Language of document : ECLI:EU:T:2009:62

Kawża T-249/06

Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukraina — Determinazzjoni tal-valur normali — Kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja — Aġġustament — Funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni — Entità ekonomika waħda — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Offerta ta’ impenn — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Użu tal-valur maħdum

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 6(8) u 18)

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 3(2), (3), (5),(6) u (7), 6(2) u 18(3))

4.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura antidumping — Aċċess għall-fajl — Komunikazzjoni ta’ taqsiriet mhux kunfidenzjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 19(3))

5.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 5(4))

6.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi — Antidumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(10) u 20(2))

7.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(10)(i))

8.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni — Aġġustamenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(10))

9.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proposti ta’ impenn fir-rigward ta’ prezzijiet — Aċċettazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 8(1))

1.      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw.

Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 38, 39)

2.      Billi l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji, hemm, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ.

F’dan il-kuntest, għalkemm, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali u, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping, il-qorti Komunitarja ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet Komunitarji, hija għandha madankollu tiżgura li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali stabbilit ġie ddeterminat b’mod raġonevoli.

F’dan ir-rigward meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni kuntradittorja, jew, tal-inqas, informazzjoni li l-validità tagħha tista’ tiġi kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jressaq il-prova ta’ dak li huwa jallega u ta’ dak li huwa jsostni. Fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-Kummissjoni tosserva l-obbligu tagħha li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, il-fatturi kollha tal-każ inkwistjoni, filwaqt li tiddikjara li ma tistax tikkunsidra informazzjoni ġdida mhux ivverifikata.

(ara l-punti 40, 41, 50, 51, 53)

3.      Anki jekk, fil-kuntest tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, hija l-Kummissjoni, bħala awtorità investigatriċi, li għandha tistabbilixxi jekk il-prodott ikkonċernat bil-proċedura antidumping huwiex is-suġġett ta’ dumping u li jikkawża ħsara jekk jitħalla għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità, u mhijiex għaldaqstant din l-istituzzjoni, f’dan il-kuntest, li għandha tittrasferixxi fuq parti l-oneru tal-prova li għandha f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ma jagħti lill-Kummissjoni l-ebda setgħa ta’ investigazzjoni li tippermettilha ġġiegħel xi kumpanniji jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew li jagħtu xi informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu mill-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet biex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stipulati. F’dan il-kuntest, ir-risposti ta’ dawn il-partijiet għall-kwestjonarju previst fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament huma għalhekk essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura antidumping.

Minkejja li l-partijiet fi proċedura antidumping, bħala regola, huma marbuta, skont l-Artikolu 6(2), tar-Regolament Nru 384/96, li jippreżentaw risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, mill-kliem tal-Artikolu 18(3) ta’ dan l-istess regolament jirriżulta li l-informazzjoni ppreżentata taħt forma oħra jew fil-kuntest ta’ dokument ieħor m’għandhiex tiġi injorata sakemm in-nuqqasijiet eventwali ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà eċċessiva sabiex jintħalqu konklużjonijiet raġjonevolment preċiżi, li l-informazzjoni tiġi sottomessa fi żmien xieraq, li din tkun tista’ tiġi vverifikata u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

Għalhekk, meta parti tkun naqset milli tippreżenta risposta għall-imsemmi kwestjonarju, iżda tkun issottomettiet informazzjoni fil-kuntest ta’ dokument ieħor, ma tistax tiġi akkużata b’nuqqas ta’ kooperazzjoni, jekk dawn l-erba’ kundizzjonijiet ikunu sodisfatti. Din il-parti ma tistax tiġi kkunsidrata li ma kkooperatx jekk in-nuqqasijiet fil-produzzjoni tal-informazzjoni ma jkollhomx impatt sinjifikattiv fuq il-mod kif tiżvolġi l-investigazzjoni. F’sitwazzjoni bħal din, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li kkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni meta jiddeċiedi li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju ma jxekkilx l-iffissar tal-ħsara u lanqas id-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara.

