Language of document :

Error! Reference source not found.

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Lulju 2009 - Evropaïki Dynamiki vs EASA

(Kawża T-297/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Atheni, il-Greċja) (irrapreżentata minn: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet ta' EASA li jagħżlu l-offerti tar-rikorrenti, ippreżentati b'risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti EASA.2009.OP.02 Lott 1, Lott 2, Lott 3 u Lott 5 dwar servizzi tal-ICT (ĠU 2009/S 22-030588) bħala t-tieni u t-tielet appaltatur tal-cascade mechanism, ikkomunikati lir-rikorrenti permezz ta' erbgħa ittri separati tat-12 ta' Mejju 2009, tat-8 ta' Lulju 2009, tat-13 ta' Lulju 2009 u tal-15 ta' Lulju 2009 u kull deċiżjoni ulterjuri relatata ta' EASA inkluża d-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lill-appaltatur li l-offerta tiegħu rnexxiet;

tordna lil EASA tħallas id-danni li ġarrbet ir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta' EUR 6.100.000;

tikkundanna lil EASA għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra inkorsi f'dak li għandu x'jaqsam ma' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud..

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tar-rikorrenti li tagħżel l-offerti tagħha ppreżentati b'risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti ta' servizzi tal-ICT (EASA.2009.OP.02) bħala t-tieni u t-tielet appaltatur tal-cascade mechanism, u li tagħti l-kuntratt lill-appaltatur li l-offerta tiegħu rnexxiet. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għal danni li hija allegatament ġarrbet minħabba l-proċedura ta' sejħa għal offerti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi li ġejjin.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' trattament ugwali peress li naqset milli tosserva l-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti mill-Artikoli 93(1) u 94 tar-Regolament Finanzjarju1 billi ma eskludietx mill-proċedura ta' sejħa għal offerti wieħed mill-membri tal-konsorzju magħżul li qed jiġi akkużat mill-aworitajiet nazzjonali u li anki ammetta li kien ħati li wettaq attivitajiet illegali u b'mod speċifiku ħati ta' frodi u ta' korruzzjoni passiva u attiva, fil-kuntest tal-għoti ta' kuntratt minn awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea, u internazzjonalment, kif ukoll tal-falsifikazzjoni ta' kontabbiltà kif ukoll appaltatur ieħor li naqas b'mod serju li jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea. Minħabba dan, il-konvenuta kisret ukoll l-Artikoli 133a u 134 tar-Regoli ta' Implementazzjoni 2 u l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE3.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka kondotta professjonali ħażina allegata tal-konvenuta minħabba l-użu potenzjali ta' subappaltaturi li ma jaqgħux taħt WTO/GPA minn wieħed mill-appaltaturi li l-offerta tiegħu rnexxiet.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u li naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha bi ksur tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regoli ta' Implementazzjoni tiegħu kif ukoll bi ksur tad-Direttiva 2004/18/KE3 u tal-Artikolu 253 KE. Hija ssostni li l-konvenuta kisret ukoll il-prinċipju ta' trattament ugwali peress li wieħed mill-offerenti li l-offerta tiegħu rnexxiet ma ssodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1)

2 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 357, p. 1)

3 - Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU 2004 L 134, p. 114)