Language of document : ECLI:EU:C:2021:598

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Lulju 2021 (*)

“Appell – Artikolu 194(1) TFUE – Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika – Direttiva 2009/73/KE – Suq intern tal-gass naturali – Artikolu 36(1) – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet għal deroga tal-pipeline tal-gass OPAL mir-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u mir-regolamentazzjoni tariffarja wara li saret talba mill-awtorità regolatorja Ġermaniża – Rikors għal annullament”

Fil-Kawża C‑848/19 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑20 ta’ Novembru 2019,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti, assistiti minn H. Haller, T. Heitling, L. Reiser u V. Vacha, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Kawnik u M. Nowacki, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Latvja, inizjalment irrappreżentata minn K. Pommere, V. Soņeca u E. Bārdiņš, sussegwentement minn K. Pommere, V. Kalniņa u E. Bārdiņš, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn R. Dzikovič u K. Dieninis, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, C. Toader (Relatriċi), D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2021,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Settembru 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑883/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:567), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 final tat‑28 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet għal deroga tal-linja ta’ konnessjoni tal-pipeline tal-gass tal-Baħar Baltiku (iktar ’il quddiem il-“pipeline tal-gass OPAL”) mir-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u mir-regolamentazzjoni tariffarja, mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Id-Direttiva 2003/55 ġiet imħassra u ssostitwita permezz tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).

3        L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73, intitolat “L-aċċess għal partijiet terzi” identiku għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ aċċess għal parti terza għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u faċilitajiet tal-[Liquid Natural Gass (LNG)] abbażi ta’ tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha, inklużi l-impriżi ta’ forniment u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi — u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.      L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikollhom aċċess għan-network ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni oħrajn, jekk dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom inkluż f’relazzjoni ma’ trasmissjoni transkonfinali.

3.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jipprevjenu l-konklużjoni ta’ appalti fit-tul sa fejn dawn iħarsu r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.”

4        L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, intitolat “Infrastruttura ġdida” li ssostitwixxa l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, jinqara kif ġej:

“1.      Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ LNG jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu definit ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 32, 33 u 34, u l-Artikoli 41(6), (8) u (10) taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura;

(b)      il-livell tar-riskju għall-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm-il darba ma tingħatax eżenzjoni;

(c)      l-infrastruttura għandha tkun il-proprjetà ta’ persuna naturali jew legali li hija separata għall-inqas f’termini tal-forma legali tagħha, mill-operatur tas-sistema li fis-sistemi tiegħu sejra tinbena dik l-infrastruttura;

(d)      id-drittjiet jiġu imposti fuq l-utenti ta’ dik l-infrastruttura; u

(e)      l-eżenzjoni m’hix detrminetali għall-kompetizzjoni jew għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali jew il-funzjonament effettiv tas-sistema regolata li l-infrastruttura hija mqabbda magħha.

[…]

3.      L-awtorità regolatorja [nazzjonali] tista’, fejn ikun il-każ, tiddeċiedi dwar l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

[…]

6.      Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-infrastruttura l-ġdida, jew tal-infrastruttura eżistenti b’kapaċità miżjuda b’mod sinifikanti.

Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandu jitqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, għall-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-durata tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Meta tittieħed deċiżjoni rigward dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità żejda li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-medda ta’ żmien prevista għall-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

[…]

8.      L-awtorità regolatorja għandha tibgħat lill-Kummissjoni minnufih kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tingħata lill-Kummissjoni f’forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha:

(a)      ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, taw jew irrifjutaw eżenzjoni flimkien ma’ referenza għall-paragrafu 1 inklużi l-punt jew punti relevanti ta’ dak il-paragrafu li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

(b)      l-analiżi li tikun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-operat effettiv tas-suq intern tal-gass li jirriżultaw mill-għotja tal-eżenzjoni;

(c)      ir-raġunijiet għall-perijodu ta’ żmien u s-sehem tal-kapaċità totali tal-infrastruttura tal-gass in kwistjoni li għaliha ngħatat l-eżenzjoni;

(d)      f’każ li l-eżenzjoni tirrigwarda interkonnettur, ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati; u

(e)      il-kontribut tal-infrastruttura għad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-gass.

9.      Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li l-awtorità regolatorja temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada tar-riċezzjoni tal-informazzjoni kompleta. Il-perijodu inizjali ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż ukoll bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja.

[…]

L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tirtira d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni fi żmien xahar, u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif ikun meħtieġ.

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

5        L-Artikolu 28a(1) tal-Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz – EnWG) (il-Liġi dwar il-Provvista ta’ Elettriku u ta’ Gass) tas‑7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1970), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-każ, tippermetti lill-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja), b’mod partikolari, li teżenta l-interkonnessjonijiet bejn il-Ġermanja u Stati oħra mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess minn terzi. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6        Għall-finijiet tal-proċedura preżenti, il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jissemmew fil-punti 5 sa 18 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

7        Fit‑13 ta’ Marzu 2009, l-Aġenzija Federali tan-Networks ikkomunikat lill-Kummissjoni b’żewġ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Frar 2009, li jeskludu għal perijodu ta’ 22 sena l-kapaċitajiet ta’ trasport transkonfinali tal-proġett tal-pipeline tal-gass OPAL, li hija s-sezzjoni terrestri, fil-punent, tal-pipeline Nord Stream 1, mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess minn terzi previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55, riprodotti fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73, u tar-regoli tariffarji previsti fl-Artikolu 25(2) sa (4) ta’ din l-ewwel direttiva. Iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw l-ishma miżmuma miż-żewġ proprjetarji tal-pipeline tal-gass OPAL. Il-kumpannija li topera s-sehem ta’ 80 % tal-imsemmi pipeline tal-gass OPAL li tappartjeni lil wieħed minn dawn iż-żewġ proprjetarji hija OPAL Gastransport GmbH Co. KG (iktar ’il quddiem “OGT”).

