Language of document : ECLI:EU:C:2020:1007

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Distribuzzjoni televiżiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 9 u Artikolu 16(1) – Impenji magħmula vinkolanti minn deċiżjoni – Protezzjoni territorjali assoluta – Użu ħażin ta’ poter – Evalwazzjoni preliminari – Assenza ta’ obbligu għall-Kummissjoni Ewropea li tieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE – Ftehimiet li għandhom bħala għan li jikkompartimentalizzaw is-swieq nazzjonali – Assenza ta’ obbligu għall-Kummissjoni li tanalizza s-swieq nazzjonali kkonċernati wieħed wieħed – Proporzjonalità – Ksur tad-drittijiet kuntrattwali tat-terzi”

Fil-Kawża C‑132/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑15 ta’ Frar 2019,

Groupe Canal +, SA, stabbilita f’Issy‑les‑Moulineaux (Franza), irrappreżentata minn P. Wilhelm, P. Gassenbach u O. de Juvigny, avukati,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes, C. Urraca Caviedes u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier u P. Dodeller, bħala aġenti,

Union des producteurs de cinéma (UPC), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn É. Lauvaux, avukat,

C More Entertainment AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

European Film Agency Directors – EFADs, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn O. Sasserath, avukat,

Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), stabbilit fi Brussell, irrappreżentat minn A. Fratini, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, N. Wahl u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Frar 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Groupe Canal + SA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (T‑873/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:904), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas‑26 ta’ Lulju 2016 li tirrigwarda proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ AT.40023 – Aċċess transkonfinali għal televiżjoni bi ħlas), li tagħmel legalment vinkolanti l-impenji offruti minn Paramount Pictures International Ltd u Viacom Inc., fil-qafas ta’ ftehim ta’ liċenzja dwar kontenut awdjoviżiv li huma kkonkludew ma’ Sky UK Ltd u Sky plc (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

I.      Il-kuntest ġuridiku

2        Skont il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

“Fejn, fil-kors tal-proċeduri li jistgħu iwasslu għal ftehim jew il-projbiżjoni ta’ prattiċi, l-impriża toffri l-irbit tal-Kummissjoni bħal meta trid tilħaq il-kunċerni tagħha [toffri impenji lill-Kummissjoni intiżi li jindirizzaw it-tħassib tagħha], il‑kummissjoni għandha tkun kapaċi tadotta deċiżjonijiet li jagħmlu dawk ir‑rabtiet vinkolanti fuq l-impriża kunċernata. Deċiżjoni ta’ rabta għandha ssib li ma għadx fadal raġunijiet għal azzjoni mil-Kummissjoni mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur. Deċiżjoni ta’ rabta huma mingħajr preġudizzju għall-qawwa ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu sejba bħal din u jieħdu deċiżjoni fuq il-każ. Deċiżjoni ta’ rabta ma tkunx xierqa f’każi fejn il-Kummissjoni qed taħseb li timponi multa.”

3        L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm u l-impriża konċernata toffri rabta li tilħaq il-konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa tikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.

2.      Il-Kummissjoni tista’, fuq it-talba jew l-inizjattiva tagħha, terġa tiftaħ il-proċeduri:

a)      fejn hemm bidla materjali f’kwalunkwe min dawn il-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni;

b)      fejn l-impriża konċernata tagixxi għal kontrarju tal-irbit tagħhom; jew

ċ)      fejn id-deċiżjoni ġiet ibbażata fuq informazzjoni inkompluta, inkorreta jew qarrieqa previsti mil-partijiet.”

4        L-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102] [TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat [mressqa minnha]. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu [267 TFUE].”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata kif ġej:

“1      Fit‑13 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ restrizzjonijiet li jaffettwaw il-provvista ta’ servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas fil-kuntest ta’ ftehim ta’ lliċenzjar [konklużi] bejn sitt studjows Amerikani u [x-xandara prinċipali] bi ħlas tal-Unjoni Ewropea.

2      Fit‑23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Paramount Pictures International Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit) u Viacom Inc., stabbilita fi New York, (New York, l-Istati Uniti) kumpannija omm tal-ewwel entità (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien bħala “Paramount”). F’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni esponiet l-opinjoni preliminari tagħha dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] ta’ ċerti klawżoli fil-ftehim ta’ lliċenzjar li Paramount kienet ikkonkludiet ma’ Sky UK Ltd u Sky plc (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien bħala “Sky”).

3      Fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ffokat fuq żewġ klawżoli relatati ta’ tali ftehim ta’ lliċenzjar. L-ewwel kellha l-għan li tipprojbixxi lil Sky, jew tillimita l-possibilità li din tal-aħħar, twieġeb b’mod pożittiv għal talbiet mhux issoliċitati dwar ix-xiri ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva minn konsumaturi residenti fiż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)], iżda barra mir-Renju Unit u l-Irlanda. It-tieni kienet timponi fuq Paramount, fil-qafas tal-ftehim li hija kkonkludiet ma’ xandara stabbiliti fiż-ŻEE, iżda barra mir-Renju Unit, li tipprojbixxi lil dawn tal-aħħar jew tillimita l-possibilità li dawn iwieġbu b’mod pożittiv għal talbiet mhux issoliċitati dwar ix-xiri ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva minn konsumaturi residenti fir-Renju Unit jew fl-Irlanda.

4      B’deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, tal‑24 ta’ Novembru 2015, [Groupe Canal +] [ġiet awtorizzata tieħu] sehem fil-proċedura bħala terz interessat fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas‑7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU 2004, L 123, p. 18).

5      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2015, intitolata ‘Informazzjoni dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004’ il-Kummissjoni kkomunikat [lil Groupe Canal +], b’mod partikolari, l-evalwazzjoni legali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-fatti ta’ dan il-każ, segwita minn konklużjoni preliminari f’dan ir-rigward. Skont din il-konklużjoni preliminari, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni indirizzata lil Sky u lil kull wieħed mill-istudjows suġġetti tal-investigazzjoni tagħha li permezz tagħha tiddikjara li huma kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [dwar iż-ŻEE], li timponi diversi multi fuqhom u li tordnalhom itemmu l-ksur u jastjenu minn kull miżura li jista’ jkollha għan jew effett simili.

6      Fil‑15 ta’ April 2016, Paramount offriet impenji bil-għan tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament [Nru 1/2003]. Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi interessati oħrajn, fosthom [Groupe Canal +], il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kontenzjuża].

7      Mill-Artikolu 1 [ta’ din id-deċiżjoni] jirriżulta li l-impenji elenkati fl-anness tagħha huma vinkolanti għal Paramount kif ukoll tas-suċċessuri fid-dritt tagħha u s-sussidjarji tagħha għal perijodu ta’ ħames snin mid-data tan-notifika [tal-imsemmija deċiżjoni].

8      Id-disa’ paragrafu tal-klawżola 1 tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi diversi tipi ta’ klawżoli li huma s-suġġett tal-kawża (iktar ’il quddiem il-‘klawżoli rilevanti’). Minn naħa, f’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni bis-satellita, huma kkonċernati, l-ewwel nett, il-klawżola li skont liema r-riċezzjoni barra t-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja (overspill) ma jikkostitwixxix ksur tal-kuntratt min-naħa ta’ xandar jekk ma jkunx awtorizza l-imsmemija riċezzjoni permezz ta’ deċiżjoni informata u, it-tieni nett, il-klawżola li tasal fit-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix ksur tal-kuntratt min-naħa ta’ Paramount, jekk din ma tkunx awtorizzat id-disponibbiltà ta’ dekowders minn partijiet terzi f’dak it-territorju. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ trażmissjoni permezz tal-internet, huma kkonċernati, l-ewwel nett, il-klawżola li timponi fuq ix-xandara tat-televiżjoni li jipprekludu t-tniżżil, jew l-istreaming, ta’ kontenut barra t-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja, it-tieni nett, il-klawżola li l-viżwalizzazzjoni permezz tal-internet (Internet overspill) fit-territorju kopert bil-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix ksur tal-kuntratt min-naħa ta’ Paramount jekk din tkun obbligat lix-xandara sabiex jużaw teknoloġiji li jipprevjenu tali wiri u, it-tielet nett, il-klawżola li skontha viżwalizzazzjoni fuq l-internet ta’ kontenut barra t-territorju kopert bil-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix ksur tal-kuntratt min-naħa ta’ xandar jekk dan juża teknoloġiji li jipprevjenu tali wiri.

