Language of document : ECLI:EU:T:2023:735

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

22 ta’ Novembru 2023 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español – Deċiżjoni tas-SRB li tirrifjuta l-għoti ta’ kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni – Dritt għall-proprjetà – Dritt għal smigħ – Dritt għal rimedju effettiv – Valutazzjoni tad-differenza fit-trattament – Indipendenza tal-evalwatur”

Fil-Kawżi magħquda T‑302/20, T‑303/20 u T‑307/20,

Antonio Del Valle Ruíz, residenti fi Mexico (il-Messiku), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn B. Fernández García, J. Álvarez González u P. Rubio Escobar, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑302/20,

sostnuti minn

Aeris Invest Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn R. Vallina Hoset u M. Varela Suárez, avukati,

intervenjenti fil-Kawża T‑302/20,

José María Arias Mosquera, residenti fi Madrid (Spanja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (2), irrappreżentati minn Fernández García, Álvarez González u Rubio Escobar,

rikorrenti fil-kawża T‑303/20,

Calatrava Real State 2015, SL, stabbilita fi Madrid, irrappreżentata minn Fernández García, Álvarez González u Rubio Escobar,

rikorrenti fil-kawża T‑307/20,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn M. Fernández Rupérez, A. Lapresta Bienz, L. Forestier u J. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, V. Del Pozo Espinosa de los Monteros u L. Hesse, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

intervenjent fil-Kawżi magħquda T‑302/20, T‑303/20 u T‑307/20,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn M. van der Woude, President, G. De Baere (Relatur), G. Steinfatt, K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Antonio Del Valle Ruíz u 36 persuna fiżika jew ġuridika oħra li isimhom jidher fl-anness, José María Arias Mosquera u 28 persuna fiżika jew ġuridika oħra li isimhom jidher fl-anness kif ukoll Calatrava Real State 2015, SL, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑17 ta’ Marzu 2020, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni implimentati fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti huma persuni fiżiċi u ġuridiċi li kienu azzjonisti ta’ Banco Popular Español (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

3        Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-sessjoni eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

4        Qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fit‑23 ta’ Mejju 2017, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, is-SRB qabbad lill-uffiċċju Deloitte Réviseurs d’Entreprises bħala evalwatur (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju evalwatur”) fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ eventwali riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. L-uffiċċju evalwatur ngħata kuntratt speċifiku wara sejħa għal offerti fil-kuntest ta’ kuntratt qafas multiplu ta’ servizzi li s-SRB kien iffirma ma’ sitt uffiċċji, fosthom l-uffiċċju evalwatur. Konformement mal-kuntratt speċifiku, il-kompitu tal-uffiċċju evalwatur kien jinkludi t-twettiq ta’ valutazzjoni ta’ Banco Popular qabel riżoluzzjoni eventwali kif ukoll il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, wara riżoluzzjoni potenzjali.

5        Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni, skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

6        Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, l-uffiċċju evalwatur bagħat lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), imfassla skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li twettaq stima tal-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju.

7        Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, peress li qies li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, iddeċieda li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda li jiżvaluta u li jikkonverti l-istrumenti tal-kapital ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u li japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet lil xerrej.

8        Is-SRB iddeċieda li jikkanċella 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular, li jikkonverti u li jiżvaluta l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular f’“azzjonijiet ġodda II”. Wara proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, Spanja), l-“azzjonijiet ġodda II” ġew ittrasferiti lil Banco Santander SA, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ euro. Sussegwentement, Banco Santander issostitwixxiet lil Banco Popular b’mod universali fit‑28 ta’ Settembru 2018, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist.

9        Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).

10      Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċċju evalwatur ittrażmetta lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament, prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil‑31 ta’ Lulju 2018, l-uffiċċju evalwatur bagħat addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

11      L-uffiċċju evalwatur qies, fil-valutazzjoni 3, it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument li fih ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Huwa wettaq din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ billi applika l-Ley 22/2003, Concursal, (il-Liġi 22/2003 dwar il-Falliment), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (BOE Nru 164, tal‑10 ta’ Lulju 2003, p. 26905).

12      L-uffiċċju evalwatur indika li x-xenarju ta’ stralċ ipotetiku kien ġie ppreparat abbażi tal-informazzjoni finanzjarja mhux awditjata tas‑6 ta’ Ġunju 2017 jew, meta din ma kinitx disponibbli, fuq dik tal‑31 ta’ Mejju 2017. Huwa qies li l-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza għal Banco Popular fis‑7 ta’ Ġunju 2017 kien iwassal għal stralċ mhux ippjanat. Sabiex jiġu evalwati l-valuri tal-likwidazzjoni tal-assi, l-uffiċċju evalwatur ħa inkunsiderazzjoni tliet xenarji temporali ta’ stralċ alternattivi, ta’ 18-il xahar, ta’ 3 snin u ta’ 7 snin, u kull wieħed minnhom kien jinkludi l-aħjar u l-agħar ipoteżi. Huwa kkonkluda li, f’kull waħda minn dawn l-ipoteżijiet, għall-azzjonisti affettwati u għall-kredituri subordinati, l-ebda rkupru ma kien ikun mistenni fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza u li għalhekk ma kienx hemm differenza fit-trattament meta mqabbla ma’ dak li jirriżulta mill-miżura ta’ riżoluzzjoni.

13      Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, is-SRB ippubblika, fis-sit internet tiegħu, l-opinjoni tiegħu tat‑2 ta’ Awwissu 2018 dwar id-deċiżjoni preliminari tiegħu fir-rigward tan-neċessità li jingħata jew le kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri li kienu s-suġġett tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni li jirrigwardaw Banco Popular u t-tnedija tal-proċedura tad-dritt għal smigħ (SRB/EES/2018/132) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari”), kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3. Fis‑7 ta’ Awwissu 2018, komunikazzjoni dwar l-opinjoni tas-SRB ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 227I, p. 1).

14      Fid-deċiżjoni preliminari, is-SRB qies li mill-valutazzjoni 3 kien jirriżulta li ma kinitx teżisti differenza bejn it-trattament li kienu realment suġġetti għalih l-azzjonisti u l-kredituri affettwati minħabba r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda, preliminarjament, li ma kienx obbligat iħallas kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

15      Sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni finali dwar il-ħtieġa jew le li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati jingħataw kumpens għad-danni, is-SRB stedinhom jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu fid-dawl tad-deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

16      Is-SRB indika li l-proċedura dwar id-dritt għal smigħ kienet ser tiżvolġi f’żewġ fażijiet.

17      Fl-ewwel fażi, il-fażi ta’ reġistrazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu mistiedna jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt għal smigħ tagħhom permezz ta’ formola ta’ reġistrazzjoni online, sal‑14 ta’ Settembru 2018. Sussegwentement, is-SRB kellu jivverifika jekk kull parti li kienet immanifestat l-interess tagħha kellhiex effettivament l-istatus ta’ azzjonist jew ta’ kreditur affettwat. L-azzjonisti u l-kredituri affettwati kkonċernati kellhom jipproduċu prova tal-identità tagħhom u prova li huma kellhom, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, strumenti tal-kapital ta’ Banco Popular li ġew żvalutati jew ikkonvertiti u ttrasferiti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

18      Fit-tieni fażi, il-fażi ta’ konsultazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kienu esprimew l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ matul l-ewwel fażi u li l-istatus tagħhom kien ġie vverifikat mis-SRB, setgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari li magħha kienet annessa l-valutazzjoni 3.

19      Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, is-SRB ħabbar li l-azzjonisti u l-kredituri eliġibbli kienu ser jintalbu jippreżentaw il-kummenti bil-miktub tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari mis‑6 ta’ Novembru 2018. Fis‑6 ta’ Novembru 2018, is-SRB bagħat lill-azzjonisti u lill-kredituri eliġibbli link personali uniku li jagħti aċċess fuq l-internet għal formola li tippermettilhom jippreżentaw, sas‑26 ta’ Novembru 2018, kummenti dwar id-deċiżjoni preliminari kif ukoll dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3.

20      Fi tmiem il-fażi ta’ konsultazzjoni, is-SRB eżamina l-kummenti rilevanti tal-azzjonisti u l-kredituri affettwati relatati mad-deċiżjoni preliminari. Huwa talab lill-uffiċċju evalwatur jipprovdilu dokument li jinkludi l-evalwazzjoni tiegħu tal-kummenti rilevanti dwar il-valutazzjoni 3 u jeżamina jekk il-valutazzjoni 3 kinitx għadha valida fid-dawl ta’ dawn il-kummenti.

21      Fit‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur ipprovda lis-SRB l-evalwazzjoni tiegħu intitolata “Dokument ta’ Kjarifika Dwar il-Valutazzjoni tad-Differenza fit-Trattament” (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ kjarifika”). Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ikkonferma li l-istrateġija u x-xenarji differenti ta’ stralċ ipotetiċi ddettaljati fil-valutazzjoni 3, kif ukoll il-metodoloġiji segwiti u l-analiżi mwettqa baqgħu validi.

22      Fis‑17 ta’ Mejju 2020, is-SRB adotta id-deċiżjoni kkontestata. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2).

23      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075, tat‑23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1).

24      Taħt it-Titolu 5 “Valutazzjoni 3” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ġabar fil-qosor il-kontenut tal-valutazzjoni 3 u qies li din kienet konformi mal-qafas legali applikabbli u kienet suffiċjentement immotivata u kompleta sabiex tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa qies li l-valutazzjoni 3 kienet tevalwa l-elementi neċessarji previsti fl-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014 u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344, tal‑14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (ĠU 2018, L 67, p. 3).

