Language of document : ECLI:EU:C:2024:436

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

30 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 8(2) – Rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali – Kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ mezz elettroniku – Obbligi ta’ informazzjoni imposti fuq il-kummerċjant – Ordni li jimplika obbligu ta’ pagament – Ordni mwettaq bl-attivazzjoni ta’ buttuna jew ta’ funzjoni simili fuq sit internet – Obbligu għall-kummerċjant li jwaħħal fuq din il-buttuna jew din il-funzjoni simili l-kliem ‘ordni b’obbligu ta’ pagament’ jew formula analoga – Obbligu ta’ pagament kundizzjonali”

Fil-Kawża C‑400/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

VT,

UR

vs

Conny GmbH,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: K. Hötzel, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VT u UR, minn N. Meise, Rechtsanwältin,

–        għal Conny GmbH, minn C. Heber, Rechtsanwältin,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene, E. Schmidt u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64 u rettifika fil-ĠU 2024, L 2024/90093).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VT u UR, sidien ta’ akkomodazzjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kerrejja”), u Conny GmbH dwar id-drittijiet ta’ kerrej (iktar ’il quddiem il-“kerrej inkwistjoni”) ċeduti lil Conny li, fil-kwalità tagħha ta’ ċessjonarju tad-drittijiet ta’ dan il-kerrej, titlob lill-imsemmija kerrejja r-rimbors ta’ pagament żejjed tal-kera.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 4, 5, 7 u 39 tad-Direttiva 2011/83 huma fformulati kif ġej:

“(4)      Skont l-Artikolu 26(2) [TFUE], is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, u l-libertà ta’ stabbiliment huma żgurati. L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(5)      [...] [A]rmonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern tan-negozju dirett lejn il-konsumatur.

[...]

(7)      L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għandhom ikunu jistgħu jorbtu fuq qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw ċerti aspetti ta’ kuntratti fl-Unjoni [Ewropea] tan-negozju dirett lejn il-konsumatur. L-effett ta’ tali armoniżżazzjoni għandu jkun li jinqerdu l-ostakli mnissla mill-frammentazzjoni tar-regoli u biex jitlesta s-suq intern f’dan il-qasam. Dawk l-ostakli jistgħu jinqerdu biss billi jitwaqqfu regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.

[...]

(39)      Huwa importanti li jiġi garantit li, fil-kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ siti web, il-konsumatur ikun jista’ jaqra u jifhem fit-totalità tagħhom l-elementi prinċipali tal-kuntratt qabel ma jagħmel l-ordni tiegħu. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġi previst f’din id-Direttiva li dawn l-elementi ikunu murija fil-viċinanza immedjata tal-konferma meħtieġa biex issir l-ordni. Huwa wkoll importanti li jiġi garantit li, f’tali sitwazzjonijiet, il-konsumatur ikun jista’ jiddetermina l-mument li fih jassumi l-obbligu li jħallas lill-kummerċjant. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-attenzjoni tal-konsumatur tinġibed b’mod speċifiku, permezz ta’ formulazzjoni inekwivokabbli, dwar il-fatt li meta ssir l-ordni dan jissarraf fl-obbligu li jitħallas il-kummerċjant.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

7)      ‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

[...]”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. [...]

[...]

5.      Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi kuntrattwali ġenerali nazzjonali, bħar-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti relatati mal-liġi kuntrattwali ġenerali mhumiex regolati minn din id-Direttiva.”

7        Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Livell ta’ armonizzjoni [armonizzazzjoni]”:

“L-Istati Membri m’għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.”

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

(a)      il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

[...]

(e)      l-prezz totali tal-oġġetti jew servizzi inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi hija tali li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat [...]

[...]

(o)      it-tul ta’ żmien tal-kuntratt fejn applikabbli jew jekk il-kuntratt huwa għal żmien indeterminat jew kuntratt li jiġġedded awtomatikament, il-kundizzjonijiet biex ittemm il-kuntratt;

(p)      fejn applikabbli, iż-żmien minimu tal-obbligi tal-konsumatur skont il-kuntratt;

[...]”