(ara l-punti 87-88, 90-92, 98)

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, xi irregolaritajiet fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-taqsiriet mhux kunfidenzjali skont l-Artikolu 19(3) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96 mhumiex ta’ tali natura li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet proċedurali li jiġġustifika l-annullament tar-regolament li jistabbilixxi d-dazji antidumping ħlief jekk il-persuna kkonċernata ma kellhiex konoxxenza biżżejjed tal-essenzjal tal-kontenut tad-dokument jew dokumenti inkwistjoni u, minħabba f’hekk, ma setgħetx tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod validu fuq ir-realtà jew ir-rilevanza tagħhom. Għaldaqstant, l-użu mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni li tagħha l-ebda taqsira mhux kunfidenzjali ma ġiet ippreżentata ma jistax jiġi invokat, bħala motiv ta’ annullament ta’ miżura antidumping, mill-partijiet fi proċedura antidumping ħlief jekk huma jistgħu juru li l-użu ta’ din l-informazzjoni kkostitwiet ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal fajl tal-investigazzjoni, id-drittijiet tad-difiża jiġux miksura biss jekk l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni kellu l-possibbiltà, anki jekk żgħira, li l-proċedura amministrattiva twassal għal riżultat differenti fl-ipoteżi li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu vantaġġ minnha matul il-kors tal-imsemmija proċedura.

(ara l-punti 131, 134)

5.      Fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, l-Artikolu 5(4) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96 ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex ittemm proċedura antidumping pendenti meta l-livell ta’ appoġġ għall-ilment ikun inqas mill-minimu ta’ 25 % tal-produzzjoni Komunitarja. Fil-fatt, dan l-artikolu jikkonċerna biss il-grad ta’ appoġġ meħtieġ għall-ilment sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tibda proċedura. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 9(1) tal-istess regolament. Għalhekk, anki jekk l-ilment jiġi rtirat mill-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni m’għandhiex obbligu li ttemm il-proċedura iżda għandha sempliċi possibbiltà li tagħmel dan.

(ara l-punt 139)

6.      Skont il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-impriżi kkonċernati fi proċedura ta’ investigazzjoni li tippreċedi l-adozzjoni ta’ regolamenti antidumping għandhom jitpoġġew fil-pożizzjoni li, matul il-proċedura amministrattiva, jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha.

Madankollu, għalkemm il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jagħti lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari lill-esportaturi, bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, dritt li jkunu mgħarrfa bil-fatti prinċipali u bil-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom ikun qed jiġi maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, f’dan ir-rigward, tinforma lill-partijiet ikkonċernati bil-varji elementi ta’ fatt jew ta’ dritt rilevanti, bħad-dettalji dwar l-evalwazzjoni tal-ħsara.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-partijiet ikkonċernati fi proċedura antidumping għandhom id-dritt li jiġu informati mhux biss li sar aġġustament, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, imma wkoll bir-raġunijiet għalfejn sar l-aġġustament. Għaldaqstant is-sempliċi komunikazzjoni lill-partijiet ikkonċernati li sar aġġustament, mingħajr spjegazzjoni tar-raġunijiet, m’għandhiex tiġi kkunsidrata suffiċjenti fid-dawl tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

Madankollu, tali irregolarità min-naħa tal-Kummissjoni ma twassalx għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod li jiġġustifika l-annullament ta’ regolament li jimponi dazji antidumping definittivi, ħlief jekk ir-rikorrent jistabbilixxi, mhux li l-imsemmi regolament kien ikollu kontenut differenti, iżda li huwa seta’ jiżgura aħjar id-difiża tiegħu li kieku ma kienx hemm din l-irregolarità.