25      Taħt it-Titolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-“Kummenti Mibgħuta mill-Azzjonisti u mill-Kredituri Affettwati kif ukoll l-Evalwazzjoni Tagħhom”. Taħt it-Titolu 6.1 “Evalwazzjoni tar-Rilevanza” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li wħud minn dawn il-kummenti, li la kienu relatati mad-deċiżjoni preliminari tiegħu u lanqas mal-valutazzjoni 3, ma kinux rilevanti sa fejn ma kinux jaqgħu taħt il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ. Taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wettaq “Eżami tal-Kummenti Rilevanti” mibgħuta mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati, dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur u l-kontenut tal-valutazzjoni 3, miġbura skont is-suġġett.

26      Is-SRB ikkonkluda li mill-valutazzjoni 3, moqrija flimkien mad-dokument ta’ kjarifika u l-konklużjonijiet stabbiliti taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li ma kienx hemm differenza bejn it-trattament li għalih kienu realment suġġetti l-azzjonisti u l-kredituri affettwati u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku Banco Popular kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni.

27      Għaldaqstant, is-SRB iddeċieda:

“Artikolu 1

Valutazzjoni

Sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […], il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, hija stabbilita skont l-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mad-dokument ta’ kjarifika […] li jinsab fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Kumpens għad-danni

L-azzjonisti u l-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […] ma għandhomx dritt għal kumpens mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

Artikolu 3

Destinatarju tad-deċiżjoni

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-FROB, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.”

 Ittalbiet talpartijiet

28      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lis-SRB u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

29      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Fil-kawża T‑302/20, l-intervenjenti, Aeris Invest Sàrl titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

31      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

32      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, stabbilit mill-Artikolu 41(2) tal-Karta. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà stabbilit mill-Artikolu 17 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

33      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

34      Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni lanqas ma għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Peress li d-deċiżjonijiet tas-SRB li huma intiżi li jiddeterminaw jekk kumpens għandux jingħata lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fil-konfront ta’ entità huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, għandu jitqies li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba teżerċita.

37      Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każijiet ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il-Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti li jkunu saru f’din id-deċiżjoni ma jitqisux li huma plawżibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 72, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Konsegwentement, motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2018, Spiegel-Verlag Rudolf Augstein u Sauga vs BĊE, T‑116/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:614, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li miegħu jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni ġewx issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

 Fuq lewwel motiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 15(1)(g) tarRegolament Nru 806/2014

41      Ir-rikorrenti jsostnu li l-perizja tagħhom annessa mar-rikorsi turi li l-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq premessi ineżatti u tuża kriterji li ma humiex adattati għall-valutazzjoni ta’ Banco Popular. Huma jindikaw li l-analiżi li tinsab f’dan ir-rapport tiġġustifika 19-il kritika fil-konfront tal-valutazzjoni 3 li huma stabbiliti fir-rikorsi.

42      Ir-rikorrenti jaffermaw li l-perizja annessa mar-rikorsi stabbilixxiet, billi hija bbażata fuq il-valutazzjoni tagħha stess, li l-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular kien jammonta għal madwar EUR 5 974 biljun fid-data tar-riżoluzzjoni u li għalhekk huma kienu bbenefikaw minn trattament aħjar fil-kuntest tal-proċedura normali ta’ insolvenza milli fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

43      Is-SRB isostni li dan il-motiv huwa inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti jsemmu 19‑il żball li jinsabu fil-valutazzjoni 3, fil-forma ta’ 19-il allegazzjoni ta’ sentenza waħda, li jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet ġenerali ħafna, li ma jiftehmux fihom infushom u jistgħu jinftiehmu biss abbażi tal-perizja annessa mar-rikorsi. Ir-rikorsi la jinkludu argumenti u lanqas fatti sottostanti insostenn ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

44      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn.

45      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk dawn ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-punti essenzjali tal-argumentazzjoni legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Barra minn hekk, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tikkunsidra li huma l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2022, WV vs SEAE, C‑162/20 P, EU:C:2022:153, punti 68 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 299 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel motiv, kif jirrileva s-SRB, ir-rikorrenti jifformulaw sempliċement 19-il dikjarazzjoni ġenerali ħafna dwar ċerti evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3. L-ewwel sitt dikjarazzjonijiet jikkonċernaw ix-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular u l-oħrajn jirrigwardaw l-evalwazzjoni ta’ kategoriji differenti ta’ assi mwettqa fil-valutazzjoni 3.

47      Ir-rikorrenti sempliċement jindikaw li dawn id-dikjarazzjonijiet huma ġġustifikati mill-analiżi li tinsab fil-perizja annessa mar-rikorsi. Għalhekk huma jirreferu b’mod globali għall-perizja annessa mar-rikorsi, li għandha 87 paġna u tinkludi 76 paġna ta’ annessi u ma jagħmlu ebda riferiment għall-partijiet tal-perizja li fuqhom hija bbażata kull waħda minn dawn id-19-il dikjarazzjoni.

48      L-istess japplika għall-konklużjoni tar-rikorrenti li abbażi tagħha mill-perizja tagħhom jirriżulta li huma kienu jibbenefikaw minn trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza milli fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

49      Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex f’din il-perizja l-elementi li jiġġustifikaw kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet. Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni ta’ dan il-motiv ma tistax tippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn u jkun kuntrarju għall-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi li dawn iservu sabiex juru b’mod iddettaljat allegazzjoni magħmula b’mod mhux ċar u preċiż biżżejjed fir-rikorsi. Għaldaqstant, l-argument li jirreferi b’mod globali għall-perizja li tinsab fl-anness tar-rikorsi għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

50      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni, abbażi tal-kontenut tar-rikorsi, li tidentifika preċiżament l-argumenti li hija tista’ tqis li huma l-bażi ta’ dan il-motiv.

51      Minn dan isegwi li dan il-motiv huwa sempliċement espost mingħajr ma huwa sostnut minn argument, kuntrarjament għar-regola prevista fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, u li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

52      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li din il-konklużjoni ma tippreġudikax l-ammissibbiltà tal-perizja annessa mar-rikorsi u lanqas argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-motivi l-oħra li huma bbażati fuq din il-perizja u li huma ssostanzjati biżżejjed.

 Fuq ittieni motiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 20(16) tarRegolament Nru 806/2014

53      Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser żewġ kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014.

54      L-Artikolu 20(16) tar-Regolament (KE) Nru 806/2014 jipprovdi:

“Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jieħdu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, il-Bord għandu jiżgura li tiġi mwettqa valwazzjoni minn persuna indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 malajr kemm jista’ jkun wara li jkunu daħlu fis-seħħ l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni.”

55      Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma ddeterminatx jekk dawk li kienu l-azzjonisti ta’ Banco Popular kinux jirċievu trattament aħjar fi proċedura ta’ insolvenza normali, peress li l-proċedura normali ta’ insolvenza ġiet imqabbla mal-istralċ. Fit-tieni parti, huma jsostnu li l-valutazzjoni 3 ma twettqitx minn persuna indipendenti.

 Fuq lewwel parti, dwar iddeterminazzjoni taxxenarju kontrofattwali

56      Ir-rikorrenti jikkontestaw ix-xenarju kontrofattwali użat fil-valutazzjoni 3 sabiex jiġi stabbilit it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, jiġifieri x-xenarju ta’ stralċ. Permezz tal-ewwel ilment, huma jsostnu li l-leġiżlazzjoni applikabbli tagħti prijorità lil soluzzjoni alternattiva għall-istralċ. Permezz tat-tieni lment, imqajjem sussidjarjament, huma jsostnu li, anki jekk jiġi preżunt li huwa applikabbli xenarju ta’ stralċ, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma timponix trasferiment tal-assi b’mod individwali jew permezz ta’ portafolli.

–       Fuq lewwel ilment, intiż sabiex jikkontesta lużu ta’ xenarju ta’ stralċ

57      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Aeris Invest, isostnu li s-SRB wettaq żball ta’ liġi meta qies li t-trattament ipotetiku fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza kien jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ. Huma jikkunsidraw li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, l-arranġament huwa l-eżitu prijoritarju tal-proċedura ta’ falliment.

58      Ir-rikorrenti jsostnu li l-arranġament huwa inkoraġġut, fil-leġiżlazzjoni Spanjola, minn sensiela ta’ miżuri intiżi sabiex jiksbu s-sodisfazzjon tal-kredituri permezz tal-ftehim inkluż fi tranżazzjoni legali. Huma jqisu li s-SRB interpreta din il-leġiżlazzjoni bl-iktar mod favorevoli għall-interessi tiegħu stess peress li l-valutazzjoni ta’ Banco Popular f’xenarju ta’ stralċ hija inqas minn dik li kienet tinkiseb fil-kuntest ta’ arranġament.

59      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li, skont l-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 3 kellha tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux ittrattati b’mod agħar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jiġu ttrattati li kieku Banco Popular kienet “ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza.” Huwa rrileva, l-istess bħall-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika (punt 5.1.5), li l-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de crédito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u tal-Impriżi tas-Servizzi ta’ Investiment), tat‑18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad‑19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797) li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), tipprevedi speċifikament li l-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament għandha ssir billi jiġi preżunt li l-entità daħlet fi proċedura ta’ stralċ.

60      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 806/2014, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 20(16) ta’ dan ir-regolament hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza.

61      Skont l-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 ta’ dan l-istess artikolu tistabbilixxi d-differenza fit-trattament bejn it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri kienu suġġetti għalih fil-kuntest tar-riżoluzzjoni u t-trattament li kienu jibbenefikaw minnu li kieku l-entità kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni.

62      Din il-valutazzjoni hija intiża sabiex timplimenta l-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar, stabbilit fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014 li jipprovdi li “l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza skont is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 29”.

63      Skont dan il-prinċipju, l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li s-SRB jista’ juża l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) sabiex “jitħallas kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk, wara evalwazzjoni skont l-Artikolu 20(5) ikunu ġarrbu telf ikbar milli kieku kienu jġarrbu, wara valwazzjoni skont l-Artikolu 20(16), fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza”.