8        Permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 4694 tat‑12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Federali tal-Networks, bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2003/55, li sar l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, biex tbiddel id-deċiżjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009 billi fiha żżid żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet tirrigwarda projbizzjoni, għal impriża dominanti fuq wieħed jew diversi swieq kbar tal-gass naturali, milli tirriżerva, matul sena, iktar minn 50 % tal-kapaċitajiet ta’ trasport tal-pipeline tal-gass OPAL għall-fruntiera Ċeka. It-tieni kundizzjoni kienet tintroduċi eċċezzjoni għal dan il-limitu, li seta’ jinqabeż fil-każ li l-impriża kkonċernata tittrasferixxi lis-suq volum ta’ 3 biljuni m³/sena ta’ gass fuq il-pipeline OPAL, skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja sa fejn, minn naħa, il-kumpannija li tamministra l-pipeline jew l-impriża obbligata twettaq il-programm tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-kapaċità ta’ trasport korrispondenti u l-libertà ta’ għażla tal-punt ta’ ħruġ u, min-naħa l-oħra, il-forma tal-programmi ta’ trasferiment ta’ gass u ta’ trasferiment ta’ kapaċità huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Aġenzija Federali tan-Networks.

9        Fis‑7 ta’ Lulju 2009, l-Aġenzija Federali tan-Networks emendat id-deċiżjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, billi adattathom għall-imsemmija kundizzjonijiet, u tat id-deroga mir-regoli dwar l-aċċess minn terzi u mir-regolamentazzjoni tariffarja għal perijodu ta’ 22 sena fuq il-bażi tad-Direttiva 2003/55.

10      Fil-konfigurazzjoni teknika tal-pipeline tal-gass OPAL, li daħal fis-servizz mit‑13 ta’ Lulju 2011, il-gass naturali jista’ jiġi pprovdut fil-punt ta’ dħul ta’ dan il-pipeline tal-gass qrib Greifswald (il-Ġermanja) biss permezz tal-pipeline tal-gass Nord Stream 1, użat mill-grupp Gazprom sabiex jittrasporta l-gass ta’ provenjenza minn depożiti Russi. Peress li Gazprom ma implimentatx il-programm ta’ trasferiment ta’ gass imsemmi fid-Deċiżjoni C(2009)4694, il-50 % mhux irriżervati tal-kapaċità tal-pipeline tal-gass OPAL qatt ma ntużaw.

11      Fit‑12 ta’ April 2013, il-kumpanniji OGT, OAO Gazprom u Gazprom Export OOO talbu formalment lill-Aġenzija Federali tan-Networks biex temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-deroga mogħtija permezz tad-deċiżjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009.

12      Wara din it-talba, fit‑13 ta’ Mejju 2016, l-Aġenzija Federali tan-Networks ikkomunikat lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, l-intenzjoni tagħha li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-deroga mogħtija mid-deċiżjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009 dwar il-parti tal-pipeline tal-gass OPAL operata minn OGT. L-emenda prevista mill-Aġenzija Federali tan-Networks kienet tikkonsisti, essenzjalment, fis-sostituzzjoni tal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet li jistgħu jiġu rriżervati minn impriżi dominanti, imposta b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni C(2009) 4694, permezz tal-obbligu, għal OGT, li toffri fil-kuntest ta’ bejgħ bl-irkant tal-inqas 50 % tal-kapaċità ta’ operat tagħha fil-punt ta’ ħruġ ta’ Brandov (ir-Repubblika Ċeka).

13      Fit‑28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, id-deċiżjoni kontenzjuża indirizzata lill-Aġenzija Federali tan-Networks u ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni fit‑3 ta’ Jannar 2017.

