Language of document : ECLI:EU:T:2016:227

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

22 ta’ April 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Direttiva 92/81/KEE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina – Eżenzjoni mis-sisa – Għajnuna eżistenti jew ġdida – Artikolu 1(b)(i), (iii) u (iv) tar-Regolament (KE) 659/1999 – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Terminu raġonevoli – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Distorsjoni tal-kompetizzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV II,

L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon, A. Joyce u E. McPhillips, bħala aġenti, assistiti minn P. McGarry, SC,

Aughinish Alumina Ltd, stabbilita f’Askeaton (L-Irlanda), irrappreżentata minn C. Waterson, C. Little u J. Handoll, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, N. Khan, G. Conte, D. Grespan u K. Walkerová, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (ĠU 2006, L 119, p. 12), inkwantu din id-deċiżjoni tikkonċerna l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Shannon (L-Irlanda),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur), E. Buttigieg, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 L-eżenzjoni kontenzjuża

1        L-alumina (jew l-ossidu tal-aluminju) hija trab abjad użat prinċipalment fil-funderiji għall-produzzjoni tal-aluminju. Din tiġi estratta mill-boksajt permezz ta’ proċess ta’ raffinament li l-aħħar pass tiegħu huwa l-kalċinazzjoni. L-alumina kkalċinata tintuża għal iktar minn 90 % għall-proċess ta’ fużjoni tal-aluminju. Il-kumplament huwa sottomess għal trasformazzjonijiet ġodda u huwa użat f’applikazzjonijiet kimiċi. Hemm żewġt iswieq ta’ prodotti distinti, jiġifieri dak tal-alumina metallurġika (iktar ’il quddiem l-“AM”) u dak tal-alumina kimika (iktar ’il quddiem l-“AK”). Żjut minerali jistgħu jintużaw bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina.

2        Hemm biss produttur wieħed tal-alumina fl-Irlanda, fl-Italja u fi Franza, rispettivament. Fl-Irlanda, dan huwa Aughinish Alumina Ltd (iktar ’il quddiem “AAL”), stabbilita fir-reġjun ta’ Shannon. Hemm ukoll produtturi tal-alumina fil-Ġermanja, fi Spanja, fil-Greċja, fl-Ungerija u fir-Renju Unit.

3        Mit-12 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda teżonera mid-dazju tas-sisa ż-żjut minerali użati għall-produzzjoni tal-alumina (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni ”). L-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet introdotta fid-dritt Irlandiż permezz tal-iStatutory instrument n 126/1983, Imposition of Duties (n 265) (Excise Duty on Hydrocarbon Oils) Order, 1983 [Digriet dwar l-impożizzjoni ta’ dazji (n 265) (dazju tas-sisa fuq iż-żjut tal-idrokarbon)], tat-12 ta’ Mejju 1983 (iktar ’il quddiem id- “Digriet tal-1983”).

4        L-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża fir-reġjun ta’ Shannon kienet ġiet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/510/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 316, p. 16). Din l-awtorizzazzjoni ġiet eżaminata mill-ġdid u estiża mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Diċembru 1998 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/425/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tad-dazji tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 182, p. 22). Din ġiet estiża mill-ġdid mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2000 permezz tad-Deċiżjoni 1999/880/KE, tas-17 ta’ Diċembru 1999, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tad-dazji tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 331, p. 73).

5        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 9, Vol. 1, p. 342), jiġifieri l-aħħar waħda li tikkonċerna l-eżenzjoni kontenzjuża, estendiet lill-imsemmija eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2006. Skont il-premessa 5 tagħha, din id-deċiżjoni “għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ distorsjoni li jista’ jsir fit-tħaddim tas-suq uniku, b’mod partikolari skond l-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE]” u “[d]in ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet potenzali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 [KE]”.

 Il-proċedura amministrattiva

6        Bl-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983, l-Irlanda informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li hija kienet ser timplementa impenn meħud fir-rigward ta’ Alcan Aluminium Ltd (iktar ’il quddiem “Alcan”), f’April 1970, b’rabta mal-kostruzzjoni, fir-reġjun ta’ Shannon, ta’ impjant ta’ produzzjoni tal-alumina li, iktar tard, kien ġie ttrasferit lil AAL, u li kien jirrigwarda eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina f’dak l-impjant. Bl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1983, il-Kummissjoni indikat li din l-eżenzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kellha tiġi nnotifikata. Hija ppreċiżat ukoll li jekk l-għajnuna kellha tiġi implementata dak iż-żmien meta hija kienet qiegħda tindirizza l-ittra, hija setgħet tikkunsidra l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983 bħala notifika fis-sens tal-Artikolu  88(3) KE. Bl-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda talbet lill-Kummissjoni tikkunsidraha bħala tali. Il-Kummissjoni ma adottat ebda deċiżjoni wara din il-korrispondenza.

7        Bl-ittra tas-17 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda tinnotifikaha bl-eżenzjoni kontenzjuża. Bl-ittra tas-27 ta’ Settembru 2000, hija fakkret din it-talba lill-Irlanda, u talbitha tipprovdi informazzjoni supplimentari. L-Irlanda wieġbet bl-ittra tat-18 ta’ Ottubru 2000.

8        Bid-deċiżjoni C (2001) 3296, tat-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-eżenzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”). Din id-deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lill-Irlanda, bl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2001, u ġiet ippubblikata, fit-2 ta’ Frar 2002, f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 30, p. 25).

9        Wara li, permezz ta’ faks tal-1 ta’ Diċembru 2001, talbet estensjoni tat-terminu, li kien ingħatalha fis-7 ta’ Diċembru 2001, l-Irlanda kienet ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bl-ittra tat-8 ta’ Jannar 2002.

10      Bl-ittra tat-18 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari mingħand l-Irlanda.

11      Bl-ittri tas-26 u tat-28 ta’ Frar u tal-1 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet rispettivi ta’ AAL, ta’ Eurallumina SpA, ta’ Alcan u tal-Association européenne de l’aluminium. Dawn intbagħtu lill-Irlanda, permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Marzu 2002.

12      Bl-ittra tat-26 ta’ April 2002, l-Irlanda wieġbet għat-talba li kienet intbagħtet lilha mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Frar 2002.

 Deċiżjoni alumina I

13      Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/323/KE dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, rispettivament (ĠU 2006, L 119, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni alumina I”).

14      Id-deċiżjoni alumina I tirrigwarda l-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2004, id-data li fiha saret applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 9, Vol. 1, p. 405), li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003 (premessa 57). Madankollu, hija testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2003 (premessa 92).

15      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni alumina I jipprovdi b’mod partikolari:

Artikolu 1

L-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali tqal użati fil-produzzjoni tal-alumina mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-għajnuna mogħtija bejn is-17 ta’ Lulju 1990 u t-2 ta’ Frar 2002, sa fejn din hija inkompatibbli mas-suq komuni, ma hijiex irkuprata peress li dan l-irkupru jkun kuntrarju għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

Artikolu 3

L-għajnuna, imsemmija fl-ewwel Artikolu, mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji jħallsu dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1 000 kg ta’ żjut minerali tqil.

Artikolu 4

L-għajnuna […] mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji ma ħallsux dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1 000 kg ta’ żjut minerali tqil.

Artikolu 5

1.      Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4 mingħand il-benefiċjarji tagħha.

[…]

5.      Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jordnaw lill-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, sabiex iħallsu lura l-għajnuna illegali flimkien mal-interessi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 u 23 ta’ Frar 2006 rispettivament, l-Irlanda u AAL ippreżentaw dawn ir-rikorsi, li ġew irreġistrati rispettivament taħt ir-referenzi T‑50/06 u T‑69/06.

17      Permezz ta’ att separat, li wasal għand ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2006, AAL ippreżentat talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 242 KE, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni alumina I, sa fejn din tikkonċerna lilha. Din it-talba ġiet irreġistrata taħt ir-riferenza T‑69/06 R. B’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2006, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad dik it-talba u rriżerva l-ispejjeż.

18      B’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 u fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li nstemgħu l-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tibgħat din il-kawża quddiem kulleġġ estiż ta’ ġudikanti.

19      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Mejju 2007, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-kawżi T‑56/06, T‑60/06, T‑62/06 u T‑69/06 (iktar ’il quddiem il-“kawżi alumina I”) għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

20      Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Irlanda et vs il-Kummissjoni (T‑50/06, T‑56/06, T‑60/06, T‑62/06 u T‑69/06, EU:T:2007:383), il-Qorti Ġenerali għaqdet il-kawżi alumina I għall-finijiet tas-sentenza, annullat id-deċiżjoni alumina I u, fil-Kawża T‑62/06, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

21      Permezz ta’ rikors bid-data tas-26 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

22      Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda et vs il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (EU:T:2007:383), sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni alumina I, irrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

23      Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 22 iktar ’il fuq (EU:C:2009:742), u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati lit-Tieni Awla Estiża bid-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2009.

24      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-1 ta’ Marzu 2010, il-kawżi alumina I ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2010, il-kawżi alumina I ġew riassenjati lir-Raba’ Awla Estiża.

25      Bis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, L-Irlanda vs il-Kummissjoni (T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENVu T‑69/06 RENV, Ġabra, EU:T:2012:134), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni alumina I, sa fejn hija kienet tikkonstata, jew kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana sal-31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn hija ordnat lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1 000 kg ta’ żejt minerali tqil.

26      Permezz ta’ rikors bid-data tal-1 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

27      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, Ġabra, EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq (EU:T:2012:134), irrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

28      Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati lill-Ewwel Awla, b’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Marzu 2014.

29      Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, rispettivament, fil-21 ta’ Frar 2014, għall-Irlanda, u l-14 ta’ April 2014, għall-Kummissjoni, fil-Kawża T‑50 06 RENV II kif ukoll fis-26 ta’ Frar 2014, għal AAL, u fil-15 ta’ April 2014, għall-Kummissjoni, fil-Kawża T‑69/06 RENV II. Madankollu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li jżommu fermi l-motivi kollha invokati insostenn tat-talbiet tagħhom f’dawn ir-rikorsi. Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

30      Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2014, il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati mill-ġdid lill-Ewwel Awla Estiża, skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

31      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, talbet lill-Irlanda, fil-Kawża T‑50/06 RENV II, tipproduċi l-ittri tat-8 ta’ Jannar u tas-26 ta’ April 2002 (ara l-punti 9 u 12 hawn fuq). L-Irlanda rrispettat din it-talba fit-terminu stabbilit.

32      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla Estiża tat-23 ta’ Marzu 2015, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015.

34      L-Irlanda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni alumina I, sa fejn dik id-deċiżjoni tikkonċerna l-eżenzjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      AAL titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni alumina I, f’dak li jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

37      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li dawn iż-żewġ rikorsi għandhom jiġu interpretati li huma intiżi, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni alumina I, sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li l-Irlanda tat, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kontenzjuża”), u tordna lill-Irlanda sabiex tirkupraha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Sa dan il-punt, dawn ir-rikorsi għandhom l-istess suġġett.

38      Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tinvoka, essenzjalment, erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża fir-rigward tal-Artikolu 88 KE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ estoppel u tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi. Ir-raba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipju ta’ estoppel kif ukoll ta’ użu ħażin tal-poter.

39      Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, AAL tinvoka sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża fir-rigward tal-Artikolu 88 KE. It-tieni motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll ta’ eċċess ta’ kompetenza u ta’ użu ħażin tal-poter. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti li jitnisslu mill-Artikolu 3(1)(m) KE u mill-Artikolu 157 KE. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Il-ħames motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, marbuta mat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Is-sitt motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 87(1) KE.

40      Għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, il-motivi li abbażi tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-applikabbiltà għall-eżenzjoni kontenzjuża tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri, minn naħa, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ estoppel u tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ estoppel kif ukoll fuq użu ħażin tal-poter, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u, min-naħa l-oħra, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll ta’ eċċess ta’ kompetenza u ta’ użu ħażin tal-poter, u t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti li jitnisslu mill-Artikolu 3(1)(m) KE u tal-Artikolu 157 KE, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II.

41      Jeħtieġ, imbagħad, jiġi eżaminat il-motiv li għalih AAL topponi, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għall-perijodu ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri s-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 87(1) KE.

42      Għandu mbagħad jitkompla l-eżami tal-motivi li abbażi tagħhom ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u mhux bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 88 KE, jiġifieri l-ewwel motivi mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, ibbażati fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża fir-rigward tal-Artikolu 88 KE.

43      Fl-aħħar nett, għandu jsir l-eżami tal-motivi li abbażi tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, jiġifieri, minn naħa, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u, min-naħa l-oħra, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, u l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, marbut mat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II.

 Fuq, minn naħa, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ estoppel u tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ estoppel kif ukoll fuq użu ħażin tal-poter, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u, min-naħa l-oħra, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll ta’ eċċess ta’ kompetenza u ta’ użu ħażin tal-poter, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

44      Fil-kuntest tat-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif interpretat fil-ġurisprudenza, meta adottat, fir-rigward tal-eżenzjoni kontenzjuża, deċiżjoni li tipproduċi effetti kuntrarji għal dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224, għaliex, minkejja li, permezz ta’ din l-aħħar deċiżjoni, il-Kunsill kien awtorizzaha tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni kienet, permezz tad-deċiżjoni alumina I, iddeċidiet li l-għajnuna kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna li kienet inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, u li kellha, għaldaqstant, tiġi rkuprata. Barra minn hekk, l-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ estoppel meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li pproduċiet effetti kuntrarji għal dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224, mingħajr ma ppreżentat rikors għal annullament, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, kontra dik id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, l-Irlanda ssostni li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, għaliex, jekk hija kienet tqis li l-eżenzjoni kontenzjuża, li hija kienet awtorizzatha tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2006, bid-Deċiżjoni 2001/224, kienet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew kienet inkompatibbli mas-suq komuni, kien messha segwiet il-proċedura prevista b’dan l-Artikolu u tissottometti lill-Kunsill proposti adegwati sabiex tħassar jew temenda l-awtorizzazzjoni mogħtija.

45      Fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda targumenta, essenzjalment, li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ estoppel u wettqet użu ħażin tal-poter. Hija tqis li l-prinċipju ta’ estoppel jostakola li l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn, minkejja l-għarfien li hija kellha tal-eżenzjoni kontenzjuża u tal-implementazzjoni tagħha, skont id-Deċiżjoni 2001/224, hija damet sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I. L-ewwel nett, l-Irlanda tibbaża ruħha fuq in-notifika, fil-bidu tal-1983, tal-eżenzjoni kontenzjuża lill-Kummissjoni, li mbagħad adottat deċiżjoni pożittiva dwarha. It-tieni nett, hija tibbaża ruħha fuq in-notifika lill-Kummissjoni, mill-1995 ’il quddiem, ta’ informazzjoni perijodika fuq l-ammonti stmati tal-għajnuna kontenzjuża, li ġew adottati mill-Kummissjoni fin-notifikazzjonijiet tagħha tal-għajnuna lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). It-tielet nett, hija tirreferi għad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni adottati fl-1997, fl-1999 u fl-2001 mill-Kunsill, li ddeċieda b’unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni. Ir-raba’ nett, hija tinvoka l-assenza ta’ proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, li kienet ġiet adottata skont il-lex specialis tal-Artikolu 93 KE. Il-ħames nett, hija tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ rikors għal annullament ippreżentat mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, kontra d-Deċiżjoni 2001/224. Is-sitt nett, hija tirreferi għad-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, li jmur kontra r-rekwiżit tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli, peress li dik id-deċiżjoni kienet ġiet adottata iktar minn 43 xahar wara li l-Kummissjoni rċeviet, f’April 2002, ir-risposta tagħha għall-aħħar talba ta’ informazzjoni supplimentari indirizzata minn dik l-istituzzjoni. Is-seba’ nett, hija tinvoka d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill matul il-proċedura kollha ta’ investigazzjoni formali, li ppermettew li hija tikkunsidra li l-għajnuna kontenzjuża kienet ġiet awtorizzata. It-tmien nett, hija tibbaża ruħha fuq l-imġiba tal-Kummissjoni, li, fiċ-ċirkustanzi kollha, ittrattat l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna eżistenti. Id-disa’ nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ ordni ta’ sospensjoni tal-għajnuna, adottata taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li kien jippermetti li jittaffew l-effetti tal-għajnuna fuq is-suq komuni u l-effetti tal-irkupru ta’ dik l-għajnuna fuq AAL. L-Irlanda ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata sabiex tirribatti l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet tawtorizzaha tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, filwaqt li hija kienet pproponiet lill-Kunsill li jestendi l-imsemmija awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2002 biss.

46      Fil-kuntest tat-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, AAL issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif interpretat fil-ġurisprudenza, u l-prinċipju ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet u li hija eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi, fir-rigward tal-eżenzjoni kontenzjuża, effetti kuntrarji għal dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224, għaliex, filwaqt li, b’din l-aħħar deċiżjoni, il-Kunsill estenda l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Irlanda sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, id-deċiżjoni alumina I tikkonstata li l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża kienet parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u, sa dan il-punt, kellha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju tagħha, ħlief għall-perijodu mis-17 ta’ Lulju 1990 sat-2 ta’ Frar 2002. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, AAL tibbaża ruħha fuq id-Direttiva 92/81, adottata skont il-lex specialis li jikkostitwixxi l-Artikolu 93 KE, li jippermetti lill-Irlanda tidderoga mil-lex generalis tal-liġijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) KE, sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill huma bbażati b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni li l-eżenzjoni kontenzjuża ma taffettwax il-kompetizzjoni u lanqas ma twassal għal distorsjoni tal-funzjonament tas-suq komuni. It-tieni nett, hija tinvoka l-assenza ta’ rikors mill-Kummissjoni, għall-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 sabiex issolvi l-eventwali problemi ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni marbuta mal-eżenzjoni kontenzjuża, kif awtorizzata mill-Kunsill, kif ukoll l-assenza ta’ introduzzjoni ta’ rikors għal annullament, taħt l-Artikolu 230 KE, kontra d-Deċiżjoni 2001/224. It-tielet nett, hija tibbaża ruħha fuq il-proposta ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 1999 u fuq l-Artikolu 3 tal-proposta ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2000, minn fejn kien jirriżulta li l-Kummissjoni ma pprevedietx l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali negattiva fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat qabel l-iskadenza tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u li hija ma kinitx tpoġġi fid-dubju l-għajnuna kontenzjuża. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill ta’ qabel id-Deċiżjoni 2001/224, li ma jsemmux il-possibbiltà ta’ applikazzjoni parallela tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Il-ħames nett, hija ssemmi l-inapplikabbiltà tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224 għall-eżenzjoni kontenzjuża, li hija għajnuna eżistenti, innotifikata f’Jannar 1983. Is-sitt nett, hija tirreferi għall-bidla, mill-Kummissjoni, tal-politika tagħha riżultanti mill-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra l-eżenzjoni kontenzjuża, b’deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001, jiġifieri madwar erbatax-il xahar qabel l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni sabiex tibqa’ tapplika l-imsemmija eżenzjoni li hija stess kienet ipproponiet li l-Kunsill jimponi, fil-31 ta’ Diċembru 2002. Is-seba’ nett, hija tirreferi għall-illegalità tal-imġiba, mill-Kummissjoni, meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, mogħtija mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2001/224, u, konsegwentement, li ċċaħħad lid-Direttiva 92/81 minn kull sens u minn kull effettività.

