Language of document : ECLI:EU:C:2015:238

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ April 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Passaport bijometriku — Data bijometrika — Regolament (KE) Nru 2252/2004 — Artikolu 1(3) — Artikolu 4(3) — Użu ta’ data miġbura għal finijiet oħra minbarra l-ħruġ ta’ passaporti u ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar — Kostituzzjoni u użu ta’ databases li jinkludu data bijometrika — Garanziji legali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7 u 8 — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 6 u 7 — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata — Dritt għall-protezzjoni tad-data personali — Applikazzjoni għall-karti tal-identità”

Fil-Kawżi magħquda C‑446/12 sa C‑449/12,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Settembru 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2012 (C‑446/12), fil-5 ta’ Ottubru 2012 (C‑447/12) u fit-8 ta’ Ottubru 2012 (C‑448/12 u C-449/12), fil-proċeduri

W. P. Willems (C‑446/12)

vs

Burgemeester van Nuth,

u

H. J. Kooistra(C-447/12)

vs

Burgemeester van Skarsterlân,

u

M. Roest (C-448/12)

vs

Burgemeester van Amsterdam,

u

L. J. A. van Luijk (C-449/12)

vs

Burgemeester van Den Haag,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal W. P. Willems, minnu stess,

–        għal H. J. Kooistra, minnu stess,

–        għal M. Roest u L. J. A. van Luijk, minn J. Hemelaar, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer kif ukoll minn M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn F.-X. Bréchot, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn P. Schonard u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Sitbon u I. Gurov kif ukoll minn K. Michoel, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(3) u 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 153M, p. 375) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 142, p. 1, u rettifika ĠU L 188, p. 127, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2252/2004”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn W. P. Willems u H. J. Kooistra kif ukoll M. Roest u L. J. A. Van Luijk, rispettivament, mal-Burgemeester van Nuth, mal-Burgemeester van Skarsterlân, mal-Burgemeester van Amsterdam, u mal-Burgemeester van Den Haag, (iktar ’il quddiem is-“sindki”), dwar ir-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li joħorġu lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali passaport (C‑446/12, C‑448/12 u C‑449/12) u karta tal-identità (C‑447/12) mingħajr ma jkunu rrilevati fl-istess ħin id-data bijometrika tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu li d-data personali hija miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u li ma tkunx ser tiġi pproċessata iktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Skont il-paragrafu (1)(ċ) ta’ dan l-istess artikolu, din id-data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tinġab u/jew tiġi iktar ipproċessata.

4        L-Artikolu 7(ċ), (e) u (f) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-ipproċessar tad-data personali jista’ jitwettaq biss jekk “l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew” “isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; jew” “għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1)”.

5        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46):

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.”

6        L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.”

7        Skont l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 2252/2004:

“2.      Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz sikur ħafna ta’ ħażna li għandu jkun fih immaġni tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll żewġ marki tas-swaba’ meħuda ċatti f’format interoperabbli. Id-data għandha tkun żgurata u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data.

[...]

3.      Dan ir-Regolament japplika għall-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri. Ma japplikax għall-karti ta’ l-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom jew għal passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar temporanji b’validità ta’ 12-il xahar jew inqas.”

8        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“Id-data bijometrika għandha tinġabar u tinħażen fil-mezz ta’ ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-karatteristiċi bijometriċi fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jintużaw biss biex ikunu vverifikati:

(a)      l-awtentiċità tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(b)      l-identità tad-detentur permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta l-passaport jew dokument tal-ivvjaġġar ikun meħtieġ li jintwera bil-liġi.”

9        Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 444/2009, li emenda r-Regolament Nru 2252/2004:

“Ir-Regolament [Nru 2252/2004] jirrikjedi li d-data bijometrika tinġabar u tinħażen fil-mezz ta’ ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Dan huwa bla ħsara għal kwalunkwe użu jew ħżin ieħor ta’ din id-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-Regolament [Nru 2252/2004] ma jipprovdix bażi legali biex ikunu stabbiliti jew miżmuma bażijiet tad-data għall-ħżin ta’ dawk id-data fl-Istati Membri, ħaġa li hi strettament kwistjoni tal-liġi nazzjonali.”

