Language of document : ECLI:EU:C:2022:452

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

Ippreżentati fid‑9 ta’ Ġunju 2022 (1)

Kawża C154/21

RW

vs

Österreichische Post AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 15(1)(c) – Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data – Informazzjoni dwar id-destinatarju konkret jew dwar il-kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata d-data”






1.        Meta persuna, li d-data personali tagħha tkun is-suġġett ta’ pproċessar, tixtieq tikseb mingħand il-kontrollur informazzjoni dwar terzi li lilhom tkun ġiet żvelata din id-data, id-dritt ta’ aċċess tagħha jimplika neċessarjament li hija tirċievi informazzjoni dwar id-destinatarji konkreti tal-iżvelar li għandu bħala suġġett id-data personali tagħha jew inkella l-kontrollur jista’ jillimita ruħu li jipprovdi indikazzjonijiet biss fir-rigward tal-kategoriji ta’ destinatarji ta’ dan l-iżvelar?

2.        Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, imressaq mill-Obesrter Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (2) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

3.        Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tnisslet fil-kuntest ta’ kawża bejn RW, persuna fiżika, u l-Österreichische Post, l-operatur prinċipali ta’ servizzi postali u ta’ loġistika fl-Awstrija, li, wara talba għal aċċess minn RW għad-data personali tiegħu, ma żvelalux informazzjoni dwar id-destinatarji preċiżi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali tiegħu.

I.      Ilkuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jipprevedi:

“1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

[…]

(c)      ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

[…]”.

II.    Ilfatti, ilproċedura prinċipali u ddomanda preliminari

5.        Fil‑15 ta’ Jannar 2019, RW, ir-rikorrent quddiem il-qorti tar-rinviju, talab lill-Österreichische Post sabiex ikollu aċċess, skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, inter alia, għad-data personali li tikkonċernah li kienet miżmuma mill-Österreichische Post jew li din tal-aħħar kienet żammet fil-passat, kif ukoll, fil-każ ta’ żvelar ta’ din id-data lil terzi, għall-identità tad-destinatarji ta’ dan l-iżvelar.

6.        Fir-risposta tagħha, l-Österreichische Post iddikjarat li tuża data, sa fejn hija awtorizzata mil-liġi, fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ editriċi ta’ direttorji telefoniċi u li tipprovdiha lil klijenti kummerċjali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Imbagħad din għamlet riferiment għal sit internet li minnu kienet tirriżulta informazzjoni ġenerali dwar l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data ta’ RW u li kien jagħmel riferiment għal sit internet ieħor. Dan it-tieni sit internet kien jinkludi, min-naħa tiegħu, informazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll kien jippermetti li jiġu ddeterminati b’mod ġenerali ċerti kategoriji ta’ destinatarji lil min l-Österreichische Post kienet tiżvela d-data personali. Madankollu, l-Österreichische Post ma indikat fl-ebda mument lil RW id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data tiegħu.

7.        RW ressaq azzjoni ġudizzjarja fejn talab li l-Österreichische Post tiġi kkundannata tipprovdilu iktar informazzjoni skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, fir-rigward ta’ trasferimenti possibbli tad-data personali tiegħu lil terzi, kif ukoll, fil-każ fejn dawn it-trasferimenti effettivament seħħew, fir-rigward tad-destinatarju jew destinatarji speċifiċi li lilhom ġiet jew ser tiġi żvelata d-data personali tiegħu. RW isostni li l-informazzjoni pprovduta mill-Österreichische Post ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali tal-Artikolu 15 tar-RĠPD peress li din ma tagħmilhiex ċara jekk l-Österreichische Post bagħtitx jew le d-data personali tiegħu lil terzi u, fil-każ fejn id-data ġiet effettivament trażmessa, min huma konkretament id-destinatarji ta’ dan l-iżvelar

8.        Il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell ċaħdu t-talba ta’ RW, billi kkunsidraw essenzjalment li, peress li l-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD jagħmel riferiment għad-destinatarji jew għall-kategoriji ta’ destinatarji, din id-dispożizzjoni tagħti lill-kontrollur il-possibbiltà li jagħżel li sempliċement jiżvela lill-persuna kkonċernata l-kategoriji ta’ destinatarji, mingħajr ma jkollu jindika b’mod partikolari d-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali tiegħu.