9      Barra minn hekk, il-klawżola 1, it-tielet subparagrafu, tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kliem ‘obbligi tax-xandar’ li jirrigwardaw il-klawżoli rilevanti jew klawżoli ekwivalenti li jipprojbixxu lil xandar li jissodisfa talbiet mhux issoliċitati minn konsumaturi residenti fiż-ŻEE, iżda barra mit-territorju li għalih x-xandar għandu jkollu d-dritt ta’ distribuzzjoni. Fl-istess ħin, il-kliem ‘obbligi ta’ Paramount’ li jindika il-klawżoli rilevanti jew klawżoli ekwivalenti li jimponu fuq Paramount li tipprojbixxi lix-xandara li jinsabu fiż-ŻEE, iżda barra mit-territorji fejn xandar li jgawdi drittijiet esklużivi, jissodisfa talbiet mhux issoliċitati minn konsumaturi residenti f’dawn it-territorji.

10      Skont il-klawżola 2 tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, Paramount hija suġġetta għal diversi impenji. L-ewwel nett, Paramount la ser tikkonkludi […] klawżoli rilevanti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ lliċenzjar bħal dawn tal-aħħar [hekk kif iddefiniti] fl-istess Anness [u lanqas ma hija ser iġġedded jew testendi] (punt 2.1). Sussegwentement, fir-rigward ta’ ftehim ta’ lliċenzjar eżistenti dwar il-produzzjoni ta’ televiżjoni bi ħlas (existing Pay‑TV Output Liċenzja Agreements), mhux ser tieħu azzjoni legali biex tinforza l-obbligi tax-xandara (punt 2.2 (a)). Fir-rigward tal-istess ftehim, hija tonqos milli taġixxi jew sabiex tosserva, direttament jew indirettament, l-‘obbligi ta’ Paramount’ (punt 2.2 (b)). Fl-aħħar nett, tikkomunika lil Sky fi żmien għaxart ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni [kontenzjuża], u lil kwalunkwe xandar stabbilit fiż-ŻEE fi żmien xahar minn din in-notifika, li mhux ser tieħu azzjoni legali biex tinforza l-klawżoli rilevanti mix-xandara (punt 2.3).

11      [Groupe Canal +] kien ikkonkluda ma’ Paramount ftehim ta’ lliċenzjar dwar il-produzzjoni ta’ televiżjoni bi ħlas (Pay Television Agreement), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014 […]. L-Artikolu 12 [ta’ dan] il-ftehim jipprevedi li t-territorju kopert minnha huwa maqsum f’territorji ‘esklużivi’, li jkopru b’mod partikolari lil Franza, u f’territorju ‘mhux esklużiv’ li jkopri l-Mauritius. L-Artikolu 3 tal-ftehim [imsemmi] jipprevedi, barra minn hekk, li Paramount la ser tkun qed teżerċita hija stess u lanqas mhu ser tawtorizza terz jeżerċita id-drittijiet ta’ xandir dirett lejn territorji esklużivi. L-Anness A.IV ta’ [dan l-istess ftehim] jispeċifika, fir-rigward tagħha, l-obbligi imposti fuq [Groupe Canal +] fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji ta’ ġeofiltrazzjoni li tipprekludi r-ritrasmissjoni barra mit-territorji li għalihom tkun ingħatat il-liċenzja.

12      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Awwissu 2016, Paramount nnotifikat [lil Groupe Canal +] l-impenn stipulat fil-punt 2.2 (a) ta’ l-Anness tad-deċiżjoni [kontenzjuża] […] u, konsegwentement, ppreċiżat li hija mhux ser taġixxi sabiex tinforza l-klawżoli rilevanti għax-xandar u li hija teżonera kwalunkwe obbligu ta’ dan tal-aħħar skont il-klawżoli rilevanti. Paramount ħadet ħsieb tippreċiża, fl-istess ittra, li t-termini ‘obbligi tax-xandar’ kellhom l-istess tifsira ta’ [dawk l-istess termini stipulati] fl-Anness tad-deċiżjoni [kontenzjuża]. Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2016, [Groupe Canal + wieġbet] għal din in-notifika billi [enfasizzat] li l-impenji meħuda fil-kuntest ta’ proċedura li tinvolvi biss lill-Kummissjoni u Paramount ma setgħux jiġu invokati [kontriha].”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6        Permezz ta’ talba sottomessa lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Diċembru 2016, Groupe Canal + ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE.

7        Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2017, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (T‑873/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:556), minn naħa, il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC) tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l’Union des producteurs de cinéma (UPC), il-European Film Agency Directors – EFADs u C More Entertainment AB tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Groupe Canal +. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-istess jum, ir-Repubblika Franċiża tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Groupe Canal +.

8        Insostenn tar-rikors tagħha, Groupe Canal + qajmet erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-klawżoli rilevanti mal-Artikolu 101 TFUE u l-effetti tal-impenji imposti, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ tħassib dovut għall-impenji imposti, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u, ir-raba’ wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter.

9        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Groupe Canal +.

IV.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10      Permezz tal-appell tagħha, Groupe Canal + titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannatha għall-ispejjeż;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

11      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Groupe Canal + għall-ispejjeż.

12      Ir-Repubblika Franċiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tislet minnha l-konsegwenzi kollha fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża.

13      L-UPC titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Groupe Canal + intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lil din tal-aħħar għall-ispejjeż;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; u

–        fi kwalunkwe każ, tattribwixxi lill-Kummissjoni l-ispejjeż kollha sostnuti minnha.

14      L-EFAD titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        Tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat fl-intier tiegħu;

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Groupe Canal + intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lil din tal-aħħar għall-ispejjeż;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; u

–        fi kwalunkwe każ, tattribwixxi lill-Kummissjoni l-ispejjeż kollha sostnuti minnha.

15      Il-BEUC jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u tattribwixxi lil Groupe Canal + l-ispejjeż kollha sostnuti minnu.

V.      Fuq l-appell

16      Insostenn tal-appell tagħha, Groupe Canal + tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, wettqet użu ħażin ta’ poter. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ kontradittorju. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq assenza ta’ motivazzjoni u fuq eżami inkomplet tal-fatti. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 128 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6, iktar ’il quddiem l-“aħjar prattiċi”) kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tar-rispett għad-drittijiet tat-terzi.

A.      Fuq l-ammissibbiltà

1.      L-argumenti tal-partijiet

17      Il-BEUC isostni li l-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravju huma manifestament inammissibbli peress li Groupe Canal + sempliċement tirrepeti l-argumenti li hija ressqet fl-ewwel istanza.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Mill-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li tagħhom ikun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu din it-talba b’mod speċifiku. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti diġà sottomessi quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema ċirkustanza taħrab mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 35, kif ukoll id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2003, ND u OE vs Il‑Kummissjoni, C‑317/19 P, mhux ippubblikat, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li diversi argumenti mressqa minn Groupe Canal + fil-kuntest tal-appell tagħha, meħuda waħedhom, huma analogi għal argumenti mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz tal-aggravji, Groupe Canal + tallega żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħha u tidentifika bi preċiżjoni l-punti kkontestati tas-sentenza appellata.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravju, meħuda flimkien, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli. Madankollu għandha tiġi eżaminata l‑ammissibbiltà tal-ilmenti speċifiċi mressqa insostenn tal-aggravji fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ kull wieħed minnhom.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq l-ewwel aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

22      Groupe Canal +, sostnuta mill-EFADs u mill-UPC, essenzjalment issostni li, billi ċaħdet l-argumenti tagħha, li jgħidu li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter, peress li ppermettiet lill-Kummissjoni tikseb, taħt il-pretest li trid twaqqaf prattiki antikompetittivi, dak li l-Parlament Ewropew kien irrifjuta li jagħtiha, jiġifieri t-tmiem tal-esklużivitajiet territorjali fis-settur taċ-ċinema għaż-ŻEE kollha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u marret kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni.

23      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda użu ħażin ta’ poter sa fejn l-impenji ta’ Paramount kienu adegwati mat-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni espress minn din l-istituzzjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq premessa ineżatta peress li din l-evalwazzjoni kienet tirrigwarda biss it-territorji tar-Renju Unit u tal-Irlanda u peress li l-Kummissjoni lanqas biss eżaminat is-sitwazzjoni kompetittiva li tikkonċerna lil Franza, filwaqt li l-impenji ta’ Paramount japplikaw għaż-ŻEE kollha.