64      Għalhekk, mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta b’mod ċar li r-riferiment, li jinsab fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, għat-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li kieku din kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza jirreferi għat-trattament ipotetiku tagħhom fil-każ ta’ stralċ tal-entità.

65      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat 2018/344, il-metodu għat-twettiq tal-valutazzjoni tat-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri li fir-rigward tagħhom ġew eżegwiti miżuri ta’ riżoluzzjoni, li kieku l-entità kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, jikkonsisti biss fid-determinazzjoni tal-ammont aġġornat tal-flussi ta’ flus mistennija fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza. Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati dawn il-flussi tal-flus, stabbiliti fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Delegat 2018/344, huma intiżi sabiex jiddeterminaw il-valur tal-assi, skont jekk humiex innegozjati jew le f’suq attiv, fil-kuntest ta’ trasferiment ipotetiku. L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Delegat 2018/344 jipprevedi wkoll li l-prodott ipotetiku li jirriżulta mill-valutazzjoni għandu jitqassam bejn l-azzjonisti u l-kredituri skont il-klassifikazzjoni ta’ prijorità tagħhom fuq il-bażi tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-insolvenza.

66      Minn dan jirriżulta li l-metodu ta’ valutazzjoni tat-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ipotetika stabbilita fir-Regolament Delegat 2018/344 jikkorrispondi għal-likwidazzjoni tal-assi tal-istituzzjoni u għalhekk għal stralċ kif iddefinit fil-punt 42 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

67      Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014, il-premessa 62 ta’ dan ir-regolament tindika:

“Interferenza mad-drittijiet tas-sjieda ma għandhiex tkun sproporzjonata. Bħala konsegwenza, l-azzjonisti u l-kredituri milquta ma għandhomx iġarrbu iktar telf minn dawk li kienu jġarrbu kieku l-entità ġiet stralċjata fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Fil-każ ta’ trasferiment parzjali ta’ assi ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej privat jew istituzzjoni tranżitorja, il-parti residwa tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Sabiex jiġu protetti l-azzjonisti u l-kredituri eżistenti tal-entità fil-proċeduri tal-istralċ, dawn għandhom ikunu intitolati jirċievu bi ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirkupraw kieku l-entità kollha ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.”

68      Skont l-Artikolu 20(18)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) tal-istess regolament hija bbażata fuq il-preżunzjoni li istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha jkunu ġew eżegwiti miżuri ta’ riżoluzzjoni waħda jew iktar kienet tkun suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fuq il-preżunzjoni li l-miżura jew il-miżuri ta’ riżoluzzjoni ma ġewx eżegwiti.

69      Għandu jitfakkar ukoll li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ entità tippreżupponi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 huma ssodisfatti, jiġifieri li l-entità qiegħda f’sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli, li ma jeżistux miżuri oħra ta’ natura privata jew miżuri prudenzjali li jistgħu jipprekludu l-falliment tagħha f’terminu raġonevoli u li l-miżura ta’ riżoluzzjoni hija neċessarja fl-interess pubbliku. Skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014 miżura ta’ riżoluzzjoni għandha titqies li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba, permezz ta’ mezzi proporzjonati, ta’ għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar, meta l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jippermettix dan sal-istess punt.

70      Għalhekk, miżura ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi alternattiva għal-stralċ ta’ entità meta dan ikun meħtieġ fl-interess pubbliku.

71      Skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, intiż li jimplimenta l-prinċipju msemmi fl-Artikolu 15(1)(g) tal-istess regolament, l-azzjonisti u l-kredituri għandhom id-dritt, matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, għal rimbors jew għal kumpens tal-krediti tagħhom li ma jkunx inqas mill-istima ta’ dak li kienu jirkupraw kieku l-istituzzjoni jew l-impriża kollha inkwistjoni kienet ġiet stralċjata fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), C‑410/20, EU:C:2022:351, punt 48).

72      Minn dan isegwi li, sabiex tiġi stabbilita d-differenza fit-trattament, il-paragun jirrigwarda t-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħhom fil-każ li l-miżura ta’ riżoluzzjoni ma kinitx ġiet adottata, jiġifieri fil-każ li l-entità kienet ġiet stralċjata.

73      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-paragun mat-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku l-istituzzjoni kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza jirreferi għall-proċedura nazzjonali li għaliha l-istituzzjoni kienet tkun suġġetta li kieku ma kinitx is-suġġett ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni.

74      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Delegat 2018/344 jindika:

“Il-valwatur għandu jqis dawn li ġejjin meta jiġi biex jiddetermina l-ammont skontat tal-flussi ta’ flus mistennija skont proċeduri normali tal-insolvenza:

a) il-liġi u l-prattika applikabbli tal-insolvenza fil-ġurisdizzjoni rilevanti, li jistgħu jinfluwenzaw fatturi bħall-perjodu mistenni tad-disponiment jew ir-rati ta’ rkupru;

[…]”

75      Għaldaqstant, Aeris Invest ma tistax validament issostni li d-dritt Spanjol ma kienx applikabbli fir-rigward tad-determinazzjoni tax-xenarju kontrofattwali għal Banco Popular.

76      Issa, kif jindika r-Renju ta’ Spanja, il-leġiżlatur Spanjol, meta rregola l-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament, ma pprevediex ipoteżi oħra ħlief dik tal-istralċ skont il-proċedura normali ta’ insolvenza.

77      F’dan ir-rigward, ir-Real Decreto 1012/2015 por el que se desarrolla la Ley 11/2015, y por el que se modifica el Real Decreto 2606/1996, de 20 de diciembre, sobre fondos de garantía de depósitos de entidades de crédito (id-Digriet Irjali 1012/2015 li jimplimenta l-Liġi 11/2015 u li jemenda d-Digriet Irjali 2606/1996, tal‑20 ta’ Diċembru 1996, dwar il-fondi ta’ garanzija għal depożiti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu), tas‑6 ta’ Novembru 2015 (BOE Nru 267, tas‑7 ta’ Novembru 2015, p. 105911), li jittrasponi d-Direttiva 2014/59, jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament.

78      L-Artikolu 10(2) tad-Digriet Irjali 1012/2015 jipprevedi li l-valutazzjoni għandha tiddetermina t-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu li kieku l-entità li kienet is-suġġett ta’ riżoluzzjoni kienet suġġetta għal proċedura ta’ stralċ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

79      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(3)(a) tad-Digriet Irjali 1012/2015 jindika li l-evalwazzjoni hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-entità li għaliha ġew applikati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet stralċjata fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

80      Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament wara riżoluzzjoni deċiża mill-FROB, id-dritt Spanjol jipprevedi li x-xenarju kontrofattwali huwa xenarju ta’ stralċ tal-entità li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 22/2003 dwar l-istralċ.

81      F’dan ir-rigward, kif jirrileva r-Renju ta’ Spanja, il-kunċett ta’ “stralċ”, imsemmi fl-Artikoli 148 u 149 tal-Liġi 22/2003, jikkonsisti fil-likwidazzjoni tal-beni u tad-drittijiet tal-impriża falluta sabiex jiġu ssodisfatti l-kredituri b’dak li nkiseb u jikkorrispondi għad-definizzjoni li tinsab fil-punt 42 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

82      Barra minn hekk, l-Artikolu 100 tal-Liġi 22/2003 dwar l-arranġament huwa inkluż fit-Titolu V ta’ din il-liġi intitolat “Dwar il-fażijiet ta’ stralċ jew ta’ arranġament”. Minn dan jirriżulta li l-Liġi 22/2003, li hija l-Liġi Ġenerali dwar il-Falliment, tipprevedi li arranġament mal-kredituri jikkostitwixxi soluzzjoni alternattiva għall-istralċ fi tmiem il-fażi komuni tal-proċedura ta’ falliment. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jammettu li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 22/2003, l-arranġament u l-istralċ jikkostitwixxu żewġ soluzzjonijiet li jeskludu lil xulxin reċiprokament.

83      Għaldaqstant, id-Digriet Irjali 1012/2015, billi pprovda espressament li d-differenza fit-trattament għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ipoteżi li l-entità daħlet fil-fażi ta’ stralċ, eskluda l-possibbiltà tal-applikazzjoni tas-soluzzjoni alternattiva li tikkonsisti f’arranġament mal-kredituri.

84      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli jipprevedu li d-determinazzjoni tad-differenza fit-trattament għandha tkun ibbażata fuq xenarju ta’ stralċ. Għaldaqstant, huwa żbaljat li r-rikorrenti u Aeris Invest isostnu li l-kuntest ġuridiku applikabbli kien jippermetti li jiġi kkunsidrat xenarju kontrofattwali li jieħu inkunsiderazzjoni soluzzjoni ta’ arranġament mal-kredituri.

85      Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti u ta’ Aeris Invest li s-soluzzjoni tal-arranġament mal-kredituri hija ffavorita fil-proċedura normali ta’ insolvenza fi Spanja ma hijiex rilevanti.

86      Minn dan isegwi li r-rikorrenti u Aeris Invest isostnu b’mod żbaljat li s-SRB wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra li t-trattament ipotetiku fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza kien jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ.

87      Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittieni lment, intiż sabiex jikkontesta ttrasferiment talassi b’mod individwali jew permezz ta’ portafolli

88      Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jitqies li kien neċessarju li jiġi previst xenarju ta’ stralċ, is-SRB allegatament kiser il-leġiżlazzjoni applikabbli sa fejn l-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ stralċ ma timplikax neċessarjament il-bejgħ tal-assi b’mod individwali jew permezz ta’ portafolli, li huwa l-metodoloġija użata mill-uffiċċju ta’ evalwazzjoni fil-valutazzjoni 3. Il-Liġi 22/2003 tagħti prijorità lill-preżervazzjoni u l-kontinwità tal-impriżi u għalhekk lit-trasferiment fl-intier tagħhom jew permezz ta’ unitajiet ta’ produzzjoni.

