważi disa’ intervisti minn għaxra, saru bl-Ingliż. 50 intervista biss, jiġifieri bilkemm waħda minn għaxra, saru f’lingwa oħra, jiġifieri 20 bl-Ispanjol, 18 bil-Ġermaniż, tmienja bil-Franċiż u erbgħa bit-Taljan.

51      B’kollox, fl‑20 jum iddedikati għall-eżamijiet orali, il-kumitati ta’ evalwazzjoni evalwaw il-kandidati iktar minn tmien darbiet minn għaxra bl-Ingliż, u inqas minn darbtejn minn għaxra f’waħda mill-erba’ lingwi l-oħra. B’hekk, għal dawn tal-aħħar, l-intervisti setgħu jiġu limitati għal tlett ijiem fl-ewwel ċentru ta’ evalwazzjoni (fil‑5, fit‑12 u fid‑19 ta’ Ottubru 2017) u għal erbat ijiem fit-tieni wieħed (fil‑5, fit‑12, fid‑19 u fl‑24 ta’ Ottubru 2017), filwaqt li l-intervisti bl-Ingliż fl-ewwel ċentru damu 17‑il jum u dawk fit-tieni ċentru damu 16‑il jum.

52      Mit-tabella kkomunikata waqt is-seduta mill-EUIPO jirriżulta wkoll li l-għaxar membri tal-Bord tal-Għażla, permanenti u supplenti, kienu kapaċi jmexxu l-intervisti bl-Ingliż. Il-kapaċitajiet lingwistiċi tagħhom kienu barra minn hekk suffiċjentement estiżi sabiex ikunu jistgħu jassistu għall-intervisti fil-parti l-kbira tal-erba’ lingwi l-oħra. Fil-fatt, skont din it-tabella, dawn l-għaxar membri tal-Bord tal-Għażla setgħu jassistu wkoll għall-intervisti bl-Ispanjol, sebgħa minnhom għall-intervisti bil-Franċiż, sitta għall-intervisti bil-Ġermaniż u erba’ għall-intervisti bit-Taljan.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-diversità lingwistika ma tippermettix, waħedha, li tiġi ġġustifikata l-fluttwazzjoni kkonstatata, fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-kapaċitajiet vasti lingwistiċi li kellhom il-membri tal-Bord tal-Għażla u l-proporzjon kbir ħafna ta’ intervisti bl-Ingliż ma jiġġustifikawx li żewġ membri tal-Bord tal-Għażla jevalwaw biss kull kandidat waqt l-intervisti u lanqas li kull membru tal-Bord tal-Għażla jintervista numru daqshekk baxx ta’ kandidati.

54      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-eżamijiet tqassmu bejn żewġ ċentri ta’ evalwazzjoni sabiex jitqassar it-tul tal-kompetizzjoni, din lanqas ma tippermetti li tiġġustifika, fiha nnifisha, l-istabbiliment ta’ numru daqshekk kbir ta’ kumitati ta’ evalwazzjoni differenti, f’dan il-każ 26.

55      Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li kellhom jiġu implimentati kumitati ta’ evalwazzjoni differenti sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ diversi kunflitti ta’ interess.

56      Mistieden jispjega dan l-argument, l-EUIPO indika, fis-seduta, mingħajr ma seta’ jipprovdi elementi oħra, li, f’dan il-każ, il-kunflitti ta’ interess li kienu ltaqgħu magħhom setgħu jaqgħu taħt żewġ kategoriji, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija u, min-naħa l-oħra, dik ta’ rabta ġerarkika, bejn ċerti kandidati u xi membri tal-Bord tal-Għażla.

57      Wara li reġa’ ġie mistieden jispjega dan l-argument, l-EUIPO rrikonoxxa, waqt is-seduta, li ma setax jippreċiża l-kunflitti ta’ interessi li effettivament kienu ppreżentaw ruħhom u lanqas li jipprovdi eżempji speċifiċi ta’ tali kunflitti.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat sa fejn ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi seta’ jeħtieġ funzjonament tal-Bord tal-Għażla bħal dak deskritt fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq.

59      Fit-tielet lok, l-EUIPO jinvoka l-impossibbiltà, għal ċerti membri tal-Bord tal-Għażla, li jkunu suffiċjentement disponibbli sabiex ikollhom intervista ma’ kull kandidat jew, fi kwalunkwe każ, numru kbir minnhom.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni tagħmel parti mill-miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-aġenziji u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġġestixxu r-riżorsi umani mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom.