14      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni approvat l-emendi tas-sistema derogatorja, previsti mill-Aġenzija Federali tan-Networks, taħt ċerti riżervi, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-ewwel, il-limitazzjoni tal-offerta inizjali ta’ kapaċitajiet imqiegħda għall-irkant għal 3 200 000 kWh/h (madwar 2.48 biljun m³ fis-sena) ta’ kapaċitajiet fissi attribwibbli liberament, u għal 12 664 532 kWh/h (madwar 9.83 biljun m³ fis-sena) ta’ kapaċitajiet fissi attribwibbli dinamikament, it-tieni, iż-żieda fil-volum tal-kapaċitajiet fissi attribwibbli liberament imqiegħda għall-irkant, li kellhom jiġu fis-seħħ, għas-sena segwenti, mill-mument li d-domanda kienet teċċedi, waqt tqegħid għall-irkant annwali, 90 % tal-kapaċitajiet offerti u li kellha sseħħ permezz ta’ porzjonijiet ta’ 1 600 000 kWh/h (madwar 1.24 biljun m³ fis-sena), sa limitu massimu ta’ 6 400 000 kWh/h (madwar 4.97 biljun m³ fis-sena), u, it-tielet, li impriża jew grupp ta’ impriżi b’pożizzjoni dominanti fir-Repubblika Ċeka jew li jikkontrollaw iktar minn 50 % tal-gass li jasal Greifswald tkun tista’ tipparteċipa fl-irkant ta’ kapaċitajiet fissi attribwibbli liberament biss għall-prezz bażiku, li ma kellux ikun ogħla mill-prezz bażiku medju tat-tariffa rregolata fuq in-network ta’ trasport taż-żona Gaspool, li tinkludi t-Tramuntana u l-Lvant tal-Ġermanja, lejn ir-Repubblika Ċeka għal prodotti paragunabbli fl-istess sena.

15      Fit‑28 ta’ Novembru 2016, l-Aġenzija Federali tal-Networks emendat id-deroga mogħtija mid-Deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009 fir-rigward tas-sehem tal-pipeline tal-gass OPAL operat minn OGT, konformement mad-deċiżjoni kontenzjuża, billi kkonkludiet ma’ din l-aħħar impriża kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, li, taħt id-dritt Ġermaniż, jaqdi l-funzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja invokat sitt motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà; it-tieni wieħed, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva; it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(b) tal-imsemmija direttiva; ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) u (e) tal-istess direttiva; il-ħames wieħed, fuq il-ksur ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom hija parti l-Unjoni Ewropea; u, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

18      Il-Qorti Ġenerali aċċettat l-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u dawk tar-Repubblika tal-Latvja u tar-Repubblika tal-Litwanja insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

19      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, fuq il-bażi tal-ewwel motiv, mingħajr ma tat deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra mqajma, u kkundannat lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

20      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ewwel motiv, wara li, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, ċaħdet dan il-motiv bħala ineffettiv, sa fejn kien ibbażat fuq l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif ifformulat fl-Artikolu 194(1) TFUE. Fir-rigward tal-portata ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata, li din tinvolvi obbligu ġenerali, għall-Unjoni u għall-Istati Membri, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-atturi kollha li jistgħu jkunu kkonċernati, b’mod li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, li jevitaw li jieħdu miżuri li jistgħu jaffettwaw dawn l-interessi, fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, tal-vijabbiltà ekonomika u politika tagħha u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista, u dan sabiex tiġi fis-seħħ l-interdipendenza u s-solidarjetà de facto tagħhom.

21      Waqt l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tikser il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, li din id-deċiżjoni ppreġudikatha, sa fejn, l-ewwel, il-Kummissjoni ma wettqitx eżami tal-effetti tal-bidla fis-sistema ta’ operat tal-pipeline tal-gass OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista mill-Polonja u, it-tieni, ma jidhirx li din l-istituzzjoni kienet eżaminat liema setgħu jkunu l-konsegwenzi, fi żmien medju, b’mod partikolari għall-politika fil-qasam tal-enerġija tar-Repubblika tal-Polonja, tat-trasferiment lejn ir-rotta ta’ tranżitu Nord Stream 1/OPAL ta’ parti mill-volumi ta’ gass naturali ttrasportati preċedentement mill-pipelines tal-gass Yamal u Braterstwo, u lanqas li kienet ibbilanċjat dawn l-effetti maż-żieda fis-sigurtà ta’ provvista fil-livell tal-Unjoni kkonstatata minnha.

 It-talbiet tal-partijiet

22      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tirriżerva l-ispejjeż.

23      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala infondat u, fir-rigward tat-tielet aggravju, bħala inammissibbli, u

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

24      Ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja, intervenjenti fl-ewwel istanza, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

25      Il-Kummissjoni, li ma ssottomettietx risposta bis-saħħa tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talbet lil din tal-aħħar, fil-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jogħġobha tilqa’ l-ewwel aggravju.

 Fuq l-appell

26      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem ħames aggravji.

 L-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata fil-liġi tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

 L-argumenti tal-partijiet

27      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, iddikjarat fl-Artikolu 194(1) TFUE, ma għandux effett vinkolanti, fis-sens li ma jinvolvix drittijiet u obbligi għall-Unjoni u l-Istati Membri. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan huwa kunċett astratt, purament politiku, u mhux kriterju ġuridiku li fid-dawl tiegħu l-validità ta’ att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi evalwata. Huwa biss permezz ta’ konkretizzazzjoni fid-dritt sekondarju li tali prinċipju jista’ jsir kriterju ġuridiku li għandu jiġi implimentat u applikat mill-organi eżekuttivi. Dan jirriżulta mill-fatt li l-għan tad-dritt primarju ma huwiex li jiġu stabbiliti kriterji ġuridiċi li jistgħu jiġu invokati quddiem qorti, iżda li jiġi ddefinit politikament il-qafas ġenerali li fih tiżviluppa l-Unjoni kif ukoll l-għanijiet tagħha, fejn dawn tal-aħħar jiġu segwiti u kkonkretizzati mir-regolamenti u mid-direttivi.