89      Ir-rikorrenti u Aeris Invest isostnu li Banco Popular seta’ jkompli bl-attività tagħha, fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ likwidità tagħha u tal-fatt li l-awtorizzazzjoni bankarja tagħha ma kinitx ġiet irtiratilha.

90      Ir-rikorrenti jirreferu għall-perizja annessa mar-rikorsi, li abbażi tagħha r-riżultat tal-istralċ ta’ Banco Popular permezz tal-bejgħ tal-istituzzjoni ta’ kreditu fit-totalità tagħha jew permezz ta’ unitajiet ta’ produzzjoni kien iwassal sabiex il-kapital azzjonarju tagħha jkun ikbar minn dak li jinsab fil-valutazzjoni 3 u li minnu jirriżulta li huma kienu jibbenefikaw minn trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza minn dak li kienu suġġetti għalih fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

91      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-każ li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx ġiet adottata, l-alternattiva kienet tkun tikkonsisti fl-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 421).

92      F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li, konformement mal-valutazzjoni 3, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-inkapaċità ta’ Banco Popular li tħallas id-djun tagħha mal-iskadenza tagħhom, il-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni kien iwassal għal stralċ ta’ Banco Popular, li kien jinvolvi l-likwidazzjoni mħaffa tal-assi, mingħajr prezz minimu vinkolanti, u l-ħlas tal-likwidazzjoni netta lill-kredituri konformement mal-ġerarkija stabbilita mil-Liġi 22/2003.

93      Għandu jissemma wkoll li l-argument tar-rikorrenti li x-xenarju kontrofattwali għall-miżura ta’ riżoluzzjoni ma kienx jimplika neċessarjament l-ipoteżi ta’ stralċ ta’ Banco Popular kien diġà tqajjem minn ċerti azzjonisti u kredituri affettwati fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ.

94      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li huma kienu allegaw jew li setgħet tinstab soluzzjoni li tirriżulta mis-settur privat jew li x-xenarju kontrofattwali kellu jibbaża ruħu fuq il-bejgħ ta’ Banco Popular bħala impriża operattiva, peress li din kienet għadha attiva fis-suq fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikolari, is-SRB indika li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu qegħdin isostnu li l-kredituri setgħu jikkonkludu ftehim (arranġament) li kien jipprekludi l-istralċ ta’ Banco Popular. Oħrajn kienu nnotaw li l-proċedura ta’ insolvenza Spanjola kienet tipprevedi l-possibbiltà ta’ insolvenza stabbilita minn qabel, li permezz tagħha l-assi vijabbli tal-entità huma separati u mibjugħa bħala impriża operattiva. Huma affermaw li din is-soluzzjoni kellha tiġi kkunsidrata mill-uffiċċju evalwatur, waqt id-definizzjoni tal-istrateġija ta’ stralċ, peress li din kienet tippermetti li jiġi ppreżervat aħjar il-valur ta’ franchise ta’ Banco Popular.

95      Is-SRB irrileva li, bla ħsara għar-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 806/2014 u mid-dritt nazzjonali applikabbli, l-uffiċċju evalwatur kien spjega, fid-dokument ta’ kjarifika, ir-raġunijiet għalfejn ma kienx possibbli, fil-każ ta’ Banco Popular, li jsir bejgħ bħala impriża operattiva (permezz ta’ proċedura ta’ insolvenza stabbilita minn qabel jew b’mod ieħor) u lanqas li jiġi organizzat arranġament mal-kredituri. F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur kien indika, minn naħa, li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni u tal-evalwazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar il-falliment attwali jew probabbli ta’ Banco Popular, din tal-aħħar ma setgħetx tkompli topera waqt it-twettiq tan-negozjati, bir-riżultat ta’ tnaqqis sinjifikattiv fil-valur. Is-SRB żied li ittra tad-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular, tas‑6 ta’ Ġunju 2017, kienet tikkorrobora l-konklużjoni li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma kinitx tippermettilha tkompli bl-attivitajiet tagħha. Min-naħa l-oħra, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra li l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular kienet tkun ġiet irrevokata, sa fejn il-kundizzjonijiet għall-irtirar tagħha previsti mil-leġiżlazzjoni Spanjola kienu ġew issodisfatti. Huwa kien indika li l-liċenzja bankarja kienet neċessarja sabiex jiġu aċċettati d-depożiti tal-klijenti, li kienu essenzjali għat-tkomplija tal-operat ta’ Banco Popular jew għall-bejgħ tagħha bħala impriża operattiva.

96      Is-SRB żied li l-uffiċċju evalwatur kien semma, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-ħolqien ta’ “bank tajjeb” u ta’ “bank ħażin” ma kienx previst mil-Liġi 22/2003 u li, fi kwalunkwe każ, l-implimentazzjoni tagħha kienet teħtieġ żmien li ma kienx disponibbli.

97      Is-SRB ikkonkluda li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq evalwazzjoni xierqa fir-rigward tax-xenarju ta’ stralċ użat fil-valutazzjoni 3.

98      Ir-rikorrenti u Aeris Invest isostnu li x-xenarju kontrofattwali ta’ stralċ kellu jkun ibbażat fuq l-ipoteżi li Banco Popular kienet f’pożizzjoni li tkompli bl-attivitajiet tagħha.

99      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(17) u (18) tar-Regolament Nru 806/2014, it-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza għandu jiġi ddeterminat fil-mument tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

100    Għalhekk, ix-xenarju kontrofattwali ta’ likwidazzjoni previst fil-valutazzjoni 3 kellu jiġi ddefinit fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, jiġifieri sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli.

101    Fil-fatt, għandu jitfakkar li s-SRB qies, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti u li l-Kummissjoni, billi qieset l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, approvata bid-Deċiżjoni 2017/1246. Għalhekk, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-ewwel, Banco Popular kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli, it-tieni, ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u, it-tielet, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ strument ta’ bejgħ ta’ negozju ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku.

102    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ Aeris Invest li abbażi tagħhom l-uffiċċju evalwatur kellu jipprevedi xenarju ta’ stralċ li jieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi li Banco Popular kienet f’pożizzjoni li tkompli bl-attivitajiet tagħha huma f’kontradizzjoni mal-elementi fattwali stabbiliti fid-data tar-riżoluzzjoni kif ukoll mad-deċiżjoni li Banco Popular tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni.

103    Fil-fatt, li jitqies li Banco Popular kienet f’pożizzjoni li tkompli bl-attivitajiet tagħha fid-data tar-riżoluzzjoni jkollu l-konsegwenza li jikkontesta l-fatt li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u, għaldaqstant, ikun jammonta għal kontestazzjoni tal-legalità tagħha. Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

104    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li s-SRB wettaq żball manifest meta approva l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li tipprovdi li, fid-data tar-riżoluzzjoni, peress li Banco Popular ma kinitx f’pożizzjoni li tkompli bl-operat tagħha, xenarju kontrofattwali ta’ impriża operattiva ma kienx possibbli.

105    Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ Aeris Invest intiżi sabiex jiġi stabbilit li Banco Popular setgħet tkompli bl-attivitajiet tagħha fid-data tar-riżoluzzjoni, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha ta’ likwidità u tal-fatt li l-awtorizzazzjoni bankarja tagħha ma kinitx ġiet irtirata lilha, ma jistgħux jiġu sostnuti.

106    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti u Aeris Invest isostnu li Banco Popular setgħet tkompli bl-attività tagħha fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha ta’ likwidità.

107    F’dan ir-rigward, l-ewwel, Aeris Invest issostni li s-SRB kiser l-obbligu tiegħu li jeżamina l-informazzjoni disponibbli fuq il-kontribuzzjoni urġenti ta’ likwidità li kienet ġiet awtorizzata mill-BĊE u li kienet tippermetti lil Banco Popular ikollha likwidità suffiċjenti.

108    Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 20(18) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 3, sabiex jiġi stabbilit ix-xenarju kontrofattwali, hija bbażata fuq l-ipoteżi li Banco Popular kienet tkun suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument li fih l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet adottata u li l-miżura ta’ riżoluzzjoni ma ġietx eżegwita u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni eventwali ta’ sostenn finanzjarju pubbliku eċċezzjonali.

109    Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-kontribuzzjoni urġenti ta’ likwidità awtorizzata mill-BĊE, imsemmija minn Aeris Invest, ma kinitx ingħatat lil Banco Popular mill-Bank ta’ Spanja. Għaldaqstant, din il-kontribuzzjoni urġenti ta’ likwidità ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni 3 sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fil-każ li din kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza f’din l-istess data.

110    It-tieni, ir-rikorrenti u Aeris Invest iqisu li s-SRB, sabiex isostni li Banco Popular ma setgħetx tkompli bl-attività tagħha, ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli ta’ Banco Popular imwettqa mill-BĊE, sa fejn din l-evalwazzjoni ma kellhiex effetti vinkolanti u sa fejn hija ma kinitx tipprevedi li Banco Popular kellha twaqqaf l-attività tagħha.

111    Għandu jitfakkar li, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri lejlet l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-BĊE adotta l-evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli ta’ Banco Popular. F’din l-evalwazzjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, qies li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kinitx ser tkun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li tħallas id-djun tagħha jew l-impenji l-oħra tagħha meta dawn isiru dovuti. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li kien probabbli fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

112    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli ta’ Banco Popular imwettqa mill-BĊE tikkostitwixxi element fattwali li l-uffiċċju evalwatur u s-SRB setgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, kif indika l-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3, din il-konstatazzjoni kienet barra minn hekk ġiet ikkonfermata mill-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular li, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment probabbli.

113    Fl-aħħar nett, la l-uffiċċju evalwatur u lanqas is-SRB ma ddikjaraw li l-evalwazzjoni tal-BĊE kienet tobbliga lil Banco Popular ittemm l-attività tagħha.