47      Fi kwalunkwe każ, AAL ssostni li, anki fil-kuntest biss tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet użu ħażin tal-poter, fid-deċiżjoni kkontestata, billi kklassifikat b’mod żbaljat l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna illegali, minkejja li din kienet ġiet awtorizzata mill-Kunsill. Din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li l-Kunsill kien ta awtorizzazzjoni għal żmien itwal minn dak propost mill-Kummissjoni, billi l-Kunsill kien aġixxa legalment, fil-kuntest tal-poteri tiegħu fil-qasam ta’ armonizzazzjoni fiskali.

48      Il-Kummissjoni titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

49      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, għalkemm ir-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II jirreferi għal deċiżjoni impliċita ta’ awtorizzazzjoni li daħlet fis-seħħ, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999, wara n-notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża lill-Kummissjoni fil-bidu tal-1983 u li ppermettiet li l-għajnuna nnotifikata tinbidel f’għajnuna eżistenti, dan il-motiv jingħaqad mal-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn ta’ dan l-istess rikors, u li l-eżami tiegħu għandu jiġi, għalhekk, pospost (ara l-punti 135 sa 163 iktar ’il quddiem).

50      Imbagħad, sa fejn, taħt il-kopertura ta’ dan l-istess motiv, l-Irlanda tidher li tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi li hija stess kienet ħolqot, fi ħdan l-AAL, dwar il-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, minħabba t-tul ta’ żmien li ħadet biex tadotta d-deċiżjoni alumina I, dan il-motiv jista’ jiftiehem li huwa, essenzjalment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, dan jingħaqad mat-tielet motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u l-eżami tiegħu għandu jiġi pospost (ara l-punti 205 sa 263 iktar ’il quddiem).

51      Fl-aħħar nett, sa fejn, fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tilmenta li l-Kummissjoni damet sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, hija tqajjem, essenzjalment, ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, li jixbaħ lil dak invokat minn AAL fil-kuntest tal-ħames motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, u li għandu jiġi eżaminat flimkien ma’ dan il-motiv tal-aħħar (ara l-punti 264 sa 273 iktar ’il quddiem).

52      Mill-kumplament, dawn il-motivi jqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata setgħet tipproduċi effetti legali li jmorru kontra dawk prodotti mid-Deċiżjoni 2001/224, li kienet espressament awtorizzat lill-Irlanda sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, b’mod partikolari għar-raġuni li l-imsemmija eżenzjoni ma kinitx twassal għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni.

53      Barra minn hekk, it-tieni u r-raba’ motivi mqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II iqajmu l-kwistjoni ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ estoppel, marbut mal-effetti legali kuntrarji allegatament prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224 u bid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll ta’ eventwali ksur tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, marbut mal-fatt li, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, bl-għan li temenda jew tħassar id-Deċiżjoni 2001/224.

54      Barra minn hekk, fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tilmenta li l-Kummissjoni ma adottatx, f’dan il-każ, ordni ta’ sospsensjoni tal-għajnuna kontenzjuża, taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

55      Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u t-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II jimplikaw l-istħarriġ tal-eżistenza ta’ eventwali użu ħażin tal-poter, imwettaq mill-Kummissjoni, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

56      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ estoppel, invokat fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ motivi mqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ta’ estoppel huwa prinċipju legali Anglo-Sassonu li ma jeżistix, bħala tali, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, iżda dan ma jipprekludix li ċerti prinċipji, bħalma huma l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u ċerti regoli, bħalma hija r-regola nemo potest venire contra factum proprium, stabbiliti minnu jistgħu jitqiesu bħala marbuta jew appartenenti għal dan il-prinċipju. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat fid-dritt, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ estoppel, li ma jipprekludix il-possibbiltà li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Irlanda fejn dawn jistgħu jitqiesu li huma insostenn ta’ motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

57      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, ksur tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew eċċess ta’ kompetenza, invokati fil-kuntest tat-tieni motivi mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors jew tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, għandu, l-ewwel nett, jitakkar li, skont il-prinċipju ta’ attribuzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5 KE u fl-Artikolu 7 KE, il-Komunità Ewropea għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha u l-għanijiet li huma assenjati lilha bit-Trattat KE u kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet mogħtija lilha bl-istess Trattat.

58      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u għalhekk jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra, EU:C:1994:247, punt 48; tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra, EU:C:1999:363, punt 93, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑475/01, Ġabra, EU:C:2004:585, punt 18).

59      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara d-digriet tat-8 ta’ Novembru 2007, Fratelli Martini u Cargill, C‑421/06, EU:C:2007:662, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li dan il-prinċipju jaħseb sabiex jiggarantixxi l-previdibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Schulin, C‑305/00, Ġabra, EU:C:2003:218, punt 58, u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra, EU:C:2005:548, punt 69). Għal dan l-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet josservaw l-intanġibbiltà tal-atti li huma jadottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali u materjali tal-individwi suġġetti għad-dritt, b’mod li huma ma jistgħux jemendaw dawn l-atti mingħajr ma josservaw regoli ta’ kompetenza u ta’ proċedura (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra, EU:T:1997:155, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jevitaw, bħala prinċipju, l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw fl-implementazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u dan b’mod partikolari fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom l-istess mira, bħalma hija l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra, EU:C:1993:239, punti 41 u 42, u tal-31 ta’ Jannar 2001, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T‑156/98, Ġabra, EU:T:2001:29, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 huwa mfassal b’dan il-mod:

“Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis ipprovduti fil-paragrafu 4 ma humiex iktar sostenibbli, partikolarment minħabba raġunijiet ta’ kompetizzjoni żleali jew ta’ distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern jew minħabba raġunijiet marbuta mal-politika Komunitarja tal-ħarsien tal-ambjent, hija għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’unanimità fuq dawn il-proposti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

61      F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dawn l-ilmenti huma direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812).

62      Fil-fatt, fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet distinzjoni netta bejn il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, minn naħa, u fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, min-naħa l-oħra. Hija ddikjarat, barra minn hekk, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 għandha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dawk tal-iskema stabbilita bl-Artikolu 88 KE.

63      Fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, hija kkonkludiet, għaldaqstant, li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, jintroduċi eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma setax ikollha l-effett li xxekkel lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattat KE u, konsegwentement, milli timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u sabiex jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-proċedura, tieħu deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni alumina I.

64      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-punt 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu jagħtu eżenzjonijiet totali mid-dazji tas-sisa billi jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ natura ġeografika u ratione temporis preċiżi u li dawn tal-aħħar kienu ġew strettament osservati mill-Istati Membri ma għandux effett fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni u għalhekk ma jistax iċċaħħad lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha.

65      Fil-punt 51 tal-istess sentenza, hija nnotat li kien, barra minn hekk, fl-osservanza ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi li l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet fis-seħħ matul il-perijodu li dwaru d-deċiżjoni kkontestata ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, kienet tipprovdi li dik id-deċiżjoni kienet bla ħsara għal eventwali proċeduri li setgħu jinbdew taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE u ma kinitx teħles lill-Istati Membri mill-“obbligu tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi stabbilita” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

66      Fl-aħħar nett, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, mill-ġdid, indikat li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li din kienet qatt ma użat il-poteri li hija kienet tgawdi, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew l-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex tikseb it-tħassir jew l-emenda ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ma setax jostakola l-klassifikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

67      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ rinviju, il-Qorti Ġenerali għandha tkun marbuta bil-punti ta’ dritt deċiżi bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl tal-punt 54 tal-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), għandu jiġi kkonstatat li l-motivi ċċitati fil-punti 62 sa 66 hawn fuq huma s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li bih il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq (EU:T:2012:134), u rrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali.

68      Issa, jirriżulta minn dawn il-motivi li, bl-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex jiġi eżaminat jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u bit-teħid, wara dik il-proċedura, tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet qiegħda biss teżerċita l-kompetenzi fdati lilha bit-Trattat KE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li, meta għamlet hekk, hija ma ppreġudikatx il-kompetenzi fdati lill-Kunsill mit-Trattat KE fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa jew l-atti li l-Kunsill kien adotta fl-eżerċizzju ta’ dawk il-kompetenzi.

69      Isegwi li, meta implementat, mingħajr ma qabel tat bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u meta ħadet, wara dik il-proċedura, id-deċiżjoni alumina I minkejja li l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224 kien espressament jawtorizza lill-Irlanda sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ma setgħetx tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, u lanqas, kif issotni l-Irlanda, l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, setgħu jipproduċu l-effetti tagħhom biss fil-kamp kopert mir-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa u ma kinux jippreġudikaw l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni, bħalma hija d-deċiżjoni alumina I, li l-Kummissjoni setgħet tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

70      Barra minn hekk, jirriżulta mill-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva u ma jistax jiddependi minn imġiba jew minn dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet, li l-fatt li l-Kummissjoni qieset, meta adottat id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa ma jwasslux għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni ma setax jipprekludi li l-imsemmija eżenzjonijiet ikunu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

71      Isegwi a fortiori mis-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, għall-għanijiet tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala għajnuna mill-Istat, mill-evalwazzjonijiet tal-Kunsill, fid-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, li jipprovdu li l-imsemmija eżenzjonijiet ma jwasslux għal distrosjoni tal-kompetizzjoni u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

72      Għaldaqstant AAL ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ir-rikorrenti lanqas ma għandhom raġun isostnu li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li huma kuntrarji għal dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224.

73      Sal-punt li, fil-kuntest tat-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, AAL tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li kklassifikat l-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna illegali, minkejja li din kienet ġiet awtorizzata mill-Kunsill, huwa biżżejjed, sabiex jiġi miċħud dan l-ilment bħala infondat, li jitfakkar li, kif indikat fil-punt 49 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, fid-dawl tar-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, ma setax ikollha l-effett li jżomm lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u milli tieħu, wara l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, jekk ikun il-każ, deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata.

74      Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda, bħala infondati, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, ksur tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew eċċess ta’ kompetenza.

75      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ilmenti bbażati fuq użu ħażin tal-poter imwettaq mill-Kummissjoni, invokati fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u tat-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin tal-poter għandu portata preċiża fid-dritt tal-Unjoni u jkopri s-sitwazzjoni li fiha awtorità amministrattiva tuża l-poteri tagħha għal għan ieħor għajr dak li għalih huma jkunu ngħataw lilha. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet għajr dawk iddikjarati (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, T‑75/06, Ġabra, EU:T:2008:317, punt 254 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ użu ħażin tal-poter, ir-rikorrenti ma jressqux indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jistgħu jippermettu li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata kienet ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet għajr dawk iddikjarati, jiġifieri l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE.

77      Għalhekk għandhom jiġu miċħuda wkoll, bħala infondati, l-ilmenti bbażati fuq użu ħażin tal-poter imwettaq mill-Kummissjoni.

78      Fir-raba’ lok, sa fejn, fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tikkritika lill-Kummissjoni li ma adottatx, f’dan il-każ, ordni ta’ sospensjoni tal-għajnuna kontenzjuża, taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitfakkar li, skont dik id-dispożizzjoni, “[i]l-Kummissjoni tista’, wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna llegali sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibilità ta' l-għajnuna mas-suq komuni”

79      L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jobbligax lill-Kummissjoni, meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, li tadotta ordni ta’ sospensjoni, imma jipprovdi biss li hija tista’ tadotta tali ordni, meta hija tqis li din hija neċessarja. Isegwi li l-Irlanda ma għandhiex raġun tilmenta li, meta ddeċidiet li ma kellhiex id-dmir, f’dan il-każ, tadotta ordni ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

80      Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

81      Bla ħsara għall-ilmenti li għandhom jiġu eżaminati jew fil-kuntest ta’ motivi oħra (ara l-punti 49 u 50 hawn fuq) jew b’mod separat (ara l-punt 51 hawn fuq), billi l-ilmenti l-oħra invokati fil-kuntest taż-żewġ motivi mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi u tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II qegħdin jiġu miċħuda kompletament, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati dawn il-motivi nnifishom.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti li jitnisslu mill-Artikolu 3(1)(m) KE u mill-Artikolu 157 KE, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

82      AAL issostni li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti li jitnisslu mill-Artikolu 3(1)(m) KE u mill-Artikolu 157 KE, sa fejn, minflok ma għenet lill-impriżi Komunitarji sabiex ikunu kompetittivi, id-deċiżjoni kkontestata rrendiet lill-Komunità inqas kompetittiva u poġġietha f’sitwazzjoni żvantaġġjata fuq is-suq dinji, li fih hija tesporta l-maġġor parti tal-produzzjoni tagħha. Id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu bbażati fuq l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa bl-estensjoni kontenzjuża, u dan il-Kummissjoni kienet ammettietu inizjalment u kienet iddikjaratu hija stess fir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 92/510.

83      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

84      Dan il-motiv i qajjem, essenzjalment, il-kwistjoni jekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisritx ir-rekwiżiti li jitnisslu mill-Artikolu 3(1)(m) KE u mill-Artikolu 157 KE, sa fejn hija ostakolat l-applikazzjoni ta’ miżura, jiġifieri l-eżenzjoni kontenzjuża, li kienet intiża sabiex issaħħaħ il‑kompetittività ta’ AAL fuq is-suq dinji tal-produzzjoni tal-alumina, mingħajr ma toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2001/224.

85      L-Artikolu 3 KE jipprovdi b’mod partikolari kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dak li hemm imsemmi fl-Artikolu 2, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif provdut f’dan it-Trattat u skond il-programm li jinsab fih:

[…]

m)      it-tisħiħ tal-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità […]”

86      L-Artikolu 157 KE jipprovdi b’mod partikolari kif ġej:

“1. Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità.

Għal dan l-iskop, skond is-sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni tagħhom għandha tfittex li

–        tħaffef l-adattament ta’ l-industrija għal bidliet strutturali;

–        tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta’ l-impriżi fi ħdan il-Komunità kollha, partikolarment ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

–        tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-koperazzjoni bejn l-impriżi;

–        tikkoltiva l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politika ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku.

[…]

3.      Il-Komunità għandha tikkontribwixxi biex jitlaħqu l-miri kif imniżżla fil-paragrafu 1 permezz tal-politika u l-attivitajiet li ssegwi skond disposizzjonijiet oħra ta’ dan it-Trattat. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 [KE]u wara li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jista’ jiddeċidi dwar miżuri speċifiċi b’appoġġ għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafu 1

Dan it-Titolu m’għandux iservi ta’ bażi għall-introduzzjoni mill-Komunità ta’ xi miżura li tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

87      Kif targumenta korrettement il-Kummissjoni, fil-paragrafu 1(g) tiegħu, l-Artikolu 3 KE jipprovdi wkoll li l-azzjoni tal-Komunità għandha tinvolvi “sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata”. Barra minn hekk, l-Artikolu 157 KE jipprovdi li dan ma jikkostitwixxix bażi għall‑introduzzjoni, mill-Unjoni, ta’ xi miżura li tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

88      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 52 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li, bl-adozzjoni, mill-Kunsill, tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni bl-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali, il-Kummissjoni kienet qieset li l-eżenzjoni kontenzjuża ma kinitx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinitx ittellef il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni, hija kienet innotat ukoll, fil-punt 53 ta’ dik l-istess sentenza, li dan ma kienx jipprekludi li dik l-eżenzjoni tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna, filwaqt li jiġi nnotat li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva u ma jistax jiddependi mill-imġiba jew mid-dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet.

89      Issa, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjoni kontenzjuża kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, b’mod partikolari għaliex, kif innutat fil-premessi 61 u 62 ta’ dik l-istess deċiżjoni, seta’ jiġi preżunt li hija kienet tikkawża jew kienet thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk proporzjon importanti mill-produzzjoni tal-alumina kienet ikkunsmata fl-impjanti tal-produzzjoni tal-alumina, sa fejn l-eżenzjoni kontenzjuża kienet intiża espliċitament sabiex issaħħaħ il-kompetittività tal-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, b’mod partikolari dawk Komunitarji, stabbiliti fil-Greċja, fi Spanja, fil-Ġermanja u fl-Ungerija (b’effett mid-dħul ta’ dawn il-pajjiż fl-Unjoni, fl-1 ta’ Mejju 2004), u dan billi kien inaqqas l-ispejjeż tagħhom ta’ produzzjoni.

90      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, AAL tillimita ruħha sabiex tinnota li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-punt 89 hawn fuq tikkontradixxi dik li ssostni d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni adottati mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali, mingħajr ma tikkontesta speċifikament il-mertu ta’ din l-evalwazzjoni.

91      Sa fejn, għall-motivi esposti fil-punt 88 hawn fuq, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta, f’dan il-każ, bl-evalwazzjonijiet li jissemmew fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni adottati mill-Kunsill, fuq proposta tagħha, fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali, għandu jiġi kkonstatat li hija ma kisritx l-Artikolu 3(1)(m) KE u l-Artikolu 157 KE meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

92      Għaldaqstant, it-tielet motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II għandu jiġi miċħud bħala infondat.

93      Din iċ-ċaħda hija mingħajr preġudizzju għall-eżami li ser jitwettaq, fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn ta’ dan l-istess rikors, tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha u l-Artikolu 87(1) KE meta kkonstatat, fil-premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni alumina I, li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni ta’ effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri kienet issodisfatta (ara l-punti 94 sa 131 iktar ’il quddiem).

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 87(1) KE, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

94      Fl-ewwel lok, AAL issostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex ma pprovdietx motivazzjoni adegwata fir-rigward tal-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet sabiex tikklassifika l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri l-kundizzjonijiet tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Skont ix-xewqa fformulata minn ċerti membri tal-Kummissjoni, hija kellha tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex, fi tmiem analiżi ekonomika kompleta u attwali tal-effetti fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-għajnuna kontenzjuża, hija kienet waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq kienu, f’dan il-każ, issodisfatti.

