Language of document : ECLI:EU:F:2013:67

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONIEWROPEA

(It-Tielet Awla)

30 ta’ Mejju 2013

Kawża F‑102/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bl-idejn fuq il-faks differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta – Tardività tar-rikors – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu intiża għall-ħlas ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar għas-snin 2005 sa 2010, imressqa abbażi tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Il-preżentata tal-verżjoni oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta kienet ippreċeduta minn faks li ntbagħat fl-10 ta’ Ottubru 2011, ta’ dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġinali tar-rikors

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. M. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.



Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Firma bl-idejn ta’ avukat – Regola sostanzjali ta’ applikazzjoni stretta – Assenza – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u l-Artikolu 7(1) tal-Anness I; Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bl-idejn differenti minn dik li tinsab fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data meta ġie riċevut il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45; Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (6); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

1.      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut jirriżulta li kull rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn avukat u li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi biss permezz ta’ rikors iffirmat minn dan tal-aħħar. L-ebda deroga jew eċċezzjoni ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal.

Għalhekk huwa minħabba l-importanza fundamentali tar-rwol tal-avukat bħala awżiljarju tal-ġustizzja fil-proċeduri ġudizzjarji quddiem it-Tribunal li l-Artikolu 34(1) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li l-oriġinali ta’ kull att għandu jkun iffirmat mir-rappreżentant tal-parti. Fil-fatt, bl-inklużjoni tal-firma tiegħu, dan tal-aħħar jassumi r-responsabbiltà tal-osservanza u tal-kontenut tar-rikors u jiżvolġi r-rwol essenzjali, bħala awżiljarju tal-ġustizzja, li jikkonferulu l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jippermetti b’hekk, fl-eżerċizzju tal-ministeru tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għat-Tribunal.

Barra minn hekk, l-eżiġenza ta’ firma bil-miktub tiggarantixxi, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u teskludi r-riskju li dan ma jkunx, fil-verità, ix-xogħol tal-avukat awtorizzat jagħmel dan. Għaldaqstant, din l-eżiġenza għandha tiġi kkunsidrata bħala regola sostanzjali tal-proċedura u għandha tiġi applikata b’mod strett, fejn in-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 22 sa 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1984, Vaupel vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 131/83, punt 8; 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C-174/96 P, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T-223/06 P, punti 50 u 51

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 6 tiegħu, jimponu lir-rappreżentant tal-parti kkonċernata jiffirma bl-idejn l-oriġinali tal-att proċedurali li jintbagħat b’faks u li sa għaxart ijiem wara għandu jiġi materjalment iddepożitat fir-reġistru tat-Tribunal, jew mibgħut bil-posta jew bl-idejn. Fi kliem ieħor, għall-finijiet tad-depożitu tal-oriġinal ta’ kwalunkwe att ta’ proċedura fit-termini imposti, l-Artikolu 34 imsemmi iktar ’il fuq ma jippermettix lir-rappreżentant tal-parti kkonċernata li juża żewġ firem bl-idejn differenti, anki jekk awtentiċi, waħda fuq id-dokument mibgħut b’faks lir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal u l-oħra fuq l-oriġnal mibgħut bil-posta jew ippreżentat bl-idejn fir-Reġistru.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun jidher li l-att oriġinali li huwa materjalment ippreżentat fir-Reġistru fl-għaxart ijiem wara li tintbagħat kopja tiegħu permezz ta’ faks lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jkollux l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument mibgħut b’faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi tribunal ikunu waslu żewġ atti ta’ proċedura differenti, kull wieħed minnhom b’firma distinta anki jekk kull waħda tkun saret mill-istess persuna. Peress li t-test mibgħut permezz ta’ faks ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ meta d-dokument intbagħat b’faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

Fil-fatt, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa stabbilit mill-Artikolu 91(3) tal-Istatut, li miegħu jiżdied it-terminu għal raġuni ta’ distanza previst mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistgħux jidderogaw minnu. Konsegwentement, huwa importanti li oriġinal tar-rikors isir sa mhux iktar tard mill-aħħar ġurnata ta’ dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, il-kopja mibgħuta b’faks ma hijiex biss mod kif jintbagħat, iżda tippermetti wkoll li jiġi ppruvat li l-oriġinal tar-rikors li jkun wasal fir-reġistru ta’ dan it-Tribunal barra mit-terminu jkun diġà ġie ppreżentat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 25 sa 27)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F-113/11, punt 22