61      F’dan il-kuntest, l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jilliberaw il-persunal assenjat għar-reklutaġġ matul perijodu suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiżgura l-missjoni tiegħu, bir-riskju li ma jkunx jista’ jirrekluta, kif madankollu huwa meħtieġ, l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

62      Barra minn hekk, fil-każ ta’ impedimenti, il-membri permanenti ta’ Bord tal-Għażla jistgħu jiġu ssostitwiti, għall-eżamijiet sostnuti minn ċerti kandidati, minn membri supplenti sabiex il-Bord tal-Għażla jkun jista’ jwettaq ix-xogħlijiet tiegħu f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2005, Pantoulis vs Il-Kummissjoni, T‑290/03, EU:T:2005:316, punt 78, u tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-EUIPO ma jiġġustifikawx id-diviżjoni tal-Bord tal-Għażla f’26 kumitat ta’ evalwazzjoni differenti sabiex jiġu intervistati l‑196 kandidat għall-eżamijiet orali.

c)      Fuq il-koordinazzjoni stabbilita sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni

64      Ikkritikat f’dan ir-rigward mir-rikorrent, l-EUIPO jsostni li l-fluttwazzjoni fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla kien aċċettabbli fid-dawl tal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ma hijiex rekwiżit fiha nnifisha, iżda mezz sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 70).

66      Ma jistax jiġi eskluż li l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni jistgħu jinkisbu b’mezzi bħall-implimentazzjoni tal-koordinazzjoni neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn it-tliet prinċipji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 67).

67      Ir-rikorrent iqis li dan ma kienx il-każ f’dan il-każ, għall-kuntrarju tal-EUIPO li bbaża ruħu fuq is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14).

68      Għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14), kienu ġew previsti diversi miżuri sabiex jiġu rrimedjati, għall-eżamijiet orali li jsiru fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, diversi preġudizzji konjittivi ġeneralment ikkonstatati fl-evalwaturi, u b’hekk tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni (punt 25 tal-imsemmija sentenza).

69      Fl-ewwel lok, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14), kien previst li l-Bord tal-Għażla kellu jiltaqa’:

–        sabiex jiddeċiedi dwar il-mod kif l-eżamijiet kienu ser jiżvolġu;

–        kull jumejn jew tlett ijiem, kull darba li l-marki mogħtija lill-kandidati jinġabru flimkien sabiex issir evalwazzjoni dwar il-kompetenzi tal-kandidati li jkunu ġew intervistati matul dan il-perijodu ta’ żmien;

–        sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tal-evalwazzjonijiet li saru fuq il-kandidati wara l-eżamijiet kollha, id-deċiżjonijiet finali li għandhom jittieħdu kollettivament mill-Bord tal-Għażla kollu abbażi tar-riżultati fl-eżamijiet kollha (punti 26 u 71 tal-imsemmija sentenza).

70      Fit-tieni lok, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14), kien previst li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri implimentati intiżi sabiex jirrimedjaw għal diversi preġudizzji konjittivi ġeneralment ikkonstatati fl-evalwaturi u sabiex b’hekk tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni, fosthom:

–        l-użu ta’ testijiet prestrutturati li jsegwu metodoloġija prestabbilita li juża indikaturi ta’ aġir iddefiniti minn qabel;

–        il-parteċipazzjoni tal-President tal-Bord tal-Għażla għall-ewwel minuti tal-eżamijiet kollha sabiex iħares għall-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija;

–        it-twettiq ta’ studji u ta’ analiżi sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tal-immarkar (punti 26 u 72 tal-imsemmija sentenza).

71      Għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostni l-EUIPO, tali miżuri ta’ koordinazzjoni ġewx implimentati f’din il-kawża.

1)      L-iskambji fi ħdan il-Bord tal-Għażla

72      L-EUIPO jsostni li, minn naħa, skambji ta’ opinjonijiet regolari bejn il-membri tal-Bord tal-Għażla u, min-naħa l-oħra, laqgħat ta’ kull ġimgħa tal-Bord tal-Għażla kollu ppermettew lil dan tal-aħħar jiddiskuti l-prestazzjonijiet tal-kandidati kollha li l-kompetenzi tagħhom diġà ġew evalwati u li jwettaq eżami komparattiv tal-imsemmija kandidati.

73      Madankollu, ir-rikorrent iqis li l-iskambji u l-laqgħat inkwistjoni ma setgħux jippermettu skambju ta’ opinjonijiet dwar il-merti relatati mal-kandidati, fin-nuqqas ta’ nukleu komuni ta’ eżaminaturi li evalwa proporzjon suffiċjentement kbir ta’ kandidati.

74      F’dan ir-rigward, mis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14, punti 26 u 71), jirriżulta li l-iskambji bejn il-membri tal-Bord tal-Għażla li seħħew qabel, matul u wara l-eżamijiet, għandhom importanza partikolari sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni.