114    It-tielet, Aeris Invest issostni li l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma kinitx tali li kienet twassal għal stralċ sa fejn ebda fajl ta’ investigazzjoni ma nfetaħ minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali.

115    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB kien ikkonstata li, fit‑12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġijiet ta’ likwidità (Liquidity Coverage Requement, LCR) ta’ Banco Popular kien niżel taħt il-livell minimu ta’ 80 % stabbilit mill-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29). Issa, Aeris Invest ma tikkontestax dan il-fatt.

116    Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni li Banco Popular, fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ likwidità tagħha u tal-fatt li hija ma setgħetx tlaħħaq mal-impenji tagħha meta jsiru dovuti, ma baqgħetx f’pożizzjoni li tkompli bl-attivitajiet tagħha fid-data tar-riżoluzzjoni, ma kinitx teħtieġ li jiġu adottati miżuri konkreti mill-awtoritajiet nazzjonali għal nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità.

117    Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv.

118    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti u Aeris Invest jaffermaw li l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular ma ġietx irtirata.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-uffiċċju evalwatur, fil-valutazzjoni 3 u fid-dokument ta’ kjarifika, indika li l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular kienet ġiet irrevokata skont l-Artikolu 8 tal-Ley 10/2014 de ordenación, supervisión y solvencia de entidades de crédito (il-Liġi 10/2014 dwar l-Organizzazzjoni, is-Sorveljanza u s-Solvenza tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), tas‑26 ta’ Ġunju 2014 (BOE Nru 156, tas‑27 ta’ Ġunju 2014, p. 49412). Din id-dispożizzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, fost il-każijiet li fihom l-awtorizzazzjoni mogħtija lil istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tiġi rtirata, l-ewwel, il-fatt li din tal-aħħar tikkomprometti l-kapaċità li tirrimborsa l-fondi fdati lilha mid-depożitanti jew ma tipprovdix il-garanzija li hija tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha lejn il-kredituri u, it-tieni, il-fatt li ttieħdet deċiżjoni ġudizzjarja sabiex tinfetaħ il-fażi ta’ stralċ tal-proċedura ta’ insolvenza. L-uffiċċju evalwatur indika li, anki fil-każ improbabbli li l-Bank ta’ Spanja ma kien ikun adotta l-ebda miżura sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular, ir-riskju ta’ telf tad-depożiti u deċiżjoni tas-SRB li ma japplikax is-setgħat ta’ riżoluzzjoni tiegħu kienu jġiegħlu lid-diretturi tiegħu jressqu talba għal stralċ li kienet twassal għal tali rtirar.

120    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid-data tar-riżoluzzjoni, kemm il-BĊE kif ukoll il-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular kienu qiesu li din tal-aħħar kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment li attwali jew probabbli, li, skont l-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, kien jimplika li Banco Popular ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew impenji oħra meta jsiru dovuti, jew li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan kien ser iseħħ fil-futur qarib.

121    Ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet tippermettilha tlaħħaq mal-ħlas tad-djun tagħha, mingħajr ma jipproduċu ebda prova insostenn ta’ din l-affermazzjoni. Barra minn hekk, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq, Aeris Invest ma tistax tibbaża ruħha fuq il-kontribuzzjoni urġenti ta’ likwidità awtorizzata mill-BĊE sabiex issostni li Banco Popular setgħet tlaħħaq mal-impenji tagħha.

122    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti u Aeris Invest ma jistgħux isostnu b’mod validu li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni ma kinitx tikkorrispondi għall-ewwel każ previst mill-Artikolu 8 tal-Liġi 10/2014, imsemmi fil-punt 120 iktar ’il fuq, u li s-SRB wettaq żball manifest meta qies li l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular kienet ser tiġi rtirata lilha.

123    Għaldaqstant, għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument ta’ Aeris Invest li, peress li Banco Popular ma daħalx f’fażi ta’ stralċ skont id-dritt Spanjol, is-sitwazzjoni tagħha ma kinitx tikkorrispondi għat-tieni każ previst fl-Artikolu 8 tal-Liġi 10/2014 dwar il-ftuħ ta’ fażi ta’ stralċ.

124    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux jaffermaw li l-uffiċċju evalwatur kellu jwettaq valutazzjoni ta’ Banco Popular billi jipprevedi l-bejgħ tal-istituzzjoni ta’ kreditu fit-totalità tagħha jew permezz ta’ unitajiet ta’ produzzjoni, li jimplika tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża.

125    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-uffiċċju evalwatur wettaq żball meta uża metodoloġija bbażata fuq xenarju ta’ stralċ u fuq il-bejgħ tal-assi b’mod individwali jew permezz ta’ portafolli.

126    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li strateġija “bank tajjeb/bank ħażin” kienet awtorizzata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u li, skont il-perizja annessa mar-rikorsi, din kienet l-aħjar strateġija għall-applikazzjoni tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar. Huma jindikaw li, f’din il-perizja, l-espert tagħhom ippreveda stralċ tal-bank permezz ta’ unitajiet ta’ produzzjoni, abbażi ta’ xenarju simili għal separazzjoni tal-assi permezz tal-ħolqien ta’ żewġ kumpanniji ġodda, jiġifieri kumpannija li lilha tiġi ttrasferita l-attività prinċipali bl-awtorizzazzjoni bankarja u kumpannija ta’ ġestjoni tal-assi li lilha jiġu ttrasferiti l-assi mhux produttivi. L-istralċ tal-kumpannija permezz ta’ unitajiet ta’ produzzjoni jimplika li dan isir bħala bejgħ ta’ impriża operattiva, bit-trasferiment tal-awtorizzazzjoni bankarja li, skont il-perizja, ma għandhiex tiġi rtirata u għalhekk tippermetti perijodu ta’ stralċ iqsar u għalhekk tnaqqis tal-ispejjeż.

127    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument kif ukoll il-perizja annessa mar-rikorsi sa fejn din tinkludi valutazzjoni ta’ Banco Popular bħala impriża operattiva ma huwiex rilevanti sa fejn huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li Banco Popular setgħet tkompli bl-attivitajiet tagħha.

128    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li r-riżultat tal-istima tal-valur tal-assi ta’ Banco Popular fil-każ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ipotetika li tinsab fil-perizja tar-rikorrenti ma jaqbilx mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-valutazzjoni 3, ħlief f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrenti jallegaw li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex plawżibbli, jikkostitwixxi kontestazzjoni li tmur lil hinn mill-istħarriġ ristrett tal-Qorti Ġenerali previst fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 78).

129    Fil-fatt, il-perizja annessa mar-rikorsi, sa fejn din tinkludi valutazzjoni ta’ Banco Popular ibbażata fuq l-ipoteżi ta’ impriża operattiva distinta minn dik użata fil-valutazzjoni 3, ma tistax iċċaħħad mill-plawżibbiltà l-ipoteżijiet mressqa mill-uffiċċju evalwatur f’din il-valutazzjoni.

130    Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti, dwar lindipendenza taluffiċċju evalwatur

131    Fir-rikorsi, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 sa fejn ma żgurax b’mod suffiċjenti l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur. Huma jsostnu li, peress li l-uffiċċju evalwatur kien ġie inkarigat bil-valutazzjoni 2, huwa leġittimu li jiġi ddubitat li huwa seta’ jitbiegħed, fil-valutazzjoni 3, mill-kriterji u mill-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 2 fir-rigward tal-analiżi tad-differenza fit-trattament. Huma josservaw li parti kbira mill-valutazzjoni 3 issegwi l-valutazzjoni 2.

132    Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti speċifikaw il-portata tal-argument tagħhom. Ir-rikorrenti ammettew li l-valutazzjoni 3 u s-simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ inkluż fil-valutazzjoni 2 kienu bbażati fuq data differenti, iżda huma rrilevaw li l-konklużjoni li wasal għaliha l-uffiċċju evalwatur kienet l-istess, jiġifieri li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma kellhomx dritt għal kumpens għad-danni. Huma indikaw li, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur kien uża l-istess metodoloġija bħal fit-tieni parti tal-valutazzjoni 2 li kien fiha simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ, jiġifieri li kien wettaq valutazzjoni tal-assi abbażi ta’ portafolli u mhux bħal fil-każ ta’ impriża operattiva. Huma qiesu li Banco Popular kien ikollha valur għoli ħafna li kieku kienet ġiet ivvalutata bħala impriża operattiva.

133    Għalhekk, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti waqt is-seduta jirriżulta li huma jsostnu li huwa possibbli li tiġi ddubitata l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur sa fejn dan tal-aħħar, fil-valutazzjoni 3, evalwa l-assi ta’ Banco Popular skont l-istess metodu bħal dak użat fis-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ inkluż fil-valutazzjoni 2, jiġifieri skont xenarju kontrofattwali ta’ stralċ.

134    Issa, mill-analiżi tal-ewwel parti jirriżulta li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli u tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, l-istima tat-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza setgħet titwettaq biss abbażi ta’ xenarju ta’ stralċ u li valutazzjoni bħala impriża operattiva ma kinitx possibbli.

135    Minn dan isegwi li kwalunkwe evalwatur ieħor li seta’ nħatar mis-SRB sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3 seta’ juża biss l-istess metodu.

136    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-fatt li l-uffiċċju evalwatur uża l-istess metodu fil-valutazzjoni 2 u 3, jiġifieri valutazzjoni ta’ Banco Popular abbażi ta’ xenarju ipotetiku ta’ stralċ, huwa ta’ natura li jistabbilixxi nuqqas ta’ indipendenza tiegħu.

137    Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal smigħ stabbilit millArtikolu 41(2) talKarta

138    Ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm is-SRB effettivament ippermetta lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati jifformulaw kummenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa llimita d-dritt għal smigħ tagħhom billi impona formola li tinkludi seba’ mistoqsijiet restrittivi bi spazji ta’ tweġiba limitati. Huma jsostnu li s-SRB osserva biss fl-apparenza l-obbligu tiegħu li jisma’ lill-azzjonisti u l-kredituri affettwati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-fatt li wieħed ikollu jwieġeb permezz ta’ formola ppreparata mis-SRB u adattata għall-interessi tiegħu jostakola l-eżerċizzju utli tad-dritt għal smigħ.