9        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva intitolat “Rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod”, fil-paragrafu 2 tiegħu jistabbilixxi:

“Jekk kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż b'mezzi elettroniċi jimponi lill-konsumatur l-obbligu li jħallas, il-kummerċjant jgħarrfu b’mod ċar u evidenti bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) punti (a), (e), (o) u (p), immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni.

Il-kummerċjant għandu jiggarantixxi li, meta ssir l-ordni, il-konsumatur jirrikonoxxi espliċitament li l-ordni timplika l-obbligu ta’ pagament. Jekk biex issir l-ordni jfisser li tiġi azzjonata buttuna jew funzjoni simili, il-buttuna jew il-funzjoni simili għandhom juru b’mod faċilment leġġibili l-kliem “ordni b’obbligu ta’ pagament” biss jew formulazzjoni korrispondenti inekwivokabbli li tindika li l-fatt li saret l-ordni jimplika obbligu li jsir pagament lill-kummerċjant. Jekk il-kummerċjant ma osservax dan is-subparagrafu, il-konsumatur ma għandux ikun marbut bil-kuntratt jew bl-ordni.”

 Id-dritt Ġermaniż

10      L-Artikolu 312j tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprevedi fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“(3)      Fir-rigward tal-kuntratti [mal-konsumatur permezz ta’ mezzi elettroniċi li jirrigwardaw servizz bi pagament ipprovdut mill-kummerċjant], il-kummerċjant għandu jfassal l-istatus tal-ordni b’tali mod li l-konsumatur, meta jgħaddi l-ordni, jifhem espliċitament li huwa jkun qiegħed jissuġġetta ruħu għal obbligu ta’ pagament. Meta l-ordni tgħaddi meta wieħed jagħfas buttuna, l-obbligu tal-kummerċjant indikat fl-ewwel sentenza huwa ssodisfatt biss meta l-buttuna jkollha biss l-indikazzjoni li tinqara faċilment ‘ordni b’obbligu ta’ pagament’ jew formulazzjoni ċara korrispendenti.

(4)      Il-kuntratti [mal-konsumatur permezz ta’ mezzi elettroniċi li jirrigwardaw servizz bi ħlas ipprovdut mill-kummerċjant] huma konklużi biss jekk il-kummerċjant jissodisfa l-obbligu impost fuqu skont il-paragrafu 3.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Sidien il-kera u l-kerrej inkwistjoni ikkonkludew kuntratt ta’ kiri għal akkomodazzjoni li, skont id-dritt nazzjonali, huwa suġġett għal limitu massimu tal-kirjiet b’mod li, f’każ li jinqabeż l-imsemmi limitu, il-kerrej għandu dritt għar-rimbors tal-pagament żejjed tal-kirjiet.

12      Conny, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, irreġistrata fil-qasam tas-servizzi ta’ rkupru ta’ dejn, tipproponi lill-kerrejja ta’ appartamenti, permezz tas-sit internet tagħha, li jikkonkludu kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju li permezz tiegħu hija tista’ taġixxi bħala ċessjonarja tad-drittijiet kollha ta’ dawn il-kerrejja fir-rigward ta’ sidien il-kera tagħhom fil-każ li jinqabeż il-limitu massimu tal-ammont tal-kirjiet.

13      Sabiex jikkonkludu tali kuntratt fuq is-sit internet ta’ din il-kumpannija, il-kerrejja għandhom japprovaw il-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, li fihom isir riferiment għan-natura oneruża tal-kuntratt, imbagħad jikklikkjaw fuq buttuna sabiex jordnaw. Il-kerrejja kellhom iħallsu, bħala korrispettiv, remunerazzjoni ta’ terz mill-kera annwali ffrankata jekk it-tentattivi ta’ Conny intiżi sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom kienu ta’ suċċess u, peress li ntbagħtet intimazzjoni lil sid il-kera, remunerazzjoni li tammonta għal dik dovuta lil avukat skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-avukati.