9.        RW żamm il-pretensjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju.

10.      Matul il-proċedura quddiem dik il-qorti, l-Österreichische Post informat lil RW li d-data tiegħu kienet ġiet ipproċessata għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tad-direttorji telefoniċi u li din kienet ġiet trażmessa lil klijenti kummerċjali, fosthom min jirreklama li huwa attiv fis-settur tal-bejgħ bil-korrispondenza u tal-kummerċ tradizzjonali, impriżi informatiċi, edituri ta’ direttorji telefoniċi u assoċjazzjonijiet bħal organizzazzjonijiet tal-karità, NGOs jew partiti politiċi. Madankollu hija ma żvelatx id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data ta’ RW.

11.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-RĠPD adottata mill-qrati li jiddeċiedu fuq il-mertu u, għalhekk, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(1)(c) tar-[RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ aċċess huwa limitat għall-informazzjoni dwar kategoriji ta’ destinatarji, jekk id-destinatarji konkreti ma jkunux għadhom ġew stabbiliti fil-każ ta’ żvelar previst, iżda fejn id-dritt ta’ aċċess għandu imperattivament jestendi għad-destinatarji ta’ dan l-iżvelar, meta d-data tkun diġà ġiet żvelata?”

III. Analiżi ġuridika

12.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD dwar il-portata tad-dritt tas-suġġett tad-data, previst f’dan l-artikolu, li jikseb informazzjoni mill-kontrollur fir-rigward tad-destinatarji jew il-kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali tiegħu.

13.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-portata tal-imsemmi dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għandhiex tiġi affettwata skont jekk id-data tkunx diġà ġiet żvelata – f’liema każ dan id-dritt għandu jiġi estiż għad-destinatarji konkreti ta’ dan l-iżvelar – jew jekk id-destinatarji konkreti ta’ żvelar futur ikunux għadhom ma ġewx identifikati – f’liema każ dan id-dritt għandu jitqies li huwa limitat għal informazzjoni dwar kategoriji ta’ destinatarji.

14.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabelxejn li jiġi indikat li l-Artikolu 15 tar-RĠPD jirregola d-dritt tas-suġġett tad-data, fir-rigward tal-kontrollur, li jaċċedi għad-data personali li tikkonċernah u li tkun is-suġġett ta’ pproċessar, kif ukoll sensiela sħiħa ta’ informazzjoni relatata, b’mod partikolari, mal-ipproċessar innifsu. Din id-dispożizzjoni tikkonkretizza u tippreċiża d-dritt ta’ kull persuna li taċċedi għad-data li tikkonċernaha stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3).

15.      B’mod iktar speċifiku, skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD, is-suġġett tad-data għandu, fl-ewwel lok, id-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur il-konferma tal-eżistenza jew le ta’ pproċessar ta’ data personali li tikkonċernah. Meta jkun hemm ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt ta’ aċċess għad-data personali li hija s-suġġett tal-ipproċessar, kif ukoll għal iktar informazzjoni, elenkata fil-punti (a) sa (h) ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar ir-“riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali”.

16.      Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tippreżupponi l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tad-dritt tas-suġġett tad-data, previst f’dan l-artikolu, li jikseb informazzjoni fir-rigward tad-destinatarji tal-iżvelar tad-data personali tiegħu.

17.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-finalità mfittxija mill-att li tagħmel parti minnu (4).

18.      Barra minn hekk, peress li d-dispożizzjonijiet tar-RĠPD jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta (5).

19.      Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet, jeħtieġ li din tingħata dik li tkun ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (6).

20.      Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif indikat mill-qorti tar-rinviju nnifisha, kif ukoll minn diversi intervenuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni letterali tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD ma tippermettix li tingħata risposta definittiva għad-domanda dwar jekk id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data previst fiha għandux neċessarjament jiġi kkunsidrat bħala li jinkludi l-aċċess għal informazzjoni dwar destinatarji preċiżi tal-iżvelar li għandu bħala suġġett data personali li tikkonċernah jew jistax ikun limitat biss għal aċċess għal informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ destinatarji. Fil-fatt, f’din id-dispożizzjoni, it-termini “riċevituri” u “kategoriji ta’ riċevituri” jintużaw suċċessivament wieħed wara l-ieħor mingħajr ma huwa possibbli li tiġi dedotta ordni ta’ prijorità bejniethom. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tispeċifika espliċitament jekk huwiex possibbli li ssir għażla bejn iż-żewġ kategoriji ta’ informazzjoni possibbli previsti (jiġifieri r-“riċevituri” jew il-“kategoriji ta’ riċevituri”) u lanqas min (jiġifieri s-suġġett tad-data jew il-kontrollur) għandu, eventwalment, jagħżel għal liema tip ta’ informazzjoni għandu jiġi żgurat l-aċċess.