95      Fit-tieni lok, AAL issostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE għaliex ikkonstatat b’mod żbaljat, mingħajr ma wettqet analiżi ekonomika serja, li l-għajnuna kontenzjuża kienet tagħtiha vantaġġ, li kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri jew li kienet tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fl-analiżi tagħha tal-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni alumina I, tal-eżistenza ta’ żewġ prodotti distinti, jiġifieri l-AM u l-AK, filwaqt li, bħala prodottur ta’ AM, essenzjalment hija kompetitriċi ta’ produtturi mhux Ewropej u mhux ta’ prodotturi Ewropej, b’mod partikolari dawk li jipproduċu l-AK. It-tieni nett, hija tibbaża ruħha fuq l-immaġini żbaljata tas-sitwazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni alumina I, meta tiddikjara li l-għajnuna kontenzjuża hija intiża sabiex issaħħaħ il-kompetittività tagħha fil-konfront tal-kompetituri tagħha, billi tnaqqas l-ispejjeż tagħha, u dan huwa minnu biss fil-konfront tal-produtturi tal-alumina li ma humiex Ewropej imma mhux fil-konfront tal-produtturi Ewropej tal-alumina, li bejniethom il-livell ta’ kompetizzjoni kien żgħir ħafna, kont meħud tal-fatt li l-Unjoni kienet importatriċi nett tal-alumina u li parti kbira tal-produzzjoni tal-alumina Komunitarju kienet ristretta. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatt li, minn naħa, il-produtturi Ewropej tal-alumina, b’mod partikolari dawk ibbażati fil-Ġermanja, igawdu minn eżenzjonijiet fuq l-enerġija li huma jużaw, li hija diġà orħos, u li, min-naħa l-oħra, minħabba l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti fuq il-liċenzji u fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, hija tinsab f’sitwazzjoni żvantaġġjata, fil-livell tal-ispejjeż, fil-konfront ta’ produtturi oħra Ewropej tal-alumina.

96      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi din taqa’ fil-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Mejju 2014, Donau Chemie vs Il‑Kummissjoni, T‑406/09, Ġabra, EU:T:2014:254, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Għandu għaldaqstant jiġi ttrattat, fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 253 KE, imbagħad, fit-tieni lok, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 87(1) KE.

99      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni rikjesta bl-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat, l-obbligu ta’ motivazzjoni jirrikjedi li jkunu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il-Kummissjoni, T‑177/07, Ġabra, EU:T:2010:233, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jipprojbixxi l-għajnuna li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑211/05, Ġabra, EU:T:2009:304, punt 151).

101    Fir-rigward tar-raġunijiet li għandhom, f’dan ir-rigward, jingħataw mill-Kummissjoni, dawn għandhom jiġu ddeterminati b’riferiment għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi kkonstatata l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif imfakkar fil-punti 112 sa 115 iktar ’il quddiem.

102    Huwa għalhekk fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra, minn naħa, fil-punti 99 u 100 hawn fuq, u, min-naħa l-oħra, fil-punti 112 sa 115 iktar ’il quddiem li għandu jiġi evalwat, f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ effett fuq il-kummerċ interstatali u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

103    F’dan il-każ, fil-premessi 60 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet il-motivi li ġejjin:

“60      L-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa jnaqqsu l-ispejjeż ta’ materja prima importanti u għalhekk jagħtu vantaġġ lill-benefiċjarji tagħhom, li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ekonomika iktar favorevoli minn impriżi oħra li jużaw iż-żjut minerali f’setturi jew reġjuni oħra.

61      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-benefiċjarji u Franza ddikjaraw li l-eżenzjonijiet ma jikkawżaw distorsjoni la fil-kompetizzjoni lanqas fil-funzjonament tas-suq uniku, b’mod partikolari għaliex il-Komunità hija importatur nett tal-alumina, għaliex il-produtturi Ewropej għandhom isostnu l-kompetizzjoni fil-livell dinji u huma żvantaġġjati minħabba l-livell għoli tal-prezz tal-enerġija u għaliex il-waqfien ta’ dawn l-eżenzjonijiet ma jtejjibx is-sitwazzjoni tas-suq tal-alumina fil-livell Komunitarju u jnaqqas iċ-ċertezza tal-provvista ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-alumina. Huma jsostnu li l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa kkonfermat bil-fatt li ebda kompetitur ma kkummenta fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura [ta’ investigazzjoni formali]. Madankollu, dawn l-elementi kollha ma jbiddlux l-evalwazzjoni esposta fil-premessa 60, imma bil-kuntrarju jikkonfermaw li t-tnaqqis tad-dazji tas-sisa huwa intiż espliċitament sabiex isaħħaħ il-kompetittività tal-benefiċjarji fil-konfront tal-kompetituri tagħhom billi jnaqqas l-ispejjeż tagħhom. Il-Kummissjoni tinnota li teżisti wkoll produzzjoni tal-alumina fil-Greċja, fi Spanja, fil-Ġermanja, u fl-Ungerija (anki jekk dan l-aħħar pajjiż sar Stat Membru biss mill-1 ta’ Mejju 2004).

62      L-alumina (AM u AK) hija s-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri, l-istess bħall-aluminju, li s-suq tiegħu huwa strettament marbut ma’ dak tal-alumina. Jista’ għalhekk jiġi preżunt li l-għajnuna taffettwa l-kummerċ interstatali u tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk proporzjon importanti mill-produzzjoni tal-alumina hija kkunsmata fl-impjanti li jipproduċu l-alumina fil-qrib.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

104    Sa fejn, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-“alumina (AM u AK)”, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-premessa 16 ta’ din l-istess deċiżjoni, hija kienet indikat kif ġej:

“[…] F’diversi deċiżjonijiet li ttrattaw il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat li jeżistu żewġt iswieq ta’ prodotti distinti, jiġifieri dak tal-alumina metallurġiku (iktar ’il quddiem ‘AM’) u dak tal-alumina kimiku (iktar ’il quddiem ‘AK’). L-AK għandu valur miżjud ferm iktar għoli mill-AM. Filwaqt li s-suq ġeografiku tal-ewwel għandu dimensjoni dinjija, dak tat-tieni ma jaqbiżx il-fruntieri tal-Ewropa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

105    Fil-premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, skont l-analiżi li jissemmew fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/174/KE, tat-3 ta’ Mejju 2000, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.1693 – Alcoa vs Reynolds) (ĠU 2002, L 58, p. 25, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Alcoa vs Reynolds”), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, l-AM u l-AK jikkostitwixxu żewġt iswieq distinti, ta’ dimensjoni Ewropea, għaliex jinvolvu mhux biss lill-produtturi bbażati fl-Irlanda, fl-Italja u fi Franza, imma wkoll fil-Greċja, fi Spanja, fil-Ġermanja u fl-Ungerija (b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004). Hija kienet, barra minn hekk, ikkonstatat li l-alumina (AM u AK) tifforma s-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri, li jaffettwa, fil-prinċipju, il-proporzjon limitat tal-produzzjoni tal-alumina li ma hijiex ikkonsmata fl-impjanti tal-alumina fil-qrib (iktar ’il quddiem l-“alumina żejda”), li kienet tiġi offruta lil terzi fuq is-suq miftuħ, bl-oppost tal-“alumina ristretta”, li kienet tintuża internament mill-produtturi integrati, skont l-analiżi mwettaq fil-premessa 13 tad-deċiżjoni Alcoa vs Reynolds, iċċitata iktar ’il fuq.

106    Barra minn hekk, fil-premessi 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet indikat li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa, bħalma hija l-eżenzjoni kontenzjuża, kienu jnaqqsu l-ispejjeż ta’ materja prima importanti użata mill-produtturi tal-alumina li jibbenefikaw minnha, jiġifieri dawk ibbażati fl-Irlanda, fir-reġjun ta’ Shannon, fi Franza, fir-reġjun ta’ Gardanne, u fl-Italja, f’Sardegna, li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat, anki jekk il-Kummissjoni ma tindikahx espressament fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna kontenzjuża kienet għajnuna għall-funzjonament mogħtija lill-imsemmija produtturi, li kellhom il-produttività tagħhom imsaħħa meta mqabbla ma’ produtturi oħra Ewropej tal-alumina, li ma humiex benefiċjarji ta’ dawn l-eżenzjonijiet, ibbażati fil-Greċja, fi Spanja u fil-Ġermanja.

107    Fl-aħħar nett, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ċaħdet l-oġġezzjonijiet li kienu tqajmu mill-benefiċjarji, fosthom AAL, u mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li twettqu, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li setgħet tippreżumi, f’dan il-każ, li l-għajnuna kontenzjuża kienet taffettwa l-kummerċ interstatali u kienet tikkawża jew kienet thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.

109    Fid-dawl tal-ġurisprudenza li tfakkret fil-punti 99 u 100 hawn fuq u fil-punti 112 sa 115 iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi indikat, b’mod konċiż, imma ċar, għaliex, kont meħud tal-eżistenza ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri u ta’ swieq ta’ dimensjoni Ewropea fir-rigward l-alumina (AM u AK) żejda kif ukoll tal-fatt li l-għajnuna kontenzjuża kienet għajnuna għall-funzjonament, seta’ jiġi preżunt li din l-għajnuna setgħet taffettwa dan il-kummerċ u tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq dawn is-swieq, billi ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-alumina bbażati fl-Irlanda, fir-reġjun ta’ Shannon, fi France, fir-reġjun ta’ Gardanne, u fl-Italja, f’Sardegna, meta mqabbla mal-prodotturi l-oħra Ewropej tal-alumina bbażati fil-Greċja, fi Spanja u fil-Ġermanja.

110    Għandu għaldaqstant jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE.

111    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, AAL isostni essenzjalment li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta qieset li l-għajnuna kontenzjuża kienet tagħtiha vantaġġ, kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u kienet tikkawża jew kienet thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.

112    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata, mhux li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, imma biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2009, Holland Malt vs Il-Kummissjoni, T‑369/06, Ġabra, EU:T:2009:319, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:T:2009:304, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-swieq ikkonċernati, min-naħa tas-suq tal-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-flussi ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Mediaset vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:T:2010:233, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Imbagħad, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-kundizzjonijiet dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma, bħala regola ġenerali, marbuta ma’ xulxin b’mod indissoċjabbli (sentenzi tal-4 ta’ April 2001, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, T‑288/97, Ġabra, EU:T:2001:115, punt 41, u tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra, EU:T:2000:151, punt 81). B’mod partikolari, jirriżulta mill-ġurisprudenza li kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fuq is-suq komuni tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, ASM Brescia vs Il-Kummissjoni, T‑189/03, Ġabra, EU:T:2009:193, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑222/04, Ġabra, EU:T:2009:194, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-ġurisprudenza tistabbilixxi preżunzjoni li l-għajnuna għall-funzjonament ta’ impriża, jiġifieri l-għajnuna li hija intiża sabiex tilliberaha mill-ispejjeż li normalment kienet tkun meħtieġa tinkorri fil-kuntest tal-ġestjoni kurrenti tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha, tipprovdilha support finanzjarja artifiċjali li, fil-prinċipju, jikkawża distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-setturi li fihom tingħata (sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra, EU:T:1995:100, punti 48 u 77, u tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra, EU:T:2000:223, punt 83; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra, EU:C:2000:467, punt 30, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra, EU:C:2000:537, punti 77 u 78). Isegwi li, meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna għall-funzjonament, ma hijiex obbligata li tesponi għaliex dik l-għajnuna tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fuq, EU:C:2000:537, punt 86).

115    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ impriżi oħra kompetituri fil-kummerċ interstatali, dawn għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra, EU:C:1994:325, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:T:2009:304, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma jeżisti l-ebda limitu li taħtu jista’ jiġi kkunsidrat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex affettwat (ara s-sentenzi ASM Brescia vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, EU:T:2009:193, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, EU:T:2009:194, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-kundizzjoni li l-għajnuna għandha tkun ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma tiddependix fuq l-importanza tal-qasam tal-attività kkonċernata (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra, EU:C:2003:415, punt 82).

116    F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-ilment li bih AAL tikkontesta, essenzjalment, li l-kundizzjoni tal-vantaġġ mogħtija lill-benefiċjarju tal-għajnuna kienet ġiet issodisfatta, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87 KE għandu l-għan li jipprevjeni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat mill-vantaġġi approvati mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom differenti, jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra, EU:C:1994:100, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna ma jinkludix biss miżuri pożittivi, bħas-sussidji nnifishom, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra, EU:T:2000:148, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dawk li jħallsu t-taxxi, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza Banco Exterior de España, punt 116 iktar ’il fuq, EU:C:1994:100, punt 14).

118    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata li l-vantaġġ mogħti lil AAL bl-eżenzjoni kontenzjuża ġej, skont il-Kummissjoni, mill-fatt li “[l]-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu jnaqqsu l-ispiża ta’ materja prima importanti” użata mill-benefiċjarji tagħha, “li kienu jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ impriżi oħra li kienu jużaw iż-żjut minerali f’setturi oħra jew f’reġjuni oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

119    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 hawn fuq, il-Kummissjoni kienet għalhekk korretta tinnota li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu jeliminaw spiża, jiġifieri d-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, li kienet normalment mistennija li tkun imposta fuq il-baġits tal-impriżi li, bħal AAL, kienu jużaw dawk iż-żjut bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fl-Irlanda, fir-reġjun ta’ Shannon, fi Franza, fir-reġjun ta’ Gardanne, u fl-Italja, f’Sardegna, u, għaldaqstant, kienu jagħtu lil dawn tal-aħħar vantaġġ fil-konfront ta’ impriżi oħra li wkoll jużaw żjut minerali fil-kuntest tal-proċess tagħhom ta’ produzzjoni, f’setturi oħra jew f’reġjuni oħra.

120    Din il-konstatazzjoni ma titqiegħedx inkwistjoni bl-argument ta’ AAL ibbażat, essenzjalment, fuq il-funzjoni kumpensatorja li wettqet l-eżenzjoni kontenzjuża, kont meħud ta’ żvantaġġ kompetittiv oġġettiv li hija sofriet, fil-livell tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, meta mqabbel ma’ produtturi oħra Ewropej tal-alumina, b’mod partikolari dawk ibbażati fil-Ġermanja. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri n-natura ta’ għajnuna (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

122    F’dak li jikkonċerna, imbagħad, l-ilment li bih AAL tikkontesta, essenzjalment, li l-kundizzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni kienet ġiet issodisfatta, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 113 u 114 hawn fuq, minn naħa, kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq komuni tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna għall-funzjonament ta’ impriża, jiġifieri l-għajnuna intiża sabiex teħles lil din l-impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha tinkorri fil-kuntest tal-ġestjoni kurrenti tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha, għandha tiġi preżunta li tikkawża distorsjoni tal-kundizzjonijiet fis-setturi fejn hija tingħata.

123    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata li, skont il-Kummissjoni, “[l]-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa [kienu] inaqqsu l-ispejjeż ta’ materja prima importanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] użata mill-produtturi tal-alumina bbażati fl-Irlanda, fir-reġjun ta’ Shannon, fi Franza, fir-reġjun ta’ Gardanne, u fl-Italja, f’Sardegna. Din l-evalwazzjoni hija bbażata, sa fejn l-impriżi li, bħal AAL, kienu jużaw żjut minerali bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjuni msemmija hawn fuq kellhom normalment iħallsu d-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali u, għaldaqstant, jaraw il-baġit tagħhom mgħobbi b’dan id-dazju. Għalhekk ukoll kien b’mod ġust, kif diġà nnotat fil-punt 106 hawn fuq, il-Kummissjoni kienet impliċitament, imma neċessarjament, qieset, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu ekwivalenti għal għajnuna għall-funzjonament, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 114 hawn fuq, li kienet tibbenefika lill-produtturi tal-alumina bbażati fl-Irlanda, fir-reġjun ta’ Shannon, fi Franza, fir-reġjun ta’ Gardanne, u fl-Italja, f’Sardegna. Fl-aħħar nett, kif diġà indikat fil-punt 105 hawn fuq, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti, b’mod ġenerali, kummerċ bejn l-Istati Membri u swieq ta’ dimensjoni Ewropea fl-alumina (AM u AK) żejda. Dawn il-konstatazzjonijiet huma bbażati, b’mod partikolari, fuq analiżi ekonomika mwettqa, mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni Alcoa vs Reynolds (ara l-punt 105 hawn fuq). Issa, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, AAL ma ressqet l-ebda analiżi ekonomika, ibbażata fuq provi, li jistgħu jpoġġu inkwistjoni l-fondatezza tal-analiżi ekonomika ġenerali li tissemma fid-deċiżjoni Alcoa vs Reynolds, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-fondatezza ta’ dan l-analiżi ma tistax, f’dan il-każ, titpoġġa inkwistjoni. Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet kollha mwettqa mill-Kummissjoni, fil-premessi 60 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, din kienet korretta li tippreżumi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 113 u 114 hawn fuq, li l-għajnuna kontenzjuża kienet tikkawża jew kienet thedded li tikkawża distorsjoni, fuq is-swieq ta’ dimensjoni Ewropea tal-alumina (AM u AK) żejda, fil-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-alumina bbażati fl-Irlanda, fir-reġjun ta’ Shannon, fi Franza, fir-reġjun ta’ Gardanne, u fl-Italja, f’Sardegna, minn naħa, u l-produtturi Ewropej tal-alumina bbażati fil-Greċja, fi Spanja u fil-Ġermanja, min-naħa l-oħra.

124    Fir-rigward tal-argument ta’ AAL ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt l-Kummissjoni ma kinitx fehmet korrettament il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni preċiżi li kienu jipprevali fis-swieq tal-alumina (AM u AK), dan ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipproċedi għal analiżi ekonomika preċiża tas-swieq ikkonċernati, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 hawn fuq, u li, fil-każ partikolari inkwistjoni, fejn l-eżenzjoni kontenzjuża kienet għajnuna għall-funzjonament, hija kienet barra minn hekk korretta li tippreżumi li din kienet tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-alumina (AM u AK) li kienet is-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri u li s-swieq tagħha kienu ta’ dimensjoni Ewropea (ara l-punt 123 hawn fuq). Sa fejn AAL tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni li parti importanti mill-produzzjoni Komunitarju kienet ristretta, l-ilment tagħha huwa infondat fil-fatt, sa fejn, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment innotat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri kien jirrigwarda biss l-alumina (AM u AK) żejda.