24      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet validament tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-proċess leġiżlattiv dwar il-kwistjoni tal-imblukkar ġeografiku kien għadu ma wassalx għall-adozzjoni ta’ test leġiżlattiv. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali jew naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha, jew ma semmietx fil-motivazzjoni tagħha, il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-adozzjoni, mill-Parlament, fid‑19 ta’ Jannar 2016, jiġifieri madwar sitt xhur qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, ta’ riżoluzzjoni intitolata “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali” (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni”), li fiha din l-istituzzjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-politika tal-Kummissjoni intiża li tqiegħed inkwistjoni l-klawżoli dwar imblukkar ġeografiku ma tiġix estiża għas-settur taċ-ċinema. B’hekk il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’għarfien sħiħ tal-fatti, li timponi fuq is-settur taċ-ċinema, minkejja l-oppożizzjoni tal-Parlament, ir-rieda tagħha li ttemm l-imblukkar ġeografiku fil-qasam tas-servizzi awdjoviżivi, billi adottat deċiżjoni li tippermettilha tilħaq għan usa’ mit-tmiem ta’ prattiki antikompetittivi u li jkollha effett erga omnes.

25      Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet injorat r-riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali missha kkunsidrat, fid-dawl tal-fatt li l-Parlament kien wasal sabiex jadotta test leġiżlattiv li jagħti lis-settur tal-awdjoviżiv il-possibbiltà li jżomm il-klawżoli ta’ imblukkar ġeografiku, li sar ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2018, L 60, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 66, p. 1), li l-Kummissjoni kellha mill-inqas iddaħħal, fid-deċiżjoni kontenzjuża, klawżola li tippermetti r-reviżjoni tal-impenji ta’ Paramount fil-każ ta’ żviluppi fil-qafas leġiżlattiv. Fil-fatt, kemm mill-premessa 8 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU 2017, L 168, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 198, p. 42), mill-premessa 10 tad-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (ĠU 2019, L 130, p. 82), u mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92), jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kontenut awdjoviżiv seta’ b’mod partikolari jkun suġġett għal sistemi ta’ restrizzjoni ġeografika.

26      Il-Kummissjoni u l-BEUC jikkontestaw il-fondatezza tal-argument ta’ Groupe Canal +. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta’ Groupe Canal +, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora r-riżoluzzjoni u missha ddaħħlet fid-deċiżjoni kontenzjuża klawżola ta’ reviżjoni fil-każ ta’ żviluppi fil-qafas leġiżlattiv, huma inammissibbli minħabba li huma fformulati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      Għandu jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li huma ammissibbli l-argumenti ta’ Groupe Canal +, ibbażati fuq l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, minn naħa, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha jew billi ma semmietx fil-motivazzjoni tagħha l-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora r-riżoluzzjoni u, min-naħa l-oħra, billi ma kkunsidratx li l-Kummissjoni missha, fid-dawl tal-proċess leġiżlattiv dwar il-kwistjoni tal-imblukkar ġeografiku, daħħlet fid-deċiżjoni kontenzjuża klawżola li tippermetti li jiġu rriveduti l-impenji ta’ Paramount f’każ ta’ żviluppi fil-qafas leġiżlattiv.

28      Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem din il-qorti motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ifisser li din il-parti tkun qiegħda titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni li tkun usa’ minn dik li fuqha ħadet konjizzjoni l-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew ittrattati quddiemha. Madankollu, argument li ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza ma jikkostitwixxix motiv ġdid li huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell jekk dan ikun jikkostitwixxi biss elaborazzjoni ta’ argument li jkun diġà ġie żviluppat fil-kuntest ta’ motiv imressaq fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, l-argumenti msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza huma marbuta mill-qrib mar-raba’ motiv espost fir-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, u, sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma evitatx, billi adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-proċess leġiżlattiv dwar il-kwistjoni ta’ imblukkar ġeografiku, dawn jikkostitwixxu l-estensjoni ta’ dan il-motiv u mhux motiv ġdid, ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell. Barra minn hekk, mill-punt 252 tar-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li Groupe Canal + invokat ir-riżoluzzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

30      Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

31      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk eċċepiti jew li jevita proċedura speċjalment prevista mit-Trattat bħala forma ta’ difiża miċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li, sakemm il-proċess leġiżlattiv dwar il-kwistjoni tal-imblukkar ġeografiku ma jkunx wassal għall-adozzjoni ta’ test leġiżlattiv, dan il-proċess huwa bla ħsara għas-setgħat li l-Kummissjoni għandha bis-saħħa tal-Artikolu 101 TFUE u tar-Regolament Nru 1/2003.

33      Barra minn hekk, Groupe Canal + la sostniet u lanqas uriet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tiftaħ l-investigazzjoni msemmija fil-punt 1 tas-sentenza appellata, kif ġie ċċitat fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, u li tadotta, fil-kuntest tagħha, jekk ikun il-każ, deċiżjoni skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, jew inkella li att kwalunkwe kien jipprekludi, jew kien jipprojbixxi, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 9 li taċċetta l-impenji offruti minn impriża sabiex jiġi rrikonoxxut it-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE ta’ klawżoli kuntrattwali li jinkludu limitazzjoni tal-possibbiltà għax-xandara prinċipali ta’ kontenut bi ħlas tal-Unjoni li jwettqu bejgħ passiv transkonfinali ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva.

34      Fir-rigward tal-atti tad-dritt sekondarju li għalihom jirreferu Groupe Canal +, EFADs u UPC, dawn ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni l-analiżi tal-Qorti Ġenerali peress li ġew adottati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

35      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi kkunsidrat, essenzjalment, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li, billi fetħet l-investigazzjoni, imsemmija fil-punt 1 tas-sentenza appellata, kif inhu ddikjarat fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, u billi adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet aġixxiet fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha u li Groupe Canal + ma kinitx uriet li din l-istituzzjoni kienet wettqet użu ħażin ta’ poter.

36      Fir-rigward tal-ilment ta’ Groupe Canal +, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet billi ċaħdet, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, l-argument tagħha li l-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter inkwantu l-impenji offruti minn Paramount ma kinux jindirizzaw it-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni espress mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jintwera li dawn l-impenji ma kinux jindirizzaw l-imsemmi tħassib, tali fatt ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi, fih innifsu, użu ħażin ta’ poter.

37      Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud dan l-ilment kif ukoll l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu.

2.      Fuq it-tielet aggravju

38      It-tielet aggravju jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għall-motiv imqajjem minn Groupe Canal + li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu l-klawżoli rilevanti u, it-tieni waħda, fuq eżami inkomplet tal-fatti inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li tnaqqis eventwali fid-dħul ta’ Groupe Canal + li ġej mill-klijenti li jinsabu fi Franza jista’ jiġi kkumpensat bil-possibbiltà, għal Groupe Canal +, li tindirizza klijentela li tinsab fiż-ŻEE kollha.

a)      Fuq l-ewwel parti

1)      L-argumenti tal-partijiet

39      Groupe Canal +, sostnuta mill-EFADs, l-UPC u r-Repubblika Franċiża, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża jista’ jikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk, qabel kollox, iċ-ċirkustanzi esposti f’din id-deċiżjoni jindikawx tħassib dwar il-kompetizzjoni, sussegwentement, jekk fl-affermattiv, l-impenji ta’ Paramount, magħmula vinkolanti, jindirizzawx dan it-tħassib u, fl-aħħar nett, jekk Paramount offrietx impenji inqas vinkolanti li jissodisfawhom b’mod daqstant xieraq. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 62 sa 66 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar jekk l-aġir li ta lok għall-imsemmi tħassib jissodisfax il-kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE hija estranja għan-natura stess ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kontenzjuża u li, konsegwentement, ma kienx il-kompitu tagħha li tiddeċiedi fuq l-argumenti ta’ Groupe Canal + li l-klawżoli rilevanti jippromwovu l-produzzjoni u d-diversità kulturali.

40      Il-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għall-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u ġuridiku Franċiż li fih jaqgħu l-klawżoli rilevanti u b’hekk kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Hija ma ppermettietx lil Groupe Canal + li tkun taf ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrifletti, fl-evalwazzjoni tagħha, l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu dawn il-klawżoli. Hija b’hekk marret kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li, minn naħa, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tistħarreġ jekk il-provi invokati għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom.

41      Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx eżami fid-dettall tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu l-klawżoli rilevanti iżda sempliċement osservat b’mod “perentorju”, fil-punti 40 sa 42 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet tagħhom u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom, dawn il-klawżoli, li jwasslu għal esklużività territorjali assoluta, għandhom l-għan li jeskludu kull kompetizzjoni transkonfinali, li, għall-Qorti Ġenerali, huwa suffiċjenti sabiex it-tħassib tal-Kummissjoni jkun iġġustifikat.