 Id-dritt Olandiż

10      Bis-saħħa tal-parti introduttiva, subparagrafu (a) tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi li tistabbilixxi r-regoli fil-qasam tal-ħruġ tad-dokumenti tal-ivvjaġġar (Rijkswet houdende het stellen van regelen betreffende de verstrekking van reisdocumenten), tas-26 ta’ Settembru 1991 (Stb. 1991, Nru 498, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-passaporti”), il-passaport nazzjonali jikkostitwixxi wieħed mid-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

11      Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi, il-karta tal-identità Olandiża hija dokument tal-ivvjaġġar relatat mal-parti Ewropea tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, validu għall-pajjiżi li huma partijiet għall-ftehim Ewropew fuq is-sistema tal-moviment ta’ persuni bejn il-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa, adottat f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957.

12      L-Artikolu 3(3) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti prinċipali, jipprovdi li dokument tal-ivvjaġġar għandu jkollu ritratt tal-wiċċ, żewġ marki tas-swaba’ diġitali u il-firma tad-detentur. L-Artikolu 3(8) ta’ din l-istess liġi jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ħruġ għadhom jiżguraw il-kunsinna ta’ data dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin.

13      L-Artikolu 65(1) u (2) tal-liġi dwar il-passaporti, bħal dik fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawżi prinċipali, jipprovdi:

“1.      L-Awtorità li toħroġ id-dokument tal-ivvjaġġar iżżomm id-data li ġejja fil-kunsinna msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(8):

a.      il-marki tas-swaba’ diġitali msemmija fl-Artikolu 3(3);

b.      żewġ marki tas-swaba’ diġitali oħrajn, li għandhom jiġu ddeterminati mill-Ministru tagħna, tal-applikant għal dokument tal-ivvjaġġar.

2.      Id-data msemmija fil-paragrafu 1 jiġu kkomunikati esklużivament lill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u persuni li huma responsabbli għall-implementazzjoni ta’ din il-liġi, sa fejn għandhom bżonn data għal din l-implementazzjoni.”

14      Il-liġi dwar il-passaporti tinkludi wkoll l-Artikoli 4a u 4b, iżda dawn ma kinux daħlu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawżi prinċipali, peress li kien meħtieġ digriet reali għal dan l-effett. L-Artikolu 4a ta’ din il-liġi kien jipprovdi li ministru jżomm reġistru ċentrali ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li fihom tinżamm id-data dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar. Dan ir-reġistru ċentrali kellu jinkludi d-data msemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi u żewġ marki tas-swaba’ diġitali tal-applikant minbarra dawk li jidhru fid-dokument tal-ivvjaġġar, skont l-Artikolu 3(3) tal-istess liġi. L-Artikolu 4b tal-liġi dwar il-passaporti kien jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom id-data msemmija fir-reġistru ċentrali tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kienu jistgħu jiġu kkomunikati lil istituzzjonijiet, korpi jew persuni, b’mod partikolari għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ vittmi ta’ katastrofi u ta’ inċidenti, tal-iskoperta u tat-tfittxija ta’ ksur kriminali, kif ukoll biex titwettaq investigazzjoni dwar atti li jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà tal-Istat.

15      L-Artikoli 3, 4a, 4b u 65 tal-liġi dwar il-passaporti ġew emendati b’effett mill-20 ta’ Jannar 2014. Fuq il-bażi tal-Artikolu 3(9) ta’ din il-liġi, miżjud wara din l-emenda leġiżlattiva, il-marki tas-swaba’ diġitali jinżammu biss għat-tul tal-proċedura tal-applikazzjoni u tal-ħruġ tal-passaport, jiġifieri saż-żmien meta l-passaport jinħareġ lid-detentur. Wara l-ħruġ tal-passaport il-ġdid, il-marki tas-swaba’ diġitali jitħassru. L-Artikoli 4a u 4b tal-imsemmija liġi ġew adottati b’tali mod li ma jipprovdux iktar għal ħażna ċentrali u l-komunikazzjoni lil terzi tal-marki tas-swaba’ diġitali rrilevati. L-Artikolu 65(1) u (2) ta’ din l-istess liġi tħassar u ġie sostitwit mill-Artikolu 3(9) msemmi iktar ’il fuq.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16      W. P. Willems kif ukoll M. Roest u L. J. A. Van Luijk ressqu, kull wieħed fir-rigward tiegħu, talba għall-passaport. Is-sindki rispettivament kompetenti ċaħdu dawn it-talbiet, peress li l-persuni kkonċernati rrifjutaw li jipprovdu l-marki tas-swaba’ diġitali tagħhom. H. J. Kooistra ressaq talba għall-ħruġ ta’ karta tal-identità Olandiża li wkoll ġiet miċħuda minħabba li rrifjuta li jipprovdi l-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu u ritratt tal-wiċċ.