14      F’dan il-każ, peress li l-kera fix-xahar kienet ogħla mil-limitu massimu awtorizzat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-kerrej inkwistjoni ikkonkluda ma’ Conny tali kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju intiż sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ sidien il-kera. Sabiex jagħmel dan, dan il-kerrej irreġistra ruħu fuq is-sit internet ta’ Conny, immarka kaxxa sabiex jaċċetta l-kundizzjonijiet ġenerali u kkonferma l-ordni tiegħu billi kklikkja fuq il-buttuna korrispondenti. Sussegwentement, l-imsemmi kerrej iffirma formola pprovduta minn Conny, intitolata “Konferma, prokura u trasferiment, awtorizzazzjoni”, li ma kien fiha ebda informazzjoni dwar xi obbligu ta’ ħlas impost fuq il-kerrej.

15      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Jannar 2020, Conny sostniet lis-sidien il-kera d-drittijiet tal-kerrej inkwistjoni li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ammont tal-kera, billi sostniet għal dan l-għan li l-ammont tal-kera stipulat fil-kuntratt konkluż bejn dan il-kerrej u s-sidien il-kera kien jaqbeż il-limitu stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni.

16      Peress li din l-ittra baqgħet mingħajr effett, Conny ressqet azzjoni kontra sidien il-kera quddiem l-Amtsgericht Berlin-Mitte (il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru ta’ Berlin, il-Ġermanja), abbażi tad-drittijiet ittrasferiti.

17      L-Amtsgericht Berlin-Mitte (il-Qorti Distrettwali ta’ taċ-Ċentru ta’ Berlin) laqgħet dan ir-rikors għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-kera mitluba kienet teċċedi l-kera li s-sidien tal-kera kienu awtorizzati jitolbu, u dan fil-proporzjon invokat minn Conny.

18      Sidien il-kera appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Huma sostnew, b’mod partikolari, li Conny ma setgħetx tinvoka d-drittijiet tal-kerrej inkwistjoni peress li l-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju li wassal għat-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet kien null, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 312j(3) tal-BGB li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83.

19      Il-Qorti tar-rinviju tesponi, qabelxejn, li s-suċċess ta’ dan l-appell jiddependi esklużivament mill-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk ir-rekwiżit, previst f’dan l-Artikolu 8(2) moqri flimkien mal-Artikolu 312j(3) u (4) tal-BGB, li jipprovdi li l-buttuna tal-ordni għandha tinkludi indikazzjoni espliċita fuq l-obbligu ta’ pagament marbut mal-ordni jew formulazzjoni analoga, huwiex intiż li japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

20      Din il-qorti ssostni li, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ ħlas għall-kerrej inkwistjoni ma jitnissilx mis-sempliċi ordni magħmula minnu fuq is-sit internet ta’ Conny, iżda jeħtieġ li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet ulterjuri, bħas-suċċess tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-kerrej jew it-trażmissjoni ta’ intimazzjoni lil sid il-kera.

21      Konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt mill-bogħod konkluż elettronikament jimplikax ukoll “obbligu ta’ pagament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta korrispettiv bi ħlas ikun dovut biss taħt ċerti kundizzjonijiet sussegwenti, pereżempju, fil-każ biss ta’ suċċess eventwali jew ta’ intimazzjoni ulterjuri ta’ terz.

22      Il-Qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, ma hijiex interpretata b’mod uniformi fil-ġurisprudenza nazzjonali.

23      Minn naħa, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li l-għan ta’ protezzjoni mfittex fl-Artikolu 312j(3) u (4) tal-BGB ma huwiex “eċċezzjonalment affettwat”, peress li l-konsumatur jitlob l-irkupru ta’ kreditu eventwalment eżistenti u li remunerazzjoni hija dovuta lill-kummerċjant biss taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri biss f’każ ta’ suċċess.

24      Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali ta’ grad inferjuri kif ukoll id-duttrina nazzjonali jidher li jattribwixxu kamp ta’ applikazzjoni kunsiderevolment iktar wiesa’ lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 kif ukoll lill-Artikolu 312j(3) u (4) tal-BGB. Huma jqisu, fil-fatt, li huma wkoll imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet l-atti legali li fihom in-natura oneruża tirriżulta biss indirettament mill-konklużjoni tal-kuntratt jew hija marbuta mat-twettiq ta’ kundizzjonijiet oħra jew ma’ atti tal-konsumatur.