42      Skont ir-Repubblika Franċiża l-Qorti Ġenerali ma ddefinixxietx fiex jikkonsisti t-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni li jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u ma vverifikatx jekk il-klawżoli rilevanti kinux juru grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jiġu kkunsidrati prima facie bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Barra minn hekk, l-għan tal-promozzjoni tad-diversità kulturali huwa indissoċjabbli mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu l-klawżoli rilevanti u għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż mill-eżami tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 101(3) TFUE.

43      Groupe Canal + issostni, barra minn hekk, li, billi tibbaża lilha nnifisha, fil-punti 43 sa 50 tas-sentenza appellata, fuq is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), biex tikkonkludi li l-klawżoli rilevanti kienu ta’ natura li jqajmu, għall-Kummissjoni, tħassib minħabba l-għan antikompetittiv tagħhom, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu dik is-sentenza ma tikkonċernax is-settur taċ-ċinema. B’hekk il-Qorti Ġenerali injorat il-kuntest ekonomiku u ġuridiku speċifiku tas-settur ċinematografiku, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et (262/81, EU:C:1982:334, punti 15 u 16), li l-elementi li jikkaratterizzaw l-industrija u s-swieq ċinematografiċi fl-Unjoni, b’mod partikolari dawk relatati mad-doppjaġġ jew mas-sottotitolazzjoni għal pubbliku li għandu espressjonijiet kulturali differenti, mal-possibbiltajiet ta’ xandir televiżiv u mas-sistema ta’ finanzjament tal-produzzjoni ċinematografika fl-Ewropa juru li liċenzja ta’ rappreżentazzjoni esklużiva ma hijiex, fiha nnifisha, kapaċi tipprevjeni, tillimita jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

44      Il-Kummissjoni u l-BEUC jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Qabel kollox, fir-rigward tal-argument ta’ Groupe Canal +, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx iċ-ċaħda tal-argument tagħha dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu l-klawżoli rilevanti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li s-sentenzi jiġu motivati, li huwa impost fuq il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jimponix fuq dik il-qorti l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwali l-argumenti kollha spjegati mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 41).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, identifikat il-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-klawżoli rilevanti billi kkonstatat li din esponiet, fil-premessi 37 sa 44 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ftehimiet li jwasslu għal esklużività territorjali assoluta kienu jirrikostitwixxu l-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali u kienu jmorru kontra l-għan tat-Trattat intiż li jistabbilixxi suq wieħed u li, għaldaqstant, tali klawżoli kienu meqjusa li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, sakemm ċirkustanzi oħra li jirriżultaw mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom ma jippermettux li jiġi kkonstatat li dawn ma humiex tali li joħolqu dan ir-riżultat.

47      Fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet sunt tal-premessi 46 sa 49 tad-deċiżjoni kontenzjuża, fejn jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet tagħhom u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom, il-klawżoli rilevanti għandhom l-għan li jeskludu kull kompetizzjoni transkonfinali u li jagħtu protezzjoni territorjali assoluta lix-xandara partijiet kontraenti ta’ Paramount.

48      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ddikjarat immedjatament, wara l-punt 41 tas-sentenza appellata, li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu fondati, xorta jibqa’ l-fatt li minn qari b’attenzjoni tal-motivi kollha ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni Groupe Canal +, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma fformulatx konklużjoni “perentorja”, mingħajr ma wettqet eżami fil-fond tal-argumenti, iżda ddikjarat ir-riżultat tal-eżami tagħha, qabel ma esponiet, fil-punti 43 sa 73 ta’ dik is-sentenza, ir-raġunament li wassalha għal dan ir-riżultat inklużi r-raġunijiet għalfejn il-klawżoli rilevanti kienu, fil-fehma tagħha, ta’ natura li jqajmu, għall-Kummissjoni, tħassib b’rabta mal-Artikolu 101(1) TFUE.

49      Barra minn hekk, mill-punti 51 sa 58 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat espressament l-argumenti ta’ Groupe Canal +, tar-Repubblika Franċiża, tal-EFADs, tal-UPC u ta’ C More Entertainment, ibbażati fuq in-natura legali tal-klawżoli rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE minħabba l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu jagħmlu parti, mingħajr ma jintesew l-argumenti ta’ dawn il-partijiet, li dawn il-klawżoli jkollhom l-effett li jiffavorixxu d-diversità kulturali mingħajr ma jippreġudikaw il-kompetizzjoni, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punti 59 sa 72 ta’ dik l-istess sentenza.

50      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni li tidher fil-punti 40 sa 73 tas-sentenza appellata tippermetti lill-persuni kkonċernati u lil Groupe Canal + b’mod partikolari, isiru jafu l-motivi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma marritx kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ċaħdet l-argument ta’ Groupe Canal + dwar il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu l-klawżoli rilevanti.

51      Sussegwentement, sa fejn Groupe Canal + tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 43 sa 50 tal-imsemmija sentenza, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), sabiex tikkonkludi li l-klawżoli rilevanti kienu ta’ natura li jqajmu, għall-Kummissjoni, tħassib minħabba l-għan antikompetittiv tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-kawża li tat lok għal dik is-sentenza ċertament ma kinitx tikkonċerna s-settur taċ-ċinema, xorta jibqa’ l-fatt li mill-punti 134, 141 u 142 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li dik il-kawża kienet tirrigwarda sitwazzjoni paragunabbli, mill-perspettiva kummerċjali u kompetittiva, għal dik inkwistjoni, li fiha ftehimiet ta’ liċenzja esklużiva konklużi bejn proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u organi ta’ xandir kienu jinkludu obbligi addizzjonali intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-limitazzjonijiet territorjali ta’ operat ta’ dawn il-liċenzji b’mod partikolari l-obbligu impost fuq dawn l-aħħar organi li jadottaw miżuri li jipprekludu l-aċċess għall-oġġetti protetti minn barra t-territorju kopert mill-kuntratt ta’ liċenzja kkonċernat.

52      Barra minn hekk, ma teżistix kontradizzjoni bejn dik l-istess sentenza u s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et (262/81, EU:C:1982:334), li tikkonċerna s-settur taċ-ċinema. Fil-fatt, filwaqt li b’ebda mod ma jissostanzjaw l-argument ta’ Groupe Canal +, li klawżoli bħall-klawżoli rilevanti jistgħu jitqiesu li huma perfettament validi inkwantu jikkostitwixxu l-bażi prinċipali tas-sistema ta’ finanzjament taċ-ċinema, il-punti 15 u 16 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et (262/81, EU:C:1982:334), li għalihom tirreferi Groupe Canal +, jindikaw biss li liċenzja ta’ rappreżentazzjoni esklużiva mogħtija mill-proprjetarju tad-dritt tal-awtur fuq film ma għandhiex, fiha nnifisha, l-għan li tipprekludi, li tirrestrinġi jew li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat espressament, fil-punt 17 ta’ dik is-sentenza, li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur fuq film u d-dritt ta’ rappreżentazzjoni ta’ film li jirriżulta mid-drittijiet tal-awtur jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ċinematografiku.

53      Issa, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), kienet tirrigwarda preċiżament l-obbligi addizzjonali intiżi li tiġi żgurata l-osservanza tal-limitazzjonijiet territorjali ta’ operat tal-liċenzji mogħtija mill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 46 sa 50 tas-sentenza appellata, billi rreferiet għas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li klawżoli ta’ ftehimiet ta’ liċenzja li jistipulaw obbligi reċiproċi li għandhom l-għan li jeliminaw il-provvista transkonfinali tas-servizzi ta’ xandir tal-kontenut awdjoviżiv li huma s-suġġett ta’ dawn il-ftehimiet u li għalhekk jagħtu protezzjoni territorjali assoluta lil kull xandar jistgħu jiġu kkunsidrati, kemm fid-dawl tal-għanijiet li dawn iridu jilħqu kif ukoll fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu jagħmlu parti, bħala ftehimiet li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li, sa fejn il-klawżoli rilevanti kienu jinkludu tali obbligi, dawn kienu, bla ħsara għal deċiżjoni eventwali li tikkonstata definittivament l-eżistenza jew l-assenza ta’ ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni wara li jkun sar eżami komplet, tali li jqajmu, fi ħdan il-Kummissjoni, tħassib dwar il-kompetizzjoni f’dan il-każ.