17      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali rrifjutaw li jipprovdu din id-data bijometrika minħabba li s-sekwestru u l-konservazzjoni tagħhom jippreġudikaw sew l-integrità fiżika tagħhom u d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-ħajja privata.

18      Skont ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, din il-ħsara tirriżulta, b’mod partikolari, mill-ħażna ta’ din id-data fuq tliet mezzi separati. Fil-fatt, dawn huma kkonservati mhux biss fuq il-mezz ta’ ħażna integrata fil-passaport jew fil-karta tal-identità Olandiża, iżda wkoll f’database deċentralizzata. Barra minn hekk, ir-riskji għas-sigurtà tal-imsemmija data jiżdiedu minħabba li l-liġi dwar il-passaporti tipprovdi li d-databases deċentralizzati tal-komun ser ikunu, ’il quddiem, magħqudin f’database ċentralizzata.

19      Barra minn hekk, ma jeżistux dispożizzjonijiet li jidentifikaw ċarament il-persuni li ser ikollhom aċċess għad-data bijometrika, b’mod li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jitilfu l-kontroll ta’ din tal-aħħar.

20      Bl-istess mod, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li l-awtoritajiet jistgħu jużaw fil-futur id-data bijometrika għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom kienu ġew ipprovduti. B’mod partikolari, il-ħażna ta’ din id-data f’database tista’ tintuża għal finijiet ġudizzjarji kif ukoll mis-servizzi tal-informazzjoni u tas-sigurtà. Madankollu, mir-Regolament Nru 2252/2004 jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, id-data bijometrika, bħall-marki tas-swaba’ diġitali, jistgħu jiġu użati biss biex jivverifikaw l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur. Tali użu jmur ukoll kontra d-drittijiet fundamentali.

21      Peress li r-rikorsi rispettivi tagħhom kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tas-sindki ġew miċħuda fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

22      Din tal-aħħar tistaqsi, qabelxejn, fuq il-kwistjoni jekk, fil-Kawża C‑447/12, il-karta tal-identità Olandiża taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004. F’dan ir-rigward, mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni jirriżulta li karta tal-identità hija wkoll dokument tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, din il-karta tippermetti li wieħed jivvjaġġa barra mill-Unjoni, jiġifieri lejn pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-Unjoni. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li l-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament jista’ jinqara f’dan is-sens li l-kunċett ta’ “karta tal-identità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinqara flimkien mal-espressjoni “b’validità ta’ 12-il xahar jew inqas” li tidher ukoll fl-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, it-tul tal-validità tal-karta tal-identità Olandiża huwa ta’ ħames snin.

23      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tindika li r-riżultat tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali ser jiddependi fuq il-fondatezza tal-motiv invokat mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali li jipprovdi li ma jidhirx ċarament għal liema finijiet id-data miġbura abbażi tal-ħruġ ta’ passaport jew ta’ dokument tal-ivvjaġġar ser ikunu jistgħu jiġu użati fil-futur.

24      Din il-qorti tistaqsi, fl-aħħar nett, jekk mir-Regolament Nru 2252/2004 jirriżultax li għandu jiġi ggarantit mil-liġi, jiġifieri permezz ta’ regola obbligatorja u ta’ portata ġenerali, li d-data bijometrika miġbura fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament ma tistax tintuża għal finijiet oħra differenti minn dawk previsti mill-imsemmi regolament.

25      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari fil-Kawżi C‑446/12, C‑448/12 u C‑449/12 u tliet domandi fil-Kawża C‑447/12.

26      L-ewwel domandi fil-Kawżi C‑446/12, C‑448/12 u C‑449/12 kif ukoll it-tieni domanda fil-Kawża C‑447/12 jirrigwardaw il-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004. Huma jikkorrispondu għad-domanda preliminari li tat lok għas-sentenza Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670).

27      Insegwitu għal din is-sentenza tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju irtirat id-domandi preliminari msemmija fil-punt preċedenti.