28      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta eżaminat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73, peress li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-uniku kriterju ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-imsemmija dispożizzjoni, li tagħti kontenut ġuridiku konkret lill-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, teżiġi li tkun biss is-sigurtà tal-provvista li għandha tiġi vverifikata. Għall-kuntrarju, aspetti astratti oħra tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jistgħux jiġu invokati quddiem qorti.

29      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ma jeżistux indizji li jissuġġerixxu obbligu għall-Kummissjoni, bħala organu eżekuttiv tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika bħala tali, li jmur lil hinn mill-konkretizzazzjoni tiegħu fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73, fejn l-iktar li dan il-prinċipju jista’ jorbot huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni.

30      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja, issostni li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat.

31      B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, li għalih jirreferi l-Artikolu 194(1) TFUE, jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Skont dan l-Istat Membru, fil-ġerarkija tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji ġenerali jinsabu fuq l-istess livell bħad-dritt primarju. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-atti tad-dritt sekondarju għandhom jiġu interpretati, u l-legalità tagħhom għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-imsemmi prinċipju. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 jikkostitwixxi l-uniku kriterju ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija żbaljata.

32      Għalhekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-prinċipju ta’ solidarjetà ma jorbotx biss lill-Istati Membri, iżda wkoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-Kummissjoni, li, bħala gwardjana tat-Trattati, għandha tħares l-interess ġenerali tal-Unjoni.

33      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li s-sigurtà ta’ provvista tal-gass tal-Unjoni, li huwa wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, għandha tiġi żgurata konformement mal-prinċipju ta’ solidarjetà previst fl-Artikolu 194(1) TFUE, peress li dan il-prinċipju jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u f’dan il-każ tad-deċiżjoni kontenzjuża. Minn dan isegwi li l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li huma intiżi li jnaqqsu l-imsemmi prinċipju għal kunċett purament politiku, ma humiex fondati.

34      Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfittex b’mod żbaljat li tnaqqas il-portata u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika filwaqt li l-Artikolu 194(1) TFUE, li huwa dispożizzjoni tad-dritt primarju, jimponi obbligi fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jipprekludi lill-Istati Membri milli jieħdu ċerti miżuri li jostakolaw il-funzjonament tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri josservaw il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika meta jiġi implimentat l-Artikolu 36(8) tad-Direttiva 2009/73.

35      Ir-Repubblika tal-Litwanja tikkontesta wkoll il-klassifikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika sostnuta fl-appell. Skont dan l-Istat Membru, dan il-prinċipju jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, u mill-prinċipju ta’ solidarjetà, stabbilit fl-Artikolu 3(3) TUE. Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jista’ jiġi invokat fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE.

36      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġiet mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tesprimi ruħha fuq l-ewwel aggravju. Din l-istituzzjoni affermat li taqbel mal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma huwiex kriterju ġuridiku awtonomu li jista’ jiġi invokat sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ att. Skont il-Kummissjoni, dan il-prinċipju huwa impost biss fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni meta jadotta att ta’ dritt sekondarju. Il-Kummissjoni, bħala organu eżekuttiv, hija marbuta biss bir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73 u l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jista’ jipprovdi biss kriterju li fid-dawl tiegħu jiġu interpretati r-regoli tad-dritt sekondarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      L-Artikolu 194(1) TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jitħares u jittejjeb l-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija hija intiża, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni, li tippromwovi l-effikaċja enerġetika u l-ekonomiji tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp tal-enerġiji ġodda u li jiġġeddu, u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks enerġetiċi (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għalhekk, l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi espressjoni speċifika, fil-qasam tal-enerġija, tal-prinċipju ta’ solidarjetà, li jikkostitwixxi huwa stess wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

39      Fil-fatt, minbarra l-Artikolu 194(1) TFUE, diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati jirreferu għall-prinċipju ta’ solidarjetà. Fir-rigward tat-Trattat UE, fil-preambolu tiegħu, l-Istati Membri jiddikjaraw li, billi joħolqu l-Unjoni, huma għandhom l-intenzjoni “li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom”. Is-solidarjetà tissemma wkoll fl-Artikolu 2 TUE, bħal waħda mill-karatteristiċi ta’ soċjetà bbażata fuq valuri komuni għall-Istati Membri, u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni tippromwovi, b’mod partikolari, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Konformement mal-Artikolu 21(1) TUE, is-solidarjetà hija wkoll wieħed mill-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni u, skont l-Artikolu 24(2) u (3) TUE, hija tinsab fost id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni bħala “solidarjetà politika reċiproka” tal-Istati Membri.

40      Fir-rigward tat-Trattat FUE, l-Artikolu 67(2) tiegħu jsemmi espressament is-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ażil, tal-immigrazzjoni u tal-kontroll tal-fruntieri esterni, fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju f’dan il-qasam hija kkonfermata fl-Artikolu 80 TFUE. Fit-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, speċifikament fil-Kapitolu 1 iddedikat għall-politika ekonomika, l-Artikolu 122(1) TFUE jirreferi wkoll b’mod espliċitu għall-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li għadu jinsab fl-Artikolu 222 TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaġixxu flimkien fi spirtu ta’ solidarjetà meta Stat Membru jkun is-suġġett ta’ attakk terroristiku jew il-vittma ta’ katastrofi.