55      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Groupe Canal +, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, billi kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 39 u 62 sa 66 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar jekk l-aġir li qajjem, għall-Kummissjoni, tħassib dwar il-kompetizzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE ma hijiex relatata man-natura stess ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u li, konsegwentement, hija ma kellhiex, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ tali deċiżjoni, tiddeċiedi dwar argumenti misluta mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

56      Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 101(3) TFUE japplika biss jekk ikun ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Slovenská sporiteľňa, C‑68/12, EU:C:2013:71, punt 30).

57      Issa, peress li l-Kummissjoni hija eżentata mill-obbligu li tikklassifika u li tikkonstata l-ksur meta tadotta deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 40), hija ma tistax, fil-kuntest ta’ tali deċiżjoni, tkun obbligata tevalwa b’mod definittiv jekk ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE.

58      Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-effetti favur il-kompetizzjoni prodotti mill-ftehim li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE u li jiġi vverifikat jekk dawn l-effetti favur il-kompetizzjoni jipprevalux fuq l-effetti antikompetittivi.

59      Issa, mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li d-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni huma bbażati fuq evalwazzjoni preliminari tan-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni. Għaldaqstant, sa fejn tali deċiżjoni ma tinkludix evalwazzjoni fil-fond u kompleta tal-effetti antikompetittivi kollha ta’ dan l-aġir, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tqabbel dawn l-effetti u l-effetti favur il-kompetizzjoni, jekk jitqiesu li ġew stabbiliti, invokati quddiemha.

60      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar jekk l-aġir li qajjem, għall-Kummissjoni, tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE hija estranja għan-natura stess ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

61      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ddeċidiet b’mod preliminari, fil-premessi 50 sa 52 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li dawn il-premessi kienu jagħmlu parti mill-espożizzjoni tal-evalwazzjoni preliminari magħmula mill-Kummissjoni dwar il-klawżoli rilevanti u ma kienu jinkludu ebda evalwazzjoni definittiva dwar din il-kwistjoni, iżda kienu sempliċement intiżi biex jindikaw li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni l-argumenti li Paramount kienet diġà ressqet dwar l-imsemmija kwistjoni qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq it-tieni parti

1)      L-argumenti tal-partijiet

63      Groupe Canal +, sostnuta mill-EFADs, l-UPC u r-Repubblika Franċiża, issostni li, billi qieset, fil-punti 57 u 69 tas-sentenza appellata, li tnaqqis eventwali tad-dħul ta’ Groupe Canal + minn klijenti li jinsabu fi Franza jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li Groupe Canal + issa hija libera li tindirizza klijentela li tinsab fiż-ŻEE kollha u mhux biss fi Franza, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ċinematografiku u ma eżaminatx il-fatti kollha sottomessi lilha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali manifestament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istudju intitolat “The impact of cross‑border to audiovisual content on EU consumers” stabbilit mill-uffiċċji Oxera u O & O f’Mejju 2016, u prodott minn Groupe Canal +, li minnu jirriżulta li l-esklużivitajiet territorjali huma neċessarji għall-finanzjament taċ-ċinema Ewropew minħabba d-diversi sensibbiltajiet kulturali madwar l-Unjoni, li l-valur tal-films Ewropej ivarja minn Stat Membru għal ieħor jew minn żona lingwistika għal oħra, u li l-produzzjoni fuq livell Ewropew hija ffinanzjata in fine mix-xandara abbażi tas-sistema ta’ protezzjoni territorjali assoluta. It-tnaqqis fid-dħul ma jistax jiġi kkumpensat peress li Groupe Canal + ma tkunx tista’ iktar tenfasizza l-esklużività ta’ distribuzzjoni ta’ ċertu kontenut u l-konsumaturi li jinsabu fi Franza jagħżlu prinċipalment li jabbonaw lilhom innifishom ma’ operaturi li jxandru kontenut attraenti, ħafna drabi bil-lingwa Ingliża. L-ispiża ta’ liċenzja multiterritorjali hija ħafna ogħla minn dik ta’ liċenzja nazzjonali, li, għad-distributuri, tagħmel din l-ewwel liċenzja inaċċessibbli. L-ispiża tal-akkwiżizzjoni ta’ abbonati ġodda barra mit-territorju tradizzjonali tad-distributur twassal għal tnaqqis drastiku tal-marġni ta’ manuvra tiegħu f’termini ta’ produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-limiti ġeografiċi inerenti għal-liċenzji miksuba minn Groupe Canal + ma jippermettulhiex tindirizza lilha nnifisha liberament lil klijentela li tinsab fl-Istati Membri kollha.

64      Il-Kummissjoni u l-BEUC jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li sa fejn l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju huma intiżi li jikkritikaw il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 69 tas-sentenza appellata, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

66      Fil-fatt, mill-użu, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, tal-espressjoni “[f]i kwalunkwe każ” u, fil-punt 72 ta’ dik is-sentenza, tal-espressjoni “anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina l-applikabbiltà tal-Artikolu 101(3) TFUE”, jirriżulta li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 67 sa 72 tal-imsemmija sentenza, saret għall-finijiet ta’ kompletezza, fil-każ li kellu jitqies li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina l-applikabbiltà tal-Artikolu 101(3) TFUE.

67      Issa, peress li l-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, iddeċidiet ġustament li, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE ġewx issodisfatti, l-ilmenti diretti kontra l-punt 69 tas-sentenza appellata, anki kieku kienu fondati, ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jagħtu lok għall-annullament tas-sentenza appellata.

68      Sa fejn l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 57 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 256 TFUE u tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha kompetenza, minn naħa, biex tikkonstata l-fatti, u, min-naħa l-oħra, biex tevalwa dawn il-fatti. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjoni tal-imsemmija fatti, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew sottomessi quddiemha jew fil-każ ta’ żnaturament tal-provi meqjusa insostenn tal-istess fatti li din il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi jikkostitwixxu punti ta’ liġi suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019, OPS Újpest vs Il‑Kummissjoni, C‑741/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1104, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, dawn l-argumenti ta’ Groupe Canal + jillimitaw ruħhom biex iqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, skont liema tnaqqis eventwali tad-dħul ta’ Groupe Canal + minn klijenti li jinsabu fi Franza jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li, permezz tal-implimentazzjoni tal-impenji li jkunu saru vinkolanti bis-saħħa tad-deċiżjoni kontenzjuża, Groupe Canal + issa hija libera li tindirizza lilha nnifisha lil klijentela li tinsab fiż-ŻEE kollha u mhux biss fi Franza, mingħajr ma jiġi invokat żnaturament tal-portata ta’ dawn l-impenji.

70      Għaldaqstant, l-imsemmija argumenti ta’ Groupe Canal + huma inammissibbli.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment ineffettiva u parzjalment inammissibbli.

72      Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq it-tieni aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

73      Groupe Canal + tosserva li, sabiex tikkonkludi, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni preliminari magħmula mill-Kummissjoni, li tikkonkludi li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE ma ġewx issodisfatti, ma hijiex żbaljata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li l-klawżoli rilevanti kienu jimponu restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi li jeħtieġu protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u, fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza, li dawn il-klawżoli kienu jeliminaw kull kompetizzjoni fuq il-films Amerikani. Issa, ebda waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma ġiet diskussa mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din marret kontra l-prinċipju tal-kontradittorju.

74      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argument ta’ Groupe Canal +. Il-Kummissjoni u l-BEUC iqisu li t-tieni aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv għar-raġuni li huwa indirizzat kontra motivi superfluwi tas-sentenza appellata. Il-BEUC iqis, prinċipalment, li dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li huwa manifestament nieqes minn preċiżjoni.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      It-tieni aggravju huwa indirizzat kontra l-punti 67, 70 u 72 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 101(3) TFUE.

76      F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-BEUC, dan l-aggravju għandux jiġi ddikjarat inammissibbli, għandu jitqies, għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmi aggravju huwa ineffettiv.