28      Kuntrarjament, ir-Raad van State żammet l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑447/12 li hija redatta kif ġej:

“L-Artikolu 1(3) tar-Regolament [Nru 2252/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Regolament ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, bħall-KIP [Karta tal-Identità tal-Pajjiżi l-Baxxi], irrispettivament mill-perijodu ta’ validità tagħhom u irrispettivament mill-possibbiltajiet li dawn jintużaw bħala dokument tal-ivvjaġġar?”

29      Bl-istess mod, ir-Raad van State żammet it-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C‑446/12, C‑448/12 u C‑449/12, kif ukoll it-tielet domanda fil-Kawża C-447/12, li huma identiċi u redatti fil-kliem li ġej:

“[L]-Artikolu 4(3) tar-Regolament [Nru 2252/2004], [moqri] fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)], tal-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u tal-parti introduttiva tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva [95/46] moqrija flimkiem mal-parti introduttiva tal-Artikolu 6(1) u 6(1)(b) ta’ din id-Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-eżekuzzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu b’liġi li d-data bijometrika miġbura u maħżuna abbażi ta’ dan ir-Regolament tista’ tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża biss għal finijiet tal-ħruġ tad-dokument?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑447/12

30      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa minn Stat Membru liċ-ċittadini tiegħu, bħall-karti tal-identità Olandiżi, irrispettivament kemm mit-tul ta’ validità tagħhom kif ukoll mill-possibbiltà li jintużaw matul il-vjaġġi li jsiru barra minn dan l-Istat.

31      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tiegħu, ir-Regolament Nru 2252/2004 ma japplikax għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom jew għal passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar temporanji b’validità ta’ 12-il xahar jew inqas.

32      Fl-ewwel lok, għandu jiġi analizzat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004 jvarjax skont it-tul tal-validità ta’ karta tal-identità.

33      F’dan ir-rigward, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din id-dispożizzjoni tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu billi teskludi minn dan tal-aħħar żewġ kategoriji ta’ dokumenti. Peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dokumenti huma marbutin fit-test permezz tal-konġunzjoni “jew”, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala separati waħda mill-oħra.

34      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, u b’mod partikolari fil-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“temporary passports and travel documents having a validity of 12 months or less”), Ġermaniża (“vorläufige Pässe und Reisedokumente mit einer Gültigkeitsdauer von zwölf Monaten oder weniger”) u Olandiża (“tijdelijke paspoorten en reisdocumenten die een geldigheidsduur van 12 maanden of minder hebben”), il-kliem “temporanji” u “b’validità ta’ 12-il xahar jew inqas” ma japplikawx għal waħda mill-kategoriji ta’ dokumenti li jissemmew fil-punt preċedenti, jiġifieri l-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “temporanji” u “b’validità ta’ 12-il xahar jew inqas” ma humiex marbutin mal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom.

36      Minn dan isegwi li, skont il-kliem tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, dan tal-aħħar ma japplikax għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, kemm jekk huma temporanji jew le u jkun xi jkun it-tul tal-validità tagħhom.

37      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 2252/2004. Fil-fatt, mill-Artikolu 1(3) tal-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-elementi bijometriċi integrati fil-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (Dokument tal-Kunsill Nru 11489/04, tas-26 ta’ Lulju 2004) jirriżulta b’mod partikolari li dan ir-regolament huwa intiż sabiex japplika “għall-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar” b’validità ta’ mill-inqas12-il xahar. “Ma japplikax għall-karti ta’ l-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom”.

38      Fit-tieni lok, għandu jiġi analizzat jekk il-fatt li karta tal-identità, bħall-karta tal-identità Olandiża, tista’ tiġi użata matul vjaġġi fi ħdan l-Unjoni u lejn ċerti Stati terzi jistax idaħħalha fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li karta tal-identità, bħall-karta tal-identità Olandiża, tista’ ċertament tissodisfa l-funzjoni tal-identifikazzjoni tad-detentur tagħha fir-rigward tal-Istati terzi li kkonkludew ftehimiet bilaterali mal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll, skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/38, matul vjaġġi li saru bejn diversi Stati Membri.

40      Madankollu, mill-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, interpretat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 32 sa 37 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda espressament li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom.

41      Konsegwentement, il-fatt li karta tal-identità, bħall-karta tal-identità Olandiża, tista’ tiġi użata matul vjaġġi fi ħdan l-Unjoni u lejn numru limitat ta’ Stati terzi ma tistax tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa minn Stat Membru liċ-ċittadini tiegħu, bħall-karti tal-identità Olandiżi, irrispettivament kemm mit-tul ta’ validità tagħhom kif ukoll mill-possibbiltà li jintużaw matul il-vjaġġi li jsiru barra minn dan l-Istat.