125    Barra minn hekk, sa fejn AAL tallega, essenzjalment, li ma kinitx kompetitriċi tal-produtturi l-oħra Ewropej tal-alumina, imma biss tal-produtturi tal-alumina mhux Ewropej, l-argument tagħha lanqas ma jista’ jqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet ta’ AAL ma humiex sostnuti u huma, barra minn hekk, kontradetti bid-dikjarazzjonijiet tagħha stess li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet intiża li tikkumpensa s-sitwazzjoni żvantaġġjata, fil-qasam tal-ispejjeż, ta’ produttur tal-alumina li, bħalha, kien ibbażat fl-Irlanda meta mqabbel ma’ dawk tal-produtturi tal-alumina bbażati fi Stati Membri oħra, bħall-Ġermanja. Jirriżulta għalhekk mid-dikjarazzjonijiet ta’ AAL innifisha li hija kienet f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ produtturi oħra Ewropej tal-alumina.

126    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

127    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-ilment li bih AAL tikkontesta, essenzjalment, li l-kundizzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kienet ġiet issodisfatta, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 113 u 115 hawn fuq, minn naħa, kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fuq is-suq Ewropew tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, billi għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ impriżi oħra kompetituri fil-kummerċ interstatali, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati b’dik l-għajnuna.

128    F’dan il-każ, kif diġà nnotat fil-punt 123 hawn fuq, il-Kummissjoni kienet korretta li tikkonstata li kien jeżisti, b’mod ġenerali, kummerċ bejn l-Istati Membri u fis-swieq ta’ dimensjoni Ewropea dwar l-alumina (AM u AK) żejda. Barra minn hekk, sa fejn l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu jibbenefikaw biss produtturi tal-alumina li, bħal AAL, kienu bbażati fl-Irlanda, fir-reġjun ta’ Shannon, fi Franza, fir-reġjun ta’ Gardanne, u fl-Italja, f’Sardegna, u mhux lill-produtturi Ewropej tal-alumina bbażati fil-Greċja, fi Spanja u fil-Ġermanja, li magħhom AAL kien f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara l-punt 124 hawn fuq), il-Kummissjoni kienet korretta li tikkonkludi li l-għajnuna kontenzjuża setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

129    Fir-rigward tal-argument, imqajjem minn AAL, li jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet ittraskurat il-fatt li parti importanti tal-produzzjoni Komunitarja tal-alumina kienet ristretta u li l-alumina (AM u AK) ma kinitx innegozjata bejn l-Istati Membri, imma bejniethom u Stati terzi, peress li l-Komunità kienet importatur nett ta’ dawn il-prodotti, dan ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ interstatali. Minn naħa, l-ilment huwa mankanti fil-fatt f’dak li jikkonċerna l-alumina ristretta. Fil-fatt, kif diġà indikat fil-punt 124 hawn fuq, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet, essenzjalment, innotat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri kien jirrigwarda biss l-alumina (AM u AK) żejda. Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-kummerċ tal-alumina (AM u AK) bejn l-Istati Membri, l-ilment ma huwiex sostnut u jinsab anki kontradett mid-dikjarazzjonijiet ta’ AAL, fl-atti bil-miktub tagħha, li jipprovdu li “[l-]parti żgħira [tal-produzzjoni tagħha] mibjugħa bħala triidrat tal-alumina […] [kienet] tintuża bħala materja prima minn produttur tal-alumina kimika […] stabbilit fil-Ġermanja” u “[l]-alumina kollha [li hija] [kienet] tipproduċi […] [kienet] esportata permezz tat-terminal marittimu tagħha lejn swieq barra l-Irlanda, prinċipalment lejn ir-Renju Unit, l-iSkandinavja, u postijiet oħra fl-Ewropa”. Jirriżulta għalhekk mid-dikjarazzjonijiet ta’ AAL stess li hija kienet tikkontribwixxi għall-flussi ta’ kummerċ interstatali fl-alumina (AM u AK) żejda.

130    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

131    Billi l-ilmenti kollha invokati fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II qegħdin għalhekk jiġu miċħuda, dan il-motiv stess għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu.

 Fuq l-ewwel motivi mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, ibbażati fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża fir-rigward tal-Artikolu 88 KE

132    Fil-kuntest tal-ewwel motivi mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, meta kklassifikat l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, u mhux bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE, u għaliex ma applikatx għal dik l-għajnuna l-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti.

133    L-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II huwa diviż fi tliet partijiet alternattivi. L-ewwel parti hija bbażata, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli proċedurali rigward l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikati fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 88 KE, tal-Artikolu 1(b)(iv) u tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll, essenzjalment, fuq ksur tar-regoli proċedurali dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikati fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999. It-tielet parti hija bbażata, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.

134    L-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II huwa wkoll diviż fi tliet partijiet alternattivi. L-ewwel parti hija bbażata, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999. It-tielet parti hija bbażata, essenzjalment, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 88 KE, u tal-Artikolu 1(b)(iv) u tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll, fil-Kawża T‑50/06 RENV II, fuq ksur tar-regoli proċedurali dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikati fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999

135    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88 KE u r-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni sabiex tikklassifika l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, il-fatt li din l-għajnuna kellha titqies li kienet ġiet awtorizzata, għaliex il-Kummissjoni naqset milli tieħu pożizzjoni fuq l-eżenzjoni kontenzjuża f’terminu raġonevoli minn meta ġiet innotifikata. Fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tinvoka wkoll ksur tal-liġijiet proċedurali dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikati fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999.

136    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-Irlanda tibbaża ruħha fuq l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, minn fejn jirriżulta li hija aċċettat l-offerta fformulata mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Marzu 1983 li tittratta l-ittra tagħha tat-28 ta’ Jannar 1983, li kienet informatha bl-eżenzjoni kontenzjuża pproġettata, bħala notifika, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE. It-tieni nett, hija tinvoka mill-ġdid l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, li biha hija nnotifikat lill-Kummissjoni l-preavviż tal-eżekuzzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, skont ir-regola kkodifikata fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999. It-tielet nett, hija tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fix-xahrejn ta’ wara n-notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża, skont it-terminu kkodifikat fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999, jew f’terminu raġonevoli wara n-notifika tal-preavviż tal-eżekuzzjoni, kif ukoll tan-nuqqas ta’ azzjoni u tas-silenzju tal-Kummissjoni sal-1992, jiġifieri matul id-disa’ snin wara ta’ dawn in-notifikazzjonijiet. Ir-raba’ nett, hija tinsisti fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tal-fatt li hija implementat l-eżenzjoni kontenzjuża mingħajr ma qagħdet tistenna teħid ta’ pożizzjoni formali mill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, fid-dawl tal-fatt li dan it-teħid ta’ pożizzjoni ma kienx seħħ f’terminu raġonevoli u li l-implementazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża kienet seħħet iktar minn xahrejn wara n-notifika tagħha lill-Kummissjoni, fit-28 ta’ Jannar 1983. Barra minn hekk, l-Irlanda targumenta li l-Kummissjoni stess ġabet ruħha bħallikieku hija kienet tikkunsidra li l-għajnuna kontenzjuża kienet għajnuna eżistenti. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tibbaża ruħha fuq it-test ċar u preċiż tar-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 92/510, li taqra “il-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha [kienu] jammettu li [l]-eżenzjonijiet kollha [kienu] iġġustifikati minn raġunijiet marbuta ma’ politiki spċifiċi, li huma ma [kinux] iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u li huma ma [kinux] itellfu l-funzjonament tajjeb tas-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jista’ jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-eżenzjoni kontenzjuża, innotifikata fit-28 ta’ Jannar 1983, jew, tal-inqas, bħala dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tindika li d-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni kienu diġà ġew eliminati. Fit-tieni lok, l-Irlanda tibbaża ruħha fuq it-terminoloġija użata fil-ħames premessa tad-Deċiżjoni 97/425 u fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 1999/880, li tixbah lil dik li l-Kummissjoni tuża meta hija tipproċedi għall-eżami ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti, fuq il-bażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999. Fit-tielet lok, hija tinvoka l-proposti ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill ta’ Novembru 1999 u 2000 kif ukoll il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li ma kienu jinkludu ebda twissija fir-rigward tal-illegalità tal-għajnuna kontenzjuża. Fir-raba’ lok, hija tirreferi għall-fatt li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni stess ipproponiet lill-Kunsill li jawtorizzaha tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża wara l-1983. Barra minn hekk, l-Irlanda, essenzjalment, tikkritika lill-Kummissjoni li hija kisret il-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikata fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża b’effett retroattiv, mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li, fil-kuntest ta’ stħarriġ permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, hija setgħet biss timponi t-tneħħija jew l-emenda ta’ dik l-għajnuna, fi żmien li hija kellha tiddetermina.

137    L-ewwel nett, AAL tibbaża ruħha fuq l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, minn fejn jirriżulta li l-Irlanda kienet aċċettat l-offerta fformulata mill-Kummissjoni fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1983 li tittratta l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983, li kienet tinformaha bl-eżenzjoni kontenzjuża pproġettata, bħala notifika, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE. It-tieni nett, hija tirreferi għall-implementazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża madwar tliet xhur wara li ntbagħtet lill-Kummissjoni l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983. It-tielet nett, hija tinvoka l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, li biha l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni l-preavviż tal-eżekuzzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, skont ir-regola kkodifikata fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ kontestazzjoni, fil-konfront tagħha, tal-argument tal-Kummissjoni li l-eżenzjoni kontenzjuża ma kinitx ġiet implementata mill-Irlanda u minnha stess f’osservanza stretta tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra, EU:C:1973:152), imbagħad ikkodifikati fir-Regolament Nru 659/1999, ladarba l-Kummissjoni stess kienet idderogat minn dan il-qafas legali billi offriet lill-Irlanda li tikkunsidra l-ittra tagħha tat-28 ta’ Jannar 1983 bħala notifika, u hekk ċaħħdet lilha nnifisha mill-possibbiltà li tieħu pożizzjoni f’terminu raġonevoli ta’ xahrejn. Sussidjarjament, hija tinvoka n-nuqqas ta’ kontestazzjoni, fil-konfront tagħha, tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura allegatament inkompleta tan-notifika, peress li, wara li kienet ġiet informata, mill-Irlanda, bl-imminenza tal-eżekuzzjoni tal-għajnuna, hija kienet naqset milli tirrikjedi, fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1983, kompletazzjoni tan-notifika. Fil-ħames lok, hija ssemmi n-nuqqas ta’ azzjoni u s-silenzju tal-Kummissjoni sa Lulju 2000, jiġifieri matul is-17-il sena ta’ wara n-notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża u l-informazzjoni li hija kienet irċeviet dwar l-imminenza tal-eżekuzzjoni tagħha. Fis-sitt lok, hija tibbaża ruħha fuq in-nuqqas, mill-Kummissjoni, tan-notifika li seħħet fit-28 ta’ Jannar 1983, meta talbet in-notifika tal-eżenzjoni, fis-17 ta’ Lulju 2000, u fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fit-30 ta’ Ottubru 2001, li wasslitha sabiex twettaq żball fil-klassifikazzjoni tal-għajnuna. Is-seba’ nett, hija tirreferi għar-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 92/510, li kienet ekwivalenti għar-rikonoxximent, mill-Kummissjoni, li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet għajnuna eżistenti. It-tmien nett, hija tibbaża ruħha fuq is-sitwazzjoni li l-Kummissjoni kienet ipprovokat u aċċettat għal żmien twil, li timponi oġġettivament li l-għajnuna kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti.

138    Il-Kummissjoni titlob li dawn il-partijiet mill-ewwel motivi jiġu miċħuda bħala infondati.

139    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li t-Trattat KE jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li skont l-Artikolu 88(3) KE, għajnuna ġdida għandha tkun innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura twassal għal deċiżjoni finali, skont l-Artikolu 88(1) KE, l-għajnuna eżistenti tista’ tiġi implementata sakemm il-Kummissjoni ma tiddikjarax li hija inkompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, Ġabra, EU:T:2011:117, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għajnuna eżistenti tista’ għalhekk tkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, biss ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li tipproduċi l-effetti tagħha għall-futur (ara s-sentenza Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:117, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw formalment ksur tal-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi nnotat li, meta l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata, ir-regola materjali stabbilita f’din id-dispożizzjoni kienet diġà daħlet fis-seħħ, fis-16 ta’ April 1999. Għalkemm, skont il-ġurisprudenza (sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, Ġabra, EU:C:1975:59, punti 33 sa 43; tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, Ġabra, EU:C:1990:259, punti 16 u 17, u tal-5 ta’ Ottubru 1993, Driessen et, C‑13/92 sa C‑16/92, Ġabra, EU:C:1993:828, punti 30 sa 35), is-salvagwardja tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi timponi limiti fuq l-applikazzjoni immedjata tal-liġijiet materjali, liema limiti ma jistgħux joperaw fil-każ ta’ għajnuna illegali jew ta’ għajnuna nnotifikata, qabel ma din tkun awtorizzata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fis-sistema u l-loġika tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, is-sitwazzjoni ma hijiex definita immedjatament u definittivament min-notifika jew l-għoti tal-għajnuna, imma tibqa’ miftuħa sa deċiżjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, għandha tkun il-Kummissjoni li tapplika r-regoli materjali fis-seħħ fil-mument li fih hija tagħti deċiżjoni fuq l-għajnuna jew fuq l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kif ukoll fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, l-uniċi regoli li hija tista’ tapplika fl-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni li hija tieħu f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, Ġabra, EU:C:2008:709, punt 53). Issa, meta l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999 kien fis-seħħ, b’mod li dan l-artikolu huwa applikabbli f’dan il-każ.

141    Min-naħa l-oħra, ir-regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999, li għalihom jirreferi l-Artikolu 1(b)(iii) ta’ dan l-istess regolament, ma jistgħux jirregolaw atti ta’ proċedura li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, fis-16 ta’ April 1999. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ir-regoli ta’ proċedura għandhom ġeneralment jitqiesu li huma applikabbli għall-proċeduri pendenti fil-mument li huma jidħlu fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra, EU:C:1981:270, punt 9, u tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, Ġabra, EU:C:2006:136, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fiż-żmien meta twettqet il-proċedura ta’ eżami preliminari tal-eżenzjoni kontenzjuża u li fil-kors tagħha l-għajnuna kontenzjuża suppost hija meqjusa li ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni, jiġifieri matul l-1983, dawn ir-regoli kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ. Għandu madankollu jittieħed kont tal-fatt li, kif irrikonoxxiet korrettement il-Kummissjoni, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni alumina I, l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa b’mod partikolari intiż sabiex jikkodifika ċerti regoli ta’ proċedura li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ wara s-sentenza Lorenz, punt 137 iktar ’il fuq (EU:C:1973:152, punt 6) (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Lorenz”), kienu applikabbli fiż-żmien meta twettqu l-atti ta’ proċedura invokati. Skont dik il-ġurisprudenza, iċċitata minn AAL fil-Kawża T‑69/06 RENV II, l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 88(3) KE] kien jimplika li, jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ġiet informata minn Stat Membru bi proġett li jaħseb sabiex jistitwixxi jew jemenda għajnuna, tonqos milli tiftaħ il-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 88(2) KE] (jew proċedura ta’ investigazzjoni formali) billi tintima lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, dan jista’, fi tmiem terminu suffiċjenti sabiex hija tipproċedi għall-ewwel eżami tagħha, jimplementa l-għajnuna pproġettata bil-kundizzjoni li huwa jkun ta preavviż tagħha lill-Kummissjoni, u din l-għajnuna mbagħad tidħol fl-iskema tal-għajnuna eżistenti (sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra, EU:C:1994:311, punt 12). Fir-rigward taż-żmien suffiċjenti jew raġonevoli sabiex il-Kummissjoni twettaq l-ewwel eżami (jew proċedura ta’ eżami préliminaire), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li għandha ssir riferenza għall-perijodu ta’ xahrejn, previst fl-Artikoli 173 tat-Trattat KE u 175 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 230 KE u 232 KE), għall-introduzzjoni tar-rikors għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni (sentenza Lorenz, punt 137 iktar ’il fuq, EU:C:1973:152, punt 6).

142    Għaldaqstant l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999 għandhom jiftiehmu bħala lmenti li jirreferu, essenzjalment, għal ksur tal-ġurisprudenza Lorenz.

143    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu essenzjalment li l-Kummissjoni wettqet żball, fid-deċiżjoni kkontestata, meta kklassifikat l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u ordnat l-irkupru tagħha b’effett retroattiv, filwaqt li din kienet għajnuna eżistenti, fis-sens tal-ġurisprudenza Lorenz, minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni fuq l-eżenzjoni kontenzjuża f’terminu raġonevoli min-notifika tagħha.

144    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat, prinċipalment, jekk l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983 tistax tiġi formalment meqjusa bħala notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża, fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, u, sussidjarjament, jekk dik in-notifika kinitx inkompleta, għaliex l-Irlanda naqset milli tirrispondi, fl-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, għall-mistoqsija li l-Kummissjoni kienet għamlitilha, fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1983, fir-rigward tat-tul tal-għoti tal-għajnuna lil AAL.

145    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fi kwalunkwe ipoteżi, tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’tagħha stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, Ġabra, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax, mingħajr ma teċċedi l-limiti tal-istħarriġ tagħha, tistrieħ, sabiex tiċħad motiv ta’ annullament li jitressaq quddiemha, fuq motivi li ma jinsabux fid-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 88).

146    Fil-premessa 67 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni nnotat kif ġej:

“[…] l-għajnuna ma tistax titqies li ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Franza u l-Italja qatt ma kienu nnotifikaw il-miżuri inkwistjoni. Bl-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda kkonfermat li l-għajnuna kienet ġiet implementata minn dakinhar ’il quddiem u li l-ittra tagħha lill-Kummissjoni setgħet tiġi kkunsidrata bħala notifika għall-finijiet tal-Artikolu 93(3) tat-Trattat [KE]. Issa, l-Irlanda qatt ma kienet avżat minn qabel lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, bl-intenzjoni tagħha li timplementa l-għajnuna. Għall-kuntrarju, hija implimentat il-miżura ġimgħa biss wara l-ittra tagħha tas-6 ta’ Mejju 1983 li fiha hija stiednet lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-għajnuna bħala nnotifikata. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. L-għajnuna Franċiża u dik Taljana kienu wkoll ġew implementati mingħajr stennija tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat. L-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 fir-rigward ta’ din l-għajnuna. Għalkemm dan ir-regolament daħal fis-seħħ biss fl-1999, regoli simili kienu diġà applikabbli qabel dik id-data skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

147    Barra minn hekk, fl-Artikolu 5(5) tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni b’mod partikolari ordnat lill-Irlanda sabiex tirkupra l-għajnuna kontenzjuża, mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003, mingħand il-benefiċjarju tagħha, jiġifieri AAL.

