Language of document : ECLI:EU:T:2008:164

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

22 ta’ Mejju 2008

Kawża T-250/06 P

Martial Ott et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Appell inċidentali – Ammissibbiltà – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2004 – Għoti ta’ punti ta’ prijorità – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ imlementazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Sostituzzjoni ta’ motivi – Appell parzjalment infondat u parzjalment fondat – Kawża fi stat li tiġi deċiża – Ċaħda tar-rikors”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2006, Ott et vs Il-Kummissjoni (F-87/05, ĠabraSP I-A-0000), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet. Appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni mid-digriet ikkontestat.

Deċiżjoni: Id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2006, Ott et vs Il-Kummissjoni (F-87/05), huwa annullat sa fejn dan jiċħad ir-rikors inkwantu ġie ppreżentat minn Francis Weiler. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. L-appell inċidentali huwa miċħud. Ir-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bir-referenza F-57/05 huwa miċħud inkwantu ġie ppreżentat minn Francis Weiler. Martial Ott, Fernando Lopez Tola u Francis Weiler għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati ma’ din l-istanza kif ukoll erba’ partijiet minn ħamsa ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati parti minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha relatati ma’ din l-istanza. Francis Weiler u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Sommarju

1.      Appell – Suġġett – Talba għall-annullament ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku inkwantu iddikjarat li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fir-rigward ta’ rikors miċħud bħala infondat – Rifjut

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 9)

2.      Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula minn dan it-Tribunal – Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 138(1))

3.      Appell – Aggravji – Użu ta’ argument ġdid – Ammissibbiltà – Limiti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 138(1))

4.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut, fatt li ma jistax jitqies li jippreġudika lil dan tal-aħħar. Għaldaqstant, appell minn din id-deċiżjoni għandu jiġi miċħud.

(ara l-punti 75 u 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Novembru 2007, Cofradía de pescadores “San Pedro” de Bermeo et vs Il-Kunsill, C‑6/06 P, Ġabra p. I-164, punt 21

2.      Appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. L-appell li, mingħajr lanqas ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li ġew diġà ppreżentati fl-ewwel istanza, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

Min-naħa l-oħra, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula, f’dan il-każ, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċeduri ta’ appell. Fil-fatt, jekk appellant ma setax jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, parti mis-sens tal-imsemmija proċeduri tintilef.

(ara l-punti 81 u 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 17; Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni, C‑68/05 P, Ġabra p. I‑10367, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 55

3.      Fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, appellant jista’ validament iqajjem argument għall-ewwel darba, anki jekk dan ma kienx is-suġġett ta’ diskussjoni fl-ewwel istanza, sakemm dan b’ebda mod ma jbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 88)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punti 66 u 67

4.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita permezz ta’ regola interna tal-Kummissjoni, li hija bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzata bl-għoti annwali lill-uffiċjali ta’ tipi differenti ta’ punti, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tmexxi, b’mod tranżitorju, il-bidla tar-regoli dwar il-promozzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-limiti inerenti għat-tranżizzjoni minn metodu ta’ tmexxija għal ieħor, li jistgħu jġegħluha titbiegħed temporanjament, u f’ċerti limiti, mill-applikazzjoni stretta tar-regoli u prinċipji ta’ valur permanenti li normalment japplikaw għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni. Madankollu, tali tbegħid għandu jiġi ġġustifikat minn bżonn imperattiv relatat mat-tranżizzjoni u ma jistax imur lil hinn, fit-tul u fil-portata tiegħu, minn dak li huwa indispensabbli sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni regolari minn sistema għall-oħra. F’dan ir-rigward, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-mertu akkumulat fil-grad tagħhom mill-uffiċjali fil-kariga fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija sistema, ir-regoli dettaljati ta’ tranżizzjoni jkopru l-għoti ta’ diversi punti ta’ tranżizzjoni lil dawn l-uffiċjali.

Fir-rigward tal-punti ta’ prijorità tranżitorji mogħtija ex officio lill-uffiċjali għal kull sena fil-grad, sa ċertu limitu, l-għoti tagħhom juri teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fil-grad b’mod kuntrarju għar-regoli li normalment jirregolaw il-proċeduri ta’ promozzjoni. Madankollu, l-adozzjoni ta’ sistema kkaratterizzata minn kwantifikazzjoni tal-mertu u min-neċessità li jintlaħaq ċertu limitu, li jikkorrispondi għal numru akkumulat ta’ punti ta’ prijorità u ta’ mertu, sabiex wieħed ikun jista’ jiġi promoss timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-merti akkumulati mill-uffiċjali wara l-aħħar promozzjoni tagħhom, taħt il-forma ta’ għoti ta’ ċertu numru ta’ punti u skont metodu li jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-miżura li tikkonsisti fl-għoti awtomatiku ta’ punti ta’ prijorità skont l-anzjanità fil-grad tissodisfa dan il-bżonn imperattiv marbut mat-tranżizzjoni, u d-dispożizzjonijiet li jirrestrinġu l-portata tagħha, bħal-limitazzjoni tagħha biss għall-ewwel proċedura ta’ promozzjoni wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ġdida, il-piż limitat ħafna ta’ dawn il-punti fuq it-total tal-punti li jistgħu jingħataw, kif ukoll is-suġġettar ta’ promozzjoni għall-kundizzjoni li l-uffiċjal ikun kiseb ċertu numru ta’ punti oħra fl-aħħar rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu, jippermettu li jiġi konkluż li l-Awtorità tal-Ħatra ma marritx lil hinn minn dak li kien indispensabbli sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni regolari minn sistema għal oħra.