 Fuq it-tieni domandi fil-Kawżi C‑446/12, C‑448/12 u C‑449/12 kif ukoll fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑447/12

43      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri li jiggarantixxu li d-data bijometrika miġbura u maħżuna skont l-imsemmi regolament li mhux ser tkun miġbura, ipproċessata u użata għal finijiet minbarra l-ħruġ tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑447/12, ma hemmx iktar lok li jiġu analizzati d-domandi hekk magħmula ħlief fir-rigward tal-Kawżi C‑446/12, C‑448/12 u C‑449/12.

45      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 jeħtieġ li, bil-għan li jinħareġ passaport jew dokument tal-ivvjaġġar, id-data bijometrika “tinġabar” u “tinħażen” fil-mezz ta’ ħażna integrat f’dawn id-dokumenti. Fir-rigward tal-“użu” ta’ din l-istess data, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, din tal-aħħar tintuża’ biss għall-verifika tal-awtentiċità tal-passaport jew l-identità tad-detentur meta l-passaport jew dokumenti tal-ivvjaġġar oħra huma meħtieġa li jiġu prodotti bil-liġi.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, skont is-sentenza tagħha Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670), li l-użu u l-ħażna ta’ data bijometrika għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament huma konformi mal-ħtiġijiet tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

47      Fir-rigward ta’ kull użu u ħażna oħra ta’ din id-data, mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 li jitratta dwar l-użu tal-imsemmija data biss “għall-finijiet tal-imsemmi regolament”, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 444/2009, li emenda r-Regolament Nru 2252/2004, jirriżulta li l-imsemmija użu u ħażna tad-data ma humiex regolati minn dan ir-regolament tal-aħħar. Fil-fatt, l-imsemmija premessa tistabbilixxi li r-Regolament Nru 2252/2004 huwa x’aktarx applikabbli bla ħsara għal kwalunkwe użu jew ħżin ieħor ta’ din id-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u li ma jistax jikkostitwixxi bażi legali biex ikunu stabbiliti jew miżmuma databases għall-ħżin ta’ dawk id-data fl-Istati Membri, ħaġa li hi ta’ kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

48      B’mod partikolari minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 2252/2004 ma jobbligax Stat Membru li jiggarantixxi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, li d-data bijometrika ser tkun la użata lanqas miżmuma minn dan l-Istat għall-finijiet oħra ħlief dawk intiżi fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 61).

49      Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta (sentenzi Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 20 u 22, kif ukoll Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punti 71 sa 73).

50      Ladarba, f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 2252/2004 ma huwiex applikabbli, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk il-ħażna u l-użu tad-data bijometrika għall-finijiet oħra minbarra dawk intiżi fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament huma konformi mal-imsemmija artikoli tal-Karta.

51      Il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu huma mingħajr ħsara għal analiżi eventwali, mill-qrati nazzjonali, tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali kollha marbuta mal-użu u l-ħażna tad-data bijometrika mad-dritt nazzjonali tagħhom u, jekk ikun il-każ, mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 62).

52      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004, u sempliċement ta’ dan ir-regolament. Sa fejn jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, ma għandux jiġi eżaminat, b’mod awtonomu, jekk l-imsemmija artikoli jaffettwawx il-kuntest legali nazzjonali marbut mal-ħażna u mal-użu ta’ data bijometrika barra mill-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004.

53      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jiggarantixxu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, li d-data bijometrika miġbura u maħżuna skont l-imsemmi regolament li mhux ser tkun miġbura, ipproċessata u użata għal finijiet oħra differenti mill-ħruġ tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar, tali aspett ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa minn Stat Membru liċ-ċittadini tiegħu, bħall-karti tal-identità Olandiżi, irrispettivament kemm mit-tul ta’ validità tagħhom kif ukoll mill-possibbiltà li jintużaw matul il-vjaġġi li jsiru barra minn dan l-Istat.

2)      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jiggarantixxu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, li d-data bijometrika miġbura u maħżuna skont l-imsemmi regolament li mhux ser tkun miġbura, ipproċessata u użata għal finijiet oħra minbarra l-ħruġ tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar, tali aspett ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.