41      Għaldaqstant, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ solidarjetà huwa l-bażi tas-sistema legali kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 39/72, EU:C:1973:13, punt 25, u tas‑7 ta’ Frar 1979, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, 128/78, EU:C:1979:32, punt 12) u huwa marbut mill-qrib mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li bis-saħħa tiegħu l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw lil xulxin u jgħinu lil xulxin reċiprokament fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li dan il-prinċipju ma jobbligax biss lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni, iżda jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet tagħha dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Union des industries de la protection des plantes, C‑514/19, EU:C:2020:803, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dak li jirrigwarda l-allegata natura astratta tal-prinċipju ta’ solidarjetà, invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex issostni li dan ma jistax jintuża fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, irreferiet espressament għall-prinċipju ta’ solidarjetà msemmi fl-Artikolu 80 TFUE sabiex tasal għall-konstatazzjoni li, essenzjalment, xi Stati Membri kienu naqsu milli jwettqu wħud mill-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri, tal-ażil u tal-immigrazzjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 291, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 80 u 181).

43      Issa, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ solidarjetà li jinsab fl-Artikolu 194(1) TFUE ma jistax, bħala tali, jipproduċi effett legali vinkolanti għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-prinċipju, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni u mill-istruttura nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-bażi tal-għanijiet kollha tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, billi jiġborhom u jagħtihom koerenza.

44      Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż mill-Kummissjoni taħt din il-politika, għandhom jiġu interpretati, u l-legalità tagħhom evalwata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

45      F’dan ir-rigward, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jista’ l-iktar l-iktar jorbot lil-leġiżlatur tal-Unjoni, u mhux lill-Kummissjoni bħala organu eżekuttiv, ma jistax jintlaqa’. Dan il-prinċipju, bħall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

46      Għaldaqstant, kuntrarjament għall-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 jikkonkretizza l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika fid-dritt sekondarju u, konsegwentement, huwa l-uniku artikolu li fir-rigward tiegħu għandha tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat għall-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern tal-gass naturali.

47      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 u 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi prinċipju ma jistax, barra minn hekk, jiġi assimilat jew limitat għar-rekwiżit li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, imsemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73, li huwa biss wieħed mill-manifestazzjonijiet tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, peress li l-Artikolu 194(1) TFUE jiddikjara, fil-punti (a) sa (d) tiegħu, erba’ għanijiet differenti li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, jagħmlu parti mill-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva ma tistax tinqara fis-sens li jillimita l-portata tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imsemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE, li, kif ġie enfasizzat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jirregola l-politika kollha tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija.

48      Konsegwentement, l-assenza ta’ riferiment, fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73, għall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma kienx jeżenta lill-Kummissjoni milli teżamina l-effett tiegħu fuq il-miżuri derogatorji adottati permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju ta’ solidarjetà jinvolvi drittijiet u obbligi kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri, peress li l-Unjoni hija marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istati Membri u dawn tal-aħħar huma marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà bejniethom u fir-rigward tal-interess komuni tal-Unjoni u tal-politika mħaddna minnha.

50      Din il-konstatazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argument żviluppat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li skontu hija ma kinitx irċeviet informazzjoni dwar ir-riskju għas-sigurtà tal-provvista fis-suq Pollakk tal-gass, liema fatt jiġġustifika l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

51      Fil-fatt, tali assenza ta’ komunikazzjoni spontanja ta’ informazzjoni dwar ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista fis-suq Pollakk tal-gass ma tistax tiġġustifika l-assenza ta’ eżami min-naħa tal-Kummissjoni tal-impatt li d-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jkollha fuq is-suq tal-gass tal-Istati Membri li jistgħu jkunu kkonċernati.

52      Għalhekk, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jeżiġi li l-Kummissjoni tivverifika jekk jeżistix perikolu għall-provvista tal-gass fis-swieq tal-Istati Membri, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73.

53      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-Kummissjoni, iwettqu bilanċ tal-interessi involuti fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-Unjoni kollha kemm hi.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

 L-argumenti tal-partijiet

55      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-prinċipju ta’ solidarjetà jinkludi obbligu ġenerali, għall-Unjoni u għall-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kollha li jistgħu jkunu kkonċernati.

56      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika huwa mekkaniżmu ta’ urġenza, li għandu jintuża biss f’każijiet eċċezzjonali u li jimplika, f’tali każijiet, obbligu ta’ assistenza inkundizzjonata, li jipprevedi “lealtà inkundizzjonata”. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-prinċipju lil hinn mill-każijiet eċċezzjonali jkollu bħala konsegwenza li t-teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan l-Unjoni jiġi ostakolat jew prekluż, peress li l-perspettivi u l-għanijiet differenti jistgħu biss rarament jiġu kkonċiljati. Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-interessi tar-Repubblika tal-Polonja huma differenti minn dawk tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tad-deċiżjoni kontenzjuża.

57      L-imsemmi prinċipju jimplika għalhekk biss dmir ta’ assistenza fil-każ ta’ katastrofi jew ta’ kriżi. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn qari flimkien tal-Artikolu 3(3) TUE u tal-Artikolu 222 TFUE.

