Language of document : ECLI:EU:T:2010:495

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

2 ta’ Diċembru 2010

Kawża T-73/10 P

Svetoslav Apostolov

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Ċaħda tal-kandidatura — Terminu għall-preżentata ta’ appell — Dewmien — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2009, Apostolov vs Il-Kummissjoni (F-8/09, ĠabraSP p. I‑A‑1‑509 u II‑A‑1‑2763), u intiż b’mod partikolari għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. S. Apostolov għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja)

2.      Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ appell — Dekadenza — Digriet preċedenti li jawtorizza l-benefiċċju tal-għajnuna legali għar-rikorrent — Nuqqas ta’ effett

(Artikolu 96(1) tar-Regoli tal-Proċedura għas-Servizz Pubbliku,)

1.      Il-qorti tal-ewwel istanza hija l-unika li għandha kompetenza sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal‑konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tad-distorsjoni tal-provi li jitressqu quddiem din il-qorti, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

(ara l-punt 24)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punti 191 u 192, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.       Ma teżistix bejn it-talba għal għajnuna legali u r-rikors prinċipali rabta b’tali mod li d-digriet li jiddeċiedi fuq din it-talba jista’ jippreġudika l-ammissibbiltà tar-rikors, għaliex it-talba ma għandhiex l-istess suġġett bħar-rikors u tista’ saħansitra tiġi ppreżentata qabel ir-rikors, skont l-Artikolu 96(1) tar-Regolament tal-Proċedura għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jiddeduċi mid-digriet li jawtorizzalu l-benefiċċju ta’ għajnuna legali l-ammissibbiltà tar-rikors prinċipali tiegħu, li ma kienx għadu ppreżenta.

(ara l-punt 26)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 1994, Stagakis vs Il-Parlament, T‑37/93, Ġabra SP p. I‑A‑137 u II‑451, punt 23