Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' April 2009 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-158/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: B. Karrà, I. Chalkìas u S. Papaioannu)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla jew temenda d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni C(2009)810 tat-13 ta' Frar 2009 "dwar it-trattament finanzjarju tal-infiq iffinanzjat mill-FAEGG f'diversi każijiet ta' irregolaritajiet imwettqa minn impriżi" sa fejn din tirrigwarda r-Repubblika Ellenika,

tirrimborsa lir-rikorrenti l-50 % li kienu ġew imnaqqsa abbażi tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/05, fil-każ fejn jirriżulta li ma kienx hemm l-irregolaritajiet imsemmija fin-nri 3, 4 u 6 sa 13 (ħlief in-nru 7), jew fil-każ fejn id-debitur huwa insolventi, imsemmi fin-nru 2,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-Deċiżjoni C(2009)810 tat-13 ta' Frar 2009 "dwar it-trattament finanzjarju tal-infiq iffinanzjat mill-FAEGG f'diversi każijiet ta' irregolaritajiet imwettqa minn impriżi" il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti aġġustament finanzjarju ta' EUR 13 348 979.02 minħabba n-negliġenza li, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Elleniċi wrew f'perijodu ta' erba' snin, mill-mument tal-ewwel konstatazzjoni ta' irregolarità, u minħabba l-fatt li ma ġewx irkuprati l-ammonti indebitament imħallsa lil 5 impriżi li joperaw fis-settur tal-produzzjoni tal-inbid, f'dak tal-qoton u f'setturi oħra kif ukoll dawk imħallsa lil 8 impriżi standardizzati taħt l-iskema ta' għajnuna għal konsum taż-żejt taż-żebbuġa.

Permezz tal-ewwel motiv ġenerali għal annullament ir-Repubblika Ellenika ssostni li fl-ebda wieħed mit-tlettax il-każ eżaminat ma teżisti bażi legali valida li tiġġustifika l-impożizzjoni tal-aġġustament u dan peress li l-Kummissjoni interpretat u applikat b'mod żbaljat l-Artikoli 31(1) u 32(8) tar-Regolament Nru 1290/20051, li hija indikat bħala d-dispożizzjonijiet applikabbli. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball manifest sostanzjali u għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-kuntest fattwali li jirrigwarda l-atti tal-awtoritajiet Elleniċi kompetenti u, barra minn dan, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li għaddej għal xejn erba' snin mill-ewwel konstatazzjoni tal-irregolarità u li ma nbdiet l-ebda proċedura ta' rkupru jew l-ebda proċedura ta' rkupru valida, ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti bl-Artikolu 253 KE minħabba li hija frammentarja, insuffiċjenti u vaga peress li ma kkonfutatax l-argumenti li l-Greċja ressqet fl-istadju tal-konsultazzjoni bilaterali u matul il-proċedura quddiem il-Korp ta' Konċiljazzjoni.

Permezz tat-tieni motiv għal annullament ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta, f'erba każijiet, ma applikatx l-Artikolu 32(5) u l-Artikolu 32(6) (a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 minflok l-Artikolu 32 (1) u (8), bil-konsegwenza li l-infiq inkwistjoni kellu jiġi sostnut mir-rikorrenti iktar milli mill-FAEGG.

Permezz tat-tielet motiv għal annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1290/05, li jistabbilixxi terminu kull sena għall-bidu tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji kollha previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jitwettaq l-irkupru, sa mill-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, jirrigwarda biss l-irregolaritajiet li jseħħu wara li r-regolament inkwistjoni jkun sar applikabbli u ma jistax ikopri irregolaritajiet li jkunu seħħew għaxar snin qabel meta kien hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni oħra li ma kinitx tipprovdi terminu ekwivalenti, li minflok kienet teżiġi li l-istħarriġ għandu jsir f'terminu raġonevoli.

Permezz tar-raba' motiv għal annullament, ir-rikorrenti ssostni li t-talba tal-Kummissjoni li taddebita s-somma inkwistjoni lilha, wara li għaddew bejn ħmistax u għoxrin sena minn meta seħħet l-irregolarità allegata, hija preskritta minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura u, għaliex allura jkun hemm ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames motiv għal annullament, ir-rikorrenti ssostni li fil-każijiet 3, 4, 6 u 8 sa 13 mhemmx irregolaritajiet, li f'kull każ ta' rkupru hija applikabbli r-regola tal-24 xahar ipprovduta bl-Artikolu 31(4) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u li konsegwentement l-imputazzjoni tas-somom korrispondenti li jirrigwardaw perijodu li jaqbeż sewwa l-24 xahar mill-komunikazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ hija difettuża u għandha tiġi annullata.

____________

1 - Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p.1).