75      Fl-ewwel lok, l-EUIPO pprovda l-folji ta’ preżenza ta’ 19‑il laqgħa li seħħew qabel l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, bejn id‑9 ta’ Diċembru 2016 u l‑21 ta’ Ġunju 2017.

76      Għandu jiġi kkonstatat li l-membri kollha tal-Bord tal-Għażla ma kinux preżenti f’kull waħda mid‑19‑il laqgħa inkwistjoni. Barra minn hekk, ma ġew prodotti l-ebda minuti tal-imsemmija laqgħat, b’tali mod li huwa impossibbli li wieħed ikun jaf x’ġie diskuss fihom. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma tistax tivverifika jekk kienx matul dawn il-laqgħat li ġie deċiż il-mod kif l-eżamijiet kienu ser jiżvolġu, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14). Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li, peress li l-istess laqgħat żvolġew qabel il-bidu tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, huma ma setgħux jippermettu lill-Bord tal-Għażla jeżamina l-prestazzjonijiet u l-merti tal-kandidati u lanqas li jwettaq evalwazzjoni komparattiva ta’ dawn tal-aħħar.

77      Fit-tieni lok, l-EUIPO jinvoka l-eżistenza ta’ seba’ laqgħat ta’ kull ġimgħa matul il-fażi tal-kompetizzjoni organizzata fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Il-Bord tal-Għażla ltaqa’ fi tmiem kull waħda mis-seba’ ġimgħat ta’ eżamijiet orali, jiġifieri fil‑15, fit‑22 u fid‑29 ta’ Settembru 2017 u sussegwentement fst‑6, fit‑13, fl‑20 u fis‑26 ta’ Ottubru 2017.

78      Madankollu, il-provi prodotti mill-EUIPO ma jippermettux li jiġi vverifikat, b’mod partikolari, liema kienu l-membri tal-Bord tal-Għażla preżenti matul is-seba’ laqgħat ta’ kull ġimgħa inkwistjoni u liema kien l-għan preċiż ta’ dawn il-laqgħat, b’mod partikolari sa fejn dawn il-laqgħat taw lok għal skambji dwar il-prestazzjoni tal-kandidati u l-evalwazzjoni komparattiva ta’ dawn tal-aħħar.

79      Qabelxejn, filwaqt li, fit-tweġiba tiegħu tat‑28 ta’ Frar 2020, l-EUIPO jiddikjara li, matul is-seba’ laqgħat ta’ kull ġimgħa inkwistjoni, il-Bord tal-Għażla kien jiltaqa’ “ġeneralment kollu kemm hu, inklużi l-President u l-Viċi President”, u li “kien biss okkażjonalment, meta membru ipso jure ma kienx disponibbli, li dan kien jiġi ssostitwit mis-supplent tiegħu, li kien jagħmel parti mill-Bordijiet tal-Għażla tal-ġimgħa kkonċernata”, fit-tweġiba tiegħu tad‑9 ta’ April 2020, huwa jindika li kienu pparteċipaw fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa unikament il-membri tal-Bord tal-Għażla li kienu wettqu l-intervisti matul il-ġimgħa kkonċernata, inklużi l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla.

80      Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li għamel l-EUIPO għal-laqgħat tal-Bord tal-Għażla li nżammu qabel u wara l-eżamijiet orali, huwa ma kkomunika l-ebda lista ta’ preżenza dwar is-seba’ laqgħat ta’ kull ġimgħa inkwistjoni u lanqas ebda dokument ieħor li jippermetti li jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet tiegħu. Mistoqsi speċifikament dwar dan is-suġġett darbtejn fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, huwa wieġeb li tali listi ta’ preżenza ma kinux ġew stabbiliti fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat tal-aħħar. Madankollu, il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-Għażla tad‑9 ta’ Novembru 2017 ikkomunikati mill-EUIPO jirreferu għal minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-Għażla tal‑20 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri l-laqgħa li saret wara s-sitt ġimgħa tal-imsemmija eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Matul is-seduta, l-EUIPO rrikonoxxa, fuq dan il-punt, l-eżistenza ta’ kontradizzjoni, mingħajr madankollu ma seta’ jikkonferma l-eżistenza jew l-assenza tal-minuti apparentement stabbiliti fi tmiem din il-laqgħa tal-aħħar.

81      Fit-tielet lok, l-EUIPO kkomunika l-minuti ta’ seba’ laqgħat li nżammu wara l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, fis‑7, fit‑8, fid‑9, fis‑17, fil‑21 u fit‑22 ta’ Novembru 2017 kif ukoll fl‑1 ta’ Frar 2018:

–        matul il-laqgħa tas‑7 ta’ Novembru 2017, l-EPSO ppreżenta l-istatistika dwar l-evalwazzjoni tal-eżamijiet bil-miktub, imbagħad, fuq il-proposta tiegħu, il-Bord tal-Għażla pproċeda bl-istandardizzazzjoni tal-marki billi neħħa d-differenzi fl-immarkar imwettaq minn membri differenti tal-Bord tal-Għażla;

–        matul il-laqgħa tat‑8 ta’ Novembru 2017, il-Bord tal-Għażla eżamina l-ilmenti li kienu ġew indirizzati lilu u talab kjarifika dwar il-marki partikolarment baxxi, billi sema’ spjegazzjoni dwar il-kontrolli ta’ kwalità mwettqa mill-EPSO;

–        waqt il-laqgħa tad‑9 ta’ Novembru 2017, il-Bord tal-Għażla eżamina mill-ġdid il-marki ta’ ċerti kandidati, iddeċieda dwar abbozz ta’ lista ta’ riżerva u vverifika d-dokumenti pprovduti mill-kandidati magħżula, sabiex jiġġustifika l-esperjenza tagħhom fil-proprjetà intellettwali;

–        matul il-laqgħat tas‑17 u tal‑21 ta’ Novembru 2017, il-membri tal-Bord tal-Għażla eżaminaw id-dokumenti kkomunikati mill-kandidati li jistabbilixxu l-esperjenza tagħhom fil-qasam tal-proprjetà intellettwali;

–        matul il-laqgħa tat‑22 ta’ Novembru 2017, il-Bord tal-Għażla kompla dan l-eżami u organizza l-bqija tal-proċess billi awtorizza t-tħejjija tar-rapport motivat tal-Bord tal-Għażla, il-preparazzjoni ta’ nota intiża għad-direttur tal-EPSO u l-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti lid-direttur eżekuttiv tal-EUIPO;

–        waqt il-laqgħa tal‑1 ta’ Frar 2018, il-Bord tal-Għażla eżamina l‑35 talba għal reviżjoni li kienu ġew indirizzati lilu billi ddeċieda li jikkonferma, f’dawn il-każijiet kollha, id-deċiżjonijiet inizjali tiegħu.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami komparattiv li għamel il-Bord tal-Għażla ma kienx jirrigwarda l-marki tal-kandidati kollha, iżda kien jikkonċerna d-differenzi bejn il-marki, il-marki li kienu wasslu għal ilment u dawk li, skont id-dokumenti ppreżentati lill-membri tal-Bord tal-Għażla, kienu ta’ natura anormalment baxxa.

83      Tali eżami jiżgura mingħajr dubju, mill-perspettiva diġitali, tqarrib fl-immarkar imwettaq mill-eżaminaturi, iżda ma jippermettix li jiġi stabbilit li, kif meħtieġ mis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 71), li fuqha bbaża ruħu l-EUIPO, il-membri qabblu, b’mod effettiv, il-kandidati b’mod li tiġi ggarantita l-ugwaljanza bejniethom, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni.

84      Barra minn hekk, l-EUIPO ma pproduċiex il-prova li l-Bord tal-Għażla kien iltaqa’ fil-kompożizzjoni sħiħa tiegħu sabiex jadotta d-deċiżjonijiet finali abbażi tar-riżultati fl-eżamijiet kollha bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 26).

85      Fil-fatt, mill-informazzjoni pprovduta mill-EUIPO jirriżulta li ċertu numru ta’ deċiżjonijiet kienu ġew iffinalizzati, minn naħa, waqt il-laqgħa tad‑9 ta’ Novembru 2017, meta r-riżultati ta’ ċerti kandidati għall-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni ġew irreveduti u, min-naħa l-oħra, waqt l-aħħar laqgħa tal-Bord tal-Għażla, fl‑1 ta’ Frar 2018, meta t-talbiet għal reviżjoni dwar id-deċiżjonijiet inizjali tal-Bord tal-Għażla ta’ 35 kandidat ġew eżaminati u l-Bord tal-Għażla ddeċieda li jiċħadhom. Għalkemm il-membri kollha, permanenti u supplenti, tal-Bord tal-Għażla kienu preżenti għal dawn iż-żewġ laqgħat, għandu jiġi osservat li l-Viċi President ma kinitx preżenti għall-aħħar waħda.

86      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-EUIPO ma pproduċiex provi suffiċjenti li jippermettu li jiġi stabbilit li skambji regolari bejn il-membri tal-Bord tal-Għażla kienu jippermettu li tiġi żgurata l-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni tal-kandidati u, għaldaqstant, l-ugwaljanza fit-trattament bejn dawn tal-aħħar.

