Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2020 – Eurobolt et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-479/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Eurobolt BV (‘s-Heerenberg, il-Pajjiżi l-Baxxi), Fabory Nederland BV (Tilburg, il-Pajjiżi l-Baxxi), ASF Fischer BV (Lelystad, il-Pajjiżi l-Baxxi), Stafa Group BV (Maarheeze, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: S. De Knop, B. Natens u A. Willems, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/611 tat-30 ta’ April 2020 li jimponi mill-ġdid id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le 1 ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv jallega li billi retroattivament “jirranġa” ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ir-Regolament (EU) 2020/611 jikser l-Artikoli 266 u 264 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

It-tieni motiv jallega li billi ma għandu l-ebda bażi legali valida, ir-Regolament (EU) 2020/611 jikser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 2 , l-Artikoli 5(1) u 5(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

It-tielet motiv jallega li billi jipprojbixxi l-ħlas lura u jordna l-ġbir ta’ dazji anti-dumping imħallsa lura, ir-Regolament (EU) 2020/611 jikser l-Artikoli 5(1) u 5(2) TUE.

____________

1  ĠU 2020 L 141, p. 1.

2  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009 L 343, p. 51).