Dan huwa wkoll il-każ, a fortiori, fil-każ tal-punti ta’ prijorità ta’ tranżizzjoni li ma jingħatawx awtomatikament fuq il-bażi tal-anzjanità biss, iżda wara li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-meriti tal-uffiċjal ikkonċernat, billi n-numru tagħhom jista’ jvarja skont l-evalwazzjoni ta’ dan tal-aħħar u ma jingħatawx meta din l-evalwazzjoni hija partikolarment baxxa.

Fir-rigward tal-punti ta’ prijorità tranżitorji li jistgħu jingħataw mill-Awtorità tal-Ħatra fuq proposta mill-kumitati ta’ promozzjoni, dawn ġew stabbiliti sabiex isolvu, b’mod ekwu, problemi speċifiċi relatati mat-tranżizzjoni bejn is-sistema preċedenti u s-sistema l-ġdida. Dan il-għan partikolari jaqa’ neċessarjament fil-kuntest tal-għan tal-punti kollha ta’ tranżizzjoni li minnu jiffurmaw parti, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-mertu akkumulat minn uffiċjal wara l-aħħar promozzjoni tiegħu, b’mod li d-dispożizzjoni li tipprevedi l-għoti tagħhom ma tiksirx, fiha nnifisha, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li għoti tali jista’ jwassal għal promozzjonijiet arbitrarji jirriżulta mill-applikazzjoni individwali ta’ din id-dispożizzjoni u mhux mill-illegalità intrinsika tagħha.

Fir-rigward tal-punti ta’ prijorità tranżitorji li jistgħu jingħataw lill-uffiċjali rakkomandati għal promozzjoni matul il-proċedura preċedenti, iżda mhux promossi, dawn lanqas mhuma kuntrarji għall-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra, bħala regola ġenerali, għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni komparattiva tal-merti, il-fatt li uffiċjal diġà kien is-suġġett ta’ proposta ta’ promozzjoni fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti bil-kundizzjoni li huwa ma waqafx ikun eleġibbli għal promozzjoni u li l-merti tiegħu huma evalwati meta mqabbla ma’ dawk tal-kandidati l-oħra għall-promozzjoni, li huwa l-każ fil-każ tar-regoli dettaljati ta’ tranżizzjoni implementati mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 109 sa 117)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punti 207, 210, 211, 212, 213, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punti 214 sa 219 u 222

5.      Is-sistema ta’ promozzjoni stabbilita permezz ta’ regola interna tal-Kummissjoni, li hija bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzata mill-għoti annwali lill-uffiċjali ta’ tipi differenti ta’ punti, uħud minnhom – “punti ta’ mertu” – li jirriżultaw mill-konverżjoni tal-marka rċevuta mill-uffiċjal matul l-evalwazzjoni perjodika tiegħu taħt l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, oħrajn “punti ta’ prijorità” – mogħtija b’żieda u mhux determinanti, waħidhom, għall-promozzjoni, intiżi sabiex jikkumpensaw lill-uffiċjali li marru lil hinn mill-għanijiet individwali tagħhom jew li wettqu, b’suċċess, funzjonijiet addizzjonali fl-interess tal-istituzzjoni, ma tiksirx l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ punti għandhom bħala għan li jikkumpensaw il-mertu u l-għoti tagħhom għandu dejjem ikun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-mertu.

L-istess japplika fir-rigward tal-punti ta’ prijorità addizzjonali, li l-għoti tagħhom ma jaffettwax il-kwota ta’ punti ta’ prijorità prevista mid-Direttorat Ġenerali, li jistgħu jingħataw fuq proposta tal-Kumitat tal-Promozzjoni, wara appell intern mill-uffiċjal li jqis li kellu jibbenefika minn numru ikbar ta’ punti ta’ prijorità, meta dan l-appell ikun ikkunsidrat bħala fondat, sa fejn dawn jingħataw skont l-istess kriterji bħall-punti ta’ prijorità mogħtija fi ħdan kull Direttorat Ġenerali, jiġifieri fuq il-bażi tal-merti tal-uffiċjali kkonċernati.

(ara l-punti 119 sa 124)

Referenza: Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 136 sa 138, 305 u 306