25      Il-qorti tar-rinviju xxaqleb lejn din l-aħħar interpretazzjoni. Jimmilitaw fis-sens tiegħu, fl-ewwel lok, il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, li minnu jirriżulta li l-obbligu li tintuża buttuna teżisti meta l-ordni “timplika” għall-konsumatur obbligu li jħallas. Issa, il-konklużjoni ta’ kuntratt stabbilit elettronikament diġà jimplika fih innifsu obbligu ta’ pagament meta dan tal-aħħar ma jseħħx b’mod obbligatorju, iżda jkun biss possibbli jew mhux totalment eskluż.

26      Fit-tieni lok, is-sens u l-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 jimmilitaw favur interpretazzjoni wiesgħa, fis-sens li dawn jindirizzaw ukoll il-kuntratti li fihom il-korrispettiv bi ħlas ikun dovut mill-kerrej biss taħt kundizzjonijiet partikolari oħra, f’dan il-każ biss fil-każ ta’ suċċess tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-kerrej jew tal-intimazzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-premessi 4, 5 u 7 tagħha, jirriżulta li l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi tiggarantixxi l-informazzjoni u s-sigurtà tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti.

27      Madankollu, ma jkunx kompatibbli ma’ tali għan li l-protezzjoni tad-Direttiva 2011/83 tibbenefika biss lill-konsumaturi li l-obbligu sussegwenti tagħhom ta’ pagament diġà jeżisti fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li l-konsumaturi li l-obbligu ta’ ħlas tagħhom ikun għadu ma huwiex definittiv fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt jiġu mċaħħda minn din il-protezzjoni, iżda jiddependi fuq is-seħħ ulterjuri ta’ kundizzjonijiet oħra, li fuqhom huma ma jistgħu jeżerċitaw ebda influwenza.

28      Interpretazzjoni kuntrarja għal dik esposta fil-punti 24 sa 27 ta’ din is-sentenza twassal għal tnaqqis kunsiderevoli tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jew saħansitra ċċaħħad, parzjalment jew totalment, id-Direttiva 2011/83 mis-sustanza tagħha f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li fil-futur il-kummerċjanti jinkludu, fil-kundizzjonijiet ġenerali tagħhom, klawżoli li jagħmlu l-obbligu tal-pagament tal-konsumatur dipendenti fuq l-okkorrenza ta’ kundizzjonijiet oħra sabiex jevitaw l-obbligi imposti fuq il-kummerċjanti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83.

29      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-obbligu ta’ informazzjoni għall-każ biss ta’ obbligu ta’ pagament inkundizzjonat, huwa kien jagħmel dan b’mod espliċitu, billi jinvoka fil-premessi jew fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 stess li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur iggarantit minn din id-direttiva ma jestendix għal kuntratti li fihom, fid-data tal-konklużjoni ta’ dawn tal-aħħar, l-obbligu ta’ pagament tal-konsumatur ikun għadu ma ġiex stabbilit. Issa, dan bl-ebda mod ma jissemma’ fl-imsemmija direttiva.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [2011/83], li dispożizzjoni nazzjonali (f’dan il-każ, it-tieni sentenza tal-Artikolu 312j(3) u l-Artikolu 312j(4) tal-[BGB], fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑13 ta’ Ġunju 2014 sas‑27 ta’ Mejju 2022) tiġi interpretata fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bħal dak tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [2011/83], ikopri wkoll każ li fih il-konsumatur ma huwiex obbligat b’mod inkundizzjonat li jħallas lil kummerċjant fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt b’mezz elettroniku, iżda biss taħt ċerti kundizzjonijiet ulterjuri – pereżempju, esklużivament fil-każ li tintlaqa’ azzjoni legali li l-kummerċjant ingħata struzzjonijiet sabiex jibda, jew fil-każ li notifika formali tingħata sussegwentement lil terz?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

31      Conny tikkontesta r-rilevanza tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju billi tipprekludi, b’mod partikolari, li terz, bħas-sidien il-kera fil-kawża prinċipali, ikun jista’ jinvoka eventwali difett li jivvizzja r-relazzjoni ġuridika bejn konsumatur (ċedent) u kummerċjant (ċessjonarju). Fil-fatt, skont Conny, dan iwassal sabiex terz ikun jista’ jinnewtralizza kuntratt li l-kerrej ikkonkluda ma’ kummerċjant preċiżament sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu bħala konsumatur kontra dan it-terz.

