Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 2013 - Philips vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-92/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Koninklijke Philips Electronics NV (Eindhoven, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: J. de Pree u S. Molin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każ COMP/39437 - Tubi katodici għal televisions u screens tal-computers, sa fejn tirrigwarda lil Koninklijke Philips Electronics NV;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multi imposti fuq Koninklijke Philips Electronics NV fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv jallega ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali peress li l-Kummissjoni kkonstatat ksur min-naħa tal-Grupp Philips u attribwiet ir-responsabbiltà għal dan il-ksur lir-rikorrenti.

It-tieni motiv jallega ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 27(1) tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 2, ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal smigħ u l-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba peress li l-Kummissjoni ma attribwixxietx ir-responsabbiltà lil LG Philips Display ("LPD") għall-allegat ksur tagħha stess.

It-tielet motiv jallega ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, żball manifest ta' evalwazzjoni, ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004  u ksur ta' drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u d-dritt għal smigħ, peress li l-Kummissjoni applikat standards differenti għal impriżi suġġetti għall-istess proċedura u attribwixxiet ir-responsabbiltà għall-ksur allegat u peress li l-Kummissjoni applikat standards differenti fl-iffissar tal-multi għall-impriżi suġġetti għall-istess proċedura.

Ir-raba' motiv jallega ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u tal-Linji Gwida dwar il-metodu għall-kalkolu tal-multi  u ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali peress li l-Kummissjoni inkludiet bejgħ barra miż-ŻEE fid-dħul mill-bejgħ relevanti għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi.

Il-ħames motiv jallega ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Linji Gwida dwar il-metodu għall-kalkolu tal-multi, peress li l-Kummissjoni ma kkalkulatx id-dħul totali relevanti fuq il-bażi tal-aħħar sena finanzjarja sħiħa relatata mal-ksur allegat.

Is-sitt motiv jallega ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 peress li ma ġiex applikat il-limitu ta' 10% tad-dħul mill-bejgħ fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta' LPD Group's għal multi imposti għall-ksur allegat ta' LPD Group.

Is-seba' motiv jallega ksur tal-prinċipju ta' żmien raġonevoli, l-Artikoli 41 u 47 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Drittijiet tal-Bniedem.

It-tmien motiv jallega ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità; talba sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni illimitata tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 sabiex tnaqqas il-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

3 - Linji gwida dwar il-metodu għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).