Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Lulju 2009 - Mugraby vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-292/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Muhamad Mugraby (rappreżentanti: J. Regouw u L. Spigt, avukati)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

1)    tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi fuq:

i) it-talba tar-rikorrent li l-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar is-sospensjoni ta' assistenza Komunitarja għal-Libanu hekk kif jipprovdi l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006, liema miżuri huma kemm meħtieġa kif ukoll disponibbli taħt l-imsemmi regolament;

ii) it-talba tar-rikorrent li l-Kummissjoni, bħala l-aġenzija direttament responsabbli għall-implementazzjoni tal-programmi varji ta' assistenza tal-Unjoni għal-Libanu, tissospendi l-implementazzjoni ta' dawn il-programmi sakemm jintemm il-ksur kontinwu mil-Libanu tad-drittijiet fundamentali, b'mod iktar speċifiku dawk tar-rikorrent;

2)    tikkonstata li l-Kunsill, fil-kwalità tiegħu ta' parti mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu, naqas milli jaġixxi fuq it-talba tar-rikorrent sabiex jistieden lill-Kummissjoni sabiex jirrakkomanda li l-Kunsill jieħu miżuri speċifiċi u effettivi dwar l-assistenza tal-Unjoni għal-Libanu taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Libanu u l-Komunità, sabiex jissodisfa l-obbligi tal-partijiet taħt il-Ftehim;

3)    tikkonstata li l-Komunità, il-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta' gwardjan tat-Trattati u ta' aġenzija direttament responsabbli għall-implementazzjoni tal-programmi varji ta' assistenza tal-Unjoni għal-Libanu, u l-Kunsill, fil-kwalità tiegħu ta' parti mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu, għandhom responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni li sofra r-rikorrent bħala riżultat tan-nuqqas konsistenti tagħhom minn Diċembru 2002 'il quddiem li jużaw b'mod effettiv ir-riżorsi u l-istrumenti disponibbli għall-infurzar effettiv tal-klawżola fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem;

4)    tordna lill-Kummissjoni, in parti bħala kumpens in natura, li tipproponi lill-Kunsill is-sospensjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu, sakemm il-Libanu jibda josserva l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fir-rigward tar-rikorrent;

5)    tordna lill-Kummissjoni tillimita l-eżekuzzjoni tal-programmi attwali ta' assistenza (li jiġu eżegwiti u/jew sorveljati mill-Kummissjoni) għal dawk il-programmi li huma mmirati speċifikament għall-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u li ma jammontawx għal għajnuna finanzjarja għall-awtoritajiet Libaniżi, sakemm il-Libanu jibda josserva l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fir-rigward tar-rikorrent;

6)    tordna lill-Kunsill jistiden lill-Kummissjoni tagħmel rakkomandazzjoni kif isemma' fil-punt 4 iktar 'il fuq, u sabiex jaġixxi permezz tal-istituzzjonijiet tal-ftehim ta' Assoċjazzjoni għal dan il-għan;

7)    tordna lill-konvenuti jikkumpensaw id-danni materjali u morali tar-rikorrent, f'ammont li għandu jiġi stabbilit ex aequo et bono ta' mhux inqas minn EUR 5 000 000 u sabiex iħallsu l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, Dr Muhammad Mugraby, avukat Libaniż speċjalizzat fid-drittijiet tal-bniedem u attivist f'dan il-qasam, isostni li kien il-vittma ta' persekuzzjoni, fastidju u ċaħda ta' ġustizzja, mill-awtoritajiet Libaniżi, minħabba xogħolu fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa ġie allegatament miċħud id-dritt li jipprattika l-professjoni tiegħu u ġie miċħud minn drittijiet fundamentali varji, bħad-dritt għall-proprjetà privata, għal smigħ xieraq u aċċess għal rimedju legali effettiv.

Ir-rikorrent isostni li fuq il-bażi tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu1, il-Komunità għandha tagħti l-attenzjoni meħtieġa sabiex tipprevjeni d-danni li qed jiġu kkawżati mil-Libanu kontra individwi bħar-rikorrent, billi jiġu imposti miżuri restrittivi kontra l-awtoritajiet Libaniżi, bħas-sospensjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrent isostni li l-benefiċċji disponibbli għal-Libanu taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiddependu mill-konformità mal-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u li fil-każ ta' ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, l-Artikolu 2 tal-Ftehim għandu l-għan li jagħmilha possibbli għall-Komunità sabiex tieħu miżuri restrittivi kontra l-Libanu b'mod proporzjonat skont is-serjetà tal-ksur. Sadanittant, ir-rikorrent isostni li s'issa, il-Komunità naqset milli teżerċita pressjoni effettiva fuq l-awtoritajiet Libaniżi sabiex jimplementaw l-obbligi tagħhom sabiex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem.

Ir-rikorrent isostni li huwa talab formalment lill-konvenuti fid-29 ta' April 2009 sabiex jaġixxu, filwaqt li l-konvenuti ċaħdu t-talba tiegħu permezz ta' ittri tas-26 ta' Mejju 2009 u tad-29 ta' Mejju 2009. Ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq il-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem li tinsab fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni sabiex jistabbilixxi l-illegalità tan-nuqqas konsistenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill milli effettivament jinfurzaw il-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Libanu.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-konvenuti kisru l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkluż l-obbligu li jiġi promoss ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħha, li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-individwi. Huwa jsostni li hemm rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu min-naħa tal-konvenuti u d-danni li huwa sofra u b'hekk huwa intitolat għal kumpens. Skont ir-rikorrent, l-awtoritajiet Libaniżi kienu probabbilment itemmu l-fastidju illegali fil-konfront tar-rikorrent, kieku kienu iffaċċjati b'sitwazzjoni fejn jitilfu aċċess għall-assistenza Komunitarja. B'hekk, huwa jsostni li d-danni li jammontaw għal telf ta' dħul li subixxa r-rikorrent probabbilment ma kinux iseħħu bl-istess portata, kieku l-konvenuti aġixxew f'waqtu u b'mod xieraq.

____________

1 - Il-ftehim interim dwar il-kummerċ u l-materji li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, mill-parti l-oħra (ĠU 2002 L 262, p. 2)