Language of document : ECLI:EU:T:2021:201

Kawża T-539/13

Inclusion Alliance for Europe GEIE vs Il-Kummissjoni

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ April 2021

“Rikors għal annullament u għad-danni – Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007–2013) – Proġetti MARE, Senior u ECRN – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirkupra s-somom imħallsa indebitament – Rikorrent li waqaf jirrispondi għat-talbiet tal-Qorti Ġenerali – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

1.      Rikors għal annullament – Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007–2013) – Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007–2013) – Proġetti MARE, Senior u ECRN – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirkupra s-somom imħallsa indebitament – Rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali – Nuqqas ta’ attività tar-rikorrent – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 131(2))

(ara l-punti 13-28)

2.      Rikors għad-danni – Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007–2013) – Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007–2013) – Proġetti MARE, Senior u ECRN – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirkupra s-somom imħallsa indebitament – Rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali – Nuqqas ta’ attività tar-rikorrent – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 268 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 131(2))

(ara l-punti 13-28)

Sunt

Ir-rikorrenti, Inclusion Alliance for Europe GEIE, hija kumpannija stabbilita fir-Rumanija li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tas-saħħa u tal-integrazzjoni soċjali. Matul is-snin 2007 u 2008, il-Kummissjoni Ewropea kienet ikkonkludiet mar-rikorrenti tliet kuntratti ta’ sussidju (1), fil-kuntest ta’ żewġ programmi, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni kif ukoll il-kompetittività u l-innovazzjoni.

Fit-17 ta’ Lulju 2013, wara diversi awditi li minnhom irriżulta li l-ġestjoni finanzjarja tal-proġetti inkwistjoni ma kinitx twettqet b’osservanza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-programmi korrispondenti, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni intiża għall-irkupru ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji miġbura mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti msemmija iktar ’il fuq kif ukoll tal-interessi moratorji fuq dawn l-ammonti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (2).

Ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-ħlas mill-Kummissjoni ta’ danni minħabba d-dannu materjali u morali sostnuti minħabba l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħha permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“digriet inizjali”), ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali appell kontra dan id-digriet u talba għal miżuri provviżorji intiża għall-ksib ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet inizjali u tad-deċiżjoni kkontestata.

Wara li ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji (3), il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, annullat id-digriet inizjali minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkonċernat biss fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u li nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat jew ksur tad-dritt applikabbli għal dan il-kuntratt jistgħu jiġu invokati biss fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell” (4).

Peress li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Is-sentenza tal-appell ġiet innotifikata lill-partijiet (5), fejn in-notifika tar-rikorrenti kienet indirizzata lir-rappreżentant legali tagħha. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ripetutament stiednet lill-partijiet, u b’mod partikolari lir-rappreżentant legali u lill-avukat tar-rikorrenti, jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza mogħtija fl-appell għas-soluzzjoni tal-kawża. Billi kkonstatat li r-rikorrenti kienet waqfet tirrispondi għat-talbiet tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà li jiġi kkonstatat, ex officio, permezz ta’ digriet motivat, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni (6). Din it-talba ġiet akkumpanjata b’terminu li kien jiskadi fit-8 ta’ Jannar 2021. Fir-rigward tar-rikorrenti, din it-talba ġiet indirizzata lir-rappreżentant legali tagħha u lill-avukat tagħha, mingħajr ma ġiet irreġistrata ebda reazzjoni min-naħa tagħhom.

Madankollu, wara li kien skada t-terminu stabbilit, il-Qorti Ġenerali rċeviet ittra mingħand avukat li ddikjara li kien qiegħed jirrappreżanta lir-rikorrenti u talab li jitħalla jippreżenta osservazzjonijiet f’isimha f’termini li kellu jiġi ddeterminat, u spjega li r-rikorrenti ma kinitx ġiet informata bl-aħħar notifiki tal-Qorti Ġenerali minħabba “problemi ta’ komunikazzjoni u “konsegwenzi tal-pandemija”.

Sa fejn huwa neċessarju, għandu jiġi kkonstatat li, fit-18 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Ġenerali rċeviet ittra mingħand avukat, miktuba bl-Ingliż u għalhekk f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża, li sostna li kien qiegħed jirrappreżenta lir-rikorrenti u talab li jkun jista’ jippreżenta osservazzjonijiet f’isimha f’terminu li għandu jiġi ddeterminat, filwaqt li spjega li r-rikorrenti ma kinitx ġiet informata bl-aħħar notifiki tal-Qorti Ġenerali minħabba “problemi ta’ komunikazzjoni” u “konsegwenzi tal-pandemija”.

Permezz tad-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors li għandha quddiemha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, jekk ir-rikorrenti tieqaf tirrispondi għat-talbiet tagħha, hija tista’, wara li tisma’ lill-partijiet, tikkonstata ex officio permezz ta’ digriet motivat li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata, skont il-Qorti Ġenerali, mill-ittra ta’ avukat ġdid tar-rikorrenti li ġiet indirizzata lilha għaxart ijiem wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Qorti Ġenerali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà, għaliha, li tikkonstata ex officio li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Fil-fatt, dan l-avukat sempliċement irrefera b’mod ġenerali għall-“problemi ta’ komunikazzjoni” u l-“konsegwenzi tal-pandemija”, mingħajr ma pprovda ebda element preċiż u konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi setgħu jipprekludu kull risposta għat-talbiet tal-Qorti Ġenerali wara n-notifika tas-sentenza tal-appell.

Għaldaqstant, fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti u tal-assenza ta’ spjegazzjoni konkreta min-naħa tagħha li tippermetti li jiġi ġġustifikat dan in-nuqqas ta’ azzjoni jew ta’ element li jsostni r-raġunijiet tal-imsemmija nuqqas ta’ azzjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni.


1      Rispettivament, “Senior – Social Ethical and Privacy Needs in ICT for Older People: a dialogue roadmap” (Senior – Bżonnijiet fil-Qasam ta’ Etika Soċjali u ta’ Kunfidenzjalità fit-TIK għal Persuni Anzjani: pjan ta’ direzzjoni tad-djalogu), “Market Requirements, Barriers and Cost-Benefits Aspects of Assistive Technologies” (Rekwiżiti tas-Suq, Barrieri u Aspetti Spiża-Benefiċċji tat-Teknoloġiji ta’ Assistenza) u “European Civil Registry Network” (Network Ewropew ta’ Reġistru Ċivili).


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 4693 final, tas-17 ta’ Lulju 2013.


3      Digriet tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni (C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668).


4      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni (C‑378/16 P, EU:C:2020:575).


5      Abbażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


6      Skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk ir-rikorrent jieqaf jirrispondi għat-talbiet tal-Qorti Ġenerali, din tista’, wara li jinstemgħu l-partijiet, tikkonstata ex officio permezz ta’ digriet motivat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.