Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Ġunju 2021 – TBI Bank EAD

(Kawża C-379/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: TBI Bank EAD

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċeduri li fihom id-debitur ma jipparteċipax sal-ħruġ ta’ ordni ġudizzjarja ta’ ħlas immedjat, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u twarrab l-applikazzjoni tagħha, inkluż meta jkollha biss suspett li din il-klawżola hija inġusta?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tirrifjuta kompletament li tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tordna ħlas immedjat f’sitwazzjoni fejn parti biss mill-pretensjonijiet magħmula jkunu bbażati fuq klawżola kuntrattwali probabbilment inġusta li minnha jirriżulta l-ammont tal-krediti, u dan anki meta, fil-proċeduri li fihom id-debitur ma jipparteċipax sal-ħruġ ta’ ordni ġudizzjarja ta’ ħlas immedjat, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit l-ammont konkret ta’ kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-kreditu li jkun ibbażat fuq klawżoli li fir-rigward tagħhom ma jkunx hemm suspett li huma inġusti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tirrifjuta parzjalment li tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tordna ħlas, fir-rigward tal-parti tal-pretensjonijiet li jkunu bbażati fuq klawżola kuntrattwali inġusta?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: il-qorti nazzjonali hija meħtieġa – u jekk iva, f’liema kundizzjonijiet – tislet ex officio l-konsegwenzi li joħorġu min-natura inġusta ta’ klawżola meta jkollha informazzjoni li tindika li din il-klawżola tat lok għal ħlas u, b’mod partikolari, tpaċi dan il-ħlas ma’ krediti oħra mhux imħallsa li joħorġu mill-kuntratt, kif tipprevedi l-liġi nazzjonali f’każijiet simili oħra?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni sar-raba’ domanda: il-qorti nazzjonali hija marbuta mill-istruzzjonijiet maħruġa minn istanza superjuri, li skont il-liġi nazzjonali huma vinkolanti għaliha iżda li ma jikkunsidrawx il-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.