77      Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ir-raba’ aggravju

78      Ir-raba’ aggravju jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tar-rispett tad-drittijiet tat-terzi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tanalizza wieħed wieħed is-swieq nazzjonali kkonċernati u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-punt 128 tal-prattiki tajba kif ukoll tad-drittijiet kuntrattwali tat-terzi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta kkunsidrat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma taffettwax il-possibbiltà għal Groupe Canal + li tadixxi lill-qorti nazzjonali sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet kuntrattwali tagħha.

a)      Fuq l-ewwel parti

1)      L-argumenti tal-partijiet

79      Groupe Canal +, sostnuta mill-UPC u r-Repubblika Franċiża, tosserva, essenzjalment, li, billi aċċettat l-impenji ta’ Paramount, li jirrigwardaw il-kuntratti kollha konklużi max-xandara taż-ŻEE, filwaqt li l-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni u t-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni espress minn din l-istituzzjoni kienu jirrigwardaw biss id-drittijiet esklużivi mogħtija lil Sky għat-territorju tar-Renju Unit u tal-Irlanda, il-Kummissjoni rraġunat “b’estrapolazzjoni”, billi ma inkarigtx ruħha mill-obbligu li teżamina s-swieq nazzjonali l-oħra, u, billi għamlet hekk, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-swieq l-oħra, b’mod partikolari s-suq Franċiż, li għandu bħala karatteristika li l-finanzjament tal-kreazzjoni awdjoviżiva huwa ggarantit mix-xandara, fosthom Groupe Canal +. Billi kkonfermat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, l-approċċ tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet tat-terzi, b’kontradizzjoni mas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 41).

80      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BEUC, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss ċerti klawżoli li jinsabu fil-ftehimiet ta’ liċenzja li Paramount kienet ikkonkludiet ma’ Sky, li permezz tagħhom Paramount tat lil Sky liċenzji esklużivi għat-territorju tar-Renju Unit u tal-Irlanda. Fil-fatt, mill-punt 3 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkonċentrat l-investigazzjoni tagħha fuq żewġ klawżoli konnessi ta’ dawn il-ftehimiet. L-ewwel klawżola kellha l-għan li tipprojbixxi lil Sky, jew li tillimita l-possibbiltà li din tal-aħħar, twieġeb b’mod pożittiv għal talbiet mhux issolleċitati dwar ix-xiri ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva minn konsumaturi residenti fiż-ŻEE iżda barra mir-Renju Unit u mill-Irlanda. It-tieni klawżola kienet timponi fuq Paramount, fil-kuntest tal-ftehimiet li hija kienet ikkonkludiet max-xandara stabbiliti fiż-ŻEE, iżda barra mir-Renju Unit, l-obbligu li tipprojbixxi jew li tillimita l-possibbiltà ta’ dawn tal-aħħar li jwieġbu b’mod pożittiv għal talbiet mhux issolleċitati dwar ix-xiri ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva minn konsumaturi residenti fir-Renju Unit jew fl-Irlanda.

82      Barra minn hekk, mill-punti 8 sa 10 tas-sentenza appellata jirriżulta, b’mod partikolari, li l-impenji ta’ Paramount, magħmula vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, kienu jirrigwardaw ukoll klawżoli simili li jinsabu fi ftehimiet ta’ liċenzja li Paramount kienet ikkonkludiet jew setgħet tikkonkludi max-xandara l-oħra stabbiliti fiż-ŻEE.

83      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata, li t-tħassib tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-klawżoli rilevanti kien jirrigwarda l-fatt li dawn il-klawżoli kienu jwasslu għal esklużività territorjali assoluta, li b’hekk tirrikostitwixxi l-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali u li tmur kontra l-għan tat-Trattat intiż li jistabbilixxi suq uniku.

84      Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim li għandu tendenza li jirrikostitwixxi l-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali jista’ jipprekludi l-għan tat-Trattat intiż li tinkiseb l-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq bl-istabbiliment ta’ suq uniku. Għaldaqstant, kuntratti intiżi li jikkompartimentalizzaw is-swieq skont il-fruntieri nazzjonali jew li jagħmlu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali jistgħu jiġu kkunsidrati, fid-dawl kemm tal-għanijiet li huma intiżi li jilħqu kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsabu fih, bħala ftehimiet li għandhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

85      Fil-fatt, tali ftehimiet huma ta’ natura li jipperikolaw il-funzjonament it-tajjeb tas-suq uniku, u b’hekk imorru kontra wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Unjoni, indipendentement mis-sitwazzjoni prevalenti fis-swieq nazzjonali.

86      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-klawżoli rilevanti, sa fejn dawn kellhom l-għan li jikkompartimentalizzaw is-swieq nazzjonali kollha taż-ŻEE, mingħajr ma l-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom jippermetti li jiġi kkonstatat li dawn ma jistgħux jippreġudikaw il-kompetizzjoni, setgħu validament, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, iqajmu tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni, fi ħdan il-Kummissjoni, li jikkonċerna dan l-ispazju ġeografiku kollu minkejja li l-Kummissjoni ma tkunx analizzat is-swieq nazzjonali kkonċernati wieħed wieħed.

87      Għaldaqstant l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq it-tieni parti

1)      L-argumenti tal-partijiet

88      Groupe Canal + issostni li, billi kkunsidrat, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix indħil fil-libertà kuntrattwali tagħha, peress li hija tista’ tadixxi lill-qorti nazzjonali sabiex tiġi kkonstatata l-kompatibbiltà tal-klawżoli rilevanti mal-Artikolu 101(1) TFUE u sabiex jinsiltu, fir-rigward ta’ Paramount, il-konsegwenzi stabbiliti mid-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, mill-punt 128 tal-prattiki tajba u min-nota ta’ qiegħ il-paġna 76 ta’ dawn il-prattiki, li skontu deċiżjoni adottata fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 9 ma jistax ikollha bħala għan jew bħala effett li tagħmel dawn l-impenji vinkolanti għal operaturi li ma offrewhomx u li ma ssottoskrivewx lilhom innifishom għalihom.

89      Barra minn hekk, billi indikat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li, fil-każ li l-qorti nazzjonali tobbliga lil Paramount tikser l-impenji tagħha, hija l-Kummissjoni li għandha tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet espressament li l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji tiddependi mir-rieda ta’ Groupe Canal + mingħajr ma siltet il-konsegwenzi legali kollha ta’ din il-konklużjoni.

90      Groupe Canal +, flimkien mar-Repubblika Franċiża, issostni, essenzjalment, li billi kkunsidrat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża tista’, l-iktar l-iktar, tinfluwenza l-evalwazzjonijiet tal-qorti nazzjonali biss sa fejn din tinkludi evalwazzjoni preliminari, il-Qorti Ġenerali ppreġudikat serjament id-drittijiet tat-terzi, f’dan il-każ dawk ta’ Groupe Canal +. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ċċaħħad lil Groupe Canal + mil-libertà kuntrattwali tagħha peress li hija ma tistax, fir-realtà, tikseb sentenza mingħand il-qorti nazzjonali li tikkontradixxi lill-Kummissjoni u li taċċetta l-validità tal-klawżoli rilevanti. F’dan ir-rigward, mis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et (C‑547/16, EU:C:2017:891, punti 28 u 29), jirriżulta li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jinjoraw id-deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u għandhom jikkunsidrawhom bħala indikazzjoni, jew saħansitra bħala prova prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni. Il-libertà ta’ dawn il-qrati tiġi ppreżervata biss fil-każ li jiddeċiedu li jkomplu l-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-konformità tal-ftehimiet ikkonċernati mad-dritt tal-kompetizzjoni.

91      Ir-Repubblika Franċiża żżid li l-influwenza ta’ deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali hija msaħħa fi ħdan l-impenji nnegozjati ma’ impriżi oħra tas-settur ikkonċernat, b’tali mod li impenji suċċessivi jistgħu jikkostitwixxu r-regola li minnha huwa diffiċli għall-qorti nazzjonali li titbiegħed. Barra minn hekk, il-fatt li, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-ftehim inkwistjoni ma jiksirx l-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni jkollha neċessarjament tiftaħ mill-ġdid investigazzjoni, konformement mal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, jista’ jkun tali li jiddisswadi lill-qorti nazzjonali milli tikkontesta l-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni.

92      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BEUC, essenzjalment tqis li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punti 83 sa 108 tas-sentenza appellata, li l-implimentazzjoni tal-impenji ta’ Paramount ma tiddependix fuq ir-rieda ta’ terzi, fosthom Groupe Canal +. Effettivament, billi offriet dawn l-impenji, Paramount eżerċitat il-libertà kuntrattwali tagħha li ma taderixxix għal ċerti klawżoli kuntrattwali jew li ma tintrabatx iżjed minnhom u din id-deċiżjoni ma tiddependix mir-rieda ta’ terzi. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni ta’ dawn l-impenji min-naħa tal-Kummissjoni ma ċċaħħadx lil Groupe Canal + mill-possibbiltà li tadixxi lill-qorti nazzjonali sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ Paramount. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li l-klawżoli rilevanti ma jiksrux l-Artikolu 101(1) TFUE jew li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, hija għandha tevalwa jekk l-eżitu tal-proċedura quddiemha jistax iwassal lil Paramount biex tikser l-impenji magħmula vinkolanti bis-saħħa tad-deċiżjoni kontenzjuża. Sabiex jiġi evitat li r-riżultat ta’ din il-proċedura jwassal lil Paramount biex tikser dawn l-impenji, il-qorti nazzjonali tista’ tirrifjuta li tordna l-eżekuzzjoni tal-klawżoli rilevanti filwaqt li tikkundanna lil Paramount, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, għall-eżekuzzjoni ekwivalenti permezz tal-ħlas tad-danni. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat tali soluzzjoni fil-punt 103 tas-sentenza appellata.

