Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fit-28 ta’ Ġunju 2021 – Lufthansa Technik AERO Alzey GmbH vs Arik Air Limited et

(Kawża C-393/21)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Lufthansa Technik AERO Alzey GmbH

Konvenut: Arik Air Limited et

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati 1 , b’mod partikolari dak li tiġi aċċellerata u ssimplifikata l-infurzar tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll dak ta’ protezzjoni effettiva tad-dritt għal smigħ xieraq, kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” previst fl-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004? X’inhu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-infurzar sabiex jinterpretaw dan il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”?

Ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami, marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini li hija intiża li tiddeċiedi kwistjoni dwar l-annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li abbażi tagħha ngħata ordni Ewropew ta’ infurzar, għandhom jitqiesu rilevanti għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004? Skont liema kriterji għandha tiġi evalwata l-proċedura ta’ appell fl-Istat Membru ta’ oriġini u liema livell ta’ eżawrjenza għandu jkollha l-evalwazzjoni tal-proċedura li sseħħ fl-Istat Membru ta’ oriġini li titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-infurzar?

Liema huwa l-għan tal-evalwazzjoni meta tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” li tinsab fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004: l-effett taċ-ċirkustanzi kkonċernati tat-tilwima għandu jiġi evalwat meta d-deċiżjoni ġudizzjarja tal-Istat ta’ oriġini tiġi kkontestata fl-Istat ta’ oriġini, il-vantaġġi u d-danni eventwali tal-miżura kkonċernata fl-Artikolu 23 tar-Regolament għandhom jiġu analizzati, jew, il-kapaċità ekonomika tad-debitur sabiex jeżegwixxi d-deċiżjoni ġudizzjarja jew tabilħaqq ċirkustanzi oħra għandhom jiġu analizzati?

Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004, huwa possibbli li fl-istess waqt jiġu applikati diversi miżuri previsti f’dan l-artikolu? Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fil-pożittiv, fuq liema kriterji l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-infurzar għandhom jibbażaw ruħhom sabiex jiddeċiedu dwar il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tal-applikazzjoni ta’ diversi miżuri previsti?

Is-sistema legali prevista fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), għandha tapplika għal deċiżjoni ġudizzjarja tal-Istat ta’ oriġini dwar is-sospensjoni (jew kanċellament) tas-saħħa eżekuttiva, jew hija applikabbli sistema legali simili għal dik iddefinita fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38.