Language of document : ECLI:EU:F:2013:164

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

23 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑123/12

Maria-Pia Palleschi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal awżiljarju — Artikolu 3c tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg — Talba għall-klassifikazzjoni mill-ġdid f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat — Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a ta’ dan, li permezz tiegħu M‑P. Palleschi titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2012, li permezz tagħha awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“Awtorità”) ċaħdet it-talba tagħha ta’ kwalifika mill-ġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. M‑P. Palleschi għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal awżiljarju — Karatteristiċi u għan tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal awżiljarju

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3b)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal awżiljarju — Riklassifikazzjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3b)

3.      Uffiċjali — Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej — Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Possibbiltà ta’ tiġdid skont il-bżonnijiet tal-istituzzjoni kkonċernata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 88)

1.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej jirriżulta li l-għan prinċipali tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal awżiljarju huwa dak li jippermetti l-impjieg ta’ persunal għal żmien determinat, sabiex jiġu koperti bżonnijiet amministrattivi passiġġieri jew okkażjonali, li jistgħu xi kultant ukoll ikunu repetittivi. Il-persunal impjegat b’dan il-mod huwa għalhekk mitlub jew li jeżerċita xogħol li min-natura tiegħu huwa marbut ma’ funzjonijiet mhux permanenti, jew inkella li jimla l-assenza temporanja ta’ uffiċjal permanenti.

(ara l-punt 27)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Marzu 2013, Christoph et vs Il‑Kummissjoni, F‑63/08, punti 68 u 69

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 86, u l‑ġurisprudenza ċċitata

2.      Sabiex il-perijodi mwettqa bħala membru tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju jiġu integrati ma’ perijodi mwettqa bħala membru tal-persunal temporanju, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu juri, minn naħa, li impjiegi li jikkorrispondu għall-funzjonijiet li huwa effettivament eżerċita kienu jinsabu, dak iż-żmien, fit-tabella tal-membri tal-persunal annessa mat-taqsima tal-baġit relatata mal-istituzzjoni kkonċernata u li dawn l-impjiegi kienu disponibbli u, min-naħa l-oħra, li l-funzjonijiet li eżerċita kienu jikkorrispondu konkretament għal xogħol permanenti ddefinit tas-servizz pubbliku.

Fl-assenza ta’ xi dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra li tistabbilixxi modi ta’ prova, il-membru tal-persunal ikkonċernat jista’ juri li wettaq xogħol ta’ natura permanenti fis-servizz pubbliku tal-Unjoni permezz ta’ kull mezz, inkluż permezz ta’ grupp ta’ indizzji konkordanti. Min-naħa l-oħra, sempliċi allegazzjonijiet mhux ikkorraborati ta’ provi rilevanti ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti għall-finijiet ta’ riklassifikazzjoni tal-kuntratt.

(ara l-punti 28 u 31)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Novembru 2009, Palazzo vs Il‑Kummissjoni, F‑57/08, punti 44 sa 48

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Adjemian et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Fil-kuntest ta’ amministrazzjoni b’numru kbir ta’ ħaddiema, huwa inevitabbli li xi bżonnijiet ta’ natura amministrattiva passiġġiera jew okkażjonali, marbuta ma’ xogħol temporanju jew urġenti, jkunu ripetuti fiż-żmien. Tali ċirkustanzi ma jipprekludux madankollu lid-dipartimenti kkonċernati milli jimpjegaw, għal perijodi determinati, persuni li jkollhom il-kwalifiki jew il-kapaċitajiet speċifiċi li jikkorrispondu għal dawn il-bżonnijiet. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu fil-fatt raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw kemm iż-żmien determinat tal-kuntratti tal-membri tal-persunal awżiljarji jew it-tiġdid tal-ħatra tagħhom skont, każ b’każ, il-kontinwazzjoni jew l-eżistenza ta’ dawn il-bżonnijiet.

(ara l-punt 30)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2002, Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, T‑137/99 u T‑18/00, punt 95, u s-sentenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Christoph et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata