Language of document : ECLI:EU:T:2007:268





Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Settembru 2007 – Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-36/05)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-prodotti tal-ħjata (labar) – Tqassim tas-suq ta’ prodotti – Tqassim tas-suq ġeografiku – Evalwazzjoni tal-provi – Parteċipazzjoni fil-laqgħat – Ftehim bejn tliet partijiet – Multa – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”

1.                     Kompetizzjoni - Proċedura amministrattiva - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv - Rispett tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ l-innoċenza - Grad ta’ forza probatorja meħtieġ mill-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (Artikolu 81(1) KE) (ara l-punti 68, 70-72, 74)

2.                     Kompetizzjoni - Akkordji - Parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa bejn il-partijiet ta’ akkordju ppjanat - Ċirkustanza li tippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju sussegwenti - Kundizzjoni (Artikolu 81(1) KE) (ara l-punti 90-91, 96)

3.                     Kompetizzjoni - Akkordji - Impriża li ffaċilitat id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim antikompetittiv suġġett għal azzjoni min-naħa tagħha - Ċirkustanza li tippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim - Natura insuffiċjenti tas-sempliċi fatt li ġiet informata bl-eżistenza tal-ftehim (Artikolu 81(1) KE) (ara l-punti 105, 110, 117, 119-120, 168)

4.                     Kompetizzjoni - Multi - Ammont - Determinazzjoni - Kriterji ddefiniti mil-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni - Gravità u tul tal-ksur - Ċirkustanzi attenwanti - Rwol passiv jew emulattiv ta’ l-impriża (Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03) (ara l-punti 199-200, 204-207, 210, 212)

Suġġett

Prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4221 finali, tas-26 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 [KE] (Kawża COMP/F-1/38.338 – PO/Needles) u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4221 finali, tas-26 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 [KE] (Kawża COMP/F-1/38.338 – PO/Needles) hija annullata safejn tikkonstata li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 81(1) KE wara t-13 ta’ Marzu 1997.

2)     L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni huwa stabbilit għal EUR 20 miljun.

3)     Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)     Ir-rikorrenti għandhom ibatu żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tagħhom u żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, li għandha tbati terz ta’ l-ispejjeż tagħha u terz ta’ dawk tar-rikorrenti.