Language of document : ECLI:EU:T:2015:184





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-25 ta’ Marzu 2015 –Evropaïki Dynamiki vs AESA

(Kawża T‑297/09)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi tal-informatika – Klassifikazzjoni ta’ offerent fit-tieni jew fit-tielet pożizzjoni fil-proċedura kaskata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

1.                     Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni eżegwita – Rikors ta’ offerent, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, kontra deċiżjoni li tagħti kuntratt eżegwita favur kompetituri oħra – Ammissibbiltà (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE) (ara l-punti 41-43)

2.                     Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti (Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002) (ara l-punti 72, 134)

3.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Obbligu li jiġu kkomunikati, wara talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-persuna li ngħatat il-kuntratt – Obbligu tal-awtorità kontraenti li tipprovdi motivazzjoni li turi b’mod ċar u mhux ekwivoku l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-offerta u l-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ offerent ieħor – Portata (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(2)) (ara l-punti 73-78, 85-89, 98, 142, 149-151)

4.                     Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Sempliċi riferiment għall-annessi – Inammissibbiltà (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)) (ara l-punt 113)

5.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Assenza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE) (ara l-punti 180, 181)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-AESA li jikklassifikaw l-offerti tar-rikorrenti fit-tieni jew fit-tielet pożizzjoni skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata, fl-ambitu tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02 dwar “Servizzi ICT”, fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ĠU 2009/S 22‑030588), u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni intiża bħala kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (AESA) tas-6 ta’ Lulju 2009, li tikklassifika l-offerta mressqa minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE fit-tielet pożizzjoni fil-mekkaniżmu ta’ kaskata għal-lot Nru 2 (applikazzjonijiet client-server, żvilupp u manutenzjoni) tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02, hija annullata.

2)

Id-deċiżjoni tal-AESA tal-10 ta’ Lulju 2009, li tikklassifika l-offerta mressqa minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis fit-tieni pożizzjoni fil-mekkaniżmu ta’ kaskata għal-lot Nru 3 (amministrazzjoni ta’ sistemi, ta’ databases u ta’ netwerks) tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02, hija annullata.

3)

Id-deċiżjoni tal-AESA tal-14 ta’ Lulju 2009, li tikklassifika l-offerta mressqa minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis fit-tieni pożizzjoni fil-mekkaniżmu ta’ kaskata għal-lot Nru 5 [Enterprise Content Management “ECM”, amministrazzjoni tal-arkivji tal-impriżi u implementazzjoni tal-amministrazzjoni tad-dokumenti (inklużi l-manutenzjoni u l-assistenza)] tas-sejħa għal offerti AESA.2009.OP.02, hija annullata.

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis għandha tbati 25 % tal-ispejjeż tagħha stess u 25 % tal-ispejjeż sostnuti mill-AESA, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati 75 % tal-ispejjeż tagħha stess u 75 % tal-ispejjeż sostnuti minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis.