Language of document : ECLI:EU:F:2015:7

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI

EWROPEA

(It-Tieni Awla)

5 ta’ Marzu 2015

Kawża F‑97/13

Valéria Anna Gyarmathy

vs

Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (FRA)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Membru tal-Persunal temporanju – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ċaħda ta’ kandidatura”

Suġġett:      Azzjoni mressqa skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tagħha V. A. Gyarmathy ippreżentat rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (FRA jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) li jimpjega kandidat ieħor minflok lilha għall-kariga ta’ “persuna responsabbli għall-programm ta’ riċerka soċjali”. Barra minn hekk, hija titlob il-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali u morali li hija tqis li sofriet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. V. A. Gyarmathy għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Ċaħda ta’ kandidatura – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Osservanza tas-sigriet tax-xogħol tal-kumitat ta’ selezzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a)); Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors – Identiċità tas-suġġett u tal-kawża – Obbligu tal-amministrazzjoni li tinterpreta l-ilmenti b’moħħ miftuħ – Sempliċi elenkar ta’ possibbli kawżi ta’ illegalità tad-deċiżjoni kkontestata – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Motivi – Motiv ta’ ordni pubbliku – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżawlha dannu u jagħtiha l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din tal-aħħar li tistħarreġ il-legalità tal-att. Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ssostni, fl-Artikolu 41(2)(ċ) tagħha, li d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

Madankollu, tali obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ sabiex jimtela’ l-post vakanti, mal-osservanza tas-segretezza tax-xogħol tal-kumitat ta’ selezzjoni, li tipprekludi kemm l-iżvelar tal-atitudnijiet adottati mill-membri individwali tal-kumitat ta’ selezzjoni kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha relatati mal-evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li jirrigwardaw il-kandidati.

Fir-rigward ta’ kompetizzjoni, fid-dawl tas-sigriet relatat mal-ħidma tal-bord tal-għażla, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi provi tikkostitwixxi, fil-prinċipju, motivazzjoni biżżejjed tad-deċiżjonijiet tal-kumitat ta’ selezzjoni. Dawn il-prinċipji japplikaw b’analoġija għal proċedura ta’ selezzjoni għal impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju.

(ara l-punti 47 sa 49)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Trentea vs FRA, F‑112/10, EU:F:2012:179, punti 89 u 90, u De Mendoza Asensi vs Commission, F‑127/11, EU:F:2014:14, point 94, u il-ġurisprudenza ċċitata

2.      Peress li l-proċedura prekontenzjuża hija informali u li l-persuni kkonċernati f’dan l-istadju ġeneralment ma jinvolvux avukat, l-amministrazzjoni ma tistax tinterpreta l-ilmenti b’mod ristrett, iżda, għall-kuntrarju, għandha teżaminahom b’moħħ miftuħ. Barra minn hekk, l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux l-għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, peress li r-rikors kontenzjuż ma jibdel la l-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex il-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha, hemm bżonn li l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li tkun taf b’mod biżżejjed preċiż il-kritika li l-persuni kkonċernati jifformulaw kontra d-deċiżjoni kkontestata.

F’dan ir-rigward, elenkar ta’ kawżi possibbli ta’ illegalità tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jippermetti lill-amministrazzjoni, anki jekk l-ilment jiġi interpretat b’moħħ miftuħ, li teżamina l-kritika li r-rikorrenti tagħmel kontra l-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni ta’ ilment b’moħħ miftuħ ma tfissirx li l-amministrazzjoni jkollha timmaġina jew tispekula fuq dak li r-rikorrent ried jirreferi għalih mingħajr ma ta iktar dettalji. Minn dan isegwi li r-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu fu q is-sempliċi evokazzjoni ta’ dawn il-possibbli kawżi ta’ illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ motiv fid-dawl tar-regola ta’ konkordanza.

(ara l-punti 69 u 72)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il-Kummissjoni vs Moschonaki, EU:T:2013:557, punti 76 u 77, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-interpretazzjoni li kull motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ drittijiet fundamentali għandu jiġi kkunsidrat bħala raġuni ta’ ordni pubbliku u għalhekk għandha titqajjem ex officio mill-qorti hija suxxettibbli li tippermetti lil rikorrent jinvoka, għall-ewwel darba quddiem il-qorti, motiv dwar il-legalità ta’ att li jikkawżalu preġudizzju li ma għandu l-ebda rabta ma’ dak imsemmi fl-ilment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-amministrazzjoni, fil-kuntest tal-ilment, tkun taf biss parti mill-ilment li tkun akkużata bih. Peress li ma hijiex f’pożizzjoni li tkun taf b’biżżejjed preċiżjoni l-ilmenti jew it-talbiet tal-persuna kkonċernata, l-amministrazzjoni ma tistax għalhekk tipprova tilħaq ftehim bonarju.

(ara l-punti 86 u 87)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza BG vs Médiateur, T‑406/12 P, EU :T:2014:273, punt 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CR vs Parlement, F‑128/12, EU:F:2014:38