32      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni Ewropea mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 312j(3) u (4) tal-BGB, li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 billi jipprevedi, essenzjalment, li kuntratt ta’ konsum konkluż elettronikament li jirrigwarda servizz bi ħlas ipprovdut mill-kummerċjant jista’ jitqies li huwa ffurmat biss jekk il-kummerċjant josserva l-obbligu ta’ informazzjoni intiż li, meta l-konsumatur jgħaddi l-ordni tiegħu, huwa jirrikonoxxi espliċitament li huwa jissuġġetta ruħu għal obbligu ta’ pagament. Issa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 jistabbilixxi biss li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-kummerċjant, tal-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni, il-konsumatur ma huwiex marbut bil-kuntratt jew bl-ordni.

35      Madankollu, mir-risposta mogħtija mill-qorti tar-rinviju għal talba għal informazzjoni li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lil terz jikkontesta l-validità ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju konkluż bejn konsumatur u kummerċjant meta, abbażi ta’ dan il-kuntratt, il-kummerċjant ikun ressaq, f’isem ta’ dan il-konsumatur, azzjoni ġudizzjarja kontra dan it-terz. Tali possibbiltà tista’ tiġi eżerċitata anki meta r-regola ta’ dritt invokata insostenn ta’ din l-azzjoni tkun intiża esklużivament sabiex tipproteġi lill-imsemmi konsumatur, peress li, ladarba jiġi kkonstatat il-ksur ta’ din ir-regola, l-istess konsumatur iżomm il-possibbiltà li jikkonferma l-kuntratt jew li jikkonkludi kuntratt ġdid mal-kummerċjant.

36      Issa, fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma jistax jitqies li mill-elementi tal-proċess jirriżulta b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 ma għandha ebda rabta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

37      Peress li, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li saritilha, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

38      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ siti internet, l-obbligu impost fuq il-kummerċjant li jiżgura li l-konsumatur, meta jagħmel l-ordni tiegħu, jaċċetta espliċitament obbligu li jħallas, japplika wkoll meta l-konsumatur ikun obbligat iħallas lil dan il-kummerċjant il-korrispettiv bi ħlas biss wara li tiġi ssodisfatta kundizzjoni ulterjuri.

39      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-kuntratti mill-bogħod huma ddefiniti, bis-saħħa tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, bħala “kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess”. Minn dan jirriżulta li kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, intiż li jinvoka d-drittijiet ta’ kerrej fir-rigward ta’ sid il-kera, konkluż mal-kummerċjant fuq is-sit internet ta’ dan tal-aħħar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod” u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tagħha.

40      Sa fejn, konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/83, din twettaq armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li hija tistabbilixxi, il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva tiddetermina, fil-limiti tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, dak tad-dritt tal-konsumaturi previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Sofatutor, C‑565/22, EU:C:2023:735, punt 38).

41      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 32).

42      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tagħha, li, jekk kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż elettronikament jobbliga lill-konsumatur iħallas, il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur b’mod ċar u apparenti, direttament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni tiegħu, b’diversi informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u li tirrigwarda, essenzjalment, il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġett jew tas-servizz, il-prezz totali, it-tul tal-kuntratt kif ukoll, jekk ikun il-każ, it-tul minimu tal-obbligi imposti fuq il-konsumatur.

43      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-kummerċjant għandu jiżgura li l-konsumatur, meta jgħaddi l-ordni, jirrikonoxxi espliċitament li dan jimplika obbligu ta’ pagament. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li, fil-każ fejn l-attivazzjoni ta’ buttuna jew ta’ funzjoni simili hija neċessarja sabiex wieħed jgħaddi l-ordni, il-buttuna jew il-funzjoni simili għandha tindika biss il-formulazzjoni li tinqara faċilment “ordni b’obbligu ta’ pagament” jew formulazzjoni ċara korrispondenti, li tindika li meta l-konsumatur jgħaddi l-ordni huwa għandu l-obbligu li jħallas lill-kummerċjant, u fl-assenza ta’ din l-indikazzjoni l-imsemmi konsumatur ma huwiex marbut mill-kuntratt jew bl-ordni.

44      Meta kuntratt mill-bogħod huwa konkluż elettronikament permezz ta’ proċess ta’ ordni u jinvolvi obbligu ta’ pagament għall-konsumatur, jirriżulta li l-kummerċjant għandu, minn naħa, jipprovdi lil dan il-konsumatur, direttament qabel ma jgħaddi l-ordni, l-informazzjoni essenzjali dwar il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, jinforma b’mod espliċitu lill-imsemmi konsumatur li, meta huwa jgħaddi l-ordni, dan tal-aħħar huwa marbut b’obbligu ta’ pagament (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann-2, C‑249/21, EU:C:2022:269, punt 25).

45      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar obbligu, mill-formulazzjoni ċara tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li l-buttuna tal-ordni jew il-funzjoni simili għandu jkollha formulazzjoni li tinqara faċilment u inekwivoka li tindika li l-fatt li ssir l-ordni jobbliga lill-konsumatur iħallas lill-kummerċjant u li tkun biss il-formulazzjoni indikata fuq din il-buttuna jew din il-funzjoni simili li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kummerċjant issodisfax l-obbligu tiegħu li jiżgura li l-konsumatur, meta jgħaddi l-ordni tiegħu, jirrikonoxxi espliċitament li dan jimplika obbligu ta’ pagament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann-2, C‑249/21, EU:C:2022:269, punti 26 u 28).

46      Issa, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 li timponi fuq il-kummerċjant, meta jikkonkludi kuntratt mill-bogħod b’mezz elettroniku permezz ta’ proċess ta’ ordni li jkun akkumpanjat minn obbligu ta’ pagament għall-konsumatur, li jinforma espliċitament lil dan tal-aħħar b’dan l-obbligu qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni tiegħu ma tipprevedi ebda distinzjoni bejn l-obbligi ta’ pagament li jinkludu kundizzjonijiet u dawk li huma inkundizzjonati.

47      Għall-kuntrarju, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni japplika peress li, sempliċement, l-ordni magħmul “jimplika” obbligu ta’ pagament. Konsegwentement, minn dan jista’ jiġi dedott li l-obbligu, għall-kummerċjant, li jinforma lill-konsumatur iseħħ fil-mument meta dan tal-aħħar jaċċetta, b’mod irriversibbli, li jkun marbut b’obbligu li jħallas f’każ ta’ twettiq ta’ kundizzjoni esterna għar-rieda tiegħu, anki jekk din il-kundizzjoni tkun għadha ma seħħitx.

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk ippreċiżat li l-finalizzazzjoni ta’ proċess ta’ ordni li jwassal għal obbligu ta’ pagament għall-konsumatur hija stadju fundamentali, sa fejn din timplika li l-konsumatur jaċċetta li jintrabat mhux biss bil-kuntratt mill-bogħod, iżda wkoll mill-obbligu ta’ pagament (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann-2, C‑249/21, EU:C:2022:269, punt 30). Fil-fatt, hija preċiżament l-attivazzjoni ta’ buttuna jew ta’ funzjoni simili sabiex jiġi ffinalizzat l-ordni li timplika dikjarazzjoni tal-konsumatur fis-sens li huwa jaċċetta, b’mod irriversibbli, li jkun marbut b’obbligu ta’ pagament.