148    Jirriżulta mill-premessa 67 tad-deċiżjoni alumina I li, għalkemm, f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet akkużat lir-Repubblika Franċiża u lir-Repubblika Taljana li ma nnotifikawhiex bl-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa li huma kienu applikaw, għall-kuntrarju, hija qatt ma akkużat lill-Irlanda li ma nnotifikathiex bl-eżenzjoni kontenzjuża, imma biss li ma kinitx avżatha minn qabel, kif rikjest bil-ġurisprudenza Lorenz, bl-intenzjoni tagħha li timplementa dik l-eżenzjoni, li hija kienet wettqet ġimgħa biss wara li bagħtet l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, li biha hija kienet talbitha tikkunsidra l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983 bħala notifika. Dan huwa koerenti mal-fatt li, fl-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda kienet biss qablet mal-proposta fformulata mill-Kummissjoni fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1983 li tittratta l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983, li biha l-Irlanda kienet informata bil-proġett tagħha li timplementa l-eżenzjoni kontenzjuża, bħala notifika, skont l-Artikolu 93(3) tat- Trattat KE.

149    Peress li l-motiv ta’ nuqqas ta’ notifika jew ta’ notifika inkompleta lill-Kummissjoni, mill-Irlanda, tal-eżenzjoni kontenzjuża ma jinsabx fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma tistax, mingħajr ma teċċedi l-limiti tal-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, tistrieħ fuq tali motiv sabiex tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II.

150    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni kontra l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, ibbażati, prinċipalment, fuq l-assenza ta’ notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża, fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, u, sussidjarjament, fuq in-natura inkompleta tal-allegata notifika.

151    Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata d-difiża, imqajma mill-Kummissjoni kontra t-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażata, essenzjalment, fuq il-fatt li kienet biss l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983 li ppermettitilha li tikkunsidra l-ittra tat-28 ta’ Jannar 1983 bħala notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża, fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, b’mod li t-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha ġiet riċevuta l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983.

152    Għandu jiġi, f’dan ir-rigward, innotat li kien biss bl-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983 li l-Irlanda talbet lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ittra tagħha tat-28 ta’ Jannar 1983 bħala notifika, skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, kif propost mill-Kummissjoni, fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1983. Il-Kummissjoni ssostni għalhekk korrettement li, qabel ma hija rċeviet l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, l-ebda notifika formali tal-għajnuna kontenzjuża ma tista’ titqies li twettqet, b’mod li t-terminu suffiċjenti jew raġonevoli sabiex hija twettaq l-ewwel eżami ta’ dik l-għajnuna seta’ jibda jiddekorri biss mid-data li fiha hija rċeviet din l-aħħar ittra.

153    Fit-tielet lok, għandha tingħata deċiżjoni fuq id-difiża, imqajma mill-Kummissjoni kontra l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u tat-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażata fuq il-fatt li l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983 ma setgħetx, kif isostnu r-rikorrenti, tiġi kkunsidrata bħala l-preavviż tal-eżekuzzjoni tal-għajnuna pproġettata, rikjest mill-ġurisprudenza.

154    F’dan ir-rigward, jirriżulta kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE) li għandha b’mod partikolari titqies bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-għajnuna li setgħet tiġi implementata legalment taħt il-kundizzjonijiet previsti bl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, inkluż dawk riżultanti mill-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lorenz, punt 137 iktar ’il fuq (EU:C:1973:152, punti 4 sa 6) (sentenzi Namur-Les assurances du crédit, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:1994:311, punt 13, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C‑295/97, Ġabra, EU:C:1999:313, punt 48). Kont meħud tar-regoli proċedurali ta’ wara l-ġurisprudenza Lorenz, it-trasformazzjoi ta’ għajnuna nnotifikata f’għajnuna eżistenti hija ssuġġettata għal żewġ kundizzjonijiet neċessarji u suffiċjenti, fosthom dik li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni l-preavviż tal-eżekuzzjoni tal-għajnuna pproġettata u l-oħra li l-Kummissjoni tonqos milli tibda l-proċedura kontradittorja taħt l-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE fix-xahrejn ta’ wara n-notifika kompleta tal-għajnuna (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑99/98, Ġabra, EU:C:2001:94, punt 84).

155    F’dan il-każ, għandha tingħata deċiżjoni biss fuq in-nuqqas ta’ osservanza possibbli tal-kundizzjoni dwar in-notifika lill-Kummissjoni, mill-Istat Membru, tal-preavviż tal-eżekuzzjoni tal-għajnuna pproġettata, l-unika kundizzjoni li kienet ġiet eżaminata mill-Kummissjoni, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 146 hawn fuq).

156    Anki jekk jiġi kkunsidrat li kienet seħħet notifika kompleta tal-eżenzjoni kontenzjuża lill-Kummissjoni, mill-Irlanda, fid-data li fiha din tal-aħħar talbet lill-Kummissjoni, bl-ittra tagħha tas-6 ta’ Mejju 1983, biex l-ittra tagħha tat-28 ta’ Jannar 1983 titqies bħala notifika, skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, kif propost mill-Kummissjoni, fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1983, din tal-aħħar kellha perijodu ta’ xahrejn, kont meħud tar-regoli proċedurali ta’ wara l-ġurisprudenza Lorenz, sabiex tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Jirriżulta minn dawn ir-regoli li huwa biss fi tmiem dan it-terminu, jiġifieri, bħala prinċipju, fis-7 ta’ Lulju 1983, li l-Irlanda setgħet timplementa l-eżenzjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, EU:C:2001:94, punt 77), bil-kundizzjoni li tkun tat preavviż minn qabel lill-Kummissjoni, billi l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ dik l-eżenzjoni kienet imbagħad taqa’ taħt ir-regoli ta’ għajnuna eżistenti (sentenza Namur-Les assurances du crédit, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:1994:311, punt 12).

157    Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, li kienet tikkonferma n-notifika lill-Kummissjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, ma setgħetx titqies ukoll bħala preavviż tal-implementazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni. Fil-fatt, anki jekk jiġi ammess li l-preavviż seta’ jingħata qabel tmiem it-terminu ta’ xahrejn previst sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri l-perijodu li fih, f’kull każ, l-Irlanda ma kinitx awtorizzata sabiex timplementa l-eżenzjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija ittra, din imkien ma avżat lill-Kummissjoni li, fis-silenzju tagħha, hija kienet ser timplementa l-eżenzjoni kontenzjuża, imma hija llimitat ruħha sabiex tirrikonoxxi li l-eżenzjoni kontenzjuża kellha tiġi nnotifikata, tikkonferma li hija kienet qiegħda tinnotifika dik l-istess eżenzjoni lill-Kummissjoni u tipprovdilha informazzjoni supplementari dwar l-imsemmija eżenzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-fajl ma jippermettix li jiġi stabbilit li, wara li ntbagħtet l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983 u qabel ma ġiet implementata l-eżenzjoni kontenzjuża, fit-12 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda kienet bagħtet lill-Kummissjoni att li jista’ jikkostitwixxi preavviż tal-implementazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni.

158    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssosstni korrettement li l-kundizzjonijiet kollha rikjesti mill-ġurisprudenza għat-trasformazzjoni ta’ għajnuna nnotifikata f’għajnuna eżistenti ma kinux, f’dan il-każ, issodisfatti.

159    Fir-raba’ lok, jibqa’ x’jiġu eżaminati, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq li l-Kummissjoni kienet hija stess ġabet ruħha bħallikieku l-għajnuna kontenzjuża kienet għajnuna eżistenti, li huma bbażati, fil-prattika, fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, kif ukoll fuq il-perijodu twil li matulu din naqset milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

160    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk għajnuna hijiex ġdida jew eżistenti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 hawn fuq, u jekk l-implementazzjoni tagħha tirrikjedix jew le, konsegwentement, li tinfetaħ il-proċedura ta’ eżami preliminari, prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Piaggio, punt 154 iktar ’il fuq, EU:C:1999:313, punti 47 u 48). Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma fetħitx investigazzjoni, matul perijodu relattivament twil, fuq miżura statali partikolari ma jistax, waħdu, jagħti lil dik il-miżura n-natura oġġettiva ta’ għajnuna eżistenti, jekk ikun il-każ ta’ għajnuna (sentenza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra, EU:T:2002:111, punt 129).

161    Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 160 hawn fuq li l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens, essenzjalment, li l-imġiba tal-Kummissjoni kienet tikxef il-konvinzjoni tagħha li l-għajnuna kontenzjuża kienet għajnuna eżistenti huma infondati u għandom jiġu miċħuda.

162    Għar-raġunijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta rrifjutat li tikkunsidra li l-għajnuna kontenzjuża kienet ġiet ittrasformata, wara notifika, f’għajnuna eżistenti. Għaldaqstant meta ordnat l-irkupru ta’ dik l-għajnuna b’effett retroattiv għat-3 ta’ Frar 2002 hija lanqas ma kisret il-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikata fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex din il-proċedura ma kinitx applikabbli għal dik l-għajnuna.

163    Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda, bħala infondati, l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u t-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 1(b)(iv) u tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999

164    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 1(b)(iv) u tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni alumina I, għaliex ma ħaditx inkunsiderazzjoni, sabiex tikklassifika l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, mis-17 ta’ Lulju 1990, il-fatt li AAL kienet ilha tibbenefika minn dik l-għajnuna minn Settembru 1983, li l-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin applikabbli għall-poteri tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna, previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999, kien għaldaqstant skada meta l-Kummissjoni bdiet taġixxi, fis-17 ta’ Lulju 2000, u li, b’effett minn dik id-data, l-għajnuna kontenzjuża kellha titqies bħala għajnuna eżistenti.

165    Barra minn hekk, fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tilmenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret ir-regoli proċedurali dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikati fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999, sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża b’effett retroattiv, mingħajr kunsiderazzjoni tal-fatt li, fil-kuntest tal-istħarriġ permanenti ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti, hija kienet kompetenti biss sabiex timponi l-kanċellazzjoni jew l-emenda ta’ dik l-għajnuna, f’terminu li hija tistabbilixxi.

166    F’dan ir-rigward, l-Irlanda, l-ewwel nett, tirreferi għall-fatt li, kif tikkonferma d-duttrina, il-preskrizzjoni sseħħ fi tmiem il-perijodu ta’ preskrizzjoni meta, bħal f’dan il-każ, il-karatteristiċi tal-għajnuna ma jkunux inbidlu matul dak il-perijodu. It-tieni nett, hija tinvoka l-obbligu li kull għajnuna mill-Istat tkun ikklassifikata bħala għajnuna “eżistenti” jew bħala għajnuna “ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, billi l-kunċett ta’ għajnuna “parzjalment eżistenti u parzjalment ġdida” ma huwiex pevist mir-Regolament Nru 659/1999. It-tielet nett, hija tirreferi għall-ġurisprudenza, minn fejn jirriżulta li l-perijodu ta’ preskrizzjoni huwa intiż b’mod partikolari sabiex jipproteġi d-drittijiet jew l-interessi ta’ wħud mill-partijiet interessati, fosthom l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarju tal-għajnuna. Ir-raba’ nett, hija tinvoka l-assenza ta’ effett sospensiv tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-ittra tas-17 ta’ Lulju 2000, li kienet redatta wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999. Il-ħames nett, hija tirreferi għall-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti” li jissemma fir-Regolament Nru 659/1999, li ma jikkonċernax biss il-vantaġġi finanzjarji realment riċevuti f’data partikolari, imma jinkludi wkoll l-iskemi ta’ għajnuna. Barra minn hekk, l-Irlanda, essenzjalment, tikkritika lill-Kummissjoni li kisret ir-regoli proċedurali dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikati fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999, sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża b’effett retroattiv, mingħajr kunsiderazzjoni tal-fatti li, fil-kuntest ta’ stħarriġ permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, hija kienet kompetenti biss sabiex timponi l-kanċellazzjoni jew l-emenda ta’ dik l-għajnuna, f’terminu li hija tistabbilixxi.

167    L-ewwel nett, AAL issostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa miksur mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li dik il-parti biss mill-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża li fir-rigward tagħha skada t-terminu ta’ preskrizzjoni li għandha titqies li hija għajnuna eżistenti. It-tieni nett, hija ssosstni li l-Kummissjoni ma setgħetx tallega, għall-ewwel darba fir-risposta, li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet skema ta’ għajnuna u mhux għajnuna individwali, li kienet ingħatatilha b’mod suċċessiv, kull darba li, b’applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, hija kienet ġiet eżentata mid-dazju tas-sisa fil-kuntest ta’ operazzjoni doganali. It-tielet nett, hija tibbaża ruħha fuq il-frażi “tinftiehem” li tidher fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999, minn fejn jista’ jiġi dedott, f’dan il-każ, li l-għajnuna individwali kienet meqjusa li saret għajnuna eżistenti b’effett mill-iskadenza ta’ terminu ta’ għaxar snin mill-ewwel għoti tal-għajnuna, fl-1983.

168    Il-Kummissjoni titlob li dawn il-partijiet tal-ewwel motivi jiġu miċħuda bħala infondati.

169    Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 140 hawn fuq, meta l-Kummissjoni ddeċidiet fuq l-għajnuna kontenzjuża, din id-dispożizzjoni kienet fis-seħħ, b’mod li hija applikabbli f’dan il-każ.

170    Skont din id-dispożizzjoni, għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15”.

171    L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 jgħid kif ġej:

“1. Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin.

2.      Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3.      Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti.”

172    Kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 659/1999, it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex jipproteġi wħud mill-partijiet interessati, fosthom l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarju tal-għajnuna (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, C‑276/03 P, Ġabra, EU:C:2005:590, punt 30).

173    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa regola proċedurali maħsuba, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 141 hawn fuq, sabiex tapplika mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri, f’dan il-każ, is-16 ta’ April 1999. Madankollu, sa fejn, b’differenza mill‑aħħar subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 659/1999, l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni tranżitorja dwar l-applikazzjoni tiegħu ratione temporis, għandu jiġi deċiż li dan japplika għall-proċeduri investigazzjoni formali kollha miftuħa fis-16 ta’ April 1999 jew miftuħa wara din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni, T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Ġabra, EU:T:2008:537, punt 357). Isegwi li, anki jekk l-għoti tal-għajnuna seħħ f’data qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, dan madankollu għandu l-effett li jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst f’dan l-artikolu, meta d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna tingħata, bħal f’dan il-każ, wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi artikolu.

174    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-għajnuna kontenzjuża kienet għajnuna ġdida filwaqt li, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni alumina I, hija kienet ikkonkludiet li l-għajnuna mogħtija b’applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża kienet għajnuna meqjusa eżistenti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(iv) ta’ dan l-istess regolament, għall-perijodu ta’ qabel is-17 ta’ Lulju 1990, u minkejja li l-benefiċċju tal-preskrizzjoni previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 għandu japplika wkoll għall-għajnuna kontenzjuża.

175    Fil-premessa 68 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni sostniet dan li ġej:

“[…] l-għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata parzjalment biss bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999. Dan l-artikolu jissuġġetta l-poteri tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna għall-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ 10 snin, li jibda jiddekorri mill-jum li fih tkun ingħatat l-għajnuna illegali. […] Fil-każ tal-Irlanda, dan it-terminu kien ġie interrott bl-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2000. Għalhekk, hija biss il-miżura meħuda mill-Irlanda li għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti għall-perijodu ta’ qabel is-17 ta’ Lulju 1990.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

176    Jirriżulta mill-premessa ċċitata hawn fuq tad-deċiżjoni alumina I li, fiha, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għall-perijodu ta’ qabel is-17 ta’ Lulju 1990, l-eżenzjoni kontenzjuża kienet għajnuna meqjusa eżistenti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(iv) ta’ dan l-istess regolament.

177    Fl-atti bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni targumenta li dik is-soluzzjoni hija ġġustifikata fid-dawl tal-fatt li l-eżenzjoni kontenzjuża hija “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, u li, skont l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-jum li fih l-għajnuna illegali kienet effettivament ingħatat lil AAL fil-kuntest ta’ din l-iskema.

178    L-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li “skema tal-għajnuna” għandha tfisser “kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta [,] u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”. Din id-dispożizzjoni tikkodifika, u tippreċiża, ġurisprudenza preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1996, Kahn Scheepvaart vs Il-Kummissjoni, T‑398/94, Ġabra, EU:T:1996:73, punti 41 u 49).

179    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet introdotta, fid-dritt Irlandiż, bid-Digriet tal-1983, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Mejju 1983. Dan id-digriet jagħti maħfra tad-dazju tas-sisa applikabbli għaż-żjut minerali użat bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina, li l-ammont tagħha huwa ugwali għal dak tad-dazju tas-sisa, li jwassal, fil-prattika, sabiex tiġi stabbilita eżenzjoni minn dan id-dazju. Anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet ta’ ordni ġeografika u temporali ddettaljati għall-eżenzjoni kontenzjuża ffissati bid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2013:812, punt 50), din il-miżura tikkorrispondi għal “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, kuntrarjament għal dak li ssostni AAL, sa fejn il-benefiċjarji tal-għajnuna huma ddefiniti, b’mod ġenerali u astratt, bħala, essenzjalment, il-produtturi tal-alumina u fejn l-ammont tal-għajnuna li jingħata lilhom jibqa’ indeterminat.

180    Sa fejn AAL tilmenta li l-Kummissjoni, għall-ewwel darba fir-risposta, ikkunsidrat li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet skema ta’ għajnuna u mhux għajnuna individwali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmi lment jistrieħ fuq l-assunzjoni li d-deċiżjoni kkontestata teskludi li l-eżenzjoni kontenzjuża tista’ tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, AAL ma tipproduċi ebda prova insostenn ta’ tali assunzjoni. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

181    Kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999 li, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju, u dan jikkorrispondi, f’dan il-każ, għal kull importazzjoni minn AAL jew kunsinna lilha, minn raffinerija jew minn depożitu ta’ ħażna, ta’ żjut minerali maħsuba sabiex jintużaw bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fl-impjant tagħha fir-reġjun ta’ Shannon. Fil-fatt, huwa fl-okkażjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-atti li AAL ibbenefikat fil-prattika, mill-eżenzjoni kontenzjuża u ngħatat individwalment għajnuna b’applikazzjoni tagħha (ara s-sentenza Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, EU:T:2008:537, punt 364 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrenti, it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 kien qed jiddekorri fir-rigward ta’ kull għajnuna hekk mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna korrispondenti għall-eżenzjoni kontenzjuża, mill-jum tal-għoti ta’ dik l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, Ġabra, EU:C:2011:811, punt 84).

