Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Lulju 2009 - EFIM vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-296/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: European Federation of Ink and Ink Cartridge Manufacturers (EFIM) (Köln, il-Ġermanja) (rappreżentant: D. Ehle, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta' Mejju 2009, fil-Każ COMP/C-3/39.391 EFIM;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2009 fil-Każ COMP/C-3/39.391 EFIM. F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti, li permezz tiegħu din kienet affermat li diversi prodotturi ta' ink jet printers kienu wettqu diversi ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE fis-swieq tal-cartridges tal-linka.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni numru konsiderevoli ta' elementi ta' fatti fundamentali u li hija kisret b'dan il-mod il-prinċipju ta' amminstrazzjoni tajba, il-prinċipju ta' attenzjoni li għandha tingħata lill-miżuri leġiżlattivi, l-obbligu ta' motivazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta' rispett tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiddikjara li l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-konvenuta fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl b'mod partikolari tal-kriterji ta' prijorità fit-trattament tal-proċedura tar-rikors huma manifestament żbaljati u vvizzjati bi żball manifest ta' evalwazzjoni. Fl-aħħar nett, hija ssostni li hija biss il-konvenuta li tista' tiggarantixxi protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni kontra r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni allegati mir-rikorrenti, għaliex l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali għandhom biss ġurisdizzjoni territorjali limitata.

____________