21.      Madankollu, dejjem kif indikat mill-qorti tar-rinviju, l-istruttura nnifisha tal-Artikolu 15(1) tar-RĠPD twassal, fil-fehma tiegħi, sabiex tiffavorixxi interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sens li huwa s-suġġett tad-data (u għalhekk mhux il-kontrollur kif ġie deċiż miż-żewġ qrati nazzjonali tal-mertu f’din il-kawża) li għandu jagħmel l-għażla bejn iż-żewġ alternattivi previsti fiha. Kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra tar-RĠPD, bħall-Artikoli 13 u 14 (7), li huma strutturati fis-sens tal-previżjoni ta’ obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kontrollur, din id-dispożizzjoni tipprevedi dritt ġenwin ta’ aċċess favur is-suġġett tad-data. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data loġikament jippreżupponi li d-detentur ta’ dan id-dritt ikollu l-possibbiltà li jagħżel jiksibx aċċess għall-informazzjoni dwar, fejn possibbli, id-destinatarji speċifiċi li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data jew, alternattivament, jillimitax ruħu li jitlob l-informazzjoni li tikkonċerna l-kategoriji ta’ destinatarji.

22.      Interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD fis-sens li hija tipprevedi d-dritt tas-suġġett tad-data li jitlob, fejn possibbli, l-aċċess għall-informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data personali tiegħu, hija barra minn hekk ikkonfermata minn analiżi kemm tal-kuntest li tinsab fih, kif ukoll tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-għanijiet u tal-istruttura ġenerali tar-RĠPD.

23.      F’dan ir-rigward nindika, qabelxejn, li l-premessa 63 tar-RĠPD tipprevedi espliċitament li s-suġġett tad-data għandu “d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni […] rigward […] ir-riċevituri tad-data personali”. Din il-premessa, li fid-dawl tagħha għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni inkwistjoni, tirrigwarda d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data personali tiegħu u bl-ebda mod ma ssemmi li dan id-dritt jista’ jiġi llimitat, skont id-diskrezzjoni tal-kontrollur, biss għall-kategoriji ta’ riċevituri.

24.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod espliċitu li r-RĠPD huwa intiż, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill‑premessa 10 tiegħu, sabiex jiġi żgurat livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni u, għal dan il-għan, li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha (8).

25.      Għal dan l-iskop, kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu josserva l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (9). Jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD li d-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod trasparenti fil-konfront tas-suġġett tad-data (10). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15 tar-RĠPD, li jirregola d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data, jikkostitwixxi dispożizzjoni fundamentali sabiex tiżgura li l-modalitajiet li permezz tagħhom tiġi pproċessata d-data jkunu trasparenti għall-persuni kkonċernati.

26.      Bħalma jirriżulta mill-premessa 63 tar-RĠPD (11), dan id-dritt ta’ aċċess għandu bħala għan, fl-ewwel lok, li jippermetti lis-suġġett tad-data li jkun jaf bl-ipproċessar tad-data tiegħu u li jivverifika l-legalità tiegħu (12). L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess għandu b’mod partikolari jippermetti lis-suġġett tad-data jivverifika mhux biss li d-data li tikkonċernah tkun korretta, iżda wkoll li din tkun ġiet żvelata lil destinatarji awtorizzati (13). Dan jippreżupponi, bħala prinċipju, li jiġu pprovduti indikazzjonijiet kemm jista’ jkun preċiżi.

27.      F’dan il-kuntest, naqbel mal-Kummissjoni Ewropea li jekk jiġi miċħud li d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data previst fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD jinkludi d-destinatarji speċifiċi, billi dan id-dritt jiġi llimitat biss għall-kategoriji ta’ destinatarji, ikun ekwivalenti għal projbizzjoni tas-suġġett tad-data milli jivverifika b’mod integrali l-legalità tal-ipproċessar imwettaq mill-kontrollur u, b’mod partikolari, milli jivverifika l-legalità tal-iżvelar tad-data li jkun twettaq. Interpretazzjoni ta’ din in-natura tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma tippermettix lis-suġġett tad-data jivverifika li d-data tiegħu ntbagħtet biss lil destinatarji awtorizzati, kuntrarjament għar-rekwiżiti indikati fil-punt preċedenti.

28.      Fit-tieni lok, u fir-rigward tal-ewwel għan, dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, kif barra minn hekk diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita d-dritt għal rettifika, id-dritt għal tħassir (id-“dritt li wieħed jintesa”) u d-dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar, mogħtija lilu rispettivament mill-Artikoli 16, 17 u 18 tar-RĠPD (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li d-dritt ta’ aċċess huwa wkoll meħtieġ sabiex jippermetti lis-suġġett tad-data li jeżerċita d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar tad-data personali dwaru msemmi fl-Artikolu 21 tar-RĠPD jew id-dritt għal rimedju ġudizzjarju fil-każ ta’ ħsara sofferta u li jikseb il-kumpens għad-dannu, fis-sens tal-Artikoli 79 u 82 tar-RĠPD (15).

29.      Interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni li tipprojbixxi lis-suġġett tad-data l-possibbiltà li jikseb informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data personali tiegħu jkollha l-konsegwenza li, fl-assenza ta’ għarfien tal-identità tagħhom, is-suġġettt tad-data ma jkunx jista’ jeżerċita fir-rigward tagħhom id-drittijiet mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-RĠPD jew ikun jista’ jeżerċitahom biss permezz ta’ sforz sproporzjonat (16). Għaldaqstant din l-interpretazzjoni tneħħi l-effett utli, f’tali sitwazzjonijiet, tal-imsemmija dispożizzjonijiet u tad-drittijiet li huma jagħtu.

30.      Minn perspettiva kuntestwali, l-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD hija, barra minn hekk, ikkonfermata wkoll mid-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 19 tal-istess regolament. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-“kontrollur għandu jikkomunika kwalunkwe rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar imwettqa f’konformità mal-Artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18 lil kull riċevitur li lilu tkun ġiet żvelata d-data personali, għajr jekk dan jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat”.

31.      Għaldaqstant l-Artikolu 19 tar-RĠPD jobbliga lill-kontrollur jinforma lid-destinatarji kollha li lilhom ikun ittrażmetta d-data personali fir-rigward ta’ kull talba għal rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ din id-data li huwa għandu jwettaq. Id-destinatarji hekk informati huma għalhekk obbligati li jipproċedu immedjatament għar-rettifika, għat-tħassir jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, sa fejn huma jkunu għadhom qegħdin jaħdmu bid-data inkwistjoni. Fil-kuntest tat-tfittxija tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni, imsemmi fil-punt 24 preċedenti, l-Artikolu 19 tar-RĠPD huwa intiż, f’dan is-sens, li jeħles lis-suġġett tad-data mill-oneru – wara li jkun talab informazzjoni skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD – li jressaq talbiet relattivi oħra għal rettifika, għal tħassir jew għal restrizzjoni lid-destinatarji kkonċernati. Madankollu, is-suġġett tad-data għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jivverifika li r-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni effettivament twettqet wara n-notifika mill-kontrollur. Minn din il-perspettiva, l-Artikolu 19 tar-RĠPD jipprevedi, għalhekk, li l-kontrollur għandu jiżvela dawn id-destinatarji lis-suġġett tad-data meta s-suġġett tad-data hekk jitlob.

32.      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 19 tar-RĠPD tikkonferma li sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-drittijiet għat-tħassir, għar-rettifika jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar tas-suġġett tad-data, previsti fl-Artikoli 16, 17 u 18 tar-RĠPD dan għandu jkollu, bħala prinċipju, dritt għall-iżvelar tal-identità tad-destinatarji speċifiċi, meta d-data personali tiegħu tkun diġà ġiet żvelata. Fil-fatt, huwa biss b’tali mod li s-suġġett tad-data jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu fir-rigward tagħhom.

33.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD għandu rwol funzjonali u strumentali meta mqabbel mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi oħra tas-suġġett tad-data previsti mir-RĠPD. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq tar-RĠPD, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt ta’ aċċess previst minn din id-dispożizzjoni għandu, bħala prinċipju, neċessarjament jikkonċerna l-possibbiltà li tinkiseb mingħand il-kontrollur informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li għandu bħala suġġett id-data personali tas-suġġett tad-data.

34.      L-estensjoni tad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD għad-destinatarji speċifiċi tal-imsemmi żvelar għandha, madankollu, limitu, fil-fehma tiegħi, tal-inqas f’żewġ każijiet.

35.      Fl-ewwel lok, fil-każ fejn huwa materjalment impossibbli li tingħata informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi, pereżempju, minħabba li dawn għadhom ma ġewx effettivament identifikati, evidentement wieħed ma jistax jippretendi li l-kontrollur jiżvela informazzjoni li għadha ma teżistix. Għalhekk, f’din l-ipoteżi, prevista espliċitament fid-domanda preliminari, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data jista’ jirrigwarda biss il-kategoriji ta’ destinatarji.

36.      Fit-tieni lok, kif irrilevat mill-Gvern Taljan, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġet tad-data, u t-twettiq tal-obbligu korrispettiv mill-kontrollur, għandu jitqies fid-dawl tal-prinċipji ta’ korrettezza u ta’ proporzjonalità.

37.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (17).

38.      F’dan il-kuntest, minn naħa, jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 12(5), li japplika wkoll espressament għad-dispożizzjoni li hija s-suġġett tad-domanda preliminari, li t-talbiet tas-suġġett tad-data ma għandhomx ikunu manifestament infondati jew eċċessivi u li, jekk dan ikun il-każ, il-kontrollur jista’ wkoll jirrifjuta li jilqa’ t-talba. Barra minn hekk, mill-istess dispożizzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar “għandu jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba”.

39.      Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha kellha l-opportunità tiċċara li jeħtieġ li jinstab bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-ħajja privata tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-intervent u l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju, u min-naħa l-oħra, il-piż fuq il-kontrollur (18). Dan il-bilanċ ġust jirriżulta li huwa intiż favur iktar attenzjoni għall-protezzjoni tad-data u tal-ħajja privata tas-suġġett tad-data, kif enfasizzat mill-ħtieġa li, sabiex it-talba għal aċċess tas-suġġett tad-data ma tiġix issodisfatta għandha tiġi ppruvata n-natura manifestament infondata u eċċessiva tagħha.

IV.    Konklużjoni

40.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):

“L-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data li huwa jipprevedi għandu neċessarjament jiġi estiż, jekk hekk jitlob is-suġġett tad-data, għall-indikazzjoni tad-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali tiegħu. Dan id-dritt ta’ aċċess jista’ jiġi llimitat biss għall-indikazzjoni tal-kategoriji ta’ destinatarji meta jkun materjalment impossibbli li jiġu identifikati d-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data jew meta l-kontrollur jistabbilixxi li t-talbiet tas-suġġett tad-data jkunu manifestament infondati jew eċċessivi fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) 2016/679”.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      ĠU 2016, L 119, p. 1


3      Bħalma diġà kelli opportunità nindika, ir-RĠPD jimplimenta r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali protett mill-Artikolu 8 tal-Karta u b’mod partikolari dawk espressament previsti mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda WM u Sovim (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:43, punt 70 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). F’dak li jirrigwarda speċifikament id-dritt ta’ persuna li taċċessa d-data li tikkonċernaha, b’riferiment għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), imħassra mir-RĠPD, ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 55 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).


4      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2022, A (C‑302/20, EU:C:2022:190, punt 63), u, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Autoriteit Persoonsgegevens (C‑245/20, EU:C:2022:216, punt 28).


5      Ara, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Sucrerie de Toury (C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      L-Artikolu 13 tar-RĠPD jikkonċerna l-informazzjoni li l-kontrollur huwa obbligat li jipprovdi meta d-data personali tinġabar mis-suġġett tad-data. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tar-RĠPD jirrigwarda l-informazzjoni li l-kontrollur għandu jipprovdi meta d-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data.


8      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 207); tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 49); u tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 52).


9      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208), u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 96).


10      Dwar il-prinċipju ta’ trasparenza, ara wkoll il-premessa 39 tar-RĠPD.


11      L-ewwel sentenza ta’ din il-premessa tipprevedi li “[s]uġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru […] sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar.”


12      Ara, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 44), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57)


13      Ara, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 49).


14      Ara, b’riferiment għad-dispożizzjonijiet relattivi tad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punti 51 u 52); tas‑17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 44); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57).


15      Ara, f’dan is-sens b’riferiment għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 52).


16      Ara, f’dan is-sens b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 51).


17      Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, f’dan is-sens, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 64).