58      Anki jekk ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU 2017, L 280, p. 1), ma kienx għadu applikabbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, l-Artikolu 13 tiegħu juri li d-dmir ta’ assistenza, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, għandu jiġi applikat biss bħala l-aħħar istanza, fil-każ ta’ urġenza assoluta.

59      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ttiħditx f’tali kuntest ta’ urġenza, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika. Minn dan hija tikkonkludi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata peress li hija bbażata biss fuq l-allegata assenza ta’ riferiment għal dan il-prinċipju fid-deċiżjoni kontenzjuża.

60      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Latvja u mir-Repubblika tal-Litwanja, issostni li t-tieni aggravju huwa infondat.

61      B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti li l-Artikolu 194(1) TFUE jimponi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-kuntest ta’ kull azzjoni li taqa’ taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, mingħajr ma dan l-obbligu jkun limitat għall-azzjoni fi żmien ta’ kriżi. Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, huwa preferibbli li jiġu evitati s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi milli dawn jiġu rrimedjati.

62      Barra minn hekk, l-analoġija magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bejn l-Artikolu 194 TFUE u l-Artikolu 22 TFUE ma hijiex korretta sa fejn il-mekkaniżmi speċjali u ta’ emerġenza, bħal dawk previsti fl-Artikoli 122 u 222 TFUE, għandhom natura u għanijiet distinti minn dawk tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, previst fl-Artikolu 194 TFUE.

63      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-mekkaniżmi tar-Regolament 2017/1938 juru li d-dmir ta’ assistenza għandu jiġi applikat biss fl-aħħar istanza, dan huwa wkoll żbaljat. Fil-fatt, dan ir-regolament jipprevedi miżuri preventivi u mekkaniżmi ta’ urġenza applikabbli f’każ ta’ kriżi. F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li kieku d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi applikata jkunu jeżistu riskji reali għas-sigurtà tal-provvista enerġetika tal-Polonja u tal-Istati tar-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ Gazprom fis-suq tal-provvista tal-gass.

64      Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma japplikax biss sabiex jiġu indirizzati każijiet eċċezzjonali meta jseħħu, iżda jimplika wkoll l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi. Dan il-prinċipju ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi “lealtà inkundizzjonata”, iżda għandu jinftiehem bħala li jimplika li l-proċess deċiżjonali jieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-Istati ġirien u tar-reġjun u josserva l-għanijiet komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa, fid-deċiżjoni kontenzjuża, jekk l-emendi proposti mill-awtorità regolatorja Ġermaniża setgħux jaffettwaw l-interessi enerġetiċi tal-Istati Membri li jistgħu jkunu kkonċernati.

65      Ir-Repubblika tal-Litwanja tikkontesta wkoll l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni stretta wisq tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, li la hija konformi mat-test tal-Artikolu 194 TFUE u lanqas mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

66      Il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha dwar it-tieni aggravju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 194 TFUE ma tinkludi ebda indikazzjoni li, fil-qasam tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika huwa limitat għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 222 TFUE. Għall-kuntrarju, l-ispirtu ta’ solidarjetà msemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE għandu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, jiggwida kull azzjoni li tikkonċerna l-politika tal-Unjoni f’dan il-qasam.

68      Tali konstatazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-Artikolu 222 TFUE, li jintroduċi klawżola ta’ solidarjetà li bis-saħħa tagħha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaġixxu flimkien fi spirtu ta’ solidarjetà jekk Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew il-vittma ta’ katastrofi naturali jew ta’ oriġini umana. Fil-fatt, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 126 u 127 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 194(1) TFUE u l-Artikolu 222 TFUE jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti u huma intiżi li jilħqu għanijiet differenti.

69      Għalhekk, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imsemmi fl-Artikolu 194 TFUE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u, b’mod partikolari, ta’ dak tal-gass naturali, billi jiżgura s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni, li jimplika mhux biss li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, meta dawn iseħħu, iżda wkoll li jiġu adottati miżuri intiżi li jipprevjenu s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskji għall-interessi enerġetiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni, u b’mod partikolari għas-sigurtà tal-provvista enerġetika, sabiex isir l-ibbilanċjar li għalih isir riferiment fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

70      Barra minn hekk, fir-rigward tar-Regolament 2017/1938, invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tal-argument tagħha li d-dmir ta’ assistenza għandu jiġi applikat biss fl-aħħar istanza, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament jipprevedi żewġ kategoriji ta’ miżuri, waħda ta’ prevenzjoni, intiża li tevita li jseħħu sitwazzjonijiet eventwali ta’ kriżi, u l-oħra ta’ urġenza, previsti fil-każ li jkun hemm sitwazzjoni ta’ kriżi.

71      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 71 sa 73 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jinkludi obbligu ġenerali, għall-Unjoni u għall-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom skont il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-atturi kollha li jistgħu jkunu kkonċernati billi jevitaw li jieħdu miżuri li jistgħu jaffettwaw l-interessi tagħhom, fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, tal-vijabbiltà ekonomika u politika u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tagħhom, u dan bil-għan li jassumu l-interdipendenza u s-solidarjetà de facto tagħhom.