182    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 dwar il-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni (dies a quo) fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, ma titqegħidx inkwistjoni mis-sentenza Scott vs Il-Kummissjoni, punt 172 iktar ’il fuq (EU:C:2005:590), invokata mill-Irlanda fil-Kawża T‑50/06 RENV II, li kienet tirrigwarda esklużivament il-kwistjoni, fir-rigward ta’ għajnuna individwali, jekk l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit f’dak l-isess artikolu kienx suġġett għall-kundizzjoni ta’ notifika tal-att interruttiv tal-preskrizzjoni lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

183    Barra minn hekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 kien ġie interrott, fir-rigward tal-eżenzjoni kontenzjuża, bl-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2000.

184    Għaldqstant kien korrettement li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet indikat, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni alumina I, li t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 kien skada biss fir-rigward tal-eżenzjoni mogħtija qabel is-17 ta’ Lulju 1990 u li, għaldaqstant, l-għajnuna kontenzjuża, mogħtija wara dik id-data, ma setgħetx titqies bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 15(3) ta’ dan l-istess regolament. Għaldaqstant, lanqas meta ordnat l-irkupru ta’ din l-għajnuna b’effett retroattiv għat-3 ta’ Frar 2002, hija ma kisret il-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, hekk kif ikkodifikata fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex din l-aħħar proċedura ma kinitx applikabbli għall-imsemmija għajnuna.

185    Għalhekk, għandhom jiġu micħuda, bħala infondati, it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u t-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999

186    Ir-rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88 KE u r-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex ma ħaditx inkunsiderazzjoni, sabiex tikklassifika l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, il-fatt li, qabel ma ssieħbet fil-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), fl-1 ta’ Jannar 1973, l-Irlanda kienet assumiet obbligu legalment vinkolanti fil-konfront ta’ Alcan fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża fil-kuntest tal-operat tal-impjant ta’ produzzjoni tal-alumina li hija kellha fir-reġjun ta’ Shannon, li mbagħad ittrasferixxiet lil AAL, b’mod li l-għajnuna kontenzjuża kienet ġiet mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ, fuq it-territorju tagħha, tat-Trattat KEE.

187    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-Irlanda tibbaża ruħha fuq l-impenn ifformalizzat permezz tal-korrispondenza skambjata ma’ Alcan, sa mill-1970, li bis-saħħa tiegħu ebda dazju ma kien sejjer ikun dovut fuq il-materja prima użata għall-produzzjoni tal-alumina fl-impjant li Alcan kienet qed tippjana li tibni fir-reġjun ta’ Shannon. It-tieni nett, hija tinvoka n-natura legalment vinkolanti ta’ dan l-impenn, fid-dritt Irlandiż, kif ikkonfermat mill-pariri legali tal-Gvern Irlandiż kif ukoll mill-Attorney General, fl-1981. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ investigazzjoni fid-dettall mibdija mill-Kummissjoni fuq in-natura ta’ dan l-obbligu fid-dritt Irlandiż. Ir-raba’ nett, hija tirreferi għall-kontenut tal-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, fejn hija qatt ma ammettiet li l-għajnuna kontenzjuża ma kinitx għajnuna eżistenti, imma biss irrispondiet għall-offerta tal-Kummissjoni li tittratta l-ittra ta’ Jannar 1983 bħala n-notifika tal-implementazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża. Il-ħames nett, hija tinvoka l-assenza ta’ rilevanza tal-fatt li d-digriet tal-1983 kienet ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ, fit-territorju tagħha, tat-Trattat KEE, għaliex dik id-digriet kienet biss l-implementazzjoni formali ta’ impenn legalment vinkolanti assunt fil-konfront ta’ Alcan qabel dak id-dħul fis-seħħ u li, meta ġie assunt dak l-impenn, il-liġi li kienet tippermetti lill-Ministru jadotta dik l-digriet kienet diġà fis-seħħ.

188    L-ewwel nett, AAL tibbaża ruħha fuq l-impenn legalment vinkolanti assunt mill-Irlanda fil-konfront ta’ Alcan, f’April 1970, li bis-saħħa tiegħu l-ebda dazju ma kellu jsir dovut fuq il-materja prima użata għall-produzzjoni tal-alumina fl-impjant li kien proġettat li jinbena fir-reġjun ta’ Shannon, impenn legali li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet ikkonfermata lil Alcan permezz tal-ittra tal-Irlanda lill-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 1983. It-tieni nett, hija tinvoka l-pożizzjoni kostantament sostnuta mill-Irlanda, inkluż fl-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet għajnuna mhux innotifikabbli, għaliex kienet diġà teżisti fil-mument li hija ssieħbet mal-KEE, li tagħha l-implementazzjoni biss kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, fl-1983. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza tar-rilevanza tal-iskema fiskali applikabbli speċifikament, għaliex l-għajnuna kienet tikkonsisti f’eżenzjoni ġenerali tat-taxxa interna fuq il-materja prima ddestinata għat-trasformazzjoni. Ir-raba’ nett, hija targumenta dwar in-natura tal-proċedura leġiżlattiva Irlandiża, fejn il-Ministru jiddeċiedi b’regolament u mbagħad il-Parlament jikkonferma l-miżura regolamentari bil-metodu leġiżlattiv.

189    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II jiġi miċħud bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tar-regola nemo potest venire contra factum proprium, sa fejn l-Irlanda kienet ħadet pożizzjoni kuntrarja fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. F’kull każ, it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II huwa infondat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob li tiġi miċħuda bħala infondata l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II.

190    Preliminarjament u sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw formalment ksur tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 140 hawn fuq, fil-mument li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet fuq l-għajnuna kontenzjuża, l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999 kien fis-seħħ, b’mod li dan huwa applikabbli f’dan il-każ.

191    Fit-termini ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, “l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u [l-]għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”, tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”.

192    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra t-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tar-regola nemo potest venire contra factum proprium, ħadd ma jista’ jikkontesta dak li huwa jkun irrikonoxxa preċedentement (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat-13 ta’ Frar 2014, Marszałkowski vs UASI, C‑177/13 P, EU:C:2014:183, punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    F’dan il-każ u jekk jitqies li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tibbaża ruħha fuq ir-regola nemo potest venire contra factum proprium fir-rigward tal-allegazzjonijiet inizjalment ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi vverifikat jekk l-Irlanda kinitx ammettiet, matul dik il-proċedura, li ma kinitx tat l-għajnuna kontenzjuża qabel ma ssieħbet mal-KEE, fl-1 ta’ Jannar 1973.

194    Fl-ittra tas-6 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda ddikjarat li, fuq il-bażi tal-argumenti indikati fl-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 1983, fir-rigward tal-impenji li kienet assumiet fil-konfront ta’ Alcan, hija setgħet tammetti li l-implementazzjoni ta’ dawk l-impenji kellha tiġi nnotifikata, skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, u talbet, konsegwentement, li jogħġobha tittratta l-ittra tagħha tat-28 ta’ Jannar 1983 bħala tali notifika. Fl-aħħar sentenza tal-premessa 65 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet għalhekk innotat li, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Mejju 1983, l-Irlanda kienet ammettiet it-teżi tagħha li l-għajnuna kontenzjuża kellha tiġi nnotifikata, li jwassal sabiex jitqies li dan ma kienx każ ta’ għajnuna eżistenti, imma ta’ għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li l-għajnuna ġdida biss kienet suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst bl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (sentenza Piaggio, punt 154 iktar ’il fuq, EU:C:1999:313, punt 48).

195    Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Irlanda kienet fakkret l-istorja tal‑eżenzjoni kontenzjuża u sostniet li din kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti.

196    Ċertament, fl-ittra ta’ AAL lill-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2002, din il-kontestazzjoni kienet limitata għall-kwistjoni jekk l-eżenzjoni kontenzjuża, li kienet oriġinarjament għajnuna ġdida, kinitx ġiet trasformata, wara n-notifika lill-Kummissjoni, f’għajnuna eżistenti, skont il-ġurisprudenza Lorenz imbagħad kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punti 135 u 136 hawn fuq). Fil-fatt, f’dik l-ittra, AAL innota li “l-eżenzjoni [kienet] ġiet innotifikata bħala għajnuna mill-Istat mill-Awtoritajiet Irlandiżi f’Mejju 1983 u [kienet] saret għajnuna eżistenti fis-sens tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat”.

197    Madankollu, fil-punt 3.1 tal-ittra tat-8 ta’ Jannar 2002, iċċitata fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata u li kopja tagħha ġiet ippreżentata b’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-Irlanda sostniet li hija kienet tikkunsidra “li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet approvata mill-awtoritajiet fl-1970, qabel ma l-Irlanda ssieħbet mal-KEE, u li kienet fis-seħħ mill-1982”. Barra minn hekk, fl-anness għall-ittra tas-26 ta’ April 2002, iċċitat fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata u li kopja tiegħu kienet ġiet ippreżentata b’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-Irlanda pprovdiet, fuq talba tal-Kummissjoni, id-dokumenti kollha intiżi sabiex juru li l-għajnuna kontenzjuża kienet mogħtija mill-Irlanda qabel ma ssieħbet mal-KEE.

198    Jirriżulta għalhekk mill-eżami tal-provi fil-fajl li, wara n-notifika tal-eżenzjoni lill-Kummissjoni, l-Irlanda baqgħet issostni, matul il-proċedura amministrattiva, li kienet tat l-għajnuna kontenzjuża qabel ma ssieħbet mal-KEE, u dan wassal lill-Kummissjoni sabiex teżamina din il-kwistjoni.

199    F’tali kuntest, minkejja li l-Irlanda rrispondiet b’mod pożittiv għall-offerta tal-Kummissjoni li tittratta l-ittra ta’ Jannar 1983 bħala notifika tal-implementazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, ma jistax jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda kienet ikkontestat punti ta’ fatt u ta’ liġi li qabel kienu rikonoxxuti minnha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

200    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li l-Irlanda kienet ammettiet, matul il-proċedura amministrattiva, li ma kinitx tat l-għajnuna kontenzjuża qabel ma ssieħbet mal-KEE, fl-1 ta’ Jannar 1973, ma għandha l-ebda bażi fattwali u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-regola nemo potest venire contra factum proprium.

201    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tat-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u tal-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, għandu jitfakkar li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, jeħtieġ li skema ta’ għajnuna ma tkunx biss ingħatat, qabel is-sħubija tal-Istat Membru kkonċernat mal-KEE, fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun impenjat ruħha, permezz ta’ att legalment vinkolanti, li tagħti l-għajnuna b’applikazzjoni ta’ dik l-iskema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra, EU:T:2004:4, punti 73 u 74), imma wkoll li tkun ġiet implementata, fis-sens li l-ħlas effettiv ta’ ċerta għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ dik l-iskema jkun seħħ effettivament.

202    F’dan il-każ, hemm qbil bejn il-partijiet li, f’kull każ, l-eżenzjoni kontenzjuża, li, skont ir-rikorrenti, kienet tirriżulta minn impenn assunt mill-Irlanda fil-konfront ta’ Alcan qabel l-isħubija tagħha mal-KEE, fl-1 ta’ Jannar 1973, kienet ġiet implementata biss fl-1983, jiġifieri f’data ferm wara l-imsemmija sħubija. Mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma setgħux jistabbilixxu li l-kundizzjoni dwar l-implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni qabel l-isħubija tal-Istat Membru kkonċernat mal-KEE, rikjesta sabiex dik l-iskema tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, kienet ġiet issodisfatta f’dan il-każ.

203    Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, qabel l-isħubija tagħha mal-KEE, l-Irlanda kinitx assumiet impenn legalment vinkolanti fil-konfront ta’ Alcan fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża fil-kuntest tal-użu tal-operat tal-impjant ta’ produzzjoni tal-alumina li Alcan kienet bniet fir-reġjun ta’ Shannon, imbagħad ittrasferixxiet lil AAL, jista’ jiġi kkonstatat li waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti sabiex l-eżenzjoni kontenzjuża tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999 hija, f’dan il-każ, nieqsa. Għaldaqstant it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II għandhom jiġu miċħuda.

204    Billi l-partijiet kollha fformulati fil-kuntest tal-ewwel motivi mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi ġew miċħuda, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

205    Fil-kuntest tat-tielet motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, fid-deċiżjoni kkontestata, meta ddeċidiet li l-aspettattivi leġittimi ta’ AAL fil-legalità tal-għajnuna allegatament mogħtija ntemmu fit-2 ta’ Frar 2002, jiġifieri l-ġurnata tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq il-fatt li AAL seta’ jkollha aspettattivi leġittimi fil-klassifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna eżistenti. Minn naħa, hija tibbaża ruħha fuq in-natura kuntradittorja tad-deċiżjoni alumina I, li tikkonkludi, fil-premessi 68 u 104 tagħha, li l-għajnuna kontenzjuża kienet parzjalment għajnuna eżistenti, fir-rigward tal-għajnuna mogħtija qabel is-17 ta’ Lulju 1990, filwaqt li tindika li din tikkostitwixxi għajnuna ġdida, f’parti kbira inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. Min-naħa l-oħra, hija tinvoka l-iżball tal-Kummissjoni li jikkonsisti, l-ewwel nett, li ma kklassifikatx l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna eżistenti, it-tieni nett, li ma applikatx, f’dan il-każ, il-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikata fir-Regolament Nru 659/1999 u, it-tielet nett, li damet sabiex tiddeċiedi li l-għajnuna kontenzjuża kienet inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, billi d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata iktar minn 43 xahar wara li l-Kummissjoni rċeviet, f’April 2002, ir-risposta tagħha għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari mibgħuta minn din l-istituzzjoni. Imbagħad, l-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħti lilha nnifisha d-dritt jew il-poter li tiddeċiedi, fid-deċiżjoni kkontestata, meta hija kienet ħolqot u, imbagħad, qerdet l-aspettattivi leġittimi ta’ AAL fil-legalità tal-għajnuna allegatament mogħtija. Fl-aħħar nett, l-Irlanda tqis li hija u AAL kellhom kull dritt jibbażaw ruħhom fuq id-Deċiżjoni 2001/224, li kienet tawtorizzaha tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

206    Fir-replika, l-Irlanda targumenta li, fid-dawl tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tipprova kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni f’terminu ta’ 18-il xahar, tal-prinċipju ta’ ekwità u tal-fatt li l-Kummissjoni tat lilha nnifisha l-poter li tiddeċiedi hija stess dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi fi ħdan AAL, l-irkupru tal-għajnuna għandu jkun limitat għall-perijodu ta’ 18-il xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont tal-fatt li l-Kummissjoni kienet bagħtet sinjali kontradittorji fil-konfront ta’ AAL u li dan tal-aħħar ma kinitx f’qagħda li tillimita t-telf tagħha f’każ ta’ ħlas lura tal-għajnuna allegatament mogħtija wara t-3 ta’ Frar 2002. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed kont tal-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ħarġet ordni ta’ sospensjoni tal-għajnuna kontenzjuża, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u għaldaqstant ma kinitx fittxet li ttaffi l-effetti ta’ dik l-għajnuna fuq is-suq komuni.

207    Fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, AAL isostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li minnhom it-tieni huwa biss il-kontinwazzjoni, abbażi ta’ argumenti supplementari, tal-ewwel wieħed.

208    Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, AAL targumenta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari meta hija ordnat l-irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża, għall-motivi, esposti fil-premessi 98 u 99 tad-deċiżjoni alumina I, li, minn naħa, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet temmet l-aspettattivi leġittimi tagħha fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża u li, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma kienx baqa’ applikabbli fil-mument li fiha hija kienet iċċarat sitwazzjoni li kienet, apparentement, ekwivoka. Hija tqis li jeżistu, f’dan il-każ, ċirkustanzi eċċezzjonali li jawtorizzawha, skont il-ġurisprudenza, tinvoka aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-għajnuna kontenzjuża kienet mogħtija legalment b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2001/224 u ma kinitx ser tiġi rkuprata u fil-fatt li l-eżenzjoni kontenzjuża setgħet tiġi legalment applikata sal-31 ta’ Diċembru 2006, skont din id-deċiżjoni, u saħansitra wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dik il-pubblikazzjoni ma temmetx is-sitwazzjoni ekwivoka dwar il-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, AAL tinvoka n-notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża lill-Kummissjoni fl-1983 u n-nuqqas ta’ azzjoni jew is-silenzju miżmum minn din tal-aħħar tul 17-il sena. It-tieni nett, hija tirreferi għad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati b’unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni, li wassluha sabiex taħseb li l-għajnuna kontenzjuża kienet legali sa fejn kienet tikkonsisti jew ibbażata fuq il-premessa li l-eżenzjoni kontenzjuża ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u kienu jawtorizzaw lil-Irlanda sabiex tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża, l-aħħar darba sal-2006. It-tielet nett, hija tistrieħ fuq il-proposta ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill ta’ Novembru 1999, minn fejn kienet tirriżulta l-intenzjoni tal-Kummissjoni li takkwista, fil-ħin, it-tneħħija tal-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, imma mhux l-irkupru tal-għajnuna mogħtija bl-applikazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni, matul il-perijodu kollu li matulu din kienet ġiet awtorizzata mill-Kunsill. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq il-fiduċja tagħha fil-fatt li l-Irlanda kienet qiegħda tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt ir-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Il-ħames nett, hija tirreferi għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li kienet turi biss id-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni u ma kinitx tali li tpoġġi inkwistjoni l-aspettattivi leġittimi tagħha, fid-dawl tad-Deċiżjoni 2001/224, fil-fatt li, f’kull każ, l-għajnuna mogħtija sal-2006 ma kinitx ser tiġi rkuprata. Is-sitt nett, hija tinvoka l-fiduċja tagħha fil-fatt li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx ser twassal għal deċiżjoni negattiva fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Is-seba’ nett, hija targumenta dwar id-dewmien mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, li, kuntrarjament għall-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, kienet ġiet adottata iktar minn 43 xahar wara n-notifika lill-Kummissjoni, f’April 2002, tar-risposta tal-Irlanda għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari mibgħuta minn dik l-istituzzjoni, u dan saħħaħ l-aspettattivi leġittimi tagħha fil-fatt li l-għajnuna kontenzjuża ma kinitx ser tiġi rkuprata. It-tmien nett, hija tirreferi għall-imġiba tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari l-istqarrija għall-istampa tagħha, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li kienet tfaħħar dik l-adozzjoni, li rawmet l-aspettattivi leġittimi tagħha fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża fid‑dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Id-disa’ nett, hija ssemmi l-assenza ta’ ordni tal-Kummissjoni lill-Irlanda sabiex tissospendi l-ħlas tal-għajnuna illegali allegatament mogħtija sakemm hija tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999. L-għaxar nett, hija targumenta dwar l-investimenti għal perijodu twil li hija wettqet in bona fide, fil-ħarifa tal-2003, korrispondenti, minn naħa, għall-kostruzzjoni ta’ ċentru ta’ produzzjoni ta’ sħana u tal-elettriku flimkien, bi spiża ta’ madwar EUR 100 miljun, u, min-naħa l-oħra, għal EUR 70 miljun ta’ investiment sabiex iżżid il-kapaċità tagħha ta’ produzzjoni, fuq il-bażi tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ser tkun applikata sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, li l-għajnuna mogħtija sa dik il-ġurnata ma kinitx ser tkun irkuprata.

