Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Awwissu 2023 – NW u YS vs Qatar Airways

(Kawża C-516/23, Qatar Airways)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Frankfurt am Main

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NW, YS

Konvenut: Qatar Airways

Domandi preliminari

1.    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91l 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier jivvjaġġa mingħajr ħlas fis-sens tal-ewwel alternattiva tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament meta huwa jkollu jħallas biss, bħala biljett tal-ajru, imposti u taxxi fuq it-trasport bl-ajru?

2.    Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Ir-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkunx każ ta’ prezz (indirettament) aċċessibbli għall-pubbliku fis-sens tat-tieni alternattiva tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament meta t-titjira tkun ġiet irriżervata fil-kuntest ta’ offerta promozzjonali ta’ trasportatur tal-ajru, limitata ratione temporis u f’termini ta’ kwantità, li kienet disponibbli biss għal grupp professjonali partikolari?

3.    Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata wkoll risposta fin-negattiv u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 jitqies li huwa applikabbli:

a)    L-Artikolu 8(1)(c) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jkun hemm rabta ratione temporis bejn it-titjira inizjalment irriżervata u kkanċellata u r-rotta alternattiva mixtieqa f’data sussegwenti?

b)    Jekk dan ikun il-każ, kif għandha tiġi ddefinita din ir-rabta ratione temporis?

____________

1     ĠU 2004, L 46, p. 1.