139    Huma jqisu li l-formola stabbilita mis-SRB ma kinitx tippermetti li jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet u li l-fatt li huma kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw kwalunkwe osservazzjoni supplimentari fir-rigward tad-deċiżjoni preliminari f’massimu ta’ 5 000 karattru ma kienx jippermetti analiżi kritika tal-valutazzjoni 3 u tad-deċiżjoni preliminari, iktar u iktar peress li ma kienx possibbli li jiġu mehmuża dokumenti.

140    Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprevedi fi d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kontrihom miżura individwali li tolqothom b’mod sfavorevoli.

141    Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod sfavorevoli. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’għarfien sħiħ tal-fatti u għandu b’mod partikolari l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw favur li d-deċiżjoni tittieħed, ma tittiħidx jew li jkollha kontenut partikolari (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Parlement vs UZ, C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punti 89 u 90 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 325 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali. Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 326 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ, la tista’ tiġi eskluża u lanqas ristretta minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tagħha għandha għalhekk tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hija stess l-imsemmi prinċipju (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 327 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 806/2014 ma jipprevedix proċedura speċifika intiża sabiex l-azzjonisti u l-kredituri affettwati minn miżura ta’ riżoluzzjoni jinstemgħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jingħatalhom jew le kumpens għad-danni skont l-Artikolu 76(1)(e) ta’ dan ir-regolament.

145    Issa, f’dan il-każ, is-SRB organizza proċedura dwar id-dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, miftuħa għall-azzjonisti u l-kredituri kollha affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u intiża sabiex tippermettilhom jippreżentaw kummenti dwar il-valutazzjoni 3 u d-deċiżjoni preliminari qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

146    F’dan ir-rigward, għalkemm, kif tfakkar fil-punt 144 iktar ’il fuq, ir-rispett tad-dritt għal smigħ għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi espressament l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, xorta jibqa’ l-fatt li la r-Regolament Nru 806/2014 u lanqas l-Artikolu 41 tal-Karta ma jipprevedu proċedura speċifika sabiex jiġi implimentat id-dritt għal smigħ. Is-SRB kellu għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jorganizza l-proċedura li huwa jqis xierqa sabiex jippermetti lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati jeżerċitaw id-dritt għal smigħ tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom b’mod effettiv u utli.

147    Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, l-għażla tas-SRB li juża formola sabiex jiġbor il-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati kienet taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fl-organizzazzjoni ta’ din il-proċedura.

148    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li din il-proċedura kienet intiża sabiex tiggarantixxi dritt għal smigħ lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huma ma jikkontestawx l-għażla tal-użu ta’ formola bħala metodu ta’ konsultazzjoni. Kif jirriżulta mill-punti 17 u 100 tar-rikors fil-Kawża T‑302/20 u mill-punti 18 u 101 tar-rikorsi fil-Kawżi T‑303/20 u T‑307/20, huma jilmentaw li s-SRB irrestrinġa l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal smigħ sa fejn din il-formola kienet tillimita l-kontenut u t-tul tal-kummenti li setgħu jiġu ppreżentati dwar il-valutazzjoni 3 u d-deċiżjoni preliminari u sa fejn għalhekk huma ma kellhomx “libertà totali” fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

149    Madankollu, l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta li jipprovdi:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

150    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali, bħalma huma r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jinkludi d-dritt għal smigħ, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinvolvi xi restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jilħqu effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali intiżi mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, indħil sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja Sistema dixxiplinari applikabbli għall-membri tal-ġudikatura), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 207 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 337 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza tal-irregolarità mwettqa, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Ġunju 2021, CE vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, T‑355/19, EU:T:2021:369, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Ċertament, ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent li juri li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet tkun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li din il-parti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar li kieku ma kienx hemm l-irregolarità proċedurali (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2022, CRIA u CCCMC vs Il‑Kummissjoni, T‑30/19 u T‑72/19, EU:T:2022:266, punt 242 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Madankollu, l-eżistenza ta’ irregolarità f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tal-att ikkontestat biss sa fejn tkun teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, b’tali mod li taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Mejju 2022, CRIA u CCCMC vs Il‑Kummissjoni, T‑30/19 u T‑72/19, EU:T:2022:266, punt 243 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, deskritti fil-punti 16 sa 21 iktar ’il fuq, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kienu jissodisfaw il-kriterji tal-fażi ta’ reġistrazzjoni ntalbu jimlew formola disponibbli fis-sit internet tas-SRB u li kienet tinkludi disa’ mistoqsijiet ġenerali, jiġifieri seba’ mistoqsijiet prinċipali, fosthom mistoqsija waħda maqsuma fi tliet partijiet, li kienet tippermettilhom jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari kif ukoll dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3. B’mod partikolari, l-aħħar mistoqsija kienet mistoqsija miftuħa li kienet tippermettilhom jippreżentaw kummenti dwar kwalunkwe suġġett relatat mad-deċiżjoni preliminari li ma kienx diġà inkluż fil-formola.

155    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti u Aeris Invest jilmentaw li s-SRB ma eżaminax ċerti kummenti minħabba li huma “ma kinux jaqgħu taħt il-proċedura”.

156    F’dan ir-rigward, taħt it-Titolu 6.1 “Evalwazzjoni tar-Rilevanza” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li, peress li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu qajmu ċertu numru ta’ elementi li ma kinux relatati mad-deċiżjoni preliminari jew mar-raġunament li fuqu hija bbażata inkluż fil-valutazzjoni 3, huwa kien qabelxejn eżamina r-rilevanza ta’ dawn il-kummenti. Huwa qies li tali kummenti ma setgħux jinfluwenzaw il-kwistjoni dwar jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux jirċievu trattament aħjar li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, li kienu joħorġu mill-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ u li ma kinux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni.

157    Għalhekk, is-SRB elenka l-kummenti li huwa kien iqis bħala irrilevanti, fosthom dawk relatati mas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u mal-fatt li dawn ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni, dawk relatati ma’ elementi oħra tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u mal-valutazzjoni 2, dawk relatati man-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli ta’ Banco Popular u dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, u b’mod partikolari dwar il-karatteristiċi tal-formola.

158    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u Aeris Invest, is-SRB eżamina l-kummenti kollha rċevuti u li huwa spjega, fid-deċiżjoni kkontestata, għal liema raġuni wħud minn dawn il-kummenti ma kinux rilevanti għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

159    Issa, għandu jiġi kkonstatat li la r-rikorrenti u lanqas Aeris Invest ma jindikaw liema kummenti miċħuda mis-SRB bħala irrilevanti kellhom jiġu eżaminati. Huma ma jispjegawx sa liema estent dawn il-kummenti, sa fejn la kienu jirrigwardaw il-valutazzjoni 3 u lanqas id-deċiżjoni preliminari, setgħu jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

160    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-proċedura dwar id-dritt għal smigħ kienet intiża sabiex jinkisbu kummenti dwar id-deċiżjoni preliminari u l-valutazzjoni 3 sabiex is-SRB ikun jista’ jadotta deċiżjoni dwar eventwali kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati. Konformement mal-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014, imfakkar fil-punt 62 iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni hija bbażata fuq paragun bejn it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni u t-trattament li kienu jibbenefikaw minnu fil-kuntest ta’ stralċ ipotetiku ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni.

161    Kif jirriżulta mill-punti 100 sa 104 iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni tikkostitwixxi element fattwali li ma jistax jiġi kkontestat fl-istadju tad-determinazzjoni tad-dritt għal eventwali kumpens abbażi tal-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. Għaldaqstant, il-kummenti dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular preċedenti għar-riżoluzzjoni ma kinux rilevanti għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

162    Għaldaqstant, is-SRB ma jistax jiġi kkritikat li kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti minħabba li ċaħad kummenti irrilevanti.

163    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-formola mfassla mis-SRB ma kinitx tippermetti li jiġu indirizzati diversi suġġetti, bħall-approċċ metodoloġiku, l-indipendenza tal-evalwatur, il-preżunzjonijiet ifformulati mill-uffiċċju evalwatur, il-kuntest makroekonomiku, l-effett tal-istralċ ta’ Banco Popular fuq il-kumpanniji l-oħra tal-grupp u l-portata tar-riżervi għal riskji legali.

164    Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġetti msemmija mir-rikorrenti kienu koperti mill-mistoqsijiet li jinsabu fil-formola. Fil-fatt, il-mistoqsija Nru 1 kienet tirreferi għall-punti tad-deċiżjoni preliminari li jikkonċernaw il-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 3; il-mistoqsija Nru 3 kienet tirreferi għall-punt 3.2 tad-deċiżjoni preliminari li tikkonċerna r-reklutaġġ tal-uffiċċju evalwatur u b’mod partikolari l-indipendenza tiegħu; il-mistoqsija Nru 4 kienet tikkonċerna espliċitament il-preżunzjonijiet ifformulati mill-uffiċċju evalwatur; il-mistoqsija Nru 6 kienet tikkonċerna r-riżervi għal riskji legali. Il-mistoqsija Nru 7 kienet mistoqsija miftuħa li tippermetti lir-rikorrenti jindirizzaw il-kuntest makroekonomiku u l-impatt tal-istralċ ta’ Banco Popular fuq il-kumpanniji l-oħra tal-grupp.

165    Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata u mid-dokument ta’ kjarifika jirriżulta li s-SRB u l-uffiċċju evalwatur analizzaw kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati dwar is-suġġetti msemmija mir-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar ma jistgħux jallegaw li l-formola ma tippermettix li dawn jiġu indirizzati.