209    Il-Kummissjoni titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda bħala infondati.

210    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, minkejja li, fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, AAL tifformula lment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dik il-parti hija indissoċjabbli mill-ilment, ukoll ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ifformolat fil-kuntest tat-tieni motiv imqajjem insostenn ta’ dan l-istess rikors.

211    Issa, għall-motivi esposti fil-punti 59 u 61 sa 74 hawn fuq, l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

212    Dwar il-kumplament, it-tielet motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u r-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II iqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni jekk, billi imponiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi.

213    F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra, EU:C:1999:498, punt 52), jippermetti lil kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu istituzzjoni nisslet tamiet fondati jibbenefika minnhom [sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra, EU:C:1987:121, punt 44; tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C‑369/09 P, Ġabra, EU:C:2011:175, punt 123, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, T‑328/09, EU:T:2012:498, punt 18]. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Lührs, 78/77, Ġabra, EU:C:1978:20, punt 6, u tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, T‑332/06, EU:T:2009:79, punt 102). Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat jippresupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:498, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata)

214    Għandu jitfakkar, imbagħad, fir-rigward b’mod partikolari tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, li Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tar-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Artikolu 88 KE, jista’ jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-impriża benefiċjarja sabiex jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni l-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna, imma mhux sabiex jeħles mill-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra, EU:C:1997:10, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jirriżulta, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza li, kont meħud tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika sabiex jippermetti l-effettività tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, li għandu natura imperattiva, il-benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità ta’ dik l-għajnuna biss jekk din ingħatat lilhom bl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’qagħda li jiżgura li dik il-proċedura tkun ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna hija implementata mingħajr ma qabel tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni jew, bħal f’dan il-każ, mingħajr ma ġie osservat il-preavviż tal-implementazzjoni meħtieġ mill-ġurisprudenza Lorenz (ara l-punti 154 u 156 sa 158 hawn fuq, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-mument, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għoti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, EU:T:2012:498, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), ħlief fil-każ ta’ eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, Ġabra, EU:C:1990:320, punt 16; ara, ukoll, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra, EU:C:2004:240, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ Novembru 2009, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra, EU:T:2009:474, punt 263 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Għandu, mill-ġdid, jitfakkar li l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija ta’ proċedura amministrattiva tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra, EU:T:2003:316, punt 136). Barra minn hekk, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ttawwal indefinittivament l-eżerċizzju tal-poteri tagħha, ifisser li l-qorti għandha teżamina jekk l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jindikax l-eżistenza ta’ azzjoni eċċessivament tardiva min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra, EU:C:2002:524, punti 140 u 141, u Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, Ġabra, EU:T:2004:4, punti 145 sa 147)

216    Id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li għandha tiġi kkanċellata u tiġi rkuprata minn Stat Membru jista’, taħt ċerti ċirkustanzi, joħloq aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna tali li jipprekludu lill-Kummissjoni milli titlob lil dan l-Istat Membru biex jordna l-ħlas lura tal-għajnuna (sentenza tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, Ġabra, EU:C:1987:502, punt 17).

217    Is-sempliċi fatt li, ħlief għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin (li jibdew jiddekorru mill-għoti tal-għajnuna) wara liema perijodu l-irkupru tal-għajnuna ma jistax jiġi ordnat, ir-Regolament Nru 659/1999 ma jipprovdi għal ebda terminu, anki jekk indikattiv, għall-eżami mill-Kummissjoni ta’ għajnuna illegali, skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) ta’ dan l-istess regolament, ma jostakolax lill-qorti tal-Unjoni milli tivverifika jekk din l-istituzzjoni osservatx terminu raġonevoli jew aġixxietx b’mod eċċessivament tardiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward ta’ terminu indikattiv, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra, EU:T:2005:219, punt 57, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et, T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01, EU:T:2009:316, punti 338 u 339, u Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, Ġabra, EU:T:2009:314, punti 259 u 260).

218    Għandu, fl-aħħar nett, jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li, meta l-Kummissjoni tkun ħolqot, bi ksur tad-dmir ta’ diliġenza impost fuqha, sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka, minħabba l-introduzzjoni ta’ elementi ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza f’leġiżlazzjoni applikabbli, magħquda ma’ nuqqas ta’ reazzjoni għal żmien twil min-naħa tagħha minkejja l-għarfien tagħha tal-għajnuna kkonċernata, għandha tkun hija li tiċċara dik is-sitwazzjoni qabel ma tkun tista’ tieħu kwalsiasi azzjoni intiża sabiex tordna l-ħlas lura tal-għajnuna diġà mħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, Ġabra, EU:C:1970:67, punti 28 sa 32).

219    Huwa fid-dawl tar-regoli mfakkra fil-punti 210 u 218 hawn fuq li għandhom jiġi evalwati l-argumenti tal-partijiet f’dan il-każ.

220    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk jitqies li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni permezz tal-ittri tat-28 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Mejju 1983, din kienet ġiet implementata b’mod illegali, sa fejn waħda mir-regoli proċedurali riżultanti mill-ġurisprudenza Lorenz, jiġifieri din li timponi l-obbligu fuq l-Istat Membru li jinnotifika lill-Kummissjoni l-preavviż tal-implementazzjoni tal-għajnuna pproġettata, ma kinitx ġiet osservata (ara l‑punti 154 u 156 sa 158 hawn fuq). L-għajnuna kontenzjuża kienet għalhekk ġiet implementata b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE.

221    Imbagħad, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ta’ natura li ttemm l-aspettattivi leġittimi li seta’ kellha AAL fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, kont meħud tas-sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka preċedentement maħluqa bil-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, inkluż dik tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet fis-seħħ matul il-perijodu kkonċernat bid-deċiżjoni kkontestata.

222    Fil-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li hija vinkolanti għall-Qorti Ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li din ma kienet qatt użat il-poteri tagħha, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew tal-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex takkwista t-tneħħija jew emenda ta’ dawn id-deċiżjonijiet kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, hekk kif il-Kummissjoni kienet għamlet, fid-deċiżjoni alumina I, billi rrinunzjat milli tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija sat-2 ta’ Frar 2002, id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan il-motiv kien deċiżiv sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-punt 54 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li l-motivi esposti fil-punti 39 sa 44 ta’ dik is-sentenza ma setgħux jiġġustifikaw, fid-dritt, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni alumina I kienet tpoġġi inkwistjoni l-validità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u kienet għalhekk tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u l-konklużjoni, li kienet tistrieħ fuq l-istess motivi, li, fil-kawża T‑62/06 RENV, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

223    Fid-dawl tar-rekwiżiti li jitnisslu mill-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, is-sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka maħluqa bil-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, topponi biss l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża sad-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Bil-kuntrarju b’effett minn dik il-pubblikazzjoni, AALn kellha tkun taf li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kien meħtieġ li hija tkun awtorizzata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE.

224    Isegwi li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet effettivament ġabet fit-tmien l-aspettattivi leġittimi li AAL seta’ kellha preċedentement fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati preċedentement fuq proposta tal-Kummissjoni.

225    Għalhekk il-Kummissjoni kienet korretta, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni alumina I, meta ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu eċċezzjonali, għaliex hija kienet rawmet u żammet ċerta ambigwità billi ssottomettiet proposti lill-Kunsill, u l-fatt li, sa fejn hija ma setgħetx tistabbilixxi jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema mument id-diversi benefiċjarji kienu effettivament ġew informati mill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma setax jiġi eskluż li l-benefiċjarji setgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sat-2 ta’ Frar 2002, meta d-deċiżjonijiet li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, filwaqt li jiġi nnotat li, fl-agħar ipoteżi, dik il-pubblikazzjoni kienet eliminat kull inċertezza, marbuta mal-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, dwar il-fatt li l-miżuri inkwistjoni, jekk kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kellhom jiġu awtorizzati minnha, skont l-Artikolu 88 KE.

226    Il-fondatezza ta’ din is-soluzzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bl-argumenti l-oħra avvanzati mir-rikorrenti.

227    Fir-rigward tal-argument li l-Irlanda tislet min-natura allegatament kontradittorja tad-deċiżjoni alumina I, sa fejn din tikkonkludi, fil-premessi 68 u 104 tagħha, li l-għajnuna kontenzjuża kienet parzjalment għajnuna eżistenti u parzjalment għajnuna ġdida, għandu jiġi nnotat, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 174 sa 184 hawn fuq, li, f’dawn il-premessi, il-Kummissjoni kienet wettqet applikazzjoni korretta u mhux intrinsikament kontradittorja tar-regola stabbilita bl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, kont meħud tan-natura ta’ “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) ta’ dan l-istess regolament, tal-eżenzjoni kontenzjuża. Għalhekk, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

228    Fir-rigward tal-argument li l-Irlanda tislet mill-allegat żball imwettaq mill-Kummissjoni meta kklassifikat l-għajnuna kontenzjuża bħala għajnuna eżistenti u ma applikatx għall-eżenzjoni kontenzjuża l-proċedura applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, għandu jiġi kkonstatat, għar-raġunijiet esposti fil-punti 139 sa 143, 155 sa 162, 190 u 201 sa 203 hawn fuq, li, f’dawn il-premessi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball bl-applikazzjoni għall-għajnuna kontenzjuża, mogħtija bl-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, tal-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-ġurisprudenza Lorenz, kif ukoll l-Artikolu 1(b)(i) tal-istess regolament. B’hekk, l-argument preżenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

229    Fir-rigward tal-argument li AAL tislet min-nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni tul 17-il sena, wara n-notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża fl-1983, għandu jiġi nnotat li, sa fejn, kif jinsab imfakkar fil-premessa 5 tad‑Deċiżjoni 2001/224, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill ma jeżentawx lill-Irlanda min-notifika tal-għajnuna mill-Istat li setgħet tiġi implementata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2013:812, punt 51) u fejn, wara n-notifika, l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet implementata mill-Irlanda mingħajr ma ġie osservat il-preavviż tal-eżekuzzjoni rikjest mill-ġurisprudenza Lorenz (ara l-punt 220 hawn fuq), il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri minn wieħed jew l-ieħor minn dawn l-avvenimenti, ma adottatx deċiżjoni li tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà tal-eżenzjoni kontenzjuża mas-suq komuni, fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

230    Fir-rigward tal-argument li AAL tislet mill-aspettattivi li hija kellha fil-fatt li l-Irlanda kienet konformi mal-obbligi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li, sabiex setgħet timplementa legalment l-eżenzjoni kontenzjuża, l-Irlanda kellha tosserva l-obbligu tagħha li tinnotifika lill-Kummissjoni mhux biss dik l-eżenzjoni, skont l-Artikolu 88(3) KE, imma wkoll il-preavviż tal-implementazzjoni tagħha, rikjest mill-ġurisprudenza Lorenz. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, minħabba n-natura obbligatorja tas-superviżjoni tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 tat-Trattat KE, il-kumpanniji benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistax ikollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna ħlief jekk din tingħata skont il-proċedura stabbilita f'dak l-artikolu. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’qagħda li jiżgura li din il-proċedura tkun ġiet osservata (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 214 iktar ’il fuq, EU:C:1990:320, punt 14, u Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, EU:C:1997:10, punt 51). F’dan il-każ, kellha tkun AAL li tivverifika, jekk ikun il-każ mal-Kummissjoni, li l-Irlanda kienet osservat l-obbligi kollha imposti fuqha, b’mod partikolari dak li tinnotifika l-preavviż tal-implementazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, l-argument preżenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

231    Fir-rigward tal-argumenti li r-rikorrenti jisiltu mid-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, għandu jiġi nnotat li din ma hijiex ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet trawwam, fi ħdan AAL, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża, u dan għar-raġunijiet kollha esposti fil-punti 232 sa 255 iktar ’il quddiem.

232    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dewmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali eċċediex, f’dan il-każ, il-limiti ta’ raġonevolezza.

233    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li l-perijodu ta’ 26 xahar meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha kien eċċeda l-limiti ta’ dak li huwa raġonevoli.

234    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, il-perijodu ta’ referenza sabiex titwassal fit-tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat innotifikata huwa ta’ 18-il xahar. Dan il-perijodu, anki jekk ma huwiex applikabbli għall-għajnuna illegali, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 217 hawn fuq), jipprovdi punt ta’ referenza utili sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali rigwardanti, bħal f’dan il-każ, miżura implementata b’mod illegali (ara l-punt 220 iktar ’il fuq).

235    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fis-17 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jinnotifikawha l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa taħt id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-risposti, li ma kinux intbagħtu fil-kwalità ta’ notifika, kienu waslulha f’Settembru, f’Ottubru u f’Diċembru 2000. Hija kienet imbagħad fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001, innotifikata lill-Istati Membri kkonċernati fil-5 ta’ Novembru 2001 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-2 ta’ Frar 2002. Hija kienet imbagħad irċeviet l-osservazzjonijiet ta’ AAL (ittri tas-26 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2002), ta’ Eurallumina (ittri tat-28 ta’ Frar 2002), ta’ Alcan Inc. (ittra tal-1 ta’ Marzu 2002) u tal-Association européenne de l’aluminium (ittra tas-26 ta’ Frar 2002). Dawn l-osservazzjonijiet ġew ikkomunikati lill-Irlanda, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika Franċiża fis-26 ta’ Marzu 2002. L-Irlanda ppreżentat il-kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-8 ta’ Jannar 2002. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari mingħand l-Irlanda fit-18 ta’ Frar 2002, u din irrispondiet fis-26 ta’ April 2002, wara li talbet estensjoni tat-terminu ffissat għar-risposta. Wara li talbet ukoll estensjoni tat-terminu għar-risposta fil-21 ta’ Novembru 2001, ir-Repubblika Franċiża kkummentat dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ fit-12 ta’ Frar 2002. Ir-Repubblika Taljana ppreżentat il-kummenti tagħha fis-6 ta’ Frar 2002.

236    Id-deċiżjoni alumina I ġiet adottata fis-7 ta’ Diċembru 2005.

237    Għalhekk, għaddew ftit iktar minn 49 xahar bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I.

238    A priori, dan it-terminu, li huwa bejn wieħed u ieħor id-doppju ta’ dak meħud inkunsiderazzjoni fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), u ftit iktar mid-doppju ta’ dak previst fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tintemm proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat innotifikat, jidher irraġonevoli. Skont il-ġurisprudenza, għandu madankollu jiġi eżaminat jekk dan il-perijodu setax jiġi ġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

239    F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni ma humiex madankollu ta’ natura li jiġġustifikaw perijodu ta’ 49 xahar.

240    Ċertament, dan il-perijodu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-perijodu mogħti lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Gvernijiet Franċiż, Irlandiż u Taljan kienu talbu lill-Kummissjoni estensjonijiet tat-termini sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u r-risposti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kont meħud tar-rabtiet stretti li jeżistu, f’dan il-każ, bejn l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa, fir-rigward ta’ miżuri simili awtorizzati, skont proċeduri mibdija parallelment, bl-istess deċiżjoni tal-Kunsill, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti kollha ta’ proċedura li seħħew fil-fajls inkwistjoni u, b’mod partikolari, l-fatt li, fis-26 ta’ April 2002, l-Irlanda rrispondiet għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari mibgħuta mill-Kummissjoni.

241    Madankollu, wara din id-data tal-aħħar, xorta għadda perijodu ta’ ftit iktar minn 43 xahar qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni alumina I. Issa, dan il-perijodu ta’ eżami tal-fajls inkwistjoni, fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha pprovduti mill-Istati kkonċernati u l-partijiet interessati, ma huwiex iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

242    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata diffikultà tal-fajls, din ma hijiex stabbilita u, anki jekk dan kien il-każ, ma tistax tiġġustifika perijodu ta’ eżami daqstant twil bħal f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-fajl ma hemm ebda indizju ta’ problemi legali ta’ importanza partikolari li bihom kienet ikkonfrontata l-Kummissjoni, u d-deċiżjoni alumina I kienet barra minn hekk ta’ tul raġonevoli (112 premessa) u ma turi, fl-iżviluppi tagħha, l-ebda diffikultà manifesta. Imbagħad, il-Kummissjoni kienet taf bl-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa ferm qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, billi l-ewwel talbiet għal eżenzjoni jmorru lura għall-1992, għall-Irlanda, għall-1993, għar-Repubblika Taljana, u għall-1997, għar-Repubblika Franċiża. Barra minn hekk, kienet il-Kummissjoni li bagħtet il-proposti suċċessivi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa lill-Kunsill, wara li kienet irċeviet talbiet f’dan is-sens mir-Repubblika Franċiża, mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tar-rapporti tagħha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kienet informat lid-WTO bl-eżistenza tal-eżenzjoni Irlandiża.

243    Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess kienet indikat li, mill-1999, hija kienet tikkunsidra l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala kuntrarji għar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant hija kienet f’qagħda, minn dik id-data, li tapprofondixxi r-riflessjonijiet tagħha fuq il-legalità ta’ dawk l-eżenzjonijiet fir-rigward tal-liġijiet f’dan il-qasam.

244    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma talbitx iktar informazzjoni supplimentari mingħand ir-Repubblika Franċiża, mingħand l-Irlanda jew mingħand ir-Repubblika Taljana matul dawn it‑43 xahar li ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I jixhed li hija kellha diġà, f’dak iż-żmien, l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa.