49      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest u tal-għanijiet li fih jaqa’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minn mekkaniżmu bbażat fuq numru ta’ dispożizzjonijiet intiżi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7 tagħha, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiġi ggarantita l-informazzjoni u s-sigurtà tagħhom fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti, filwaqt li jiġi żgurat ukoll bilanċ ġust bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ April 2022, Fuhrmann-2, C‑249/21, EU:C:2022:269, punt 21, u tal‑5 ta’ Mejju 2022, Victorinox, C‑179/21, EU:C:2022:353, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      B’mod partikolari, il-premessa 39 tad-Direttiva 2011/83 tenfasizza l-importanza, għal dan l-għan, li jiġi żgurat li, fil-każ ta’ kuntratti konklużi mill-bogħod permezz ta’ siti internet, il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jiddetermina l-mument li fih jidħol fl-obbligu li jħallas lill-kummerċjant u li jiġbed b’mod speċjali l-attenzjoni tal-konsumatur, permezz ta’ formulazzjoni inekwivoka, għall-fatt li meta jsir l-ordni jwassal għall-obbligu ta’ pagament lill-kummerċjant.

51      Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tapplikax meta l-konsumatur ma jkollux, b’mod inkundizzjonat, obbligu li jħallas lill-kummerċjant, iżda jkun obbligat iħallas lil dan il-kummerċjant il-korrispettiv bi ħlas biss wara t-twettiq ta’ kundizzjoni sussegwenti, tidher li tmur kontra l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, kif stabbiliti fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, li tinġibed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-fatt li jekk isir ordni dan iwassal għall-obbligu li l-imsemmi kummerċjant jitħallas.

52      Fil-fatt, tali interpretazzjoni tidher li twassal sabiex il-kummerċjant ma jkunx obbligat jissodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni tiegħu, stabbilit f’din id-dispożizzjoni sabiex jinforma lill-konsumatur dwar il-konsegwenzi pekunjarji tal-ordni tiegħu, fil-mument meta dan il-konsumatur ikun għadu jista’ jirrinunzja għal dan l-ordni, iżda biss wara, meta l-pagament isir eżiġibbli.

53      Konsegwentement, kif din ġiet enfasizzata essenzjalment mill-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni toffri lill-kummerċjanti l-possibbiltà li jevitaw l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 fil-mument li preċiżament din tista’ tirriżulta utli għall-konsumatur, sempliċement billi jinkludu fil-kundizzjonijiet ġenerali tagħhom klawżoli li jagħmlu l-obbligu ta’ pagament tal-konsumatur dipendenti fuq kundizzjonijiet oġġettivi u li ma jiddependux mill-espressjoni tar-rieda tal-konsumatur.

54      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 sempliċement jipprevedi, f’każ bħal dan, li l-konsumatur ma huwiex marbut bil-kuntratt ikkonċernat. Konformement mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/83 din tal-aħħar ma għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tal-kuntratti previsti fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari r-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti ġenerali tad-dritt tal-kuntratti ma humiex irregolati minn din id-direttiva stess.

55      Konsegwentement, l-interpretazzjoni adottata fil-punti 49 sa 53 ta’ din is-sentenza tkun bla ħsara għall-possibbiltà li, wara li jkun kiseb informazzjoni ulterjuri dwar l-obbligu ta’ pagament, il-konsumatur jista’ jiddeċiedi li jżomm l-effetti ta’ kuntratt jew ta’ ordni li, sa dak iż-żmien, ma kienx jorbtu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, mill-kummerċjant, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, tal-obbligu tiegħu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ siti internet, l-obbligu impost fuq il-kummerċjant li jiżgura li l-konsumatur, meta jagħmel l-ordni tiegħu, jaċċetta espliċitament obbligu li jħallas, japplika anki meta l-konsumatur huwa obbligat iħallas lil dan il-kummerċjant il-korrispettiv bi ħlas biss wara li tiġi ssodisfatta kundizzjoni sussegwenti.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod konklużi permezz ta’ siti internet, l-obbligu impost fuq il-kummerċjant li jiżgura li l-konsumatur, meta jagħmel l-ordni tiegħu, jaċċetta espliċitament obbligu li jħallas, japplika l-istess meta l-konsumatur huwa obbligat iħallas lil dan il-kummerċjant il-korrispettiv bi ħlas biss wara li tiġi ssodisfatta kundizzjoni sussegwenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.