Appell ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2023 minn Atlas Copco Airpower u Atlas Copco AB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża magħquda T-278/16 u T-370/16, Atlas Copco Airpower et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-755/23 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Atlas Copco Airpower, Atlas Copco AB (rappreżentanti: A. von Bonin, Rechtsanwalt, O. Brouwer, A. Haelterman, A. Pliego Selie u T. van Helfteren, advocaten)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tagħti deċiżjoni finali u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi bi qbil mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja; u
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż relatati ma eventwali partijiet intervenjenti.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jinvokaw erba’ aggravji.
L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi meta identifikat is-sistema ta’ riferiment taħt l-Artikolu 107(1) TFUE:
il-Qorti Ġenerali u d-deċiżjoni kkontestata jwettqu żball ta’ liġi meta jiddefinixxux s-sistema ta’ riferimenti għaliex jagħtu interpretazzjoni żbaljata tat-tifsira u tal-portata tal-Artikolu 185(2)(b) tal-Code des impôts sur les revenus 1992 (Il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992);
il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi.
It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-skema kienet tagħti vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) TFUE.
It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-iskema kienet tapplika b’mod selettiv għal ċerti impriżi taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.
Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-għajnuna setgħet tiġi rkuprata mingħand l-entitajiet kollha ta’ grupp multinazzjonali.
____________
1 ĠU 2016, L 260, p. 61