(ara l-punti 64, 146, 148, 200-201, 208)

7.      Fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, u b’mod partikolari tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, id-diviżjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi grupp ifformat minn kumpanniji ġuridikament distinti ma jista’ bl-ebda mod ibiddel il-fatt li l-grupp huwa entità ekonomika waħda li b’dan il-mod torganizza numru ta’ attivitajiet imwettqa, f’każijiet oħra, minn entità li hija waħda anki mill-perspettiva ġuridika.

Meta jiġi kkonstatat li produttur jassenja inkarigi li normalment jaqgħu taħt dipartiment ta’ bejgħ lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu li huwa jikkontrolla ekonomikament u li magħha huwa jifforma entità ekonomika waħda, il-fatt li l-istituzzjonijiet jibbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti lid-distributur assoċjat, huwa ġġustifikat. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet tad-distributur assoċjat jippermetti li jiġi evitat li xi spejjeż, li huma manifestament inklużi fil-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott meta dan il-bejgħ isir minn dipartiment ta’ bejgħ integrat fl-organizzazzjoni tal-produttur, ma jibqgħux daqshekk inklużi meta l-istess attività ta’ bejgħ tiġi eżerċitata minn kumpannija ġuridikament distinta, minkejja li ekonomikament ikkontrollata mill-produttur.

Entità ekonomika waħda teżisti meta produttur jassenja inkarigi li normalment jingħataw lil dipartiment ta’ bejgħ intern lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu li huwa jikkontrolla ekonomikament. Barra minn hekk, l-istruttura tal-kapital hija indikatur rilevanti tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Iktar minn hekk, entità ekonomika waħda tista’ teżisti meta l-produttur jassumi parti mill-inkarigi ta’ bejgħ komplementari għal dawk ta’ kumpannija distributriċi tal-prodotti tagħha.

(ara l-punti 177-179)

8.      Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96 jirriżulta li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom. Ir-raġuni li għaliha jsir aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Għalhekk, jekk l-aġġustament ikun sar korrettament, dan jimplika li jkun stabbilixxa mill-ġdid din is-simetrija. Min-naħa l-oħra, jekk l-aġġustament ma jkunx sarx korrettament, dan jimplika li huwa jkun żamm, jew saħansitra ħalaq nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

Barra minn hekk, bl-istess mod li meta parti titlob aġġustamenti, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament Nru 384/96, sabiex il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni jsiru paragunabbli sabiex jiġi ffissat il-marġni tad-dumping, għandha tipprova li t-talba tagħha hija ġġustifikata, l-istituzzjonijiet, meta jiddeċiedu li għandu jsir aġġustament ta’ dan it-tip, għandhom jibbażaw ruħhom fuq provi, jew għall-inqas fuq indikazzjonijiet, li juru l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu jsir l-aġġustament u li jistabbilixxu l-effett tiegħu fuq il-paragun tal-prezzijiet.

(ara l-punti 180, 184, 194, 195)

9.      L-ebda dispożizzjoni tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96 ma tobbliga lill-istituzzjonijiet Komunitarji jaċċettaw proposti ta’ impenn fir-rigward ta’ prezzijiet stabbiliti mill-operaturi ekonomiċi involuti f’investigazzjoni li saret qabel ma ġew stabbiliti d-dazji antidumping. Bil-kontra, mill-imsemmi regolament jirriżulta li n-natura aċċettabbli ta’ tali impenji hija ddefinita mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament bażiku, kundizzjoni fundamentali għall-Kummissjoni sabiex taċċetta offerta ta’ impenn hija “offerti ta’ garanziji [impenn] volontarji sodisfaċenti sottomessi minn esportatur[i] biex jirrevedi[u] l-prezzijiet tiegħu [tagħhom] jew biex iwaqqaf [iwaqqfu] l-esportazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ prezzijiet bid-dumping”. Għaldaqstant, ċaħda ta’ offerta ta’ impenn tista’ tirriżulta b’mod validu mill-konstatazzjoni li l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni mhumiex biżżejjed sabiex jeliminaw l-effett dannuż tad-dumping.

(ara l-punti 225, 230)