93      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li Groupe Canal + tista’ tikseb sentenza mill-qorti nazzjonali li tikkontradixxi lill-Kummissjoni u li tammetti l-validità tal-klawżoli rilevanti. Mill-punt 29 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et (C‑547/16, EU:C:2017:891) jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni espressa fid-deċiżjoni kontenzjuża u tikkunsidraha bħala indikazzjoni, jew saħansitra bħala prova prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-klawżoli rilevanti.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94      Fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tat-tielet motiv invokat fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur, b’mod li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-drittijiet kuntrattwali tat-terzi, bħal Groupe Canal +, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 hija vinkolanti biss għall-impriżi li offrew “impenn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u ma jistax ikollha bħala għan jew effett li tagħmel tali impenn vinkolanti għal operaturi li ma offrewhx u li ma ssottoskrivewx lilhom innifishom għalih.

95      Fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li, fil-mument li l-impenn jikkonsisti f’li ma tiġix applikata klawżola kuntrattwali li tagħti drittijiet lit-terzi, li tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni s-setgħa li tagħmlu vinkolanti fir-rigward ta’ terz li, bħal Groupe Canal +, ma offriehx u ma kienx ikkonċernat mill-proċedura mibdija mill-Kummissjoni jkun jikkostitwixxi ndħil fil-libertà kuntrattwali tal-operatur inkwistjoni li jmur lil hinn minn dak li huwa previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

96      Sussegwentement il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha kif ukoll tal-kuntest ġuridiku li fih ġiet adottata, id-deċiżjoni kontenzjuża kellhiex bħala għan jew bħala effett li l-impenn offrut minn Paramount jiġi jixbah, bi ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, impenn li kien offrut minn Groupe Canal +. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija osservat, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li hija timponi xi tip ta’ obbligu lill-partijiet kontraenti ta’ Paramount bħal Groupe Canal +.

97      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-fatt li Paramount timpenja ruħha b’mod ġenerali li ma taġixxix quddiem il-qrati sabiex jiġi osservat l-obbligu tax-xandara li ma jwettqux bejgħ passiv barra mit-territorju esklużiv tagħhom, kif previst fil-punt 2.2(a) tal-Anness għad-deċiżjoni kontenzjuża, jimplika awtomatikament li Paramount ma tonorax l-obbligu tagħha li tipprojbixxi tali bejgħ, kif previst fil-punt 2.2(b) ta’ dan l-istess anness, u, min-naħa l-oħra, li dan l-impenn jikkaġuna, min-naħa tiegħu, awtomatikament it-tqegħid inkwistjoni tad-dritt kuntrattwali li minnu jgawdu x-xandara kollha partijiet kontraenti ta’ Paramount fil-konfront ta’ din tal-aħħar, li jikkonsisti fil-garanzija lil kull waħda minnhom ta’ esklużività territorjali assoluta għal dak li jikkonċerna l-għan ta’ kull ftehim ta’ liċenzja bbażat fuq il-produzzjoni ta’ televiżjoni bi ħlas.

98      Fil-punt 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kwistjoni li tqum f’dan il-kuntest hija jekk dan ir-riżultat huwiex ikkaġunat mid-deċiżjoni kkontestata nnifisha, f’liema każ dan ikun effett irrimedjabbli fil-konfront ta’ parti terza li la offriet l-impenn magħmul vinkolanti u lanqas ma ssottoskriviet lilha nnifisha għalih, jew inkella jekk id-dikjarazzjoni ta’ Paramount li ma tonorax iżjed il-klawżoli rilevanti hijiex essenzjalment att li din tal-aħħar twettaq b’riskju għaliha stess u li b’ebda mod ma jippreġudika l-possibbiltà tal-partijiet kontraenti tagħha li jadixxu lill-qorti nazzjonali sabiex l-imsemmija klawżoli jiġu infurzati.

99      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari, fil-punti 100 u 102 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn impriża intiż sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet kuntrattwali tagħha li qegħdin jiġu ppreġudikati minn impenji, magħmula vinkolanti mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, qorti nazzjonali tista’ tasal għal riżultat parzjalment jew totalment differenti tal-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tinsab f’din id-deċiżjoni, u tikkunsidra li l-klawżoli li huma s-suġġett tal-impenji ma jiksrux l-Artikolu 101(1) TFUE.

100    Barra minn hekk, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jadottaw deċiżjoni li tista’ twassal lil Paramount biex tikser l-impenji magħmula vinkolanti bis-saħħa tad-deċiżjoni kontenzjuża.

101    Fil-punt 104 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tippreġudikax il-possibbiltà għal Groupe Canal + li tadixxi lill-qorti nazzjonali sabiex tiġi kkonstatata l-kompatibbiltà tal-klawżoli rilevanti mal-Artikolu 101(1) TFUE u li tislet, fir-rigward ta’ Paramount, il-konsegwenzi previsti mid-dritt nazzjonali.

102    Hija kkonkludiet, fil-punt 106 tal-imsemmija sentenza, li, billi adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet aġixxiet fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u kienet issalvagwardjat l-għan tiegħu, li huwa ispirat minn kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u ta’ effiċjenza, mingħajr ma ppreġudikat id-drittijiet kuntrattwali jew proċedurali ta’ Groupe Canal + b’mod li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

103    Groupe Canal + tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi naqqset l-importanza tal-effetti tal-impenji inkwistjoni, meħuda minn Paramount u magħmula vinkolanti mid-deċiżjoni kontenzjuża, fuq id-drittijiet kuntrattwali ta’ Groupe Canal +, billi sostniet li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq premessa żbaljata fir-rigward tan-natura effettiva, f’dan il-kuntest, ta’ azzjoni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali bbażata fuq tali drittijiet.

104    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu adegwati sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    L-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa limitat għall-verifika dwar jekk l‑impenji inkwistjoni jindirizzawx it-tħassib li dwaru hija informat lill-impriżi kkonċernati u li dawn tal-aħħar ma offrewx impenji inqas restrittivi li jindirizzaw b’mod daqstant xieraq dan it-tħassib. Fl-eżerċizzju ta’ din il-verifika, il-Kummissjoni għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tat-terzi (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 41).

106    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-Kummissjoni tivverifika l-impenji mhux mill-perspettiva tal-adegwatezza tagħhom biex jindirizzaw it-tħassib tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni iżda fir-rigward tal-effett tagħhom fuq l-interessi tat-terzi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li d-drittijiet li għandhom dawn tal-aħħar ma jiġux imneżżgħa mis-sustanza tagħhom.

107    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet essenzjalment, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-Kummissjoni tagħmel vinkolanti l-impenn ta’ operatur li jikkonsisti f’li ma japplikax ċerti klawżoli kuntrattwali fir-rigward tal-parti kontraenti tiegħu, bħal Groupe Canal +, li ma offrietx dan l-impenn u li ma kinitx koperta mill-proċedura relatata miegħu, u filwaqt li ebda prova tal-ftehim tagħha dwar l-impenn ma ġiet prodotta konformement mal-punt 128 tal-prattiki tajba, jikkostitwixxi ndħil fil-libertà kuntrattwali ta’ din il-parti kontraenti li jmur lil hinn minn kif previst mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Wara li sussegwentement osservat, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li mid-deċiżjoni kontenzjuża, adottata fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 9, ma jirriżultax li hija timponi direttament xi tip ta’ obbligu fuq Groupe Canal +, il-Qorti Ġenerali madankollu rrilevat, fil-punt 95 ta’ dik is-sentenza, ukoll ġustament, li l-impenji ta’ Paramount, magħmula vinkolanti permezz ta’ din id-deċiżjoni, jimplikaw awtomatikament li Paramount ma tonorax uħud mill-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront ta’ Groupe Canal + fil-kuntest tal-ftehim ta’ liċenzja tagħhom, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014.

