Language of document : ECLI:EU:C:2014:238

Kawżi magħquda C‑293/12 u C‑594/12

Digital Rights Ireland Ltd

vs

Minister for Communications, Marine and Natural Resources et
u

Kärntner Landesregierung et

[talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (L-Irlanda) u l-Verfassungsgerichtshof]

“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2006/24/KE — Servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ tali servizzi — Validità — Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ April 2014

1.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Rispett tal-ħajja privata — Protezzjoni tad-data personali — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli jew ta’ servizzi ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika — Direttiva 2006/24 — Obbligu għall-fornituri li jżommu ċerta data għall-finijiet ta’ komunikazzjoni eventwali lill-awtoritajiet nazzjonali — Inġerenza fis-sens tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/24, Artikoli 3, 4, 5, 6 u 8)

2.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet stabbiliti mill-Karta — Kundizzjonijiet — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli jew ta’ servizzi ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika — Direttiva 2006/24 — Obbligu għall-fornituri li jżommu ċerta data għall-finijiet ta’ komunikazzjoni eventwali lill-awtoritajiet nazzjonali — Preġudizzju fuq il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali — Assenza — Għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/24)

3.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet stabbiliti mill-Karta — Kundizzjonijiet — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli jew ta’ servizzi ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika — Direttiva 2006/24 — Obbligu għall-fornituri li jżommu ċerta data għall-finijiet ta’ komunikazzjoni eventwali lill-awtoritajiet nazzjonali — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/24)

1.        L-obbligu impost mill-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2006/24, dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58, lill-fornituri tal-imsemmija servizzi li jżommu għal ċertu żmien data relatata mal-ħajja privata ta’ persuna u mal-komunikazzjonijiet tagħha, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi fih innifsu inġerenza fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/24, li jipprovdu regoli dwar l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data, jikkostitwixxu wkoll inġerenza fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta.

Bl-istess mod, id-Direttiva 2006/24 tikkostitwixxi inġerenza fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li hija tipprevedi trattament tad-data ta’ natura personali.

Din l-inġerenza tirriżulta li hija ta’ daqs kbir, u li għandha titqies li hija partikolarment gravi. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li ż-żamma tad-data u l-użu ulterjuri tagħha ssir mingħajr ma l-abbonat jew l-utent irreġistrat jiġi informat dwar dan il-fatt jista’ joħloq fil-ħsieb tal-persuni kkonċernati s-sentiment li l-ħajja privata tagħhom hija suġġetta għal sorveljanza kostanti.

(ara l-punti 34-37)

2.        Konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet biss jekk ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

Fl-ewwel lok, anki jekk iż-żamma tad-data imposta mid-Direttiva 2006/24, dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58, tikkostitwixxi inġerenza partikolarment gravi fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u fid-drittijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta, hija ma hijiex tali li tippreġudika l-kontenut essenzjali tagħhom ġaladarba, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tagħha, din id-direttiva ma tippermettix li tittieħed konjizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħala tali. Din iż-żamma tad-data lanqas ma hija tali li tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta, minħabba l-fatt li d-Direttiva 2006/24 tipprevedi, fl-Artikolu 7 tagħha, regola dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.

Fit-tieni lok, l-għan sostantiv tad-Direttiva 2006/24 huwa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, li jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ din id-data għal finijiet ta’ riċerka, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tar-reati gravi hekk kif inhuma ddefiniti minn kull Stat Membru fid-dritt intern tiegħu. L-għan sostantiv ta’ din id-direttiva huwa, għalhekk, li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi u b’hekk, finalment, is-sigurtà pubblika. Konsegwentement, iż-żamma tad-data sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jkollhom aċċess eventwali għaliha, hekk kif impost mid-Direttiva 2006/24, effettivament tissodisfa għan ta’ interess ġenerali.

(ara l-punti 38-41, 44)

3.        Id-Direttiva 2006/24, dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58, hija invalida.

Fil-fatt, ċertament, il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, b’mod partikolari kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, hija ta’ importanza ewlenija biex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika u l-effikaċja tagħha tista’ tiddependi kunsiderevolment mill-użu tat-tekniki moderni ta’ investigazzjoni. Madankollu, tali għan ta’ interess ġenerali, fundamentali kemm huwa fundamentali, ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-fatt li miżura ta’ żamma bħal ma hija dik stabbilita bid-Direttiva 2006/24 titqies li hija neċessarja għall-finijiet tal-imsemmija ġlieda.

Il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, li tirriżulta mill-obbligu espliċitu previst fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha importanza partikolari għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilita fl-Artikolu 7 tagħha. B’hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta effikaċjement id-data ta’ natura personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data.

Jirriżulta li d-Direttiva 2006/24 issemmi l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika li l-użu tagħhom huwa mifrux ħafna u li huwa ta’ importanza dejjem tikber fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kulħadd u tkopri l-abbonati u l-utenti rreġistrati kollha. Għaldaqstant hija tikkomporta inġerenza fid-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni Ewropea kważi kollha.

Issa, fl-ewwel lok, id-Direttiva 2006/24 tkopri b’mod ġeneralizzat kull persuna u l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll id-data kollha dwar it-traffiku mingħajr ma jsir ebda differenzjar, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan tal-ġlieda kontra r-reati gravi.

Fit-tieni lok, id-Direttiva 2006/24 ma tipprovdi ebda kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi ddelimitat l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data u l-użu ulterjuri tagħha għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni kriminali ta’ reati li jistgħu, fir-rigward tal-kobor u tal-gravità tal-inġerenza fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jitqiesu li huma suffiċjentement gravi biex jiġġustifikaw tali inġerenza. Barra minn hekk, id-Direttiva 2006/24 ma tinkludix il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali marbuta mal-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data u għall-użu ulterjuri tagħha.

Fit-tielet lok, id-Direttiva 2006/24 timponi ż-żamma tad-data matul perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur mingħajr ma ssir ebda distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ data skont l-utilità eventwali tagħha għall-finijiet tal-għan imfittex jew skont il-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, ma huwiex speċifikat li d-determinazzjoni tat-tul ta’ żamma għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġi ggarantit li dan it-tul huwa limitat għall-minimu neċessarju.

Konsegwentement, id-Direttiva 2006/24 tikkomporta inġerenza f’dawn id-drittijiet fundamentali ta’ kobor vast u ta’ gravità partikolari fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mingħajr ma tali inġerenza tkun preċiżament irregolata minn dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi ggarantit li hija effettivament limitata għall-minimu neċessarju.

Fl-aħħar nett, id-Direttiva 2006/24 ma tipprevedix garanziji suffiċjenti, hekk kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-Karta, li jippermettu li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li billi adotta d-Direttiva 2006/24, dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58, il-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mil-limiti imposti mill-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta.

(ara l-punti 51, 53, 54, 56, 57, 60, 61, 63-66, 69 u d-dispożittiv)