72      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kieku l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika kien applikabbli barra mis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, tiġi imposta “lealtà inkundizzjonata” fuq l-Unjoni u l-Istati Membri, li xxekkel kull deċiżjoni fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni tistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

73      Fil-fatt, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, mhux imsemmi fl-appell, il-Qorti Ġenerali affermat, ġustament, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma tfissirx li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija f’ebda każ ma għandu jkollha effetti negattivi fuq l-interessi partikolari ta’ Stat Membru f’dan il-qasam. Madankollu, kif ġie enfasizzat fil-punti 53 u 69 ta’ din is-sentenza, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika, l-interessi kemm tal-Unjoni kif ukoll tad-diversi Stati Membri li jistgħu jkunu kkonċernati u għandhom jibbilanċjaw dawn l-interessi fil-każ ta’ kunflitti.

74      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

 L-argumenti tal-partijiet

75      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika bħala kriterju applikabbli għad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, permezz tat-tielet aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali injorat, l-ewwel, il-fatt li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni dan il-prinċipju waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u t-tieni, li din l-istituzzjoni ma kinitx obbligata tindika fid-dettall il-mod kif hija kienet ħaditha inkunsiderazzjoni.

76      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, peress li hija ma wettqitx eżami tal-effetti tal-bidla fis-sistema ta’ operat tal-pipeline tal-gass OPAL fuq is-sigurtà ta’ provvista fis-suq Pollakk tal-gass.

77      Issa, skont l-appellanti, din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradetta, l-ewwel, mill-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jinkludi b’mod partikolari l-preżentazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja ta’ osservazzjonijiet bil-miktub qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din tal-aħħar, it-tieni, mill-istudju mwettaq minn grupp ta’ ħidma, kompost minn rappreżentanti tal-Ministeru għall-Enerġija tal-Federazzjoni Russa u tal-Kummissjoni, dwar sfruttament iktar effikaċi tal-pipeline tal-gass OPAL, kif jirriżulta mill-punt 17 tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tielet, mill-kontenut ta’ stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni fuq is-suq tal-gass fl-Ewropa, kif jirriżulta wkoll mill-punti 80 sa 88 tal-imsemmija deċiżjoni, u, ir-raba’, mill-verifika mill-Kummissjoni tas-sigurtà ta’ provvista waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ deroga taħt l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73.

78      Barra minn hekk, bejn ir-Repubblika tal-Polonja u Gazprom jeżisti kuntratt ta’ tranżitu għat-trasport ta’ gass naturali permezz tat-taqsima Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal sabiex tingħata provvista, sas-sena 2020, lis-swieq tal-Ewropa tal-Punent, inkluż is-suq Pollakk, kif ukoll kuntratt bejn l-ikbar fornitur ta’ enerġija Pollakk u Gazprom għal kunsinni ta’ gass naturali sa tmiem is-sena 2022.

79      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-Repubblika tal-Polonja tfittex, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ dan il-fornitur ta’ enerġija Pollakka, l-indipendenza fir-rigward tal-gass Russu sal-medda ta’ snin 2022/2023.

80      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li d-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, ittejjeb il-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mid-Deċiżjoni C(2009) 4694, li kontriha dan l-aħħar Stat Membru seta’ ppreżenta rikors. Min-naħa l-oħra, il-pipeline tal-gass OPAL jikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern tal-gass naturali billi jipprovdi vantaġġi għall-kummerċ transkonfinali u s-sigurtà ta’ provvista.

81      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li t-tielet aggravju huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż li jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet ta’ fatt.

82      Fuq il-mertu, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja, issostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll waqt il-proċess ta’ adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni wettqet eżami tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika fil-kuntest tat-tibdil fis-sistema operattiva tal-pipeline tal-gass OPAL, prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża, u tal-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni fuq is-suq Pollakk tal-gass.

84      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-istituzzjoni ma kkontestatx l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li sostniet li, fl-opinjoni tagħha, hija ma kinitx obbligata twettaq l-evalwazzjoni tar-riskji għall-interessi tal-Istati Membri li jistgħu jkunu kkonċernati u lanqas, għaldaqstant, l-ibbilanċjar ta’ dawn l-interessi minħabba l-fatt li hija vverifikat b’mod globali jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tippreżenta theddida għall-pipelines tal-gass alternattivi, u kkonstatat li dan ma kienx il-każ.

85      F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi, b’tali mod li l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

86      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ parti mill-argumenti tagħha taħt it-tielet aggravju, tipprova tikkontesta evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali.

87      Iktar preċiżament, sa fejn hija tinvoka elementi fattwali marbuta mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jew saħansitra li jkunu seħħew wara din l-adozzjoni, bil-għan li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza, f’din l-istess deċiżjoni, ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-bidla fis-sistema ta’ operat tal-pipeline tal-gass OPAL, proposta mill-awtorità regolatorja Ġermaniża, setgħetx taffettwa l-interessi fil-qasam tal-enerġija tal-Istati Membri li jistgħu jkunu kkonċernati, l-appellanti sempliċement tqiegħed inkwistjoni l-analiżi ta’ natura fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali, liema fatt jaħrab mill-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

88      Minn dan isegwi li t-tielet aggravju huwa, f’dan ir-rigward, inammissibbli.

89      Barra minn hekk, sa fejn permezz ta’ dan l-aggravju l-appellanti tikkontesta l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Qorti Ġenerali, billi f’dan ir-rigward tinvoka l-punti ta’ din id-deċiżjoni msemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