2)      Il-metodoloġija u l-kriterji ta’ evalwazzjoni

87      L-EUIPO jsostni li bbaża ruħu fuq metodoloġija u kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti minn qabel.

88      Mistoqsi dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali, l-EUIPO pprovda, fl-Anness F.8 tat-tweġiba tiegħu tat‑28 ta’ Frar 2020, dokument mingħajr titolu ta’ 13‑il paġna, mingħajr ma seta’ jispjega waqt is-seduta kif dan id-dokument kien jinkludi l-kriterji ta’ evalwazzjoni meħtieġa.

89      L-ewwel paġna tad-dokument inkwistjoni, komposta minn żewġ tabelli u minn ħames kaxxi kull waħda redatta f’waħda mill-ħames lingwi tal-kompetizzjoni, tinkludi:

–        il-lista ta’ kompetenzi evalwati waqt l-intervista dwar il-kompetenzi speċifiċi, li jidhru b’mod partikolari fl-Annessi I u II tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar in-natura tal-funzjonijiet ta’ amministratur u l-kriterji ta’ selezzjoni, u fil-passaport ta’ kompetenzi tar-rikorrent;

–        l-iskala ta’ immarkar ta’ dawn il-kompetenzi u l-ippeżar ta’ kull waħda minnhom fil-marka globali tal-kandidati għall-intervista dwar il-kompetenzi speċifiċi;

–        l-iskala tal-evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-kandidati waqt din l-intervista (“insuffiċjenti”, “sodisfaċenti”, “tajjeb”, “kompetenti”, “kompetenti ħafna”, “eċċellenti” u “eċċezzjonali”) stabbilita minn din l-iskala ta’ immarkar.

90      It-tieni sat-tlettax-il paġna tad-dokument inkwistjoni huma tabelli li jixbhu waħda miż-żewġ tabelli tal-ewwel paġna tal-imsemmi dokument. L-imsemmija tabelli jidhru li ntużaw sabiex jiġu evalwati l-kandidati matul l-intervista tagħhom dwar il-kompetenzi speċifiċi. L-EUIPO ma indikax fuq liema bażi kienet saret l-għażla ta’ dawn it-tabelli u b’mod partikolari jekk kinux jikkonċernaw kandidati inklużi fil-lista ta’ riżerva. L-ebda waħda mit-tabelli inkwistjoni ma tidher li tikkonċerna lir-rikorrent, peress li l-ebda waħda mill-marki globali inklużi fihom ma tikkorrispondi għal dik li ġiet attribwita lilu waqt l-intervista tiegħu dwar il-kompetenzi speċifiċi.

91      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-informazzjoni li tinsab fl-Anness F.8 tat-tweġiba tal-EUIPO tat‑28 ta’ Frar 2020 ma tistax titqies suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi l-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti minn qabel meħtieġa mis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14, punti 26 u 73). Fil-fatt, fl-imsemmija kawża, minbarra l-kompetenzi li għandhom jiġu evalwati, l-iskala ta’ punti u l-iskala tal-evalwazzjonijiet abbażi ta’ din l-iskala ta’ punti, il-Bord tal-Għażla kien ukoll obbligat jiddefinixxi qabel l-eżamijiet il-kriterji oġġettivi, ta’ natura kwalitattiva, li jippermettu li tiġi applikata l-imsemmija skala. Dawn il-kriterji kellhom b’mod partikolari jinkludu l-elementi mistennija min-naħa tal-kandidati waqt il-prestazzjoni tagħhom, li l-membri tal-Bord tal-Għażla kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwaw il-kandidati, liema evalwazzjoni kellha sussegwentement tiġi rfinata b’evalwazzjoni komparattiva, li tieħu inkunsiderazzjoni l-prestazzjoni tal-kandidati l-oħra. Issa, f’din il-kawża, xejn fl-imsemmi anness jew f’xi parti oħra tal-proċess ma jippermetti li jiġu identifikati tali kriterji u lanqas a fortiori li jiġi vverifikat li dawn tal-aħħar ġew stabbiliti qabel il-bidu tal-eżamijiet.

3)      Il-presidenza tal-Bord tal-Għażla

92      L-EUIPO jenfasizza li l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla kellhom rwol importanti fil-koordinazzjoni.

93      Fl-ewwel lok, din il-koordinazzjoni kienet żgurata permezz, minn naħa, tal-preżenza tal-President jew tal-Viċi President tal-Bord tal-Għażla matul xi minuti fil-bidu ta’ kull eżami u, min-naħa l-oħra, mill-iskambju ta’ opinjonijiet ta’ kuljum matul l-eżamijiet bejnha u bejnu.

