Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2021 – TestBioTech vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-606/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: TestBioTech eV (München, il-Ġermanja) (rappreżentant: K. Smith, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-8 ta’ Lulju 2021 li tirrifjuta li tirrevoka jew li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/66 1 tal-konvenuta li permezz tagħha Monsanto Europe SA ġiet awtorizzata, taħt ir-Regolament GM 2 , tikkummerċjalizza fl-Unjoni sojja modifikata ġenetikament MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788 u s-subkombinazzjonijiet tagħhom;

tordna kwalunkwe miżura meqjusa xierqa, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-konvenuta meta ma qisitx jew qieset b’mod insuffiċjenti l-impatt potenzjali fuq l-espressjoni ġenika tal-istivar tal-ġeni flimkien mal-applikazzjonijiet tal-erbiċida u/jew billi ma talbitx evalwazzjoni adegwata taħt il-kundizzjonijiet reali tal-applikazzjoni repetuta u/jew applikazzjoni estiża taż-żewġ erbiċidi li għalihom is-sojja modifikata tippreżenta tolleranza.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-konvenuta billi ma qisitx jew qieset b’mod insuffiċjenti l-potenzjal ta’ tossiċità, ta’ immunoġeniċità u/jew ta’ allerġeniċità tas-sojja modifikata li jirriżulta mill-effetti sinerġistiċi bejn il-proteini li huma intiżi li jiġu espressi permezz tal-modifika, tal-inibitur tal-proteażi preżenti b’mod naturali fis-sojja u tal-espożizzjoni għall-erbiċida u/jew għar-residwi ta’ erbiċida fil-ħsad u/jew billi ma talbitx li jsiru testijiet bħala għalf għall-annimali tal-istivar.

____________

1     ĠU 2021, L 26, p. 44.

1     Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).