90      Fil-fatt, ebda wieħed minn dawn il-punti tad-deċiżjoni kontenzjuża ma huwa tali li jqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li skontha l-Kummissjoni, f’din deċiżjoni, naqset milli teżamina x’setgħu jkunu l-konsegwenzi, fuq terminu medju, b’mod partikolari għall-politika fil-qasam tal-enerġija tar-Repubblika tal-Polonja, tat-trasferiment lejn it-triq ta’ tranżitu Nord Stream 1/OPAL ta’ parti mill-volumi ta’ gass naturali ttrasportati mill-pipelines tal-gass Yamal u Braterstwo, u milli tibbilanċja dawn l-effetti maż-żieda fis-sigurtà ta’ provvista fuq livell tal-Unjoni.

91      Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq l-assenza ta’ obbligu għall-Kummissjoni li ssemmi l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

 L-argumenti tal-partijiet

92      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma turix li l-Kummissjoni, fil-fatt, wettqet eżami tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u, min-naħa l-oħra, li din l-istituzzjoni ma kinitx obbligata ssemmi dan il-prinċipju fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fehma tagħha, din id-deċiżjoni hija korretta fir-rigward tal-kontenut tagħha sa fejn hija ma qegħditx f’periklu s-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-Polonja, li ma kinitx mhedda, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni li teżamina fid-dettall il-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża fis-suq Pollakk tal-gass.

93      F’dan ir-rigward, l-appellanti tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi, b’mod partikolari għas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il‑Kummissjoni (246/86, EU:C:1989:301, punt 55), u għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, iggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li minnu jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġu speċifikati l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. F’dan il-każ, l-obbligu tal-Kummissjoni li tippreżenta l-konsegwenzi kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq l-Istati Membri, fid-dawl tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imur lil hinn mir-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni.

94      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-raba’ aggravju huwa ineffettiv u li, fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

95      Ir-Repubblika tal-Litwanja, li analizzat l-imsemmi aggravju flimkien mat-tielet wieħed, tikkondividi din l-analiżi.

96      Ir-Repubblika tal-Latvja u l-Kummissjoni ma esprimewx lilhom infushom fuq ir-raba’ aggravju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 79 sa 82 tas-sentenza appellata, mhux biss li l-prinċipju ta’ solidarjetà ma kienx imsemmi fid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda wkoll li din ma turix li l-Kummissjoni evalwat b’mod adegwat l-effett tal-estensjoni tad-deroga dwar il-pipeline tal-gass OPAL fuq is-suq Pollakk tal-gass kif ukoll fuq is-swieq tal-Istati Membri minbarra r-Repubblika tal-Polonja, li setgħu kienu ġeografikament ikkonċernati.

98      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, u mhux minħabba s-sempliċi assenza ta’ riferiment għall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika f’din id-deċiżjoni jew il-motivazzjoni insuffiċjenti tagħha.

99      Għaldaqstant, sa fejn is-sentenza appellata hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

100    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dan l-aggravju jinkludi żewġ partijiet.

101    Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma turix li l-Kummissjoni, fil-fatt, wettqet eżami tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, filwaqt li deċiżjoni żbaljata biss mill-perspettiva formali ma għandhiex tiġi annullata awtomatikament.

102    Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjonijiet materjalment korretti, minkejja li huma formalment illegali, ma għandhomx jiġu annullati.

103    It-tieni parti tal-ħames aggravju hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-argument tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, li kellu jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni C(2009) 4694. B’hekk, dan l-argument, imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa tardiv u għalhekk ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

104    Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Litwanja jqisu li l-ħames aggravju huwa infondat.

105    Ir-Repubblika tal-Latvja u l-Kummissjoni ma esprimewx lilhom infushom dwar il-ħames aggravju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

106    Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, u kif ġie rrilevat fil-punti 97 u 99 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma annullatx id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, fil-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u li, konsegwentement, din id-deċiżjoni kellha tiġi annullata sa fejn kisret dan il-prinċipju. Minn dan isegwi li l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija ineffettiva.

107    Fir-rigward tat-tieni parti tal-ħames aggravju, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża biddlet il-kundizzjonijiet tad-deroga rrikonoxxuti fid-Deċiżjoni C(2009) 4694 u li dawn huma żewġ deċiżjonijiet indipendenti waħda mill-oħra, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, mhux imsemmija mill-appell, b’tali mod li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar in-natura tardiva tar-rikors ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja kontra d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li dan l-Istat Membru ma kienx ippreżenta rikors kontra d-Deċiżjoni C(2009) 4694 ma jistax jintlaqa’.

108    Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ħames aggravju huwa infondat.

109    Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

110    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li peress li ma ntlaqa’ ebda aggravju, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

112    Peress li r-Repubblika tal-Polonja talbet il-kundanna tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż u peress din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

113    Bis-saħħa tal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell permezz tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Meta intervenjent fl-ewwel istanza, li ma jkunx huwa stess ippreżenta l-appell, jipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, bis-saħħa tal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, tiddeċiedi li din il-parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

114    Peress li r-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Kummissjoni pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li dawn ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

3)      Ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.