94      Madankollu, ir-rikorrent iqis li l-preżenza tal-President tal-Bord tal-Għażla jew tal-Viċi President tiegħu matul l-eżamijiet ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rwol ta’ koordinazzjoni li kien jaqa’ fuqhom. Il-President seta’ jevalwa biss indirettament il-merti tal-kandidati, mingħajr ma seta’ jiżgura l-koerenza tal-evalwazzjoni u tal-paragun tal-kandidati, peress li kien jiddependi kompletament fuq il-parir ta’ terzi u li l-preżenza tiegħu waqt l-intervista dwar il-kompetenzi speċifiċi tar-rikorrent kienet qasira wisq, minn ħames sa seba’ minuti biss. Barra minn hekk, il-President tal-Bord tal-Għażla u l-Viċi President ma evalwawx il-kompetenzi tal-kandidati, iżda semgħu biss il-membri tal-Bord tal-Għażla li intervistawhom. Barra minn hekk, huma ma assistewx simultanjament għall-intervisti, iżda alternattivament, b’tali mod li huwa impossibbli li jiġi żgurat li huma applikaw l-istess kriterji waqt l-evalwazzjoni tal-prattika tal-membri tal-Bord tal-Għażla.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14), invokata mill-EUIPO, il-President tal-Bord tal-Għażla kien jassisti għall-ewwel minuti ta’ kull eżami sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija (punti 26 u 72 tal-imsemmija sentenza).

96      F’dan il-każ, l-EUIPO indika li l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla kienu preżenti bħala medja għall-ewwel għaxra jew ħmistax‑il minuta ta’ kull intervista. Barra minn hekk, huwa spjega li peress li l-eżamijiet kienu tqassmu bejn żewġ ċentri ta’ evalwazzjoni, dawn iż-żewġ persuni kienu qasmu l-intervisti bejn kull wieħed mill-imsemmija ċentri.

97      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla qatt ma assistew, flimkien, għall-ewwel minuti tal-istess intervista. Fuq dan il-punt, l-organizzazzjoni stabbilita fil-kompetizzjoni titbiegħed mill-metodu eżaminat fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14), fejn kienet ġiet żgurata kontinwità fl-intervisti permezz tal-preżenza tal-istess persuna, f’dan il-każ il-President tal-Bord tal-Għażla, fl-ewwel minuti ta’ kull intervista.

98      Skont l-EUIPO, il-kontinwità fl-intervisti setgħet tiġi żgurata permezz ta’ skambji ta’ opinjonijiet ta’ kuljum, matul l-eżamijiet kollha, bejn il-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla, peress li dawn l-iskambji kienu jippermettulhom jarmonizzaw l-approċċi bejn il-kumitati ta’ evalwazzjoni differenti.

99      Sabiex jistabbilixxi r-realtà ta’ dawn l-iskambji, l-EUIPO rrefera, fis-seduta, għat-tieni paġna tal-Anness F.9 tat-tweġiba tiegħu tat‑28 ta’ Frar 2020. Dan id-dokument, intitolat “IP COMP AD/01/2017 MARKING ANALYSIS FOR DATE” bid-data miktuba bl-idejn “26/9/17”, jikkostitwixxi folja ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ ħames kandidati li jikkonċernaw erba’ eżamijiet, jiġifieri tliet eżamijiet li jevalwaw il-kompetenzi ġenerali u l-intervista dwar il-kompetenzi speċifiċi. Fuq din il-formola, numru miċ-ċifri li jidher li jikkostitwixxu l-marki mogħtija lil dawn il-kandidati matul dawn l-eżamijiet tniżżlu bl-idejn. Barra minn hekk, il-kliem miktub bl-idejn “checked” u “ok” jinsabu fin-nofs tal-paġna. Numru minn dawn iċ-ċifri huma wkoll enfasizzati bl-isfar. Fl-aħħar nett, għal tlieta mill-ħames kandidati kkonċernati, it-tieni kolonna tat-tabella, intitolata “Comments”, tinkludi l-ittra “F” miktuba bl-idejn bl-għajnuna ta’ highlighter isfar.

100    Madankollu, it-tieni paġna tal-Anness F.9 tat-tweġiba tal-EUIPO tat‑28 ta’ Frar 2020 tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati, kif ġie rrikonoxxut mill-EUIPO fis-seduta, u mhux dik tal-membri tal-Bord tal-Għażla. Għaldaqstant, dan id-dokument ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ skambji ta’ opinjonijiet bejn il-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla dwar il-koordinazzjoni tal-metodi ta’ ħidma tal-membri tal-Bord tal-Għażla, u wisq inqas in-natura allegatament ta’ kuljum ta’ dawn l-iskambji.

101    Barra minn hekk, ebda element ma jippermetti li jiġi stabbilit l-effett li seta’ kellhom l-iskambji inkwistjoni. B’mod partikolari, l-EUIPO ma pprovda ebda spjegazzjoni dwar it-trażmissjoni tar-riżultati ta’ dawn l-iskambji lill-kumitati differenti ta’ evalwazzjoni u dwar l-implimentazzjoni tagħhom mill-imsemmija kumitati.

102    Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li d-deċiżjoni ADM-16-60, tat‑23 ta’ Novembru 2016, li tinnomina lill-Bord tal-Għażla, u l-erba’ deċiżjonijiet ulterjuri li emendawh kienu taw speċifikament lill-Viċi President tal-Bord tal-Għażla l-funzjoni li tiżgura l-armonizzazzjoni tal-kriterji u tal-metodi ta’ ħidma fil-kuntest tal-kompetizzjoni.

103    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla kienet assenti għal diversi laqgħat li ppreċedew jew segwew l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, filwaqt li dawn il-laqgħat kienu jikkostitwixxu, skont l-EUIPO, stadju ewlieni fil-proċedura intiża li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni.

104    B’hekk, skont il-folji ta’ preżenza pprovduti fl-Anness F.4 tat-tweġiba tal-EUIPO tat‑28 ta’ Frar 2020, il-Viċi President tal-Bord tal-Għażla attendiet biss għal 12 minn 19‑il laqgħa qabel l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni u għalhekk kienet assenti għal seba’ minnhom, jiġifieri għal iktar minn terz minn dawn il-laqgħat. Issa, minkejja li l-EUIPO ma pprovda ebda indikazzjoni dwar is-suġġett ta’ dawn il-laqgħat, huwa probabbli li dawn kienu determinanti sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ ħidma matul l-eżamijiet li kienu ser isegwu u sabiex jippreparaw lill-membri tal-Bord tal-Għażla għal dan il-għan, li kien jaqa’ taħt il-missjoni primarja tal-Viċi President.

105    Fir-rigward tas-seba’ laqgħat li saru wara l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-Viċi President tal-Bord tal-Għażla, skont il-minuti ta’ dawn il-laqgħat, attendiet għal ħamsa minnhom. Min-naħa l-oħra, hija kienet assenti fil-laqgħa tal‑21 ta’ Novembru 2017, li matulha ġew diskussi d-dokumenti pprovduti minn diversi kandidati sabiex jistabbilixxu l-esperjenza professjonali tagħhom fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, hija naqset milli tassendi għall-aħħar laqgħa tal-Bord tal-Għażla, fl‑1 ta’ Frar 2018, li matulha l-Bord tal-Għażla ddeċieda li jiċħad il‑35 talba għal reviżjoni mressqa wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-kompetizzjoni. Issa, dawn is-suġġetti jeħtieġu viġilanza partikolari sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Għażla jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ metodoloġija u ta’ kriterji armonizzati.

106    Fl-aħħar nett, peress li l-ebda informazzjoni ma ġiet ikkomunikata mill-EUIPO dwar il-parteċipanti fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa invokati (ara l-punti 78 u 80 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ma tistax tivverifika jekk il-President jew il-Viċi President tal-Bord tal-Għażla kinux preżenti għal dawn il-laqgħat kollha jew għal parti minnhom.

4)      It-twettiq ta’ studji u ta’ analiżijiet

107    Fl-Anness F.9 tat-tweġiba tiegħu tat‑28 ta’ Frar 2020, l-EUIPO pproduċa dokument ta’ żewġ paġni dwar studji u analiżijiet li twettqu sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tal-immarkar.

108    L-EUIPO spjega fis-seduta li l-ewwel paġna tad-dokument inkwistjoni, intitolat “Assessor check list (for JSI, CBI, OP)”, kien jinkludi lista ta’ elementi relatati mal-aġir tal-membri tal-Bord tal-Għażla preżenti waqt l-intervisti li l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Għażla kienu jikkontrollaw matul l-ewwel minuti tal-preżenza tagħhom matul dawn l-intervisti, peress li dan il-kontroll kellu l-għan li jillimita l-preġudizzji konjittivi msemmija iktar ’il fuq (ara l-punti 68 u 70 iktar ’il fuq).

109    Għal dak li jirrigwarda t-tieni paġna tad-dokument inkwistjoni, din tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati, kif indikat fil-punt 100 iktar ’il fuq, u mhux dik tal-membri tal-Bord tal-Għażla. Għaldaqstant, hija ma tistax titqies bħala studju jew analiżi li tippermetti li tiġi vverifikata l-koerenza tal-immarkar bejn l-imsemmija membri.

110    Għaldaqstant, hija biss l-ewwel paġna tad-dokument inkwistjoni li hija rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ studji u ta’ analiżijiet imwettqa mill-President u mill-Viċi President tal-Bord tal-Għażla. Madankollu, dan huwa dokument verġni li, waħdu, la jippermetti li jiġi vverifikat n-numru ta’ dawn l-istudji u ta’ dawn l-analiżijiet u lanqas jekk tali studji u analiżijiet twettqux għal kull membru tal-Bord tal-Għażla fl-okkażjoni ta’ kull intervista.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-EUIPO ma stabbilixxiex l-eżistenza, fis-sens tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni (F‑127/11, EU:F:2014:14, punti 67 u 71 sa 73), ta’ miżuri suffiċjenti ta’ koordinazzjoni ta’ natura li jiggarantixxu li l-proċedura ta’ selezzjoni tkun ibbażata fuq trattament ugwali u evalwazzjoni koerenti u oġġettiva tal-kandidati.

112    L-ilment ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-regola ta’ stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla għandu għalhekk jintlaqa’.

113    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-importanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, ta’ koerenza tal-immarkar u ta’ oġġettività tal-evalwazzjoni, in-nuqqas ta’ osservanza mill-Bord tal-Għażla tal-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T‑165/03, EU:T:2004:331, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mressqa insostenn tal-ewwel motiv u l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent.

B.      Fuq it-talba għall-kumpens għad-dannu

114    Ir-rikorrent iqis li sofra dannu “morali u mhux materjali” ikkawżat mill-aġir illegali tal-Bord tal-Għażla u tal-EUIPO. Dan id-dannu jikkonsisti fil-fatt li d-deċiżjoni kkontestata qegħditu f’sitwazzjoni ta’ inċertezza permanenti mill-inqas mill‑1 ta’ Diċembru 2017, liema fatt kien sors kostanti ta’ tħassib minn dak iż-żmien ’l hawn u li kellu impatt il-karriera futura tiegħu fi ħdan l-EUIPO. L-imsemmija deċiżjoni qajmet ukoll dubju dwar il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tiegħu, tmur kontra l-aspettattivi raġonevoli tiegħu u tiġġenera għalih stat ta’ tensjoni kunsiderevoli.

115    Il-EUIPO jikkontesta din it-talba.

116    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi, in-natura reali u ċerta tad-dannu invokat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità allegata u dan id-dannu (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punti 52 u 54; tat‑12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 327, u tad‑29 ta’ Novembru 2018, Di Bernardo vs Il-Kummissjoni, T‑811/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:859, punt 60).

117    Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi b’tali mod li l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex it-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14; tal‑10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T‑165/03, EU:T:2004:331, punt 78, u tad‑29 ta’ Novembru 2018, Di Bernardo vs Il-Kummissjoni, T‑811/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:859, punt 60).

118    F’dan il-każ, ir-rikorrent, li jissodisfa l-ewwel kundizzjoni, stabbilixxa li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’illegalità.

119    Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li d-dannu morali u r-rabta kawżali jistgħu jitqiesu li ġew stabbiliti, peress li r-rikorrent la allega u lanqas a fortiori ma wera li ġarrab dannu morali distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament, hemm lok li jitqies li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata vvizzjata b’din l-illegalità jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għad-dannu morali li din id-deċiżjoni setgħet ikkawżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131).

120    Fir-rigward tad-dannu mhux materjali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li bih ir-rikorrent jakkuża lil din l-istituzzjoni, lil dan il-korp jew lil dan l-organu u r-raġunijiet għaliex huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ġarrab, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, ADR Center vs Il-Kummissjoni, T‑644/14, EU:T:2017:533, punti 65 u 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Issa, il-provi prodotti mir-rikorrent ma jippermettux li jiġi ddeterminat kif dan tal-aħħar jixtieq jinvoka dannu “mhux materjali” distint mid-dannu morali invokat. Anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, ir-rikorrent ma pproduċiex provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu u lanqas il-portata tiegħu.

122    Għalhekk, ma jistax jitqies li, f’dan il-każ, it-tieni kundizzjoni li għandha tiġi stabbilita sabiex tinkiseb kundanna għad-danni ġiet issodisfatta.

123    Minn dan isegwi li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumplament tiegħu huwa miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

126    Peress li l-EUIPO essenzjalment tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tas7 ta’ Marzu 2018, li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EUIPO/AD/01/17 irrifjuta, wara reviżjoni, li jinkludi lil Lars Helbert fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 6, fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Nihoul

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Jannar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.