245    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata diffikultà riżultanti mill-evoluzzjoni tal-iskema Komunitarja tat-taxxa fuq iż-żjut minerali, u b’mod partikolari tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun sabiex tinvokaha. Fil-fatt, id-deċiżjoni alumina I tirrigwarda sitwazzjoni legali li ma kinitx irregolata bl-iskema l-ġdida ta’ taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96, li saret applikabbli biss fl-1 ta’ Jannar 2004, imma bl-iskema tat-taxxa fuq iż-żjut minerali applikabbli preċedentement. Għalhekk, l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, invokata mill-Kummissjoni, ma kellha l-ebda effett f’dan il-każ. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet fetħet proċedura ġdida ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna għall-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-iskema l-ġdida tat-taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96. F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni alumina I kienet ġiet adottata madwar sentejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96. Issa, is-sempliċi neċessità, allegata mill-Kummissjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni alumina I, l-iskema l-ġdida tat-taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96 ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika żmien daqstant twil daqs dak ta’ dan il-każ.

246    F’dawn iċ-cirkustanzi, il-Kummissjoni kienet taf sewwa bil-kuntest legali u fattwali tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa u ma kienet ikkonfrontata b’ebda diffikultà manifesta dwar l-eżami tagħhom fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

247    It-tieni nett, fir-rigward tad-diffikultajiet ta’ ordni prattiku u lingwistiku allegati mill-Kummissjoni, anki jekk dawn jitqiesu li huma stabbiliti, dawn ma jistgħux jiġġustifikaw żmien daqstant twil bħal dak ta’ dan il-każ. F’kull każ, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha servizzi li kienu jippermettulha tiffaċċja d-diffikultajiet lingwistiċi li hija tallega kif ukoll l-eżami, parallel, tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa f’terminu ferm iqsar minn dak ta’ dan il-każ, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni tajba tas-servizzi tagħha.

248    Għaldaqstant, it-tul tal-eżami tal-għajnuna kontenzjuża kien, f’dan il-każ, irraġonevoli.

249    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tagħti d-deċiżjoni kkontestata setax raġonevolment iwassal lil AAL sabiex temmen li d-dubji tal-Kummissjoni ma kinux għadhom eżistenti u li l-eżenzjoni kontenzjuża ma sabitx oġġezzjoni, u jekk dan id-dewmien kienx ta’ natura li jimpedixxi lill-Kummissjoni milli titlob l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l‑31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tagħha, kif ġie deċiż fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502, punt 16).

250    Ċertament, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li t-terminu ta’ 26 xahar meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha seta’ ħoloq aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti, benefiċjarja tal-għajnuna, li jkunu tali li jipprekludu lill-istituzzjoni milli tordna lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni.

251    Madankollu, għalkemm għandha tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali li jipproteġu l-interessi privati, jeħtieġ ukoll li dawn ir-rekwiżiti jiġu bbilanċjati mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-interessi pubbliċi, li fosthom insibu, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dak intiż sabiex jevita li l-funzjonament tas-suq ma jkunx distort bl-għajnuna mill-Istat li tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni, li jirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita, li dik l-għajnuna illegali titħallas lura sabiex tirristabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra, EU:T:2003:217, punti 207 u 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    Għaldaqstant il-ġurisprudenza interpretat is-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), fis-sens li ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ li jkunu wasslu għaliha jkollhom rwol deċiżiv fl-orjentazzjoni segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, EU:C:2004:240, punt 90; L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, EU:C:2004:234, punt 119; Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, EU:T:2009:314, punt 286, u Diputación Foral de Álava et, punt 217 iktar ’il fuq, EU:T:2009:316, punt 344). B’mod partikolari, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għajnuna li kienet inkwistjoni fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), kienet ingħatat qabel ma l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwarha. Barra minn hekk, hija kienet is-suġġett, għalkemm wara l-ħlas tagħha, ta’ notifika formali lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija kienet marbuta ma’ spejjeż supplimentari marbuta ma’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni u kienet tikkonċerna settur li, mill-1977, kien ibbenefika minn għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ma kienx jirrikjedi riċerka fid-dettall.

253    Issa, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kollha preżenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), ma jeżistux f’dan il-każ. Ċertament, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), fil-mument li fih il-Kummissjoni kienet apparentement baqgħet inattiva, hija diġà kellha għarfien tajjeb tal-eżenzjoni kontenzjuża u għalhekk setgħet tifforma opinjoni dwar il-legalità tagħha fid-dawl tal-liġijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod li hija lanqas ma kellha l-ħtieġa li twettaq, f’dan ir-rigward, riċerka fid-dettall. Madankollu, ċirkustanzi eċċezzjonali oħra li kienu jinsabu fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), huma nieqsa f’dan il-każ. B’mod partikolari, f’din il-kawża, l-għajnuna kontenzjuża ngħatat qabel il-ftuħ, mill-Kummissjoni, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-eżenzjoni kontenzjuża.

254    Dan jiddistingwi fundamentalment iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), minn dawk li jiffurmaw il-bażi ta’ din il-kawża.

255    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li fil-punt 52 tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni (C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra, EU:C:2004:701), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament joħolqu l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali fil-legalità tagħha, li kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni huwa nieqes minn sinjifikat meta skema ta’ għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lilha. Tali soluzzjoni hija imposta wkoll fil-każ fejn, bħal f’dawn il-kawżi, skema ta’ għajnuna tkun ġiet implementata mingħajr ma jkun ġie osservat il-preavviż tal-eżekuzzjoni rikjest mill-ġurisprudenza Lorenz (ara l-punt 220 hawn fuq) u, għaldaqstant, mingħajr ma tkun ġiet kompletament segwita l-proċedura prevista bl-Artikolu 88 KE (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 214 hawn fuq). Għalhekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni matul 43 xahar wara r-risposta tal-Irlanda għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari tal-Kummissjoni (ara l-punt 214 hawn fuq), għalkemm din tikser il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ma għandhiex madankollu sinjifikat partikolari mill-perspettiva tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għall-għajnuna kontenzjuża, li kienet ġiet implementata b’mod illegali. Għaldaqstant, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu joħolqu, fi ħdan AAL, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Isegwi li s-sempliċi ksur, f’dan il-każ, tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli għall-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I ma kienx jipprekludi li, f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna.

256    Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għandhom jiġu miċħuda.

257    F’dak li jikkonċerna l-argument li l-Irlanda tislet min-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ 18-il xahar imsemmi fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni tipprovdi biss li, fil-każ ta’ għajnuna nnotifikata, “il-Kummissjoni għandha tipprova kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni f’perjodu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura”. Ma jirriżultax minn dan l-artikolu li s-sempliċi skadenza tal-perijodu msemmi fih jista’ jostakola lill-Kummissjoni milli tkun tista’ tirkupra l-għajnuna, bla ħsara għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999. L-Artikolu 7(7) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi, fil-fatt, li, “[l]a darba jkun skada l-limitu msemmija fil-paragrafu 6, u jekk l-Istat Membru kkonċernat jitlob dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn, tieħu deċiżjoni abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli lilha”. Għalhekk, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

258    Fir-rigward tal-argument li AAL tislet mill-fatt li l-Kummissjoni kienet pubblikament faħħret l-adozzjoni mill-Kunsill tad-Direttiva 2003/96, dan huwa ineffettiv, għaliex il-fatt li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) ta’ dik l-istess direttiva, kien jawtorizza lill-Irlanda tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003 ma għandux rilevanza għall-finijiet ta’ eventwali aspettattivi leġittimi li AAL seta’ jkollha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fid-data li fiha daħal fis-seħħ l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2003, AAL kellha tkun informata bl-eżistenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali pendenti, dwar l-eżenzjoni kontenzjuża, u bil-fatt li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din kellha tkun awtorizzata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE. Din is-sitwazzjoni ma setgħetx tkun modifikata bl-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/96, rispettivament fis-27 u l-31 ta’ Ottubru 2003, li l-premessa 32 tagħha tindika espressament li din id-direttiva “hija mingħajr preġudizzju għal xi għajnuna statali li tista’ tingħata fil-futur u li ssir skond l-Artikoli 87 [KE] u 88 KE]” (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2013:812, punt 51). Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96 ma kienx ta’ natura, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jrawwam, fi ħdan AAL, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

259    F’dak li jikkonċerna l-argumenti li r-rikorrenti jisiltu mill-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx, f’dan il-każ, ordni ta’ sospensjoni tal-għajnuna kontenzjuża, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif diġà espost fil-punt 79 hawn fuq, li din id-dispożizzjoni ma timponix fuq il-Kummissjoni, meta jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, li tadotta ordni ta’ sospensjoni, imma tipprovdi biss li hija tista’ tadotta ordni bħal dik, meta hija tqis li dan huwa neċessarju. Isegwi li AAL ma setgħet, f’dan il-każ, tislet l-ebda konklużjoni mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet li għandha tadotta ordni ta’ sospensjoni. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala infondat.

260    Fir-rigward tal-argument li AAL tislet mill-investimenti għal perijodu twil li hija wettqet fl-impjant tagħha ta’ produzzjoni tal-alumina bbażat fir-reġjun ta’ Shannon, għandu jiġi nnotat li kienet korretta, f’dan il-każ, il-Kummissjoni li ma ħadithomx inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, AAL ma għandhiex raġun tallega li dawn l-investimenti kienu twettqu abbażi ta’ aspettattivi leġittimi li hija seta’ kellha fil-fatt li dawn l-investimenti setgħu jiġu amortizzati grazzi, b’mod partikolari, għall-benefiċċji li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ AAL innifisha, fl-atti bil-miktub tagħha, li l-investimenti inkwistjoni kienu ġew “ordnati fil‑ħarifa 2003”, jiġifieri f’data wara dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri fit-2 ta’ Frar 2002. Issa, kif jirriżulta mill-punti 221 sa 225 hawn fuq, wara dik il-pubblikazzjoni, AAL ma setax ikollha iktar aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u fil-fatt li, jekk din kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, l-irkupru tal-eżenzjoni kontenzjuża seta’ jiġi ordnat mill-Kummissjoni. Kif diġà ġie osservat fil-punt 258 hawn fuq, l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96, li d-dispożizzjonijiet tagħha jirregolaw biss l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, ma setgħetx trawwem fi ħdan AAL, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-għajnuna kontenzjuża kienet legali fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li din ma kinitx ser tiġi rkuprata bl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. F’kull każ, AAL ma pproduċiet l-ebda element li jipprova li hija kienet wettqet dawn l-investimenti inkunsiderazzjoni tal-aspettattivi leġittimi li hija seta’ kellha fil-fatt li dawk l-investimenti setgħu jiġu amortizzati grazzi, b’mod partikolari, għall-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Barra minn hekk, wieħed mill-investimenti kien twettaq fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, jiġifieri l-Irish Capacity 2005 Competition, mirbuħa minn AAL fl-2003. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet korretta li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi, allegati f’dan il-każ minn AAL, fil-fatt li l-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha ta’ produzzjoni tal-alumina bbażat fir-reġjun ta’ Shannon setgħu jiġu amortizzati grazzi, b’mod partikolari, għall-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. B’hekk, l-argument preżenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

261    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-allegazzjoni tal-Irlanda li, qabel il-31 ta’ Diċembru 2003, AAL ma setgħetx tkopri t-telf tagħha f’każ ta’ ħlas lura tal-għajnuna mogħtija bl-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża, din ma tistax tiġi sostnuta, sakemm ma tiġix żviluppata u sostnuta fir-replika fil-Kawża T‑50/06 RENV II, li fiha ġiet ifformulata.

262    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet rikorrenti ma wrewx, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu raġonevolment jippermettu lil AAL temmen li d-dubji tal-Kummissjoni ma kinux għadhom jeżistu u li ma kienx għad fadal oġġezzjonijiet kontra l-eżenzjoni kontenzjuża, u dan kien sejjer jostakola milli, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża.

263    Għalhekk, it-tielet motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u r-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli, invokat fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, marbutin mad-dewmien eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

264    Fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, l-Irlanda tilmenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli billi damet sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 45 u 51 hawn fuq).

265    Fil-kuntest tal-ħames motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, AAL issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba billi damet sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, li ttieħdet biss iktar minn 43 xahar wara li l-Kummissjoni rċeviet, f’April 2002, ir-risposta tal-Irlanda għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari mibgħuta minn din l-istituzzjoni.

266    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment u dan il-motiv jiġu miċħuda bħala infondati.

267    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali jopponi li l-Kummissjoni tista’ ttawwal indefinittivament l-eżerċizzju tal-poteri tagħha (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra, EU:C:1972:73, punti 20 u 21, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, EU:C:2002:524, punt 140).

268    Barra minn hekk, l-osservanza mill-Kummissjoni ta’ terminu raġonevoli fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet wara proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika ta’ kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Eridania Sadam vs Il-Kummissjoni, T‑579/08, EU:T:2011:608, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija għandha terminu raġonevoli sabiex ittemm dik il-proċedura (digriet tal-11 ta’ Lulju 1979, Fédération nationale des producteurs de vins de table et vins de pays vs Il-Kummissjoni, 59/79, Ġabra, EU:C:1979:188, p. 2425, p. 2428).

269    F’dan il-każ, kif innotat fil-punt 248 hawn fuq, it-tul tal-eżami tal-għajnuna kontenzjuża ċertament kien irraġonevoli.

270    Madankollu, il-ksur tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni adottata fi tmiem dan it-terminu biss sa fejn huwa jinvolvi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Meta ma jkunx stabbilit li d-dewmien eċċessiv ikun affettwa l-kapaċità tal-impriżi kkonċernati li jiddefendu ruħhom effettivament, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma għandux effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva u għalhekk jista’ jiġi analizzat biss bħala kawża ta’ preġudizzju li tista’ tiġi invokata quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza Eridania Sadam vs Il-Kummissjoni, punt 268 iktar ’il fuq, EU:T:2011:608, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

271    F’kull każ, għandu jitfakkar li, waqt l-eżami msemmi fl-Artikolu 88(2) KE, il-persuni kkonċernati, bħal f’dan il-każ AAL, mhux talli ma jgawdux mid-drittijiet tad-difiża rrikonoxxuti lill-persuni li kontra tagħhom tkun infetħet proċedura, imma jgawdu biss mid-dritt li jkunu assoċjati fil-proċedura amministrattiva b’mod adegwat b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari (ara s-sentenza Eridania Sadam vs Il-Kummissjoni, punt 268 iktar ’il fuq, EU:T:2011:608, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jallegawx li d-dritt ta’ AAL li tinstema’ u tkun assoċjata fil-proċedura b’mod adegwat b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ kien inkiser mill-Kummissjoni, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

273    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud, bħala infondati, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli, invokat fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, kif ukoll il-ħames motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II.

274    Billi l-motivi u l-ilmenti kollha mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors ġew miċħuda, dan ir-rikors innifsu għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

275    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relattivi, minn naħa, għall-proċeduri ppreżentati quddiemha u, min-naħa l-oħra, għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn, fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 22 iktar ’il fuq (EU:C:2009:742), u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irriżervat l-ispejjeż, huwa d-dmir tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi wkoll, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-proċeduri ta’ appell.

276    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, eċċezzjonalment, meta huwa rikjest mill-ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef tħallas, flimkien mal-ispejjeż tagħha stess, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata mill-Qorti Ġenerali sabiex tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun iġġustifikat minħabba l-atteġġjament tagħha, anki qabel ma titressaq l‑istanza. Huwa b’mod partikolari permess li l-Qorti Ġenerali tikkundanna għall-ispejjeż istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha ma tkunx ġiet annullata, minħabba l-insuffiċjenza ta’ din tal-aħħar, li tkun wasslet lil rikorrent sabiex jippreżenta rikors (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑387/08, EU:T:2010:377, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

277    Ir-rikorrenti tilfu l-kawża. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn ir-rikorsi, ġie kkonstat, fil-punt 248 hawn fuq, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan seta’ wassal lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw r-rikorsi, bl-għan li jiġi kkonstat dak il-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun ġust u ekwu, fir-rigward tal-Kawżi T‑50/06, T‑50/06 RENV I u T‑50/06 RENV II, li tikkundanna lill-Irlanda tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni, u lill-Kummissjoni tħallas kwart mill-ispejjeż tagħha u, fir-rigward tal-Kawżi T‑69/06, T‑69/06 RENV I u T‑69/06 RENV II, li tikkundanna lil AAL tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u lill-Kummissjoni tħallas kwart mill-ispejjeż tagħha stess. Fil-Kawża T‑69/06 R, bil-kuntrarju, AAL għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż kollha. Fir-rigward tal-kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P, sa fejn ħames partijiet kienu opposti għall-Kummissjoni f’kull waħda minnhom, b’applikazzjoni tar-regola tat-tqassim adottata fil-Kawżi T‑50/06, T‑50/06 RENV I u T‑50/06 RENV II kif ukoll fil-Kawżi T‑69/06, T‑69/06 RENV I u T‑69/06 RENV II, l-Irlanda u AAL għandhom jiġu kkundannati jħallsu kull waħda l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll tliet partijiet minn għoxrin, jiġifieri kwint ta’ tliet kwarti, mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u din tal-aħħar għandha tħallas kwint mill-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      L-Irlanda hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi T‑50/06, T‑50/06 RENV I u T‑50/06 RENV II kif ukoll tliet partijiet minn għoxrin tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P.

3)      Aughinish Alumina Ltd hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawżi T‑69/06, T‑69/06 RENV I u T‑69/06 RENV II, tliet partijiet minn għoxrin tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P kif ukoll l-ispejjeż kollha fil-Kawża T‑69/06 R.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannat tbati kwart mill-ispejjeż tagħha fil-Kawżi magħquda T‑50/06 u T‑69/06, il-Kawżi magħquda T‑50/06 RENV I u T‑69/06 RENV I u l-Kawżi magħquda T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV II kif ukoll kwint mill-ispejjeż tagħha fil-Kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Gervasoni

 

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

L-eżenzjoni kontenzjuża

Il-proċedura amministrattiva

Deċiżjoni alumina I

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq, minn naħa, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ estoppel u tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ estoppel kif ukoll fuq użu ħażin tal-poter, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u, min-naħa l-oħra, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettivitŕ tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll ta’ eċċess ta’ kompetenza u ta’ użu ħażin tal-poter, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti li jitnisslu mill-Artikolu 3(1)(m) KE u mill-Artikolu 157 KE, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 87(1) KE, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

Fuq l-ewwel motivi mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, ibbażati fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża fir-rigward tal-Artikolu 88 KE

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(iii) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll, fil-Kawża T‑50/06 RENV II, fuq ksur tar-regoli proċedurali dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif ikkodifikati fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 1(b)(iv) u tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II u fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli, invokat fil-kuntest tar-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑50/06 RENV II, u fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, marbutin mad-dewmien eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑69/06 RENV II

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.