166    F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-dokument ta’ kjarifika, il-punt 5.1 jindirizza l-kummenti dwar il-metodoloġija użata mill-uffiċċju evalwatur u b’mod partikolari għal dawk li jikkonċernaw l-ipoteżijiet adottati fil-valutazzjoni 3, il-punt 5.2 jindirizza l-kummenti dwar il-kuntest makroekonomiku, il-punt 5.3 jindirizza l-kummenti dwar l-istrateġija ta’ stralċ ipotetika użata fil-valutazzjoni 3 u, b’mod partikolari, dwar ix-xenarji ipotetiċi differenti adottati, il-punt 5.11 jindirizza l-kummenti dwar ir-riżervi għal riskji legali u l-punt 5.3.4 jindirizza l-kummenti dwar l-impatt tal-istralċ ta’ Banco Popular fuq is-sussidjarji tagħha. Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, it-Titolu 6.2.1 jindirizza il-“Kummenti dwar l-Indipendenza tal-Uffiċċju Evalwatur” u t-Titolu 6.2.2 jindirizza il-“Kummenti dwar il-Kontenut tal-Valutazzjoni 3”, b’mod partikolari l-kummenti dwar il-metodoloġija użata mill-uffiċċju evalwatur u d-diversi ipoteżijiet adottati fil-valutazzjoni 3, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ix-xenarji ta’ stralċ. Pereżempju, taħt dan it-titolu, is-SRB jindirizza kummenti dwar ix-xenarju makroekonomiku, l-impatt tal-istralċ ta’ Banco Popular fuq l-entitajiet l-oħra tal-grupp u r-riżervi għal riskji legali.

167    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li huma ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw kummenti dwar suġġetti li ma kienu previsti minn ebda waħda mill-mistoqsijiet li jinsabu fil-formola u li kellhom impatt fuq id-deċiżjoni kkontestata.

168    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-formola ġiet redatta mis-SRB b’mod adattat għall-interessi tiegħu jew li kienet intiża li ssaħħaħ il-kriterji u l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 3.

169    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata li, fil-formola, il-mistoqsijiet kienu redatti b’mod newtrali fil-forma ta’ preżentazzjoni qasira tas-suġġett ikkonċernat u ta’ riferiment għall-partijiet tad-deċiżjoni preliminari jew tal-valutazzjoni 3 imsemmija, segwit minn stedina lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom jew l-opinjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

170    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti u Aeris Invest isostnu li s-SRB kiser id-dritt għal smigħ tagħhom billi llimita t-tul tal-kummenti tagħhom għal 5 000 karattru għal kull mistoqsija u billi ma ppermettiex li jiġu mehmuża dokumenti.

171    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li 2 855 azzjonisti u kredituri affettwati kienu wieġbu għall-formola, li kienet tikkorrispondi għal madwar 23 822-il kumment.

172    Issa, il-kummenti ppreżentati mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati matul il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ bi tweġiba għall-formola kienu s-suġġett ta’ analiżi ddettaljata taħt it-Titolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata u wasslu għall-adozzjoni mill-uffiċċju evalwatur tad-dokument ta’ kjarifika. Għalhekk, minkejja li t-tul tal-kummenti kien limitat mill-formola, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur wieġbu għalihom b’mod iddettaljat.

173    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jindikawx liema kienu l-kummenti, minbarra dawk li kienu tqajmu mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ u li għalihom is-SRB u l-uffiċċju evalwatur kienu wieġbu, li huma kienu preklużi milli jsostnu minħabba d-daqs tal-formola. Huma lanqas ma jippreċiżaw liema huma d-dokumenti li xtaqu jkunu jistgħu jehmżu mal-formola.

174    Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar il-limitazzjoni tat-tul tat-tweġibiet għall-formola huwa purament teoretiku u ma jistax jistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fin-nuqqas ta’ tali limitu, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

175    Fir-rigward tal-argument ta’ Aeris Invest li ma kienx possibbli li jiġi ssuġġerit, bi tweġiba għall-formola, metodu alternattiv ta’ valutazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, l-għan tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ kien li jinġabru kummenti dwar id-deċiżjoni preliminari u l-valutazzjoni 3 li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni li kienet ser tiġi adottata mis-SRB. Issa, is-sempliċi preżentazzjoni ta’ metodu ta’ valutazzjoni alternattiv għal dak li jinsab fil-valutazzjoni 3 ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-validità ta’ din tal-aħħar u lanqas, għaldaqstant, li taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

176    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt għal rimedju effettiv stabbilit flArtikolu 47 talKarta

177    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn iddikjara kunfidenzjali partijiet essenzjali tal-valutazzjoni 3, li pprekludihom milli jippreżentaw dan ir-rikors bil-garanziji neċessarji u kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Huma jilmentaw li s-SRB ħalla barra l-informazzjoni dwar ir-riżervi għal riskji legali li jinsabu fil-valutazzjoni 3.

178    Ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċirkustanzi li wasslu lis-SRB jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni jibqgħu mhux magħrufa u li s-SRB baqa’ jħalli barra informazzjoni essenzjali għad-difiża tagħhom, fatt li obbligahom iwettqu perizja f’sitwazzjoni żvantaġġuża meta mqabbla mal-uffiċċju evalwatur, li seta’ jikseb informazzjoni li ma saritx pubblika. Is-SRB huwa għalhekk f’pożizzjoni privileġġata meta mqabbel mar-rikorrenti u kiser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

179    Is-SRB u l-Kummissjoni jsostnu li dan il-motiv huwa inammissibbli. Is-SRB iqis li r-rikorrenti jikkontestaw deċiżjonijiet distinti mid-deċiżjoni kkontestata u li huma irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Ir-Renju ta’ Spanja jqis li dan il-motiv huwa bbażat fuq allegazzjoni ġenerali nieqsa minn ġustifikazzjoni.

180    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha li huma ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit minn din id-dispożizzjoni teżiġi, b’mod partikolari, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti kompetenti b’azzjoni kontra entità partikolari (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2021, Banco de Portugal et (C‑126/19, EU:C:2017:335, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    Madankollu, kif imsemmi fil-punt 151, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ma humiex prerogattivi assoluti iżda jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jilħqu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-miżura inkwistjoni u bil-kundizzjoni li ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, indħil sproporzjonata u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    Tali restrizzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, ikunu intiżi sabiex jipproteġu r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sigriet professjonali, li għalihom l-aċċess għal ċerta informazzjoni u għal ċerti dokumenti jista’ jippreġudika (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Fil-każ ta’ kunflitt bejn, minn naħa, l-interess tal-persuna kkonċernata minn att li jikkawżalha preġudizzju li jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interessi marbuta maż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali, huma l-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti li għandhom ifittxu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, bilanċ bejn dawn l-interessi opposti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Qabel ma tiġi żvelata kwalunkwe informazzjoni, il-Bord għandu jiżgura li ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari, billi jkunu valutati l-effetti li l-iżvelar jista’ jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq investigazzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura tal-verifika tal-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kif jingħad fl-Artikoli 8 u 9, tar-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10 jew tal-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18.”

185    L-ewwel, fir-rigward tan-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni dwar ir-riżervi għal riskji legali li jinsabu fil-valutazzjoni 3, is-SRB, fid-deċiżjoni kkontestata, espona li, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3, minn din tal-aħħar tħassret ċerta informazzjoni skont l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali dwar Banco Popular koperta mis-sigriet professjonali. Huwa rrileva li t-tħassir ta’ informazzjoni kien limitat għal stimi u dikjarazzjonijiet individwali speċifiċi tal-punt 4.9 tal-valutazzjoni 3, dwar ir-riżervi għal riskji legali, iżda li l-informazzjoni dwar in-natura u s-sors ta’ lmenti speċifiċi u dwar il-kisbiet stmati aggregati ma kinitx tneħħiet. Is-SRB ippreċiża li l-informazzjoni li tħassret ma kienet bl-ebda mod informazzjoni pubblika u kienet, sa ċertu punt, prospettiva u li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ Banco Popular fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti. Is-SRB indika li, abbażi tal-konsultazzjoni ma’ Banco Popular u wara li bbilanċja l-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati u l-obbligu tiegħu li ma jiżvelax informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali, huwa kien ħassar ċerta informazzjoni limitata li tinsab fil-punt 4.9 tal-valutazzjoni 3.

186    Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tas-SRB li d-data mħassra dwar ir-riżervi għal riskji legali li jinsabu fil-valutazzjoni 3 kienet koperta mis-sigriet professjonali u kienet kunfidenzjali. Huma ma jikkontestawx l-obbligu tas-SRB li jipproteġi d-data kunfidenzjali li tirriżulta mill-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014.

187    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi li l-interess tagħhom li jkollhom din l-informazzjoni għandu jipprevali fuq l-osservanza tas-sigriet professjonali u li d-data moħbija fil-valutazzjoni 3 dwar ir-riżervi għal riskji legali hija neċessarja sabiex tinftiehem id-deċiżjoni kkontestata jew l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

188    It-tieni, fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni dwar l-iskema ta’ riżoluzzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jistabbilixxux liema hija l-informazzjoni li huma jikklassifikaw bħala “essenzjali”.

189    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn informazzjoni dwar l-iskema ta’ riżoluzzjoni, dwar il-fajl relatat magħha jew dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tagħha hija rilevanti għall-finijiet tal-kontestazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

190    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti dwar il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv għandu jiġi miċħud.

191    Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jifforma parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn huwa korollarju, bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-kunċett stess ta’ proċess ġust, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta opportunità raġonevoli biex tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex fi żvantaġġ meta mqabbla mal-avversarju tagħha (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlement u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Dan il-prinċipju għandu l-għan li jiżgura l-bilanċ proċedurali bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, billi jiggarantixxi l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn il-partijiet f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi u d-dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti kif ukoll id-drittijiet għal azzjoni legali ta’ dawn il-partijiet. Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta ma’ dan il-prinċipju, huwa importanti li l-partijiet ikunu jafu u jistgħu jiddibattu b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt, kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary (C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li peress li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex proċedura ġudizzjarja, iżda amministrattiva, u peress li s-SRB ma jikkostitwixxix qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ u r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 213).

