Language of document : ECLI:EU:F:2012:66

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

22 ta’ Mejju 2012

Kawża F‑109/10

AU

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Pensjonijiet — Allowance għall-firda”

Suġġett: Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih AU jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li rrifjutatlu l-ħlas ta’ allowance għall-firda.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Allowance għall-firda — Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 12)

Mill-kliem tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li l-benefiċċju tal-allowance għall-firda huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-membru tal-persunal bil-kuntratt wettaq, mid-dħul tiegħu fil-kariga fis-servizz tal-Unjoni, ħlasijiet għall-kostituzzjoni jew għaż-żamma tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni għal skema ta’ pensjoni nazzjonali jew għal assigurazzjoni privata jew għal fond ta’ pensjoni tal-għażla tiegħu li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Għaldaqstant, meta membru tal-persunal bil-kuntratt ma wettaq ebda ħlas ta’ din in-natura, il-fatt biss li dan tal-aħħar baqa’ jikseb drittijiet għall-pensjoni fi Stat Membru ma jistax jiftaħlu d-dritt għall-benefiċċju tal-allowance għall-firda. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati strettament.

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 12(1)(b) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal bil-kuntratt li wettqu ħlasijiet għall-kostituzzjoni jew għaż-żamma tad-drittijiet għal pensjoni għal assigurazzjoni privata jew għal fond tal-pensjoni jistgħu jibbenefikaw minn allowance għall-firda biss jekk din l-assigurazzjoni privata jew dan il-fond ta’ pensjoni kien jissodisfa diversi kundizzjonijiet, fosthom dik li tiggarantixxi li l-membri tal-persunal inkwistjoni mhux ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn rimbors ta’ kapital.

(ara l-punti 24 u 25)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali 16 ta’ Diċembru 2004, Pappas vs Il‑Kummissjoni, T‑11/02, punt 53