108    Ċertament, kif jirriżulta mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament huma bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom, b’mod partikolari, il-qrati tal-Istati Membri li jikkonstataw ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li jiddeċiedu l-kawża kkonċernata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-impenji adottata mill-Kummissjoni dwar ċerti ftehimiet bejn impriżi, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-konformità tal-imsemmija ftehimiet mar-regoli tal-kompetizzjoni u jikkonstataw, jekk ikun il-każ, in-nullità ta’ dawn tal-aħħar b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(2) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et, C‑547/16, EU:C:2017:891, punt 30).

109    Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiċi li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE li huma diġà suġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jagħtu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

110    Issa, deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tobbliga impriża li tkun assumiet impenji li saru vinkolanti bis-saħħa ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 biex tikser dawn l-impenji tmur manifestament kontra din id-deċiżjoni.

111    Minn dan isegwi li, billi ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-qrati nazzjonali aditi b’rikors intiż sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet kuntrattwali ta’ Groupe Canal + jistgħu, jekk ikun il-każ, jordnaw lil Paramount tikser l-impenji tagħha, magħmula vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

112    Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), li attwalment hija kkodifikata fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jirrikjedu li l-qrati nazzjonali, meta jiddeċiedu dwar ftehimiet jew prattiki li għadhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) u tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 101(3) TFUE.

113    Issa, peress li d-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huma, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meħuda “[f]ejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm”, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-preżenza ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-imsemmija dispożizzjoni, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jadottaw, fir-rigward tal-aġir ikkonċernat, deċiżjonijiet “negattivi”, li jikkonstataw l-assenza ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, fis-sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni tkun għadha tista’ terġa’ tiftaħ il-proċedura b’applikazzjoni l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament, u tadotta, jekk ikun il-każ, deċiżjoni li tikkomporta konstatazzjoni formali tal-ksur.

114    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi, billi qieset, essenzjalment, fil-punti 100, 102 u 104 tas-sentenza appellata, li qorti nazzjonali tista’, jekk ikun il-każ, tiddikjara li klawżoli, bħall-klawżoli rilevanti, ma jiksrux l-Artikolu 101(1) TFUE u tilqa’ r-rikors ippreżentat minn impriża intiż sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet kuntrattwali tagħha li jiġu ppreġudikati minn impenji magħmula vinkolanti mill-Kummissjoni jew sabiex jinkiseb kumpens għad-danni.

115    Minn dan isegwi li l-intervent tal-qorti nazzjonali ma huwiex tali li jtaffi b’mod adegwat u effettiv nuqqas ta’ verifika, fl-istadju tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, tan-natura proporzjonata tal-miżura fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet kuntrattwali tat-terzi.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, essenzjalment, fil-punti 96 sa 106 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà għall-partijiet kontraenti ta’ Paramount, fosthom Groupe Canal +, li jadixxu l-qorti nazzjonali hija ta’ natura li tirrimedja għall-effetti tal-impenji ta’ Paramount, magħmula vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, fuq id-drittijiet kuntrattwali tal-imsemmija partijiet kontraenti kkonstatati fil-punt 95 tal-imsemmija sentenza.

117    Ċertament, kif tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 49), fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li tirrigwarda żewġ impriżi li kienu kkonkludew ftehim li d-dħul fis-seħħ tiegħu kien suġġett għall-kisba ta’ ċertifikazzjoni negattiva jew ta’ eżenzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li l-fatt li l-impenji individwali offruti minn impriża jkunu ġew magħmula vinkolanti mill-Kummissjoni ma jimplikax li impriżi oħra ma għandhomx il-possibbiltà li jipproteġu d-drittijiet eventwali tagħhom fil-qafas tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ din l-impriża. Madankollu, fid-dawl tal-limiti li jaffettwaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali rrilevati fil-punti 109, 110, 112 u 113 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet kuntrattwali ta’ terz, bħal Groupe Canal +, ma jistgħux jiġu protetti b’mod adegwat fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem tali qorti f’ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni tagħmel vinkolanti impenn li bis-saħħa tiegħu l-parti kontraenti tat-terz ma għandhiex tapplika wħud mill-obbligi tagħha lejn dan tal-aħħar, assunti liberament bis-saħħa ta’ ftehim inkundizzjonat li huwa diġà fis-seħħ, u dan meta l-imsemmi terz ma kienx kopert mill-proċedura mressqa mill-Kummissjoni.

118    Isegwi li t-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tintlaqa’.

119    Mill-punti preċedenti jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tan-natura proporzjonata tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda l-preġudizzju għall-interessi tat-terzi.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

VI.    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

121    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament dwar il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

122    Dan huwa l-każ hawnhekk.

123    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv imressaq fl-ewwel istanza, Groupe Canal + issostni essenzjalment li billi, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, għamlet vinkolanti l-impenji ta’ Paramount il-Kummissjoni ppreġudikat b’mod sproporzjonat id-drittijiet kuntrattwali tat-terzi, bħal Groupe Canal +, u b’hekk marret kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

124    Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 107 ta’ din is-sentenza, meta l-impenn jikkonsisti fil-fatt li ma tiġix applikata klawżola kuntrattwali li tagħti drittijiet lil terz, ir-rikonoxximent lill-Kummissjoni tas-setgħa li tagħmlu vinkolanti fir-rigward ta’ terz li ma offriehx u li ma kienx kopert mill-proċedura mressqa mill-Kummissjoni jkun jikkostitwixxi ndħil fil-libertà kuntrattwali tal-operatur inkwistjoni li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

125    F’dan il-każ, għalkemm mill-proċess jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża ma timponix obbligi fuq ix-xandara kontraenti ta’ Paramount, xorta jibqa’ l-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, li l-impenji tagħha, magħmula vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, jagħtu awtomatikament lok għat-tqegħid inkwistjoni tad-dritt kuntrattwali li minnu jgawdu dawn ix-xandara, fosthom Groupe Canal +, fir-rigward ta’ Paramount, li jikkonsisti f’li din tal-aħħar tiggarantixxi lil kull wieħed minnhom l-esklużività territorjali assoluta fir-rigward tas-suġġett ta’ kull ftehim ta’ liċenzja li jkopri l-produzzjoni ta’ televiżjoni bi ħlas. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni Paramount hija marbuta, b’mod partikolari, li ma tonorax ċerti obbligi, li huma intiżi li jiżguraw din l-esklużività, li jirriżultaw mill-kuntratti tagħha mal-imsemmija xandara u b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 3 u 12 tal-ftehim ta’ liċenzja tagħha ma’ Groupe Canal +, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014.

126    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali obbligi jistgħu jikkostitwixxu element essenzjali tal-bilanċ ekonomiku li dawn l-istess xandara u Paramount iddeterminaw fl-eżerċizzju tal-libertà kuntrattwali tagħhom.

127    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, u b’mod iktar partikolari mill-punti 108 sa 117 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà għall-partijiet kontraenti ta’ Paramount, fosthom Groupe Canal +, li jadixxu l-qorti nazzjonali ma hijiex ta’ natura li tirrimedja dawn l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq id-drittijiet kuntrattwali tal-imsemmija partijiet kontraenti b’mod adegwat. Minn dan isegwi li, billi, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, għamlet l-impenji ta’ Paramount vinkolanti, il-Kummissjoni, bi ksur tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, neħħiet mis-sustanza tagħhom id-drittijiet kuntrattwali tat-terzi, fosthom dawk ta’ Groupe Canal +, fir-rigward ta’ Paramount, u b’hekk marret kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

128    Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet motiv invokat fl-ewwel istanza għandha tintlaqa’ u, għaldaqstant, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra invokati fl-ewwel istanza.

VII. Fuq l-ispejjeż

129    Skont l-Artikolu184(2) tar-Regoli tal-Proċeduri, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

130    Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

131    Peress li Groupe Canal +, il-EFADs, l-UPC u C More Entertainment AB talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Groupe Canal +, il-EFADs u l-UPC fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll dawk sostnuti minn C More Entertainment AB fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza.

132    Peress li r-Repubblika Franċiża ma talbitx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li din tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

133    Konformement mal-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-BEUC, bħala parti intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat12 ta’ Diċembru 2018, Groupe Canal + vs IlKummissjoni (T873/16, EU:T:2018:904), hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas26 ta’ Lulju 2016 li tirrigwarda proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ AT.40023 – Aċċess transkonfinali għal televiżjoni bi ħlas) hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnut minn Groupe Canal + SA, il-European Film Agency Directors – EFADs, l-Union des producteurs de cinéma (UPC) fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll dawk sostnuti minn C More Entertainment AB fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza.

4)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

5)      Il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.