194    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li huma kellu jkollhom l-istess informazzjoni bħall-uffiċċju evalwatur sabiex iwettqu valutazzjoni minn espert. Fil-fatt, valutazzjoni mwettqa minn espert maħtur mir-rikorrenti ma hijiex prevista mir-Regolament Nru 806/2014 u r-riżultat tagħha ma jistax jiġi impost fuq is-SRB. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċċju evalwatur u l-esperti tagħhom fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali u minn dan ma jistgħux jaslu għall-konklużjoni li s-SRB jinsab f’sitwazzjoni privileġġata fil-konfront tagħhom f’din il-proċedura.

195    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt għallproprjetà stabbilit millArtikolu 17 millArtikolu 52(1) talKarta, kif ukoll millArtikolu 1 talProtokoll Nru 1 talKEDB

196    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għall-proprjetà tal-ex azzjonisti ta’ Banco Popular sa fejn huma ma rċevewx kumpens ġust għat-telf tagħhom. Huma jsostnu li l-ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom ma kienx josserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 17 tal-Karta, sa fejn dan ma kienx previst fil-“każijiet u kundizzjonijiet previsti minn liġi”. Huma jqisu li, minkejja li l-liġi tipprevedi d-dritt li jirċievu kumpens ġust, huma dan ma rċevewhx, filwaqt li l-perizja annessa mar-rikorsi turi li l-ex azzjonisti ta’ Banco Popular kienu jibbenefikaw minn trattament aħjar fi proċedura normali ta’ insolvenza minn dak li kienu suġġetti għalih fil-kuntest tar-riżoluzzjoni. Ir-rikorrenti jqisu li, mingħajr il-ħlas ta’ somma raġonevolment relatata mal-valur tal-proprjetà, iċ-ċaħda ta’ proprjetà tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB.

197    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

198    Il-prinċipju li jipprovdi li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar, previst fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, jipprevedi li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar minn dak li kien iġarrab li kieku l-entità li kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

199    Jekk, wara l-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġi stabbilit li l-azzjonisti jew il-kredituri ġarrbu telf ikbar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni minn dak li kienu jġarrbu waqt stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 76(1)(e) tal-istess regolament jipprevedi li s-SRB jista’ jirrikorri għas-SRF sabiex jikkumpensahom għad-danni.

200    Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi mekkaniżmu intiż li jiggarantixxi lill-azzjonisti jew lill-kredituri tal-entità suġġetta għal riżoluzzjoni kumpens ġust konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 415).

201    F’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit eventwali ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandhom juru li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, abbażi tal-valutazzjoni 3, li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ta’ Banco Popular ma kinux ikunu ttrattati aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza milli fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

202    Issa, miċ-ċaħda tal-ewwel erba’ motivi jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ tali żball.

203    Aeris Invest ma tistax validament issostni li s-SRB kiser l-Artikolu 17 tal-Karta sa fejn il-valur tal-kumpens għad-danni abbażi tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar ġie kkalkolat abbażi tal-agħar xenarju possibbli għall-azzjonisti, jiġifieri proċedura ta’ stralċ ta’ Banco Popular. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ xenarju kontrofattwali ta’ stralċ hija konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli.

204    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li l-perizja annessa mar-rikorsi tistabbilixxi li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu jkunu bbenefikaw minn trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza minn dak li kienu suġġetti għalih fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

205    Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-perizja annessa mar-rikorsi, sa fejn din tinkludi valutazzjoni ta’ Banco Popular bħala impriża operattiva, ma hijiex rilevanti peress li hija bbażata fuq l-ipoteżi żbaljata li Banco Popular setgħet tkompli bl-attivitajiet tagħha. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, dan ir-rapport ma jistax jistabbilixxi li, fix-xenarju kontrofattwali ta’ stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza, il-kredituri ta’ Banco Popular kienu jibbenefikaw minn trattament aħjar milli fil-kuntest tar-riżoluzzjoni u li minn dan kienet tirriżulta differenza fit-trattament li teħtieġ kumpens għad-danni.

206    Barra minn hekk, Aeris Invest issostni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpens għad-danni huwiex suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Karta, għandha tiġi eżaminata s-sistema ta’ kumpens kif prevista mir-Regolament Nru 806/2014 fl-intier tiegħu. Minn naħa, l-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi kumpens ikkalkolat abbażi tal-valur nett tal-assi, wara valutazzjoni definittiva, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(16) u l-Artikolu 76(1)(e) tal-istess regolament jipprevedu kumpens għad-danni abbażi tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar. Dawn huma żewġ stadji addizzjonali u l-kumpens abbażi tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar ma jkunx komplet mingħajr kumpens ikkalkolat abbażi tal-valur nett tal-assi. Issa, f’dan il-każ, is-SRB eskluda l-possibbiltà ta’ tali kumpens, fid-dawl tal-għodda ta’ riżoluzzjoni użata.

207    Kif jirrileva s-SRB, dan l-argument ta’ Aeris Invest huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 806/2014. L-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jistabbilixxix mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni, iżda jipprevedi emenda tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni jekk il-valutazzjoni ex post imwettqa abbażi tal-Artikolu 20(11) tal-istess regolament twassal għal riżultat differenti minn dak tal-valutazzjoni provviżorja. Il-kumpens għad-danni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-miżuri previsti fl-Artikolu 20(12) tal-istess regolament għandhom għanijiet differenti u ma jikkostitwixxux miżuri komplementari.

208    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju, li hija l-għodda ta’ riżoluzzjoni li ġiet adottata fir-rigward ta’ Banco Popular, ma tagħmilx parti mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014 li fihom kumpens jista’ jitħallas wara valutazzjoni definittiva ex post (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Aeris Invest vs SRB, C‑874/19 P, EU:C:2021:1040, punt 81, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs SRB, C‑934/19 P, EU:C:2021:1042, punt 92).

209    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li Aeris Invest ma tispjegax sa fejn l-assenza ta’ valutazzjoni definittiva ex post skont l-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet ta’ natura li tbiddel l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-assenza ta’ kumpens għad-danni abbażi tad-differenza fit-trattament previst mill-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

210    Konsegwentement, dan l-argument ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata u huwa ineffettiv.

211    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Aeris Invest, il-kalkolu ta’ kumpens għad-danni eventwali ma sarx f’data sussegwenti ferm ’il bogħod mill-esproprjazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 20(18) tar-Regolament Nru 806/2014, l-uffiċċju evalwatur, fil-valutazzjoni 3, telaq mill-ipoteżi li Banco Popular kienet ser tkun suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument li fih l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet adottata, li kieku din ma kinitx ġiet eżegwita. Għaldaqstant, l-uffiċċju evalwatur ma bbażax ruħu fuq valur ta’ Banco Popular wara r-riżoluzzjoni.

212    Għaldaqstant, ir-rikorrenti u Aeris Invest ma wrewx li d-deċiżjoni tas-SRB li ma jingħatalhomx kumpens għad-danni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014 tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom.

213    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittalba għal miżuri istruttorji

214    Ir-rikorrenti, fir-rikorsi tagħhom u b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbu lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja, skont l-Artikolu 88(1) tar-Regoli tal-Proċedura, intiża għas-smigħ tal-awtur tar-perizja annessa mar-rikorsi.

215    Fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji mressqa minn parti f’kawża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB, C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 435 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki fejn talba għal eżami ta’ xhud, ifformulata fir-rikors, tindika preċiżament l-fatti li fuqhom, u r-raġunijiet li għalihom, xhud għandu jinstema’, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba għas-suġġett tat-tilwima u l-bżonn li jiġi jinstema’ l-imsemmi xhud (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 29).

217    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-elementi inklużi fil-proċess kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, wara li din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli fuq il-bażi tal-konklużjonijiet, ir-raġunijiet u l-argumenti żviluppati matul il-kawża u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

218    Minn dan isegwi li t-talba għal miżuri istruttorji tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

219    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mis-SRB, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

220    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja għandu għalhekk ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

221    Skont l-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. F’dan il-każ, Aeris Invest, li intervjeniet insostenn tar-rikorrenti fil-Kawża T‑302/20, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huma miċħuda.

2)      Fil-Kawża T302/20, Antonio Del Valle Ruíz u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, fil-Kawża T303/20, José María Arias Mosquera u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness u, fil-Kawża T307/20, Calatrava Real State 2015, SL, huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

4)      Aeris Invest Sàrl għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

van der Woude

De Baere

Steinfatt

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Novembru 2023.

Firem


Werrej


Il fatti li wasslu għallkawża

It talbiet talpartijiet

Id dritt

Fuq l ewwel motiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 15(1)(g) tarRegolament Nru 806/2014

Fuq it tieni motiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 20(16) tarRegolament Nru 806/2014

Fuq l ewwel parti, dwar iddeterminazzjoni taxxenarju kontrofattwali

– Fuq lewwel ilment, intiż sabiex jikkontesta lużu ta’ xenarju ta’ stralċ

– Fuq ittieni lment, intiż sabiex jikkontesta ttrasferiment talassi b’mod individwali jew permezz ta’ portafolli

Fuq it tieni parti, dwar lindipendenza taluffiċċju evalwatur

Fuq it tielet motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal smigħ stabbilit millArtikolu 41(2) talKarta

Fuq ir raba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt għal rimedju effettiv stabbilit flArtikolu 47 talKarta

Fuq il ħames motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt għallproprjetà stabbilit millArtikolu 17 millArtikolu 52(1) talKarta, kif ukoll millArtikolu 1 talProtokoll Nru 1 talKEDB

Fuq it talba għal miżuri istruttorji

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.


2      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.